|
5.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 300/19 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2012/C 300/14
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“GARBANZO DE ESCACENA”
Nru tal-KE: ES-PGI-0005-0945-01.02.2012
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Garbanzo de Escacena”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
Spanja.
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta' prodott:
|
Klassi 1.6: |
Frott, ħxejjex u ċereali friski jew ipproċessati |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:
Il-prodott kopert mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Garbanzo de Escacena” huwa l-frotta tal-ispeċi ta’ ħxejjex Cicer arietinum L., tal-ekotip lokali Campo de Tejada, u tal-varjetajiet li huma rreġistrati jew li jistgħu jiġu rreġistrati bħala t-tip kummerċjali Lechoso.
Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-protezzjoni ser tkopri biss iċ-ċiċri kklassifikati fil-kategorija “Extra”, li ser jitqiegħdu fis-suq ippakkjati bħala legumi xotti.
Iċ-ċiċri fil-kategorija “Extra” huma ta’ kwalità għolja, u ż-żerriegħa tagħhom għandha għamla, dehra, żvilupp u lewn tipiċi ta' dan it-tip kummerċjali. Dawn iċ-ċiċri ma għandhomx difetti, ħlief għal bidliet superfiċjali żgħar ħafna, kemm-il darba dawn ma jikkompromettux id-dehra u l-kwalità jew il-preżentazzjoni ġenerali tagħhom fl-ippakkjar.
Karatteristiċi fiżiċi u morfoloġiċi:
|
(a) |
Il-lewn taċ-ċiċri huwa isfar fl-abjad u pallidu ħafna. |
|
(b) |
Iż-żerriegħa hija twila u ċatta mal-ġnub fl-għamla, b'irregolaritajiet fil-wiċċ bħal xquq u nefħiet. |
|
(c) |
Mhux aktar minn 2 % taċ-ċiċri li ma jaqblux mal-karatteristiċi stabbiliti f’(a) u (b) hawn fuq jistgħu jiġu aċċettati, kemm-il darba dawn ma jikkompromettux id-dehra ġenerali. |
|
(d) |
Id-daqs minimu huwa ta’ 8 mm, u ma jistax ikun hemm aktar minn 4 % taċ-ċiċri li jkollhom dijametru iżgħar. |
|
(e) |
Il-piż ta’ 1 000 ċiċra għandu jkun minimu ta’ 490 g. |
Karatteristiċi organolettiċi:
|
(a) |
Albumina kremuża u ma titfarrakx. |
|
(b) |
Ħliefa ratba u fina li teħel maż-żerriegħa. |
|
(c) |
Palat eċċellenti. |
|
(d) |
It-togħma hija dejjem pjaċevoli u mingħajr togħmiet strambi. |
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
Mhux applikabbli.
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
Mhux applikabbli.
3.5. Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:
Fid-dawl tar-relazzjoni diretta bejn il-kwalità tal-prodott finali u l-ekotip użat, il-klima u l-ħamrija taż-żona tal-produzzjoni, l-uniku stadju speċifiku fil-produzzjoni li għandu jitwettaq fiż-żona ġeografika huwa t-tkabbir taċ-ċiċri fl-għelieqi.
3.6. Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:
L-industriji li jippakkjaw il-prodott protett għandhom iwettqu l-passi li jidhru hawn taħt, fl-ordni li ġejja:
|
— |
Il-kwalità taċ-ċiċri tiġi ċċekkjata hekk kif jaslu biex ikun assigurat li kull lott ikun ta’ kwalità uniformi. |
|
— |
Iċ-ċiċri jitnaddfu u jitneħħew l-impuritajiet permezz ta’ tgħarbil magħluq bi fluss tal-arja. |
|
— |
Matul l-ewwel 30 jum wara l-ħsad, iċ-ċiċri jiġu ttrattati kontra l-ħanfus tal-fażola mnixxfa, sakemm dan ma jkunx diġà sar fl-imħażen. |
|
— |
Tgħarbil u kejl tad-daqs bl-użu ta’ passatur bit-toqob tondi. |
|
— |
Titneħħa ż-żerriegħa li jkollha xi difett, bl-użu ta’ tabella densimetrika. |
|
— |
Iċ-ċiċri jiġu ppakkjati f’reċipjenti ta’ mhux aktar minn 5 kg. |
|
— |
Issir verifika finali tal-kwalità tal-imballaġġ u l-prodott. |
|
— |
Jitwaħħlu t-tikketti li jinħarġu mill-Bord Regolatorju. |
Iċ-ċiċri mnixxfa jitqiegħdu fis-suq għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn u nofs mill-ħsad tagħhom.
Iċ-ċiċri bl-indikazzjoni ġeografika protetta ma jistgħux jitqiegħdu għall-bejgħ bl-ingrossa.
3.7. Regoli speċifiċi li jikkonċernaw it-tikkettar:
Huwa obbligatorju li fuq il-marki kummerċjali individwali ta’ kull impriża tidher l-indikazzjoni ġeografika protetta “Garbanzo de Escacena”, flimkien mal-logo tal-IĠP hawn taħt:
Fuq l-imballaġġ għandu jidher is-siġill tal-garanzija bin-numru, maħruġ mill-Korp Regolatorju.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Iż-żona tal-produzzjoni tal-prodotti koperti mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Garbanzo de Escacena” tikkonsisti mill-muniċipalitajiet ta’ Escacena del Campo, Paterna del Campo, Manzanilla, Villalba del Alcor, La Palma del Condado u Villarrasa (kollha jinsabu fil-provinċja ta’ Huelva), u Castilleja del Campo, Aznalcóllar, Sanlúcar la Mayor, Albaida del Aljarafe u Olivares (fil-provinċja ta’ Sevilla).
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Iż-żona tal-produzzjoni tal-prodotti koperti mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Garbanzo de Escacena” tinsab fir-reġjun storiku antik magħruf bħala El Campo de Tejada. Din iż-żona ta' raba’ ċatt tokkupa d-depressjoni tal-wied tax-xmara ta’ Guadalquivir, bil-fruntieri naturali tagħha mħażża mill-muntanji Morena fit-Tramuntanta u l-awtostrada Sevilla-Huelva CN-431 fin-Nofsinhar.
Il-“Garbanzo de Escacena” jitkabbar biss f’żoni b’ħamrija tat-tip Vertisol topomorfiku magħrufa bħala tierras negras“artijiet suwed” jew barros“art bit-tajn” f’Huelva u tierras de bujeo“artijiet imtajna” f’Sevilla.
Dawn huma tipi ta’ ħamrija fondi b’kontenut għoli ta’ tafal (l-aktar il-montmorillonite) li, minħabba l-artijiet relattivament watja, ma jissaffewx tajjeb mill-ilma, iżommu livelli għolja ta’ umdità, u huma rikki ħafna fil-bażi, b’livell baxx ta’ nitroġenu u fosfru u livell għoli ta’ potassju.
Fir-rigward tal-klima, fattur speċifiku minnhom, minħabba l-prossimità mal-kosta u l-park nazzjonali ta’ Coto de Doñana, huwa ż-żiffa mil-Lbiċ preżenti matul il-biċċa l-kbira mis-sajf.
Din iż-żiffa tal-baħar, li tonfoħ miż-żerniq sal-għabex, tikkawża żieda ta’ 10 %-15 % fl-umdità relattiva tal-arja.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Il-“Garbanzo de Escacena” huwa speċifiku fih innifsu minħabba li huwa l-frotta tal-ispeċi ta’ ħxejjex Cicer arietinum L. tal-varjetà kummerċjali Lechoso, li adattat ruħha għall-ambjent ġeografiku li fih titkabbar tradizzjonalment, u b'hekk żviluppa l-ekotip lokali protett minn din l-IĠP.
Il-kwalitajiet speċifiċi tal-“Garbanzo de Escacena” huma albumina kremuża u ma titfarrakx u ħliefa ratba u fina li teħel maż-żerriegħa.
Speċifiċità oħra ta’ dawn iċ-ċiċri hija d-daqs minimu tagħhom, ta’ 8 mm.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP):
Ir-rabta bejn iċ-ċiċri u ż-żona ġeografika hija msejsa fuq ir-reputazzjoni, il-qofol tal-kwalità għolja tal-ekotip taż-żona u t-tradizzjoni twila tal-biedja f’din iż-żona. Dan ifisser li l-bdiewa lokali għandhom għarfien perfett tal-aqwa tekniki u dwar kif jagħżlu l-aktar artijiet xierqa.
1.
Il-kwalità taċ-ċiċri ma tistax tinkiseb ’il barra miż-żona minħabba li hija dipendenti mit-tip ta’ ħamrija, il-lok ġeografiku, il-klima u l-ekotip lokali ta’ dawn il-legumi. Il-kombinazzjoni ta’ tipi ta’ ħamrija rikki fil-potassju, il-klima tar-raba’ fil-wied ta’ Guadalquivir, imtaffija wara nofsinhar u filgħaxijiet miż-żiffa tal-baħar fir-rebbiegħa u s-sajf, flimkien mal-kwalità intrinsika mill-aktar importanti tal-ekotip lokali tal-varjetajiet irreġistrati bit-tip kummerċjali Lechoso iwasslu għal prodott li l-karatteristiċi fiżiċi tiegħu huma ddefiniti fit-taqsima 3.2. Il-prodott għandu karatteristiċi organolettiċi eċċezzjonali, bħal albumina fina u kremuża ħafna, u l-fatt li ma jiffurmax nefħiet tal-lamtu wara t-tisjir, għal żewġ raġunijiet:
|
— |
minħabba li l-mikroklima fiż-żona tinsab qrib il-baħar, f’ċerti ljieli jkun hemm umdità għolja; |
|
— |
il-ħamrija rikka fil-potassju li fiha jinżera’ l-prodott. |
2.
Fl-1996, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel ippubblika “Inventario Español de Productos Tradicionales” (Inventarju Spanjol tal-Prodotti Tradizzjonali) bħala parti mill-proġett Euroterroirs, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, u mmirat biex jesponi l-wirt Ewropew tal-ikel u l-agrikoltura. Kif tgħid id-daħla għall-inventarju:
“L-għan ta’ dan l-inventarju huwa li jelenka l-metodi u t-tekniki ta’ produzzjoni speċifiċi li, f’post jew ambjent partikolari, kemm jekk f’żona rurali u kemm jekk f’żona urbana tat-territorju Spanjol, ilaqqgħu flimkien it-tradizzjoni, il-metodi, u t-tekniki tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq …”
Il-paġna 428 ta’ dan l-inventarju tagħmel referenza għall-“Garbanzo de Escacena”, u tiddeskriviha bħala ċiċra li tingħaraf mid-daqs kbir, mil-lewn safrani pallidu, u mix-xquq fondi tagħha.
Fis-70ijiet u t-80ijiet, il-produzzjoni tal-“Garbanzo de Escacena” bdiet sejra lura, fost fatturi oħra minħabba li l-prodott ma kienx qed jiġi rreklamat kif suppost. Iċ-ċiċri kienu jinbiegħu biss bl-ingrossa.
Is-settur iddeċieda li jwettaq “Konċentrazzjoni tal-provvista bl-oriġini, u l-ħolqien ta’ marki ta’ kwalità li huma importanti ħafna għall-ekonomija tal-Andalusija”, kif stabbilit fit-titlu tal-artiklu minn Angel Gómez ippubblikat fid-Diario de Economía de ABC tat-28 ta’ Mejju 1991.
Fl-1981, il-marka kummerċjali “Escacena” ġiet irreġistrata għaċ-ċiċri minn Juan Bautista Bernal Escobar, u fl-10 ta’ Novembru 1984, il-Kooperattiva Campo de Tejada akkwistat din il-marka kummerċjali, u rreklamat iċ-ċiċri taż-żona bil-marka “Campo de Tejada”. Dan il-fatt jista' jikkonfermah l-għadd kbir ta' fatturi ta’ bejgħ taċ-ċiċri ta’ diversi konsumaturi tal-Kooperattiva mill-1985.
Id-Diario ABC de Sevilla (28 ta’ Mejju 1991, p. 66) ippubblika artiklu ta' Angel Gómez li saħaq fuq il-kwalità tal-prodott u r-reputazzjoni li għandu f’kanali ta’ distribuzzjoni “… il-Kooperattiva Campo de Tejada, mexxejja fil-produzzjoni taċ-ċiċri …”
“… Il-produzzjoni dejjem tinbiegħ bi prezzijiet tajba, u mhix preżenti biss fid-distribuzzjoni kummerċjali lokali iżda wkoll fil-katini nazzjonali ewlenin, u niċeċ speċjalizzati ta’ kwalità għolja, bħall-Club Vino Selección, li għalihom iċ-ċiċri taż-żona huma inklużi fi prodotti ta’ kwalità eċċellenti offruti fil-ħwienet tal-ikel lussużi.”
Il-“Garbanzo de Escacena” tissemma wkoll f’pubblikazzjonijiet sussegwenti bħal “Catalogación y caracterización de los productos típicos agroalimentarios de Andalucía”, (Katalgu u Karatterizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura Tipika tal-Andalusija), Fundación Unicaja, 1996 ta’ Ana Cristina Gómez Muñoz, Manuel Santos Murillo u Pedro Caldentey Albert. Fit-taqsima dwar il-legumi (p. 666-667) hemm artiklu ta’ ħames paġni dwar il-“Garbanzo de Escacena”, li janalizza l-kompożizzjoni, iż-żona ġeografika, ir-reġistri storiċi, il-karatteristiċi distintivi, it-tekniki ta’ produzzjoni, l-iżvilupp u n-negozjanti kummerċjali ewlenin.
Il-paġna gastronomika tal-websajt Ruta del Vino de Condado de Huelva tippreżenta l-“Garbanzos de Escacena” lill-viżitaturi u lit-turisti bħala platt tipiku ta’ min iduqu. “L-ispraġ; il-klamar; il-ħall, il-frak tal-ħobż moqli u s-sopop taċ-ċiċri ta’ Escacena huma għażla tajba bħala starter.”
Fit-2 ta’ Frar 2009, il-websajt vinosdeandalucia.com, permezz ta’ artiklu ta' José F. Ferrer, irreklamat avveniment li jippromwovi l-laħam tal-majjal fir-ristorant Alcuza de Sevilla, u li sar mid-9 sal-14 ta' Frar 2009.
“Stuffat tas-sider tal-majjal tal-Iberja b'ċiċri ta’ Escacena, perżut imqatta’ u zalzett imħawwar u ppreżervat tajjeb.”
It-taqsima dwar il-gastronomija tal-websajt playasdehuelva.com tisħaq fuq ir-reputazzjoni tal-“Garbanzos de Escacena”.
“Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dieta Mediterranja, nirreferu għall-ħxejjex, li minnhom iċ-ċiċri għandhom rwol partikolarment importanti (ta' min isemmi l-marka Escacena del Campo), l-ingredjent ewlieni ta’ diversi stuffati tal-Andalusija u ċiċri bl-ispinaċi.”
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq:
http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/Pliego_garbanzo_escacena.pdf
jew inkella fuq il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Kunsill Reġjonali tal-Agrikoltura u s-Sajd (http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal), billi wieħed jidħol kif ġej: “Industrias Agroalimentarias”/”Calidad y Promoción”/“Denominaciones de Calidad”/“Otros Productos”, l-ispeċifikazzjonijiet jinsabu taħt l-isem tad-Denominazzjoni tal-Kwalità.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.