21.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 285/14


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 285/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“EAST KENT GOLDINGS”

KE Nru: UK-PDO-0005-0951-13.02.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“East Kent Goldings”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.8.

prodotti oħra tal-Anness I tat-Trattat (ħwawar eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

“East Kent Goldings” huwa l-isem mogħti lil varjetà unika ta' ħops li tintuża għall-produzzjoni tal-iprem birer. Fuq il-pjanta femminili tal-“Humulus lupulus” – magħrufa wkoll bħala “il-lupu tal-boskijiet” – jiffurmaw dbiebes magħmula minn “petali” ta' tessut artab u li fuq ġewwa għandhom glandoli li jipproduċu l-lupulin, sustanza żejtnija u li twaħħal, li tinkludi żjut essenzjali u rażi.

Rażi

Aċidi alfa

4,0-6,0 % p/p

Koħumulon

25-30 % p/p

Aċidi beta

1,5-3,3 % p/p

Żjut

Żejt totali

0,6-1,0 ml / 100g

Mirċen

20-26 % taż-żejt kollu

Ħumulen

33-45 % taż-żejt kollu

Proporzjon H:C

> 3

Karjofillen

10-15 % taż-żejt kollu

Farneżen

< 1 % taż-żejt kollu

Selinen

< 3 % taż-żejt kollu

Dawn id-dbiebes jintużaw prinċipalment għall-produzzjoni tal-birra. Joffru aroma delikata ta' fjuri b'riħa ta' lumi kemxejn ħelu. Il-forma tad-debbus hija twila u ovali u għandha daqs ta' bejn 1,25 cm u 2,5 cm. Id-debbus għandu kulur aħdar rikk bil-wiċċ ta' ġewwa tal-petali rqaq u pallidi miksi bil-lupulin, trab isfar jgħajjat li jkopri l-bażi taż-żerriegħa. Mal-ħsad il-konsistenza tad-debbus tkun żejtnija u twaħħal, iżda meta jitnixxef biex jiġi ppreżervat, isir petali pallidi li jitfarrku, bi glandoli tal-lupulin sofor ċari. L-aroma hija taħlita ta' noti sottili ta' ċitru, lumi u fjuri. Il-ħops nixfin, meta jiżdiedu mal-birra, iħallu togħma rikka li tixbah lill-ġamm tal-frott taċ-ċitru.

L-elementi prinċipali taż-żejt li hemm fil-lupulin huma kostanti fl-istaġuni u fil-lokalitajiet kollha u, kif ġie deskritt, iservu biex jiddistingwu l-“Goldings” mill-varjetajiet l-oħra kollha. Madankollu, l-iżgħar elementi taż-żjut essenzjali jistgħu jvarjaw skont l-ambjent u l-istaġun, u dawn il-komposti, li l-biċċa l-kbira minnhom għadhom mhux ikkaratterizzati, iservu biex jiddistingwu l-perċezzjoni sensorjali tal-aroma u tat-togħma tad-dbiebes tal-“Goldings” ikkultivati fir-reġjun tal-Lvant ta' Kent mill-istess varjetà li tiġi kkultivata f'żoni ġeografiċi oħra.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Mhux applikabbli.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Mhux applikabbli.

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-“East Kent Goldings” jiġi kkultivat, maqtugħ, imnixxef u ppakkjat f'balal jew f'pakketti fiż-żona identifkata. Il-produzzjoni u l-preparazzjoni tal-“East Kent Goldings” iseħħu fiż-żona ddefinita. Għalkemm il-materjali għaż-żrigħ iċċertifikati mill-ministeru jiġu prodotti 'l bogħod miż-żona ddefinita sabiex ikun hemm iżolament ħalli jiġi evitat il-mard virali, il-materjal oriġinali jiġi mil-Lvant ta' Kent. Dan il-materjal jiġi mill-kollezzjonijiet ta' pjanti li qabel kienu jinżammu mill-Wye College u mill-East Malling Research Station (it-tnejn li huma istituti xjentifiċi ta' ċerta reputazzjoni), u li issa jinżammu minn Wye Hops Ltd f'Canterbury u Faversham. Id-dokumentazzjoni tikkonferma li dan il-materjal oriġina mil-Lvant ta' Kent.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

L-“East Kent Goldings” jeħtieġ li jiġi ppakkjat f'balal jew f'pakketti fiż-żona ddefinita. Waqt l-ippakkjar id-dbiebes tal-ħops imnixxfa jiġu kkumpressati, id-densità tal-massa tiżdied ġmielha u b'hekk jiġi ffaċilitat il-ħżin u t-trasport. Il-proċess tal-ippakkjar jeħtieġ li jseħħ direttament fl-azjenda agrikola fejn dawn jiġu prodotti għal skopijiet ta' identifikazzjoni u ta' traċċabbiltà tal-istess prodott. Barra minn hekk, il-ġarr tal-ħops li ma jkunux ippakkjati jkun diffiċli. Fl-aħħar ta' dawn il-proċessi, il-prodott jitqies “lest”. Il-balal jew il-pakketti li jinkludu l-ħops imnixxfin jiġu ssiġillati u ttikkettati bl-isem tal-kultivatur, il-varjetà, il-paroċċa jew ir-reġjun, is-sena tal-ħsad u n-numru tal-UE qabel jiġu ttrasportati 'l bogħod mill-azjenda agrikola għall-ħżin sakemm jitqassmu għand il-klijenti. Għal kull għalqa, il-kultivatur iżomm rekord tad-data tal-ħsad u tan-numru ta' balal jew pakketti tal-ħops li ġew prodotti f'dik l-għalqa.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Mhux applikabbli

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika ta' produzzjoni hija limitata fil-Punent bit-triq A249 f'Sheerness u tibqa' sejra lejn in-Nofsinhar sal-konnessjoni 7 tal-awtostrada M20, u mil-Lvant matul l-M20 sa Folkestone. Il-konfini tat-Tramuntana u tal-Lvant taż-żona ġeografika jmissu mal-kosta. Iż-żona f'dawn il-konfini tinkludi l-parroċċi ta' Tonge, Borden, Lynsted, Norton, Teynham, Buckland, Stone, Ospringe, Faversham, Boughton-under-Blean, Selling, Chartham, Chilham, Harbledown, Canterbury, Bekesbourne, Bridge u Bishopsbourne.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-“Golding” ġie magħżul mill-varjetà l-antika tal-Canterbury Whitebine mis-Sur Golding f'West Malling, f'Kent, madwar is-sena 1790 (Percival, R.A.S.E Journal 1901). Sa mis-snin bikrin tal-1800 il-ħops “Golding” kienu qed jiġu kkultivati fil-Lvant ta' Kent, fejn il-ħamrija kienet “l-aktar adattata għat-tkabbir tagħhom … ħamrija fonda u rikka fuq substrati kalkarji” (Rutley, R.A.S.E. Journal 1848). Ikkultivat fil-Lvant ta' Kent, kien meqjus superjuri mill-ħops “Golding” ikkultivati qrib Maidstone, tant li kienu jinbiegħu bi prezz ogħla. Sabiex il-prodott minn din iż-żona jingħaraf minn oħrajn, kien jinbiegħ bl-isem ta' prodott ikkultivat fil-Lvant ta' Kent (“The Hops Farmer”, E.J Lance, 1838, Londra) u b'hekk kiseb l-isem “East Kent Goldings”. Matul is-seklu dsatax, fil-Lvant ta' Kent ġew magħżula diversi varjanti lokali, jew kloni, inklużi l-Brambling (1865), ir-Rodmersham jew il-Mercers (1880), il-Cobbs (1881), il-Petham (1885), l-Early Bird (1887) u l-Eastwell (1889). L-analiżi taż-żjut essenzjali tikkonferma li dawn il-varjanti kollha tal-“East Kent Goldings” għandhom kompożizzjoni konsistenti, u bla ebda dubju, huma tal-istess varjetà. Il-morfoloġija tal-pjanta tagħhom taqbel eżatt mad-deskrizzjonijiet tal-ħops “Golding” mogħtija mill-kultivaturi, mill-agronomisti u mix-xjenzati sa mis-snin bikrin tal-1800.

Għalkemm il-ħops huma mkabbra mad-dinja kollha, dejjem jipproduċu l-aħjar karatteristiċi tagħhom fil-lokalitajiet fejn dawn joriġinaw. Din kienet il-konklużjoni ta' serje estensiva ta' testijiet internazzjonali fuq il-varjetajiet ta' ħops li damet mill-1960 sal-1978 (Neve, 1983 J. Inst. Brew, 89 u 98-101). Ir-raġuni ewlenija għal dan titqies li kienet l-influwenza tal-lokalità (peress li l-ġranet għandhom tul speċifiku) fuq il-jum meta jwarrdu l-fjuri u li mbagħad dan jirrifletti fuq ir-riżultat miksub. Jekk jiġu mqabbla r-riżultati tal-“Goldings” ikkultivati fil-Lvant ta' Kent u dak ikkultivat f'żoni oħra matul il-perjodu 2006-2009, jikkonfermaw li l-ewwel wieħed kellu żieda konsistenti ta' mill-inqas 21 % aktar minn dik miksuba f'żoni oħra.

Ir-reputazzjoni tal-kwalità superjuri tal-prodott mill-“Goldings” ikkultivat fil-Lvant ta' Kent ġiet dokumentata diġà fl-1838, u tibqa' rilevanti sal-ġurnata tal-lum: ħafna siti elettroniċi jagħrfu l-kwalità unika pprovduta mill-“East Kent Goldings”. Fil-kompetizzjoni nazzjonali tal-ħops li ssir kull sena mill-Institute of Brewing and Distilling, il-kampjuni li ġejjin mil-Lvant ta' Kent rebħu l-klassi “Goldings” għal dawn l-aħħar 5 snin, anke jekk l-“East Kent Goldings” jokkupa biss 30 % tal-art fejn din il-varjetà tiġi kkultivata fir-Renju Unit. Storikament, il-birrara dejjem għarfu l-kwalitajiet tal-aroma superjuri tal-“East Kent Goldings”, u llum ħafna birrara, b'mod partikolari fl-Istati Uniti, jispeċifikaw li l-“Goldings” li jixtru jridu joriġinaw mil-Lvant ta' Kent.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-“East Kent Goldings” oriġina minn żerriegħa waħda. Il-ħops huma speċi ta' tnissil eteroġeni ħafna, b'organi maskili u femminili. Għalhekk, l-istruttura ta' tnissil tal-ispeċi tal-ħops tixbah ħafna lil dik tal-bniedem: sessi differenti jipproduċu wild fejn kull individwu huwa uniku u differenti mill-oħrajn. Għalkemm jista' jkun hemm xi xebh fil-familja, l-ebda żewġ individwi ma huma ġenetikament l-istess. Bl-istess mod, huwa impossibbli għall-ħops li jdakkru lilhom infushom, għalhekk kull individwu ġdid joriġina mir-rikombinazzjoni tal-ġeni ta' żewġ ġenituri differenti. Kull nebbieta tiżviluppa fi pjanta matura b'karatteristiċi differenti mill-pjanti kollha l-oħra tal-ħops inkluż fejn jidħlu l-morfoloġija u l-kompożizzjoni kimika tal-prodotti sekondarji tagħha. Il-varjetà kummerċjali tiġi prodotta permezz ta' propagazzjoni klonali min-nebbieta oriġinali u unika, permezz tat-tifriq tal-għeruq, tax-xenxil (fergħ twil fuq il-ħamrija li minnu tikber xitla), jew permezz tat-tilqim bil-qoxra. Għalhekk, kull pjanta ta' varjetà ġdida hija ġenetikament identika għan-nebbieta oriġinali peress li ġiet prodotta b'mezzi asesswali. B'riżultat ta' dan, kull pjanta tista' tintuża bħala materjal veġetattiv għal aktar propagazzjoni. Il-pjanta tal-ħops għandha għeruq perenni. Kull varjetà tal-ħops tista' tkun riżultat ta' mutazzjoni naturali, bħall-każ tal-varjetajiet Fuggle u Whitbread Golding, jew iktar komuni, ir-riżultat ta' nissiel tal-pjanti. Wara ż-żerriegħa inizjali miksuba min-nissiel tal-pjanti li tistabbilixxi l-varjetà l-ġdida, il-propagazzjoni tal-pjanti tal-ħops issir billi jinħolqu kloni minn tilqim tal-friegħi li jitħawlu jew inkella minn zkuk ħodor permezz ta' propagazzjoni f'ambjent umdu. Ir-riżoma oriġinali tista' tipproduċi ħops għal ħafna snin jekk tinżamm 'il bogħod mill-mard.

L-“East Kent Goldings” huwa kkaratterizzat minn kontenut għoli ta' koħumulon (bi proporzjon ta' koħumulon meta mqabbel mal-karjofillen dejjem akbar minn 3) iżda kontenut baxx ħafna ta' farneżen u selinen kif deskritt fil-punt 3.2. Peress li kull varjetà tal-ħops toriġina minn nebbieta unika b'kontenut uniku ta' żjut essenzjali, huwa possibbli li ż-żjut tal-“Goldings” jiġu distinti minn varjetajiet oħra tal-ħops li mhumiex relatati bħall-Fuggle (li għandha kontenut ogħla ta' farneżen, madwar 7 %) u ċ-Challenger (li għandha kontenut ogħla ta' selinen ta' madwar 12 %). L-“East Kent Goldings” għandu taħlita taż-żjut essenzjali prinċipali simili għal varjetajiet oħra li huma relatati bir-razza, iżda xorta huwa possibbli li dan jintgħaraf. Pereżempju, id-dixxendent Northern Brewer għandu kontenut ogħla ta' mirċen ta' madwar 36 %, u n-Northdown (dixxendent tan-Northern Brewer) għandu kontenut ogħla ta' farneżen ta' madwar 1.3 %. Hemm differenzi konsistenti bejn id-diversi varjetajiet anki fil-qċaċet minuri tas-selinen.

L-“East Kent Goldings” huwa suxxettibbli għall-vajrus możajk tal-ħops, li huwa letali għall-pjanti. Dan il-vajrus, kif deskritt minn Neve (1991), jinxtered mill-afidi u s-sintomi tiegħu huma li l-weraq ikun imtebba' u mibrum, filwaqt li l-pjanti jieqfu jikbru u l-internodi jkunu ħafna iqsar min-normal. Il-pjanti infettati tal-“East Kent Goldings” jistgħu jgħixu bis-sintomi għal xi ftit staġuni, iżda fl-aħħar mill-aħħar imutu. Fid-dinja jeżistu diversi varjetajiet sperimentali li huma suxxettibbli għal din il-marda letali, iżda l-“East Kent Goldings” hija l-unika varjetà kummerċjali li hija kkaratterizzata daqshekk b'din is-suxxettibbiltà. Il-propagazzjoni tar-riżomi tal-“East Kent Goldings” trid issir f'iżolament mill-varjetajiet l-oħra kollha li jistgħu jġorru l-vajrus mingħajr ma juru l-ebda sintomu.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

L-aroma u t-togħma li l-ħops “Golding” jagħtu lill-birra huma mfittxija minn ħafna birrara, iżda l-kontribut li jagħti l-“Goldings” ikkultivat fir-reġjun tal-Lvant ta' Kent fl-Ingilterra, l-“East Kent Goldings”, huwa mfittex bil-wisq aktar. Il-kumbinazzjoni speċifika ta' ħamrija, pożizzjoni, tul tal-ġurnata, inżul ta' xita, u temperaturi fir-reġjun jimmodifikaw it-tkabbir u l-maturità tal-varjetà u b'hekk jinfluwenzaw il-produzzjoni ta' dbiebes tal-ħops bi kwalità sensorjali distinta.

Id-depożiti alluvjali profondi ta' art taflija li jinsabu fl-għoljiet tan-North Downs jikkontribwixxu għan-natura unika tal-“East Kent Goldings”. Il-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-umdità hija fattur importanti għaliex taffettwa l-fluss tad-Downs u b'hekk il-medja ta' xita annwali fil-Lvant ta' Kent ma taqbiżx is-635 mm, jiġifieri 76 % tal-medja nazzjonali. Din it-taħlita ta' elementi differenti tiddetermina livell aktar baxx ta' umdità minn dak osservat fiż-żoni l-oħra tal-Ingilterra fejn jiġu kkultivati il-ħops.

Il-karatteristiċi tat-togħma tal-“East Kent Goldings” huma influwenzati mill-ħamrija tal-Lvant ta' Kent, magħmula minn tafal u ġibs, li tipproduċi l-pH ideali ta' 6,5-7,00, u mill-pożizzjoni tiegħu peress li huwa espost għar-riħ kiesaħ salmastru li jonfoħ mill-estwarju tat-Thames, speċjalment f'Marzu meta jiġu determinati l-karatteristiċi tal-varjetà tal-ħops. Riċerka li saret mill-eks Wye College wriet relazzjoni importanti bejn it-temperaturi baxxi tal-ħamrija matul ix-xhur ta' Frar u Marzu u l-produzzjoni aktar elevata tal-ħops (for 1980, Wye College). Din ir-riċerka wriet ukoll l-effett li għandu l-fluss tat-temperaturi ta' Marzu fuq il-kontenut morr tar-rażi li joħroġ mill-glandoli li jipproduċu l-lupulin (for 1982, Wye College). Barra minn hekk, f'Marzu, diversi prekursuri tal-komponenti li jinsabu fil-glandoli li jipproduċu l-lupulin jistgħu jiġu nnutati wkoll fit-tessut tal-blanzun u tal-ħruġ tal-friegħi (Rossiter, Imperial College).

L-aroma delikata tal-“East Kent Goldings” li hija prodotta b'din it-taħlita ta' fatturi reġjonali hija rikonoxxuta u apprezzata mill-birrara tal-iprem birer, kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-Istati Uniti. Il-birrara ta' spiss jispeċifikaw fuq it-tikketta li l-ħops li jużaw huma tal-varjetà tal-“East Kent Goldings”. L-“East Kent Goldings” jinbiegħ regolarment bi prezz ogħla mill-varjetajiet l-oħra minħabba l-karatteristiċi uniċi tiegħu. Dan joffri aromi delikati ta' fjuri b'riħa ta' lumi kemxejn ħelwin. Il-ħops għandhom karatteristiċi sensorjali estremament delikati, iżda fl-istess ħin għandhom ħjiel minerali li jagħti struttura u karattru lill-birra. Fost il-birer li huma prodotti bl-“East Kent Goldings” u li rebħu diversi premjijiet insibu l-Fullers 1845, il-Hop Back Summer Lightning u l-Boston Brewing Co Ales mill-Istati Uniti.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://archive.defra.gov.uk/foodfarm/food/industry/regional/foodname/products/documents/east-kent-goldings-pdo-120111.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.