19.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/4


NOTA TA’ INFORMAZZJONI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju: Informazzjoni dwar miżuri adottati mill-Istati Membri skont l-Artikoli 5, 6, 8, 9, 10, 17 u 22

2012/C 283/05

L-Artikoli 5, 6, 8, 9, 10, 17 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 jipprevedu li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tar-Regolament, għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

1.   INFORMAZZJONI FORNUTA MILL-ISTATI MEMBRI SKONT L-ARTIKOLU 8 TAR-REGOLAMENT (ESTENSJONI TA' KONTROLLI GĦAL OĠĠETTI MHUX ELENKATI GĦAR-RAĠUNIJIET TA' SIGURTÀ PUBBLIKA JEW MINĦABBA KONSIDERAZZJONIJIET TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM)

L-Artikolu 8(4) tar-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika l-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri li jipprojbixxu jew jimponu rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet ta’ prodotti b’użu doppju li mhumiex elenkati fl-Anness I għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew minħabba konsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

1.1.   L-Italja

L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li imponiet rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni tal-oġġetti b’użu doppju li ġejjin mhux elenkati fl-Anness I għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew minħabba konsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem:

Is-sistema ċentralizzata ta' monitoraġġ tad-dejtabejż pubblika LAN, l-internet u s-servizzi 2G/3G, inklużi:

tagħmir għad-dijagrammi tal-flussi ta' komunikazzjoni

sistema ta' interfejs u ta' medjazzjoni għall-komponenti tas-sistema

server għall-ipproċessar tal-flussi mmonitorjati

softwer għall-ipproċessar tal-flussi mmonitorjati

ħżin ta' arkivji diġitali

workstation tal-ġestjoni tad-dejtabejż

softwer tal-ġestjoni tad-dejtabejż

infrastruttura LAN

Ir-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni jikkonċerna operazzjonijiet tal-esportazzjoni lill-Istabbiliment tat-Telekomunikazzjoni Sirjan (STE), is-Sirja.