9.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/13


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

2012/C 239/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 (1). Id-dikjarazzjonjiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA (STG)

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

“MOULES DE BOUCHOT”

KE Nru: FR-TSG-0007-0048-28.12.2006

1.   L-isem u l-indirizz tal-grupp applikant:

Isem:

Groupement des mytiliculteurs sur bouchots (GMB)

Indirizz:

122 rue de Javel

75015 Paris

FRANCE

Tel.

+33 112974844

Fax

Posta elettronika:

gmb@cnc-france.com

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz:

Franza

3.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

3.1.   L-isem jew l-ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati:

“Moules de bouchot”

L-applikazzjoni tikkonċerna l-isem “moules de bouchot” bil-lingwa Franċiża biss.

Waqt il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, huwa possibbli li tiżdied sentenza oħra – li għandha tkun tradotta fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea – li tippreċiża li “ġie prodott skont it-tradizzjoni Franċiża”

3.2.   Indika jekk l-isem:

huwiex speċifiku fih innifsu

jesprimix il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Il-kultivazzjoni fuq puntali tfisser il-produzzjoni tal-maskli fuq puntali verikali, irranġati f’linji dritti li huma esposti kompletament jew parzjalment waqt frugħ il-baħar.

3.3.   Indika jekk l-isem hux qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006:

Reġistrazzjoni flimkien mar-riżervazzjoni tal-isem

Reġistrazzjoni bl-isem mhux riżervat

3.4.   It-tip tal-prodott:

Klassi 1.7.

Ħut frisk, molluski u krostaċji friski u prodotti li ġejjin minnhom

3.5.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem fil-punt 3.1:

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-ispeċifikazzjoni jikkonċerna biss il-prodotti bl-isem “moules de bouchot”, jiġifieri l-maskli kkultivati esklussivament fuq il-puntali mil-larva wara li jkunu nqabdu fil-ħabitat naturali tagħhom. Il-maskli maqbuda bis-sajd jew ikkultivati mod ieħor huma esklużi.

Il-maskli bl-isem tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita “moules de bouchot” għandhom ikunu friski, ħajjin u intatti.

Żewġ speċijiet huma kkultivati għall-“moules de bouchot”: Mytilus edulis u Mytilus galloprovincialis (jew ibridi miż-żewġ speċijiet).

Dawn l-ispeċijiet jikkorrispondu għall-prodotti magħżula minħabba l-kapaċità tagħhom li jgħixu:

fil-kundizzjonijiet tal-kultivazzjoni max-xatt kif stabbiliti f’din l-ispeċifikazzjoni;

skont il-metodi u t-tul ta’ żmien tal-kultivazzjoni li jippermettu l-garanzija tal-speċifiċità u r-regolarità tal-prodotti.

Il-karatteristiċi anatomiċi u organolettiċi tal-“moules de bouchot” huma dovuti kemm għall-karatteristiċi ta’ dawn l-ispeċijiet, kif ukoll għall-metodu partikolari ta’ produzzjoni.

3.5.1.   Karatteristiċi anatomiċi

Il-qoxra hija magħmul minn żewġ nofsijiet lixxi ta’ forma regolari, li l-kulur tagħhom ivarja minn kannella skur għal ikħal fil-griż, u li jippreżentaw linji konċentriċi li jindikaw kemm kibru. Il-ħxuna minima tal-qoxra hija ta’ 12 mm.

Il-maskli huma kkaratterizzati minn żewġ organi speċifiċi: is-sieq li tassigura l-moviment tal-masklu, u glandola li tipproduċi l-byssus, ħjut li bihom jaqbad ma’ superfiċje.

Il-metodu ta’ produzzjoni fuq il-puntali max-xtut, fiż-żoni soġġetti għall-frugħ frekwenti tal-baħar, jippermetti:

żvilupp ta’ muskoli addutturi b’saħħithom, sabiex il-masklu jibqa’ magħluq waqt il-frugħ kollu tal-baħar u

żvilupp ta’ qoxra aktar reżistenti u solida fiż-żmien tal-ħsad, minħabba l-esponiment frekwenti ta’ dan il-masklu għall-beraħ u għax-xemx.

Il-maskli prodotti fuq il-puntali għandhom il-karatteristika distinta tal-proporzjon għoli ta’ laħam meta mqabbel mal-qoxra, konsistentement għolja fost maskli mill-istess lott Il-proporzjon ta’ laħam huwa mkejjel skont l-indiċi Lawrence & Scott li fil-każ tal-“moules de bouchot” huwa tal-valur ugwali jew superjuri għal 100.

Barra minn hekk, il-“moules de bouchot” ma fihomx korpi estranji (bħal granċijiet jew ramel), u għandhom il-qxur nodfa (mingħajr alga, ħama jew ramel), għaliex fil-ħin tat-tqegħid ta’ ħabel jew kolja fuq il-puntal, jitħalla għoli minimu ta’ 30 ċentimetru bejn l-art u tarf il-ħabel jew il-kolja.

3.5.2.   Karatteristiċi organolettiċi

Il-kulur tal-laħam imsajjar huwa bejn krema u isfar fl-oranġjo, skont id-dieta tal-maskli (il-preżenza tal-karotin u tal-vitamina A fil-fitoplankton) u fuq l-istat fiżjoloġiku tagħhom (il-fażi ta’ riproduzzjoni). Il-laħam tal-“moules de bouchot” huwa żejtni, lixx, b’konsistenza u mhux imrammel, u l-metodu tat-trobbija jiżgura reżistenza aħjar tal-mollusk għall-esponiment (meta l-prodott jiġi kkundizzjonat, ittrasportat, maħżun u kkummerċjalizzat).

Il-metodu ta’ kultivazzjoni jippermetti li jiġu evitati togħmiet u rwejjaħ ħżiena mill-ħama, billi ma hemmx kuntatt mal-qiegħ.

Il-metodi għal-kejl ta’ uħud minn dawn il-kriterji f’lottijiet ta’ maskli lesti għall-kummerċjalizzazzjoni huma mogħtija fit-Taqsima 3.6 relatata mal-metodu tal-produzzjoni.

3.6.   Id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1:

Il-produzzjoni tal-“moules de bouchot” ssir fl-istadji li ġejjin:

3.6.1.   It-taħwil tal-puntali

Il-maskli huma kkultivati fuq biċċiet ta’ art jew plottijiet fiż-żoni ta’ kultivazzjoni max-xatt. Dawn huma partijiet mix-xatt li jkunu soġġetti għall-moviment tal-mewġ u li jinsabu bejn il-limiti superjuri u inferjuri tal-marea, li l-wisa’ tagħha hija proporzjonali għax-xaqliba tax-xatt fejn il-mili tal-ilma huwa fl-ogħla livell.

Il-puntali jitqiegħdu f’ringieli max-xatt mill-għoli sal-baxx. Ir-ringieli ta’ fuq jikkostitwixxu żona ta’ ħżin għall-maskli li jilħqu d-daqs li jkun tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

Kull plott fih ringieli ta’ linji paralleli ta’ puntali vertikali, li huma perpendikulari max-xatt, u t-tqassim u d-densità massima tagħhom huma kif ġej:

puntal għal kull linja tripla ta’ 100 m

puntal għal kull linja doppja ta’ 100 m

puntal għal kull linja individwali ta’ 100 m

3.6.2.   Il-ġbir u t-trasport tal-larva

Il-kultivazzjoni tal-maskli ssir skont l-istadji differenti li ġejjin:

—   il-larva: ikun għadu żgħir biżżejjed li jista’ jiċċaqlaq. Il-larva maqbuda f’kolletturi (ħbula magħmula mill-qanneb jew il-fibra tal-ġewża tal-Indi) ikunu għadhom jistgħu jinqlagħu, billi jiżżerżqu fuq sieqhom, jew billi jgħumu fuq wiċċ il-kolonna tal-ilma.

—   il-ferħ: meta jkun imwaħħal sod ma’ kollettur u qabel ma jiġi ttrasferit għal fuq il-puntali.

—   masklu żgħir: fil-każ li jkun hemm frieħ żejda, dawn jitneħħew u jitqiegħdu f’tubi tax-xbieki li mbagħad jiddawru ma’ puntal (din l-operazzjoni tissejjaħ “boudinage”)

—   masklu adolexxenti: wara t-twaħħil definittiv tal-frieħ jew tal-maskli żgħar mal-puntali.

3.6.2.1.   Il-qbid tal-larva tal-maskli fuq il-kolletturi

Dan l-istadju preliminari fil-kultivazzjoni tal-“moules de bouchot” jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-larva tal-maskli fil-kolletturi magħmula minn fibri naturali u bijodegradabbli.

Il-qbid isir f’żoni adattati max-xatt, li huma nnominati u rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat konċernat, rreġistrati f’katast marittimu b’identifikatur li jippermetti l-lokalizzazzjoni preċiża tagħhom. Il-qbid jiffoka fuq siti fejn hemm abbundanza naturali tal-larva li jinġiebu bil-kurrenti tal-ilma.

Il-qbid jista’ jsir ukoll direttament fuq il-puntali.

3.6.2.2.   It-trasport tal-larva tal-maskli għal fuq il-kolletturi

Bosta postijiet tal-kultivazzjoni ma għandhomx żoni ta’ qbid fil-viċinanza tagħhom. F’dawn il-każijiet, il-ħbula għandhom jitwasslu miż-żoni tal-qbid għal fuq iż-żoni tal-kultivazzjoni.

Ladarba jiġu stabbiliti, il-larva jiżviluppaw fi frieħ, li mbagħad ikomplu jikbru mal-ħbula mqiegħda fir-ringieli ta’ adattament li jinsabu fiż-żoni tal-kultivazzjoni jew direttament fuq il-puntal.

3.6.3.   Il-kultivazzjoni u l-ħsad tal-“moules de bouchot”

3.6.3.1.   It-tnebbit

It-tnebbit jinvolvi t-tidwir tal-ħbula bil-frieħ mal-puntali.

It-tnebbit jista’ wkoll jirreferi għat-tidwir mal-puntali tat-tubi tal-fibra (boudins) li fihom il-maskli żgħar.

Il-masklu żgħir ikun ġej mill-ferħ ikkultivat fuq is-sit u meħud miż-żejjed ta’ puntali oħra li tnibbtu fl-istess sena ta’ produzzjoni.

Fil-każ eċċezzjonali li jkun hemm nuqqas ta’ larva mal-ħbula, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż konċernat jistgħu jawtorizzaw li l-maskli żgħar (li għandhom jitpoġġew fit-tubi tax-xbieki) jinqabdu minn żoni naturali, soġġett għar-regoli dwar is-sorveljanza sanitarja li japplikaw għaż-żoni tal-produzzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż konċernat.

F’kull każ ma jistgħux jintużaw prodotti li ġejjin mill-imfaqas jew mill-mixtliet..

Il-maskli jiġu kkultivati fuq il-puntali f’partijiet jew plottijiet fuq ix-xtut. Il-kultivazzjoni tal-“moules de bouchot” issir fuq puntal vertikali li jkun għoli mhux aktar minn 6 metri, (li parti minnu jitħawwel fl-art), li ma jistax jitneħħa ladarba l-frieħ jiġu stabbiliti fih. L-għoli tal-parti mnebbta tal-puntal huwa mhux aktar minn 3,50 metri.

Titħalla distanza ta’ 30 ċentimetru bejn l-art u t-tarf t’isfel tal-ħbula meta l-frieħ jiġu stabbiliti fuq il-puntali.

3.6.3.2.   Il-kultivazzjoni

Dan l-istadju – minn meta l-maskli jitqiegħdu fuq il-puntali sal-bidu tal-preparazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, idum minimu ta’ 6 xhur u massimu ta’ 24 xahar.

Il-kultivazzjoni fuq il-puntal tikkonsisti mit-tqegħid fuqu ta’ għadd xieraq ta’ maskli individwali. Huma u jiżviluppaw, il-maskli fuq is-saffi ta’ barra jikbru aktar malajr minn dawk fuq ġewwa. Il-maskli jistgħu jiġu ttrasferiti għal fuq puntali ġodda matul il-perjodu tat-tkabbir tagħhom. Il-maskli fis-saff ta’ barra jinġabru u jitqiegħdu fit-tubu tax-xbieki li jiddawwar ma’ puntal ġdid. Dan jissejjaħ “boudinage”.

B’dan il-mod, l-annimali jistgħu jiġu ttrasferiti għal fuq puntali ġodda kemm-il darba matul l-iżvilupp tagħhom.

Il-kolji li jirriżultaw normalment jitwaħħlu mal-puntali li jinsabu aktar fil-għoli fuq ix-xatt.

3.6.3.3.   Il-ħsad

Il-ħsad isir wara l-proċess ta’ kultivazzjoni deskritt fil-punt 3.6.3.2. Dan jikkonsisti mit-tneħħija ta’ għenieqed ta’ maskli minn fuq il-puntali, u jista’ jsir bil-magna jew bl-idejn.

Il-ġbir tal-maskli li jkunu waqgħu għal ma’ qiegħ il-puntal mhuwiex permess.

3.6.4.   It-tisfija u l-ħżin

L-istadju tat-tisfija u tal-ħżin jibda wara l-ħsad tal-maskli u qabel ma jiġu ppakkjati.

3.6.4.1.   It-tisfija

Dan isir jekk ikun meħtieġ, biex ikun żgurat li l-maskli huma adattati għall-konsum mill-bniedem, f’konformità mar-regoli fis-seħħ fl-Istat konċernat fejn huma prodotti u kkummerċjalizzati.

It-tisfija ssir wara l-ħsad:

jew billi jitqiegħdu fir-riżerva, f’kontenituri magħluqa li minnhom tgħaddi l-arja, fil-plottijiet jew partijiet minnhom fuq ix-xatt fejn jiġu kkultivati l-“moules de bouchot”.

jew billi jitqiegħdu f’kontenituri magħluqa li minnhom tgħaddi l-arja, f’tankijiet fuq ix-xatt mimlijin bl-ilma baħar f’ċentri ta’ tisfija jew ta’ konsenja.

Meta l-maskli jitqiegħdu fir-riżerva u jinżammu f’tank, il-perjodu ta’ żmien totali ma jistax jaqbeż 15-il jum.

3.6.4.2.   Il-ħżin

Il-ħżin jista’ jsir jew fil-bini tal-produtturi stess (ara l-istadju tal-kultivazzjoni) meta l-produttur ikun wkoll il-konsenjatur, jew f’ċentru tal-konsenja (jew tal-ippakkjar) iċċertifikat. Il-ħżin huwa stadju ta’ preservazzjoni tal-prodotti qabel l-ippakkjar, billi jitqiegħdu f’tankijiet taħt l-ilma jew le wara stadju ta’ tisfija, jekk ikun meħtieġ.

Il-ħsad idum mhux aktar minn 15-il jum b’bidu mill-ħruġ mill-ilma fiż-żona tal-kultivazzjoni sal-ippakkjar. Il-maskli jinżammu fit-tankijiet li mhumiex taħt l-ilma għal mhux aktar minn tmint ijiem.

3.6.5.   L-ippakkjar (jew l-istadju tal-konsenja)

Wara li jitneħħew mir-riżerva jew mit-tank tat-tisfija, il-maskli jiġu maħsula u sseparati minn xulxin, u magħżula fiċ-ċentri tal-konsenja.

Id-distakk minimu bejn il-linji tal-grilji utilizzati għall-ikkalibrar tal-maskli huwa stabbilit għal 12 mm.

Biex jikkwalifikaw bħala speċjalità tradizzjonali garantita, il-lottijiet ippakkjati tal-“moules de bouchot” għandu jkun fihom maskli ta’ ħxuna superjuri jew ugwali għal 12 mm, bi proporzjon ta’ massimu ta’ 5 % tal-maskli ta’ ħxuna ta’ anqas minn 12 mm.

Il-proporzjon tal-laħam minimu mqabbel mal-qoxra huwa kkalkolat skont l-indiċi tal-kejl Lawrence & Scott, kif ġej:

Indiċi = piż niexef tal-laħam * 1 000/(piż totali – piż tal-qoxra)

Jista’ jintuża indiċi semplifikat u kkalkolat kif ġej:

Indiċi semplifikat = piż tal-laħam wara t-tisjir/Piż totali qabel it-tisjir

Il-maskli magħżula bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandhom jippreżentaw indiċi Lawrence & Scott ta’ ≥ 100.

Fċirkostanzi eċċezzjonali l-proporzjon tal-maskli lesti għall-ippakkjar jista’ jiġi modifikat (jiġifieri minħabba kundizzjonijiet sfavorevoli ta’ alimentazzjoni naturali) għal ħsad determinata, fuq deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-istat konċernat, wara applikazzjoni sostanzjata. Madankollu, dawn il-valuri ma jistgħu fl-ebda każ ikunu anqas minn 10 % tal-proporzjon minimu ta’ 100.

Il-maskli għandhom ukoll:

ikunu nodfa minn barra,

ikunu ħajjin.

L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-“moules de bouchot” isiru f’kontenituri li jesgħu massimu ta’ 15 kg. Jistgħu jinbigħu f’boroż ta’ bejn 2 u 15 kg jew f’kaxxa ta’ bejn 0,5 sa 7 kg.

3.6.6.   Bejgħ lill-konsumaturi

It-tikkettar tal-maskli li jikkwalifikaw għad-denominazzjoni “moules de bouchot” għandu jkollu, fuq kull pakkett individwali:

l-isem tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita -“moules de bouchot” miktub:

bl-ikbar ittri fuq it-tikketta;

b’ittri tal-istess tul u wisa’;

b’ittri tal-istess kulur;

fi blokka waħda.

It-tismija “spécialité traditionnelle garantie” (speċjalità tradizzjonali garantita) u l-logo “STG” immedjatament qabel jew wara l-isem tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita mingħajr ebda test ieħor bejniethom.

Kull test ieħor, partikolarment dak obbligatorju skont ir-regoli ġenerali għandu jkun separat b’mod ċar mill-isem tal-STG.

3.7.   Il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel:

Il-karattru speċifiku tal-“moules de bouchot” jiddependi fuq il-karatteristiċi li ġejjin, li joriġinaw mill-kundizzjonijiet tal-kultivazzjoni, il-metodi u t-tul ta’ żmien tal-kultivazzjoni li jippermettu garanzija tal-ispeċifiċità u r-regolarità tal-prodotti:

Qoxra iebsa

Il-metodu ta’ produzzjoni f’żona tal-frugħ frekwenti u l-esponiment frekwenti tal-qoxra għall-arja u għax-xemx jirriżultaw fl-ebusija tal-qoxra tal-maskli. Għal din il-raġuni l-“moules de bouchot” huma solidi ferm.

Muskolu adduttur b’saħħtu u konsistenza lixxa, żejtnija u mhux imrammla

Il-metodu ta’ produzzjoni f’żona ta’ frugħ frekwenti jippermetti l-iżvilupp ta’ muskoli addutturi b’saħħithom, u b’hekk il-qoxra tibqa’ magħluqa tul il-perjodu kollu tal-frugħ tal-baħar. Il-konsistenza tal-laħam tibqa’ lixxa, żejtnija u mhux imrammla, għaliex il-masklu jibqa’ msakkar matul il-fażijiet tal-ippakkjar, tat-trasport, tal-ħżin u tal-kummerċjalizzazzjoni.

Il-kulur tal-laħam imsajjar tiegħu li jkanġi minn krema għall-isfar fl-oranġjo

Il-maskli kkultivati huma sseparati sew minn xulxin f’ambjent suffiċjenti fejn l-alimentazzjoni tal-fitoplankton hija abbundanti, u din tagħtihom il-kulur tal-laħam li jkanġi bejn krema u isfar fl-oranġjo. Massimu ta’ 10 % tal-maskli ikollhom kulur differenti.

Ndafa u nuqqas ta’ rwejjaħ minn ħama u minn korpi estranji

Il-“moules de bouchot” għandhom qoxra nadifa, ma fihomx korpi estranji (granċijiet jew ramel), mingħajr ebda riħa jew togħma ta’ ħama, għaliex fil-ħin tat-tqegħid ta’ ħabel jew kolja fuq il-puntal, jitħalla spazju tal-għoli minimu ta’ 30 ċentimetru bejn l-art u l-livell tal-ħabel jew tal-kolja. Għalhekk il-“moule de bouchot” ma għandu l-ebda kuntatt mal-art.

Il-proporzjon konsistenti ta’ kontenut ta’ laħam, indiċi minimu ta’ 100

It-tqassim omoġenju u d-densità żgħira tal-puntali fuq ix-xatt, kif ukoll il-kura li tittieħed fid-distribuzzjoni regolari tal-maskli tul il-puntali, jippermettu firxa ta’ maskli mqassma b’mod regolari fuq il-medda ta’ ilma disponibbli fuq ix-xatt.

Dan jagħti lill-maskli l-opportunità li jgawdu mill-elementi nutrittivi li jiċċirkolaw fil-livelli differenti tal-ilma, li jippermetti proporzjon ta’ laħam għall-qoxra ta’ 100 skont l-indiċi ta’ Lauwrence & Scott.

3.8.   Il-karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel:

Il-karattru tradizzjonali tal-“moules de bouchot” jiddependi fuq il-kundizzjonijiet li ġejjin:

din il-kultivazzjoni ssir dejjem fuq il-puntali tal-injam allinjati f’ringieli b’mod vertikali,

l-elementi nutrittivi preżenti fl-ambjent marittimu jiżguraw l-iżvilupp tal-maskli.

Il-kultivazzjoni tikkonsisti minn sorveljanza mill-qrib tal-prodott min-naħa tal-kultivatur u mit- trasferiment tal-maskli żgħar biex ikun żgurat tkabbir omoġenju fost il-ħlejjaq kollha li qed jiġu kkultivati.

3.8.1.   Il-kultivazzjoni fuq il-puntali tal-injam

It-tradizzjoni tal-kultivazzjoni tal-maskli fuq il-puntali tmur lura għas-sena 1235. L-istorja tirrakkonta li ċertu Irlandiż, Patrick Walton, ġarrab nawfraġju fl-1235 fil-bajja ta’ Aiguillon; Kien l-unika persuna li salvat, u stabbilixxa ruħu f’Esnandes. Biex jiekol kien jaqbad l-għasafar bl-għajnuna ta’ xibka partikolari, (allouret) li kien jifrex fuq wiċċ l-ilma bejn żewġ lasti mwaħħlin f’qiegħ tal-baħar. Malajr induna li l-maskli li kienu jinġabru madwar dawn il-lasti kienu akbar minn dawk salvaġġi. Għalhekk iddeċieda li jipprova jkabbar dawn il-maskli (Marteil, 1979).

Għal dan il-għan, ħawwel linji ta’ puntali li fuqhom setgħu jinġabru u jikbru l-maskli. Ta l-isem “bouchots” (kelma ta’ oriġini Keltika ġejja mill-kelma “bout”, (għeluq) u “choat/chot” (lasta tal-injam). (Marteil, 1979).

Din il-kultivazzjon għadha pprattikata sal-lum fuq l-istess prinċipji It-tagħmir inbidel xi ftit, bis-saħħa ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi.

Matul is-sekli, kien hemm xi kittieba li ħadu interess fil-kultivazzjoni tal-maskli u li sostnew li t-teknika li kien bdiha l-Irlandiż ftit li xejn inbidlet. Coste (1855) kiteb li t-teknika li Walton kien beda tant kienet adattata għall-ħtiġijiet tal-industrija l-ġdida li tmien sekli aktar tard għadha sservi bħala l-prassi għall-komunitajiet li għalihom saret patrimonju.

Mill-1930, il-lasti tradizzjonali ġew sostitwiti bil-puntali (zkuk tas-siġar aktar solidi b’dijametru eħxen mil-lasti, li kellhom tul ta’ ħajja qasira).

Il-modifiki fl-installazzjonijiet wara 1-1950 oriġinaw minħabba l-ewwel digrieti li jirregolaw il-kultivazzjoni tal-maskli. L-Istat sar il-proprjetarju tal-art li tinkera mingħandu u hija ssorveljata minnu; il-puntali ma setgħux jibqgħu jiġu rranġati f’forma ta’ V għax dan jikkontribwixxi biex tinġabar il-ħama. Minn dak iż-żmien ‘il hawn il-puntali bdew jitqassmu f’linji paralleli, u perpendikulari max-xatt. It-tħawwil tagħhom huwa rregolat; dawn ir-regoli jvarjaw minn reġjun għal ieħor għaliex il-kundizzjonijiet tal-ambjent, il-karatteristika tal-art, il-kurrenti tal-ilma, ir-rikkezza ta’ elementi nutrittivi u fatturi oħra jvarjaw skont iż-żona.

Il-metodu ta’ produzzjoni evolva għall-finijiet ta’ żieda fir-rendimenti, iżda s-sistema tal-puntali mħawlin f’ringieli għadha tikkostitwixxi l-bażi tal-installazzjonijiet li ġew żviluppati.

3.8.2.   It-tqiegħid tal-puntali f’livelli differenti

Fl-1855, Coste kiteb li l-puntali jistgħu jitqassmu sa erba’ livelli.

Din il-prassi tat-tqegħid f’kannizzati fuq ix-xatt għadha teżisti sal-lum. Il-puntali jitqiegħdu f’ringieli max-xatt mill-għoli sal-baxx billi tintuża l-varjazzjoni fil-livelli tax-xatt. Ir-ringieli ta’ fuq jikkostitwixxu żona ta’ ħażna għall-maskli li jilħqu d-daqs li jkun tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

3.8.3.   L-użu tal-ambjent naturali biss

Il-maskli huma kkultivati strettament fl-ambjent naturali tagħhom. Il-fertilizzazzjoni hija naturali fil-baħar mingħajr l-intervent mill-bniedem, l-alimentazzjoni hija esklussivament ikkostitwita mill-fitoplankton naturali u ħaj, u ma jintuża l-ebda trattament kimiku fl-ambjent marittimu waqt it-tkabbir.

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri li għandhom jintużaw sabiex ikun eżaminat il-karattru speċifiku:

Elementi li għandhom jiġu eżaminati/ttestjati

Valuri ta’ limitu

Metodu għall-evalwazzjoni

Rata minima ta’ kontroll

Il-pożizzjoni tal-puntali

100 % tal-puntali max-xatt

Verifika viżwali u/jew dokumentata

20 % tal-operturi fis-sena

Id-densità tal-puntali

Sa jew ugwali għal:

350 puntal/100 m (linji tripli)

250 puntal/100 m (linji doppji)

200 puntal/100 m (linji individwali)

Verifika dokumentata

20 % tal-operaturi fis-sena

Nuqqas ta’ kuntatt mal-art jew mal-qiegħ

100 % tal-puntali

Verifika viżwali u/jew dokumentata

20 % tal-operaturi fis-sena

Ċiklu ta’ kultivazzjoni fuq il-puntali

100 % tal-produzzjoni

Verifika viżwali u/jew dokumentata

20 % tal-operaturi fis-sena

It-tul ta’ żmien taċ-ċiklu tal-kultivazzjoni fuq il-puntali

Aktar minn 6 xhur u anqas minn 24 xahar

Verifika dokumentata

Darbtejn fis-sena

Kulur tal-laħam meta jkun imsajjar:

Bejn krema u isfar fl-oranġjo

Massimu ta’ 10 % tal-maskli ta’ kulur differenti

Kejl:

Darbtejn fis-sena

Eżami analitika

L-indiċi Lawrence & Scott tal-valur superjuri jew ugwali għal 100 u tal-ħxuna tal-qoxra superjuri jew ugwali għal 12 mm,

massimu ta’ 5 % tal-maskli tal-ħxuna inferjuri għal 12 mm

Kejl u/jew verifika dokumentata

Darbtejn fis-sena

Flimkien ma’ awtokontrolli kull xahrejn

4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

4.1.   Isem u indirizz:

Isem:

CERTIS

Indirizz:

Immeuble Le Millepertuis

Les Landes d’Apigné

35650 Le Rheu

FRANCE

Tel.

+33 299608282

Posta elettronika:

certis@certis.com.fr

 Pubbliku

☒ Privat

4.2.   Il-kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità:

Entità akkreditata ta’ ċertifikazzjoni skont l-istandard EN 45011, bir-responsabbiltà għall-verifika tal-ispeċifikazzjoni fi Franza. L-entità ta’ spezzjoni msemmija hawn fuq hija responsabbli għall-kontroll tal-ispeċifikazzjoni kollha kemm hi.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.