15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/25


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 169/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

STORNOWAY BLACK PUDDING

KE Nru: UK-PGI-0005-0876-03.05.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Stornoway Black Pudding”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip tal-prodott:

Klassi 1.2.:

Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

Stornoway Black Puddings huma pudini suwed uniċi għal Stornoway, il-belt kapitali tal-Isle of Lewis fl-Outer Hebrides tal-Iskozja. Huma ta’ kulur rikk li jvarja minn kannella ħamrani skur għal kannella skur meta nejjin, u jvarjaw skont ir-riċetti lokali individwali.

L-ingredjenti li ġejjin jintużaw fil-produzzjoni ta' Stornoway Black Pudding:

Xaħam ta’ dam taċ-ċanga

Dqiq tal-ħafur

Basla

Demm tan-nagħaġ jew baqar jew ħnieżer

Ilma – fejn jintuża demm imnixxef

Melħ

Bżar

Tubi jew ġlud għaz-zalzett sintetiċi jew naturali

Ma huma permessi l-ebda ħwawar oħra u Stornoway Black Puddings iridu jkunu ħielsa mill-kuluri u togħmiet artifiċjali, aġenti li jagħtu l-massa u preservattivi.

Fil-forma oriġinali tagħhom, huma prodotti bħala pudini ta’ 52 mm sa 72 mm f’dijametru ċilindriku “forma ta’ zalzett”, li jvarjaw fit-tul minn 150 mm għal 500 mm u fil-piż minn 0,5 kg sa 1,36 kg, magħluqin f’ġilda. Madankollu, jistgħu jiġu prodotti f'daqsijiet u forom oħra skont ir-rekwiżiti tal-klijenti differenti, eż. ħolqa, jew fi flieli.

Huma umdużi u solidi fis-sawra tagħhom, u għandhom partikuli żgħar tax-xaħam li jintiegħmu. Id-dqiq tal-ħafur Skoċċiż użat fi Stornoway Black Puddings huwa responsabbli għas-sawra tajba u mhux lixxa tagħhom.

Stornoway Black Puddings iżommu l-forma tagħhom sew matul il-proċess kollu tat-tisjir. Ladarba imsajjrin, jidhru kważi suwed u jinqasmu faċilment meta jinqatgħu, iżda ma jitfarkux ħafna. It-togħma ta’ laħam hija niedja, rikka, kompluta, bnina, imħawwra sew – iżda mhux pikkanti – b'togħma li mhix xaħmija, pjaċevoli u tħalli togħma ta’ wara nadifa.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti proċessati biss):

Skont it-tradizzjoni u l-patrimonju, hemm xi varjazzjoni individwali fir-riċetti użati. Uħud mir-riċetti jirrikjedu ingredjenti imqattgħajn fini, oħrajn jirrikjedu qatgħa nqas delikata, li jirriżultaw fil-varjazzjonijiet żgħar fid-dehra u s-sawra skont ir-riċetta individwali tal-produtturi. Hemm ukoll varjazzjoni żgħira ħafna fir-riċetti fil-perċentwali ta' kull ingredjent użat biex isiru l-pudini.

Il-perċentwali tal-ingredjenti użati fi Stornoway Black Pudding għandhom jidħlu fil-firxiet li ġejjin:

Xaħam ta’ dam taċ-ċanga – minimu ta’ 37 % sa massimu ta’ 50 %

Dqiq tal-ħafur – minimu ta’ 16 % sa massimu ta’ 20 %

Basla – minimu ta’ 15 % sa massimu ta’ 18 %

Demm tan-nagħaġ jew baqar jew ħnieżer – minimu ta’ 12 % sa massimu ta’ 26 %

Ilma – fejn jintuża demm imnixxef

Melħ – minimu ta’ 0,6 % sa massimu ta’ 2 %

Bżar – minimu ta’ 0,4 % sa massimu ta’ 2 %

Ġlud (jew tubi) sintetiċi jew naturali – Dijametru – 52 mm sa 72 mm, Tul – 150 mm sa 500 mm

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Mhux applikabbli

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji kollha tal-preparazzjoni u l-produzzjoni ta’ Stornoway Black Pudding għandhom iseħħu fiż-żona inkluż:

Il-preparazzjoni tax-xaħam ta’ dam taċ-ċanga

It-taħlit tal-ingredjenti

Il-mili fit-tubi sintetiċi

It-tisjir u t-tberrid tal-pudini

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Mhux applikabbli

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Mhux applikabbli

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Il-belt ta’ Stornoway fuq l-Isle of Lewis u l-parroċċi inklużi fiż-żona ta’ “Stornoway Trust”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-kultivazzjoni tal-għelieqi żgħar magħluqin bil-ħitan (crofting), formola ta’ impriża żgħira tal-inkwilini li hija unika fl-Iskozja, kienet s-sostenn ewlieni tal-ħajja fuq il-gżira ta’ Lewis għal mijiet ta’ snin. Kien biss fl-aħħar 40 sena li il-kultivaturi ta’ dawn l-għelieqi magħluqa (crofters) bdew jagħmlu xogħol ieħor barra dawn l-għelieqi, u saru kultivaturi ta’ dan it-tip fuq bażi part-time. Il-kultivazzjoni tal-għelieqi żgħar magħluqin bil-ħitan hija tip ta’ ekonomija ta’ sussistenza, dawn il-kultivaturi ta’ Stornoway żammew għadd żgħir ta’ nagħaġ u/jew ħnieżer u baqar u kellhom jiżguraw li kull parti ta' dawk l-annimali kienet qed tiġi utilizzata kompletament. Meta kien jasal il-mument biex joqtlu l-annimal dawn il-kultivaturi ħadmu fimkien u, meta ma kienx jeżisti apparat tat-tkessiħ, kienu jaqsmu l-laħam mal-ġirien li minn naħa tagħhom kienu jagħmlu l-istess aktar tard, u b’hekk tkun żgurata provvista tal-laħam matul ix-xitwa twila.

Biex jagħmlu “Marag Dubh” – l-isem Skoċċiż bil-Gaeliku għal pudina sewda; dubh tfisser “sewda”, l-annimal jinqatel u d-demm jinġabar u jinżamm. L-intestini jitneħħew u jitnaddfu fl-ilma mielaħ tal-baħar. Wara jittieħdu lura fl-għelieqi magħluqa, jinqalbu ta’ barra ġewwa u jitqiegħdu fl-ilma kiesaħ f’sink, aktar tard jiżdiedu l-ilma baħar u l-melħ u wara jitħallew koperti għal 24 siegħa. L-intestini wara jitlaħalħu bl-ilma kiesaħ u mbagħad bil-misħun. Dan il-proċess twil irattab il-ġewwieni tal-istonku, u dawn il-kultivaturi jkunu jistgħu inaddfu l-intestini billi joborxuhom, fejn ir-riżultat ikun intestini bojod u nodfa l-ġmiel tagħhom. Minn intestin sħiħ wieħed jista’ joħroġ il-ġilda għal mill-inqas ħames Marag Dubhs – id-Deasainn (mill-kirxa), il-Brog (jew Boot), il-Curachd an Righ (King's Crown) u żewġ pudini twal maqtugħin mal-ileu u marbutin.

Dawn il-kultivaturi ma setgħux jiskartaw l-ebda biċċa laħam, allura kienu jieklu l-istess ikel kuljum sakemm jispiċċa. Il-pudini ipprovdew sors rikk ta’ ħadid u kienu parti importanti ħafna mid-dieta ta’ dawn il-kultivaturi u għadhom hekk għall-poplu ta’ Stornoway. Id-dqiq tal-ħafur Skoċċiż użat fi Stornoway Black Puddings huwa responsabbli għas-sawra tajba u mhux lixxa tagħhom. Fi klimi kesħin, bħall-Hebrides, il-valur kalorifiku għoli tax-xaħam ta’ dam jagħmlu ikel ideali fix-xitwa.

Il-produzzjoni ta’ Stornoway Black Puding tinvolvi ħafna ħiliet manwali diretti bħal:

il-preparazzjoni tax-xaħam ta’ dam taċ-ċanga jinvolvi tindif u preparazzjoni tax-xaħam ta’ dam għad-daqs meħtieġ;

it-taħlit tal-ingredjenti xotti jirrikjedi l-użin bir-reqqa tal-ingredjenti li jiżguraw li l-konsistenza kumplessiva tat-taħlita għandha d-densità ħoxna t-tajba – dan huwa proċess ta’ ħila ġġudikat bl-għajn u s-sengħa tal-biċċier;

il-mili tat-tubi jitwettaq bil-magni megħjuna bl-idejn, xi zalzett imbagħad jintrabat bl-idejn;

It-tisjir u t-tberid tal-pudina – ladarba tissajjar kull pudina tiddendel individwalment biex tibred.

Il-ħiliet involuti ġew żviluppati lokalment u għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra u rriżultaw fiż-żamma tal-karatteristiċi tradizzjonali ta’ Stornoway Black Pudding.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Stornoway Black Pudding hija unika fis-sens li tuża biss dawn l-ingredjenti li ġejjin ordnati skont il-kwantità; xaħam ta’ dam taċ-ċanga, dqiq tal-ħafur, basla, demm (biż-żieda tal-ilma meta jintuża demm niexef), melħ u bżar. Huma ħielsa minn kuluri artifiċjali, togħmiet, aġenti li jagħtu l-massa u preservattivi. Għandhom kulur kannella ħamrani rikk li jvarja għal kannella skur meta jkun nej.

Bil-kuntrarju ta’ pudini suwed reġjonali oħrajn, ix-xaħam ta’ dam taċ-ċanga huwa ingredjent maġġuri fi Stornoway Black Puddings. Ix-xaħam ta’ dam huwa x-xaħam madwar il-kliewi u flettijiet tal-ifrat. Idub f’temperatura baxxa ta’ bejn 45-50 grad Celsius li jfisser li huwa faċli biex jintuża fil-forma solida għal produzzjoni tal-pudini iżda jinħall meta jitqiegħed fuq il-fwar jew bit-togħlija. Għalkemm ix-xaħam ta’ dam huwa kważi mingħajr togħma huwa jtejjeb it-togħma tal-ingredjenti miżjuda u jagħmel is-sawra tal-pudini eħfef ukoll. Fi klimi kesħin, bħall-Hebrides, il-valur kalorifiku għoli tax-xaħam ta’ dam jagħmlu ikel ideali fix-xitwa. It-tip ta’ dqiq tal-ħafur li jikber fl-Iskozja jipprovdi sawra tajba mhux lixxa għal Stornoway Balck Pudding.

Ir-riċetta bażika ta’ Stornoway Black Puddings baqgħet l-istess matul is-snin – għad ikun fihom biss xaħam ta’ dam taċ-ċanga, dqiq tal-ħafur, basal, demm, melħ u bżar, iżda l-metodi tal-produzzjoni kellhom jinbidlu, għaliex daħlu fis-seħħ regolamenti tal-iġene iktar rigorużi u għaliex id-domanda għal pudini żdiedet. Il-passi tal-produzzjoni biex issir Stornoway Black Pudding jinvolvu ħafna ħila. Il-preparazzjoni manwali tax-xaħam ta’ dam taċ-ċanga trid titwettaq biex ikun żgurat li l-biċċiet jinqatgħu f’biċċiet fini ta’ daqs konsistenti. Barra minn hekk, l-ingredjenti nexfin l-ewwel jitħalltu, bl-idejn, jew bil-magna qabel ma jiżdied l-ilma u jitħalltu. L-ingredjenti kollha jintiżnu b’ħafna reqqa matul il-proċess kollu, biex tkun żgurata l-konsistenza tal-prodott, li għandu konsistenza ta’ poriġ magħquda, li xorta titħawwad iżda trid tisforza ftit. It-taħlita mbagħad tiġi ttrasferita għal ġol-magna li timla z-zalzett li tmexxi t-taħlita għal ġot-tubi taz-zalzett. Iz-zalzett jimtela billi l-qoxra taz-zalzett titqiegħed manwalment fuq iż-żennuna tal-magna. Ir-regolazzjoni tal-fluss tal-laħam ukoll issir manwalment. It-truf wara jingħaqdu manwalment bl-ispag, jew jinqarsu flimkien bil-magna. Ladarba tissajjar, kull pudina tiddendel individwalment fuq xkaffa biex tibred.

Stornoway Black Puddings jistgħu jissajru fi, jew mingħajr il-ġilda, u jżommu l-forma tagħhom sew matul il-proċess kollu tat-tisjir. Ladarba imsajjrin, jidhru kważi suwed u jinqasmu faċilment meta jinqatgħu, iżda ma jitfarkux ħafna. It-togħma ta’ laħam hija niedja, rikka, kompluta, bnina, imħawwra sew – iżda mhux pikkanti – b'togħma li mhix xaħmija, pjaċevoli u tħalli togħma ta’ wara nadifa.

Il-biċċiera jkomplu jagħmlu dan il-prodott lokali distint permezz tar-riċetti li għaddew minn diversi ġenerazzjonijiet filwaqt li żammew il-karatteristiċi tradizzjonali li ġejjin minn ingredjenti speċifiċi u s-sawra tal-prodott.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-kultivazzjoni tal-għelieqi żgħar magħluqin bil-ħitan, kienet is-sostenn ewlieni tal-ħajja fuq il-gżira ta’ Lewis għal mijiet ta’snin. Dawn il-kultivaturi ma setgħux jiskartaw l-ebda biċċa laħam, allura kienu jieklu l-istess ikel kuljum sakemm jispiċċa. Il-pudini ipprovdew sors rikk ta’ ħadid u kienu parti importanti ħafna tad-dieta ta’ dawn il-kultivaturi u għadhom hekk għall-poplu ta’ Stornoway.

Stornoway Black Pudding hija unika fis-sens li tuża biss dawn l-ingredjenti li ġejjin f’ordni ta’ kwantità; xaħam ta’ dam taċ-ċanga, dqiq tal-ħafur, basla, demm, melħ u bżar biż-żieda tal-ilma. Huma ħielsa minn kuluri artifiċjali, togħmiet, aġenti li jagħtu l-massa u preservattivi.

Bil-kuntrarju ta’ pudini suwed reġjonali oħrajn, ix-xaħam ta’ dam taċ-ċanga huwa ingredjent maġġuri fi Stornoway Black Puddings. Ix-xaħam ta’ dam huwa x-xaħam ta’ madwar il-kliewi u flettijiet tal-ifrat. Idub f’temperatura baxxa ta’ bejn 45-50 grad Celsius li jfisser li huwa faċli biex jintuża fil-forma solida għal produzzjoni tal-pudini iżda jinħall meta jitqiegħed fuq il-fwar jew bit-togħlija. Għalkemm ix-xaħam ta’ dam huwa kważi mingħajr togħma huwa jtejjeb it-togħma tal-ingredjenti miżjuda u jagħmel is-sawra tal-pudini eħfef ukoll. Ħafna mill-pudini suwed reġjonali huma magħmula mid-demm tal-ħnieżer. Stornoway Black Puddings madankollu jużaw demm tan-nagħaġ jew tal-baqar jew tal-ħnieżer, fejn id-demm jinkiseb mill-biċċerija lokali ta’ fuq il-gżira meta possibbli.

Uħud mill-biċċiera ta’ Stornoway li jiffurmaw parti minn Stornoway Black Pudding Producers’ Association ilhom jagħmlu u jbiegħu l-pudini tagħhom sa mill-1931. Stornoway Black Pudding ilhom jiġu mibjugħa taħt dak l-isem sa minn dak iż-żmien. Il-biċċiera użaw l-isem Stornoway Black Pudding fl-ambitu ta’ kooperattiva u fittxew li jżżommu standards għoljin fil-produzzjoni u li jżommu r-rabtiet li jmorru lura għall-patrimonju Hebridean. Bħala riżultat il-pudina ħadet reputazzjoni li dejjem qed issir aktar internazzjonali minħabba t-togħma u kwalità tagħha u issa hija magħrufa bħala waħda mill-aqwa pudini gourmet fir-Renju Unit. Il-prodott għamel it-tranżizzjoni milli jkun magħruf tradizzjonalment bħala platt ikel tipiku ta’ dawn il-kultivaturi sabiex il-lum isir assoċjat ma’ speċjalità tal-ikel magħrufa madwar id-dinja kollha.

Stornoway Black Pudding hija intrinsikament marbuta mat-turiżmu taż-żona, spiss mixtrija minn viżitaturi bħala tifkira jew “togħma tal-Gżejjer”. Hemm rikonoxximent dinji tad-ditta u r-rabta lura għal Stornoway bħala ż-żona. Ħafna mill-kotba ta’ gwida dwar l-Iskozja jsemmu l-Marag Dubh f’konnessjoni ma’ Lewis. Bosta mijiet ta’ entrati fuq Google wkoll isemmu din ir-rabta. Hebrides qed jesperjenzaw żieda fl-għadd ta’ viżitaturi u l-industrija tat-turiżmu fiż-żona tjiebet permezz tas-suċċess tal-esposizzjoni fuq it-TV minħabba programmi bħal “Great Hebridean Escape” ta’ Monty Hall. Il-pudina dehret fl-edizzjoni ta’ Jannar 2010 tan-National Geographic u kienet parti essenzjali tal-“Homecoming Campaign” tal-2010 ta’ Visit Scotland.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.archive.defra.gov.uk/foodfarm/food/industry/regional/foodname/products/documents/stornoway-black-pudding-pgi.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.