28.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/13


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 125/06

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“SPARGEL AUS FRANKEN”/“FRÄNKISCHER SPARGEL”/“FRANKEN-SPARGEL”

KE Nru: DE-PGI-0005-0804-17.03.2010

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Spargel aus Franken”/“Fränkischer Spargel”/“Franken-Spargel”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta’ prodott:

Il-kategorija 1.6 –

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

Id-denominazzjoni “Spargel aus Franken” tirreferi esklużivament għar-rimjiet li jistgħu jittieklu tal-ispraġ tat-tip “Asparagus officinalis L” li jitkabbar u jinqata' fiż-żona ġeografika ta' Franken, bħala spraġ abjad li jaqa’ fis-subkategorija tal-ispraġ vjola, u bħala spraġ aħdar li jaqa’ fis-subkategorija tal-ispraġ vjola fl-aħdar.

L-ispraġ abjad jitkabbar f’raddi magħmulin mill-ħamrija. Minħabba li r-rimjiet ikunu protetti mid-dawl tax-xemx, dawn jibqgħu ta’ lewn ċar. Id-differenzi bejn il-varjetajiet u l-fatt li l-ħamrija tħalli d-dawl jgħaddi minnha jfissru li l-irjus tal-ispraġ abjad jistgħu jkunu wkoll ta’ lewn li jagħti minn roża għall-vjola. Il-varjetajiet il-bojod u l-vjola tal-ispraġ jissejħu wkoll “Bleichspargel”.

L-ispraġ aħdar jitkabbar fl-art. Il-fotosinteżi, li tirriżulta mill-esponiment għax-xemx, tipproduċi l-klorofilla li tagħti kulur ħadrani lilll-ispraġ. Minħabba d-differenzi bejn il-varjetajiet tal-ispraġ, xi spraġ aħdar jista' wkoll ikollu lewn li jagħti xi ftit fil-vjola.

Sabiex jintlaħqu l-istandards tal-kwalità u jkunu żgurati l-karatteristiċi speċjali tal-ispraġ tat-tip “fränkischer Spargel”, dan l-ispraġ jitkabbar skont ir-regoli ta' prassi tal-biedja tajba u, wara l-preparazzjoni u l-ippakkjar, jinbiegħ skont l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni rilevanti tal-UE.

L-ispraġ tat-tip “fränkischer Spargel” ivarja mill-ispraġ ta' oriġini oħra minħabba l-fatt li, apparti l-karatteristiċi esterni tiegħu (skont l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni), huwa għandu kwalitajiet interni (fibri fini, togħma kemxejn aromatika u tendenza baxxa li jiżviluppa ċertu aċidità) u jitkabbar u jinqata' biss fiż-żona ġeografika ta' Franken.

Sabiex tkun żgurata l-kwalità interna, il-produtturi jibbażaw l-għażla tagħhom tal-varjetajiet, li tikkorrispondi mill-qrib ma' din l-ispeċifikazzjoni, fuq il-kontrolli uffiċjali tal-varjetajiet li jsiru mir-reġjun tal-Bavarja. Dawk li jkabbru l-prodott jiġu infurmati ta’ kull sena dwar liema varjetajiet huma rrakkomandati. Barra minn hekk, il-fatt li l-ispraġ jinqata' b’mod kontinwu u b’mod li jkun adattat għall-kundizzjonijiet tat-temp li jkun hemm dak il-ħin, u l-fatt li dan jiġi ttrattat b'mod xieraq wara li jinqata' jiżguraw li l-ispraġ ikun dejjem frisk, ikun x’ikun il-mod kif jitqassam.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-produzzjoni tal-ispraġ, minn meta jinżara' sa ma jinqata', għandha ssir fiż-żona ġeografika ta’ Franken.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika ta' Franken fiha ż-żoni kollha tat-tkabbir tal-ispraġ fid-distretti tan-naħa t'isfel, dawk ċentrali u dawk tan-naħa ta' fuq ta' Franken fir-reġjun tal-Bavarja fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

L-ispraġ tat-tip “Fränkischer Spargel” jitkabbar f'żoni b’art taflija li huma tipiċi għal Franken, kif ukoll fil-ħamrija mrammla ta' Jura, tal-għoljiet u s-saff tal-blat ta' Keuper fit-Tramuntana tal-Bavarja, tal-pjanura ta' Franken, kif ukoll ta’ Spessart u tar-Rhön f'altitudni medja ta' 200 sa 300 metru. Il-kundizzjonijiet tat-tkabbir huma kkaratterizzati wkoll minn ammont medju ta' 1 500 siegħa ta' dawl tax-xemx fis-sena, minn temperatura medja ta' 10 °C u minn ammont annwali tax-xita ta' 600 mm. Id-dawl tax-xemx u t-temperaturi jiffavorixxu t-tisħin bikri tal-art. Ix-xita tinżel b'mod regolari minn xahar għall-ieħor, hekk li tagħmel madwar 40 sa 60 mm xita kull xahar, u b’hekk l-ispraġ ukoll jikber bl-istess rata minn xahar għall-ieħor. Il-kundizzjonijiet tat-tkabbir fi Franken jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tal-kejl tat-temperatura tar-raddi magħmul fil-qafas tal-proġett imsejjaħ “Spargel-Temperaturservice”.

Minħabba dawn l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi, id-distretti tan-naħa t'isfel, dawk ċentrali u dawk tan-naħa ta' fuq ta' Franken huma magħrufa tradizzjonalment għall-produzzjoni żviluppata ħafna tagħhom tal-ispraġ. Pereżempju, il-mod kif jinqata’ l-ispraġ imsejjaħ “qtugħ fil-għama” (bil-Ġermaniż “blind Stechen”) huwa mod antik ta' kif jinqata' l-ispraġ abjad li għadu jintuża sal-lum. F'dan il-metodu, parti mir-rimja tal-ispraġ tinqata’ mill-pjanta b'sikkina twila mingħajr ma tinqala’ r-rimja kollha.

Fix-xogħol ta' Florinus mill-1702 sal-1722 diġà ssir referenza għat-tradizzjoni tat-tkabbir tal-ispraġ (il-librerija tal-istat tal-Bavarja li tinsab fi Munich). Dokumenti storiċi oħrajn li fihom hija ddokumentata l-oriġini tat-tkabbir tal-ispraġ fi Franken imorru lura għall-1799 sal-1858 għaż-żona ta' Bamberg (fin-naħa ta' fuq ta' Franken) u għall-1860 għad-distrett rurali ta' Kitzingen (fin-naħa t’isfel ta' Franken). Storja ta' Markt Eggolsheim (fin-naħa ta' fuq ta' Franken) ippubblikata fl-1876 tirreferi għall-fatt li l-ispraġ kien jitkabbar fir-reġjun fl-1670.

Matul is-sekli, it-tkabbir tal-ispraġ fi Franken sar fattur importanti fl-ekonomija tar-reġjun, u sar għandu wkoll sinifikat kulinarju u kulturali kbir. Fl-2000, l-ispraġ tkabbar fi Franken fuq 670 ettaru ta’ art (li minnhom 77,18-il ettaru kienu fin-naħa ta' fuq ta' Franken, 264,62 ettaru kienu fil-parti ċentrali ta' Franken u 327,61 ettaru kienu fin-naħa t'isfel ta' Franken), li jirrappreżentaw 41 % taż-żoni kollha tat-tkabbir tal-ispraġ fil-Bavarja.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

L-ispraġ ta' Franken huwa mfittex l-iktar għall-fibri fini u t-togħma kemxejn aromatika tiegħu, kif ukoll għat-tendenza baxxa tiegħu li jiżviluppa ċertu aċidità. Edizzjoni tal-ġurnal “Die Gartenlaube” tal-1858 (li ġiet ippubblikata mill-ġdid fl-1992 fil-ktieb “Elyane Werner, Fränkisches Leben — fränkischer Brauch”, stampat minn W. Ludwig) tirreferi għall-ispraġ bħala prodott “iċċelebrat tradizzjonalment”.

L-ispraġ ta' Franken għandu fama konsiderevoli u reputazzjoni tajba kemm fir-reġjun ta’ Franken stess kif ukoll lil hinn minnu. Dan jidher, fost affarijiet oħra, mill-fatt li dan il-prodott huwa ppreżentat fil-midja bħala speċjalità tal-ikel imfittxa ħafna. Mill-1998 ’l hawn, qed issir elezzjoni kull sentejn sabiex tinħatar b'mod uffiċjali r-reġina tal-ispraġ ta' Franken. Ir-reġina tal-ispraġ ta' Franken u l-prinċipessi reġjonali tal-ispraġ ta' Franken jingħataw ħafna attenzjoni. Fost il-ħafna festi tal-ispraġ li jsiru fi Franken, dik imsejħa “Spargelmarkt” li ssir f'Nuremberg hija l-iktar waħda famuża. Dwar il-bidu tal-istaġun tal-ispraġ fi Franken, meta ħafna drabi l-Ministru tal-Agrikoltura tal-Bavarja jippreżenta, b’mod simboliku, l-ewwel rimja tal-ispraġ tal-istaġun, jirrappurtaw ta’ kull sena mhux biss il-gazzetti reġjonali, imma wkoll il-midja f'partijiet oħra tal-Bavarja. Tradizzjonalment, kull sena l-qtugħ tal-ispraġ jintemm fl-24 ta' Ġunju (f’jum San Ġwann).

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-kwalità u t-togħma speċjali tal-ispraġ ta’ Franken ġejjin mit-taħlita unika tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija, tal-klima u tal-għarfien speċjali żviluppat matul iż-żmien mill-produtturi tal-ispraġ ta' Franken li tinstab biss f’dan ir-reġjun.

L-esperjenza tal-produtturi tal-ispraġ fi Franken ingħaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra. Dan il-livell għoli ta' għarfien dwar l-ispraġ jingħaqad mar-riċerka moderna (magħmula mill-“Bayerische Landesanstalt für Weinbau und Gartenbau” u mill-“Bayerische Landesanstalt für Landwirtschaft”), mat-testijiet tat-tkabbir fir-reġjun (f’Albertshofen u Eckental) u mat-taħriġ (jiem l-ispraġ) u l-informazzjoni (ċirkulari dwar l-ispraġ maħruġa mill-għaqda msejħa “Spargel-Erzeugerverband Franken e.V.” u informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċji tal-Agrikoltura ta’ Kitzingen u ta’ Fürth) għal dawk li jkabbru l-prodott. Din l-esperjenza u dan l-għarfien huma riflessi fil-kwalità tajba tal-ispraġ ta' Franken.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006)

Fit-taqsima 7a-aa tal-volum 12 tal-“Markenblatt” tal-20 ta’ Marzu 2009, p. 4

http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/1200


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.