27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/9


Notifika ta' bidu tal-proċeduri kontra s-sussidji rigward l-importazzjonijiet ta' bajsikils li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2012/C 122/06

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' bajsikils, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qegħdin ikunu sussidjati u minħabba f'hekk qegħdin joħolqu dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fil-15 ta' Marzu 2012 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Bajsikils (EBMA) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, f'dan il-każ aktar minn 25 %, tat-total tal-produzzjoni ta' bajsikils fl-Unjoni.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott li huwa soġġett għal din l-investigazzjoni huwa bajsikils u roti oħra (inklużi t-triċikli għall-ġarr tal-prodotti iżda esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta' sussidjar

Il-prodott li allegatament qed jiġi ssussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

Il-kwerelant jallega li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bbenefikaw minn għadd ta' sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Il-kwerelant jallega wkoll li s-sussidji jikkonsistu, inter alia, f'eżenzjonijiet mit-taxxa fuq id-dħul u taxxi diretti oħra (eż. it-taxxa fuq id-dħul preferenzjali tal-kumpaniji għall-industriji tat-teknoloġija għolja u ġodda, l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul skont il-programm ta' sentejn eżenti u tlieta bin-nofs (two free/three half programme), l-eżenzjoni jew it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul lokali għall-“Intrapriżi b'Investiment Barrani (FIEs) produttivi”, it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul għall-FIEs li jixtru tagħmir prodott domestikament, it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul għall-FIEs skont il-lokalità ġeografika, il-politiki fiskali preferenzjali għar-riċerka u l-iżvilupp fl-FIEs, il-krediti tat-taxxa fuq id-dħul għall-kumpaniji bi sjieda domestika li jixtru tagħmir prodott domestikament, il-programm ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għall-FIEs orjentati lejn l-esportazzjoni, il-programm ta' rifużjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji għal riinvestiment tal-profitti tal-FIEs f'intrapriżi orjentati lejn l-esportazzjoni), eżenzjonijiet mit-tariffi u mit-taxxa indiretta (eż. l-eżenzjonijiet mill-VAT u mit-tariffi fuq it-tagħmir importat, it-tnaqqis mill-VAT fuq it-tagħmir prodott domestikament, l-eżenzjoni mit-taxxi tal-manutenzjoni u tal-kostruzzjoni u mis-soprataxxi fuq l-edukazzjoni għall-FIEs), self preferenzjali u sussidji fuq ir-rati tal-imgħax (eż. is-self politiku b'imgħax baxx mogħti mill-Banek Kummerċjali Statali u mill-banek tal-Politika tal-Gvern), provvista ta' oġġetti mill-gvern għal ħlas inqas minn adegwat (eż. l-għoti tad-drittijiet ta' inputs ta' materja prima, elettriku u użu tal-art), programmi ta' għotjiet (eż. it-Tianjin Cycle Industry Park Development Assistance Fund, it-Tianjin Binhai New Area Special Development and Construction Assistance Fund, il-Premjijiet għall-Marki Famużi) kif ukoll programmi ta' Żona ta' Żvilupp Ekonomiku (EDZ) (eż. mogħtija minn Tianjin Binhai New Area, Tinajin Jinghai EDZ, Tianjin Economic-Technological Development Area, Da Gang EDZ, Wu Qing EDZ, Dongguan South China Industry Park).

Il-kwerelant jallega wkoll li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew minn Gvernijiet reġjonali oħra (inklużi l-entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lir-riċevituri, jiġifieri lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, u/jew fuq l-użu ta' prodotti domestiċi fuq dawk importati u/jew limitati għal ċerti tipi ta' intrapriżi u/jew reġjuni, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

4.   L-allegazzjoni ta' dannu

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u żdiedu f'termini ta' sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċedura, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk dan is-sussidju kienx ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti ta' sussidji

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f'din il-proċedura, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif, mitlub fl-Anness A ma' din in-notifika, dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista' tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk dan ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula biex ikunu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, il-kost tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat lill-Unjoni.

Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw”) mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku. Mingħajr preġudizzju għat-taqsima 5.1.1.(b) hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista' jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw, ma għandux jaqbeż il-marġni medju peżat tas-sussidjar stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

(b)   Il-marġni ta' sussidju individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta' sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni ta' sussidju individwali għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta' talba applikabbli u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati fis-sentenza li ġejja. Il-kwestjonarju mimli għandu jiġi ppreżentat fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta' sussidju individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta' sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (4)  (5)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' importaturi mhux relatati involuti f'din il-proċedura u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif, mitlub fl-Anness B ma' din in-notifika, dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi li mhumiex relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat, li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Id-determinazzjoni tad-dannu hi msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-għadd kbir ta' produtturi tal-Unjoni involuti f'din il-proċedura u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-fajl li jinkludi d-dettalji jinsab għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (sabiex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji tal-kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 ta' hawn taħt). Il-produtturi l-oħra tal-Unjoni, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni se jkunu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li finalment se jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija/i, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, il-kost tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta' sussidjar u dannu kkawżat minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta' miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fil-limitu tal-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. It-tagħrif jista' jingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 31 se jitqies biss jekk meta jiġi ppreżentat ikun sostnut b'evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din in-notifika, il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (6).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jitwarrab.

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Faks +32 22985353

Posta elettronika

:

TRADE-AS589-BICYCLES-A@ec.europa.eu

(biex jintuża mill-esportaturi, l-importaturi relatati, l-assoċjazzjonijiet u r-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina)

TRADE-AS589-BICYCLES-B@ec.europa.eu

(biex jintuża mill-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi mhux relatati, l-utenti, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet fl-Unjoni)

6.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif jista' jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b'mod sħiħ.

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi sottomessa talba għal smigħ fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, is-sussidjar, id-dannu, ir-rabta ta' kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Dan is-smigħ, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (7).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(3)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, kull ammont null u minimu ta' sussidji kumpensatorji u kull ammont ta' sussidji kumpensatorji stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, għandhom jitwarrbu.

(4)  Jistgħu jintgħażlu għall-kampjun biss importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) miżżewġin, (ii) ġenituri u wlied, (iii) aħwa (sew jekk ulied l-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tas-sussidjar.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image

Image


ANNESS B

Image

Image