25.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/9


Notifika ta' bidu ta' reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' twavel tal-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukraina

2012/C 120/06

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri tal-antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' twavel tal-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukraina (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba tressqet fil-25 ta' Jannar 2012 minn tliet produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f'dan il-każ ta' aktar minn 25 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta' twavel tal-mogħdija.

2.   Il-prodott li qed jiġi rivedut

Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa twavel tal-mogħdija, kemm jekk jieqfu waħedhom kif ukoll jekk le, bil-wiċċ jiġbed il-fwar u/jew bil-wiċċ isaħħan u/jew bil-wiċċ jitfa' l-fwawar jew le, inklużi twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ u fejn titqiegħed il-ħadida, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukraina (“il-prodott rivedut”), li bħalissa jaqgħu taħt dawn il-kodiċijiet NM ex 3924 90 00, ex 4421 90 98, ex 7323 93 00, ex 7323 99 00, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00.

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 (3) u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2010 (4).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni tal-iskadenza

It-talba tipprovdi biżżejjed evidenza li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal biex jissokta d-dumping u d-dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni li x'aktarx jissokta d-dumping

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, l-applikant iffissa valur normali għall-produtturi esportaturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ f'pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa, kif imsemmi fil-punt 5.1.3. L-allegazzjoni li jissokta d-dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali, kif stabbilit fis-sentenza ta' qabel, mal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut. Abbażi ta' dan, il-marġini ta' dumping ikkalkolat huwa sinifikanti.

L-allegazzjoni li jissokta d-dumping għall-Ukraina hija msejsa fuq tqabbil tal-prezzijiet tal-bejgħ fl-Ukraina mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Abbażi ta' dan, il-marġini ta' dumping ikkalkolat huwa sinifikanti.

4.2.    Allegazzjoni li x'aktarx jissokta d-dannu

Huwa allegat ukoll li l-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tal-prodott li qed jiġi rivedut baqgħu jidħlu fi kwantitajiet sinifikanti u baqgħu joħolqu dannu lill-industrija tal-Unjoni.

L-evidenza prima facie li ta l-applikant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi rivedut baqgħu iħallu, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba, u għaldaqstant tħallew effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-applikant jallega li kwalunkwe żieda fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati x'aktarx li twassal għal aktar ħsara għall-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu. F'dan ir-rigward, l-applikant ta evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, x'aktarx il-livell attwali ta' importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati tal-prodott li qed jiġi rivedut se jiżdied minħabba li teżisti kapaċità mhix użata fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-estensjoni tal-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-twavel tal-mogħdija Ċiniżi fis-suq tal-esportazzjoni tradizzjonali tagħhom tal-Istati Uniti tal-Amerika, u l-attrattività għolja tas-suq tal-Unjoni mil-lat ta' daqs u prossimità ġeografika għal produtturi esportaturi Ukreni.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex ikun iġġustifikat bidu ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk huwiex probabbli, jew improbabbli, li l-iskadenza tal-miżuri twassal biex jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u d-dannu.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà li jissokta jew jerġa' jseħħ id-dumping

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura biex jingħażlu produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott li qed jiġi rivedut mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni tar-reviżjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu biex jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness A ta' din in-notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż u tista' tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra dwar l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk dan ikun xieraq, dwar liema kumpaniji ntgħażlu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha li jintgħażlu fil-kampjun, se jkollhom jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, il-kost tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut lill-Unjoni.

Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux fil-kampjun għandhom jitqiesu li qed jikkoperaw (“produtturi esportaturi li qed jikkoperaw iżda li mhumiex fil-kampjun”) mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

5.1.1.2.   Il-proċedura għall-produtturi esportaturi li jridu jiġi investigati fl-Ukraina

Il-produtturi esportaturi kollha u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi fl-Ukraina huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda sa mhux iktar tard minn 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jidentifikaw ruħhom u jitolbu l-kwestjonarju.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lil produtturi esportaturi magħrufa fl-Ukraina, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż.

Il-produtturi esportaturi u, fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi, iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, il-kost tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut lill-Unjoni.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta' importaturi li mhumiex relatati  (6)  (7)

L-importaturi li mhumiex relatati, tal-prodott li qed jiġi rivedut mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukraina, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex investigati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li humiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu biex jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness B ta' din in-notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi li mhumiex relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra dwar l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi magħrufa kollha li mhumiex relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji ntgħażlu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi li mhumiex relatati u li ntgħażlu fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-importaturi. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut.

5.1.3.   Il-proċedura addizzjonali fir-rigward tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Għażla ta' pajjiż terz b'ekonomija tas-suq

F'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta' importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, se jiġi ddeterminat valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur mibni f'pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

Fl-investigazzjoni preċedenti, it-Turkija, l-Ukraina u l-UE ntużaw bħala pajjiżi terzi xierqa b'ekonomija tas-suq sabiex jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għall-finijiet tal-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni proviżorjament bi ħsiebha tuża l-Ukraina. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkummentaw dwar l-adegwatezza ta' dan il-pajjiż. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà li jissokta jew jerġa' jseħħ id-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà jew le li jerġa' jseħħ id-dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni tar-reviżjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjur isir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-partijiet interessati jistgħu jiksbu d-dettalji mill-fajl tal-ispezzjoni. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (sabiex jagħmlu dan jeħtiġilhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bid-dettalji tal-kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għal xiex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra dwar l-għażla tal-kampjun, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji fl-aħħar intgħażlu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni li ntgħażlu fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija/i, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi rivedut, il-kost tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u d-dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jidentifikaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta' żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rivedut.

Il-partijiet li jidentifikaw ruħhom fil-limitu ta' żmien imsemmi hawn fuq, jistgħu jagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata f'għamla libera jew billi jimtela l-kwestjonarju li ħejjiet il-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 tiġi kkunsidrata biss jekk meta titressaq tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna juru fehmiethom, jibagħtu l-informazzjoni u jipprovdu l-evidenza ta' sostenn. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduta ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid issir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minn hemm 'il quddiem, talba għal smigħ trid issir fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Istruzzjonijiet biex isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż l-informazzjoni mitluba f'din in-notifika, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (8).

Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji tagħha mhux kunfidenzjali skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu fid-dettall biżżejjed biex jagħtu fehma raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali. Jekk xi parti interessata li tagħti informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju tagħha mhux kunfidenzjali fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jiġi injorat.

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'għamla elettronika (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'għamla elettronika, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Id-Direttorat H

Uffiċċju: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22985353

Posta elettronika: TRADE-R549-IRONING-BOARDS-A@EC.EUROPA.EU

(biex jintuża mill-produtturi esportaturi, l-importaturi relatati, l-assoċjazzjonijiet u r-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-produtturi fil-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq), u

TRADE-R549-IRONING-BOARDS-B@EC.EUROPA.EU

(biex jintuża mill-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi li mhumiex relatati, l-utenti, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet fl-Unjoni)

6.   In-nuqqas ta' koperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tagħtix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta' żmien, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkoperax jew tikkopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkoperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal seduti ta' smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ.

Talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduta ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid issir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid issir fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u d-dannu, u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar tagħrif u dettalji tal-kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tingħalaq, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Il-possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Peress li din ir-reviżjoni bdiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhux se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu f'konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li tkun ġustifikata reviżjoni tal-livell tal-miżuri, sabiex tippermetti l-possibbiltà li l-livell tal-miżuri jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas), dik il-parti tista' titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu din ir-reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta li tinġabar f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (9).


(1)  ĠU C 187, 28.6.2011, p. 21.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

(4)  ĠU L 338, 22.12.2010, p. 22.

(5)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi rivedut lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta' parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut.

(6)  Fil-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 rigward l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu impjegat u impjegatur; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew tal-kwoti tal-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(7)  Id-dejta li taw l-importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward tal-aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni tad-dumping.

(8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li huwa kkunsidrat kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image


ANNESS B

Image

Image