|
3.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 99/18 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2012/C 99/10
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“SALE MARINO DI TRAPANI”
KE Nru: IT-PGI-0005-0892-09.09.2011
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Sale Marino di Trapani”
2. Stat Membru jew Pajjiż terz:
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta’ prodott:
|
Klassi 1.8. |
Prodotti oħra tal-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.) |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fil-punt 1:
L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Sale Marino di Trapani” tiddenomina l-melħ tal-baħar estratt mis-salini ta’ Trapani, Paceco u Marsala li jinsabu fiż-żona ġeografika indikata fil-punt 4 aktar 'il quddiem.
Il-parametri kimiċi ta’ riferiment għas-“Sale Marino di Trapani” jinsabu indikati fit-tabella li ġejja.
|
Parametri |
Unità tal-kejl |
Sale Marino di Trapani |
|
Residwu li ma jinħallx |
% |
< 0,2 |
|
Umdità residwa |
% |
< 8 |
|
Klorur tas-sodju (minn materja niexfa) |
% |
> 97,0 |
|
Manjesju |
% |
< 0,70 |
|
Potassju |
% |
< 0,30 |
|
Kalċju |
% |
< 0,40 |
|
Sulfati |
% |
< 1,5 |
|
Ħadid |
Mg/kg (ppm) |
< 20 |
|
Ċomb |
Mg/kg (ppm) |
< 1,5 |
|
Żingu |
Mg/kg (ppm) |
< 1 |
|
Ram |
Mg/kg (ppm) |
< 1 |
|
Kromu |
Mg/kg (ppm) |
< 0,15 |
|
Merkurju |
Mg/kg (ppm) |
< 0,05 |
|
Kadmju |
Mg/kg (ppm) |
< 0,15 |
|
Arseniku |
Mg/kg (ppm) |
< 0,1 |
|
Jodju |
Mg/kg (ppm) |
> 0,70 |
L-għażliet analitiċi għandhom isiru skont il-metodu indikat fir-regoli tal-Codex Alimentarius STAN 150-1985.
Is-“Sale Marino di Trapani” għandu jkollu l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi li ġejjin:
|
|
kulur: abjad; |
|
|
kristalli konsistenti; |
|
|
granulometrija mħallta; |
|
|
mingħajr adittivi, aġenti għall-ibbliċjar, konservanti u/jew antiagglomeranti. |
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
—
3.4. Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
—
3.5. Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:
Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni tas-“Sale Marino di Trapani”, mill-produzzjoni tal-melħ fis-salini sal-ġbir u l-ipproċessar tal-melħ, għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata fil-punt 4.
Iċ-ċiklu tal-proċess għandu jinkludi fażi waħda jew iktar minn dawn li ġejjin:
|
— |
ħasil fil-kontrokurrent tal-ilma mielaħ, li jkun ġej mill-vaski tas-salini tal-istess żona tal-produzzjoni; |
|
— |
azzjoni ċentrifuga; |
|
— |
proċess mekkaniku ta’ tħin fl-imtieħen magħmulin mill-ġebel lokali (tħin bl-imtieħen tradizzjonali li jaħdmu bir-riħ) jew fi mtieħen tal-azzar INOX; |
|
— |
tnixxif fi fran b’qiegħ fluwidu f’temperatura ta’ inqas minn 250 C; |
|
— |
għarbiel mekkaniku għall-għażla tal-intervalli granulometriċi definiti. |
3.6. Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għat-tħakkik, għall-ippakkjar, eċċ.:
—
3.7. Regoli speċifiċi għat-tikkettar:
Is-“Sale Marino di Trapani” jiġi ppreparat għall-konsum f'pakketti tal-ikel apposta, b'siġill ta' garanzija li jista’ jintuża darba biss, fil-qisien li ġejjin: 1 000 kg, 25 kg, 10 kg, 5 kg, 2 kg, 1 kg, 750 g, 500 g, 250 g, 120 g, 100 g.
Flimkien mas-simbolu grafiku Ewropew, il-kaxxi u l-pakketti jrid ikollhom l-indikazzjoni “IĠP — Sale Marino di Trapani”, stampata b’karattri li jinqraw b’mod ċar, u trid tkun f’kulur oppost għall-kulur tat-tikketta b’tali mod li tingħaraf b’mod distint mill-bqija tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq il-pakkett.
4. Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:
Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Sale Marino di Trapani” tinkludi t-territorji tal-Komuni ta’ Trapani, Paceco u Marsala (Provinċja ta’ Trapani). B’mod partikolari, din iż-żona ġeografika tinkludi s-salini ta’ mal-kosta (“La Via del Sale”) li tinsab fin-Nofsinhar tal-parti residenzjali tal-belt ta' Marsala, fit-Tramuntana tal-belt ta' Trapani, fil-Punent tal-Baħar Mediterran (inklużi l-gżejjer Stagnone di Marsala: Isola Grande, Isola di Mothia, Isola Santa Maria), u l-Lvant tal-awtostrada 115 (s.s. 115).
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Is-“Sale Marino di Trapani” jiġi estratt mis-salini ta’ Trapani, Paceco u Marsala fejn l-ilma nadif ħafna tar-riserva naturali marina tal-Gżejjer Egadi tiffavorixxi l-produzzjoni tal-melħ u tinsab proprju mal-kosta taż-żona tal-produzzjoni kollha tas-“Sale Marino di Trapani”. It-terren baxx li minnu hi magħmula l-kosta, li f’xi każijiet huwa ftit inqas mil-livell medju tal-baħar, flimkien mal-impermeabbiltà għolja tal-art, ilkoll jikkontribwixxu biex iż-żona tkun adattata għall-produzzjoni tal-melħ tal-baħar, u l-melħ jista’ jinħadem fil-faċilitajiet tal-produzzjoni li huma effiċjenti u ekonomiċi. Minbarra dan, il-pożizzjoni ġeografika taż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata mill-iskarsezza tal-ilma ħelu u l-kurrenti b’saħħithom li jiggarantixxu l-konsistenza fl-ammont ta' salinità u t-tibdil frekwenti tal-provvista tal-ilma.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Is-“Sale Marino di Trapani” huwa melħ kompletament naturali mingħajr adittivi, aġenti tal-ibbliċjar, konservanti jew antiagglomeranti, u huwa partikolarment apprezzat minħabba l-karatteristiċi ta' purità tiegħu mill-industriji tal-ipproċessar Taljani u Ewropej.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):
Is-“Sale Marino di Trapani” għandu reputazzjoni antika kemm fl-Italja kif ukoll internazzjonalment, kemm fil-livell kummerċjali kif ukoll fil-livell tal-konsumaturi. Bħala konferma ta’ din it-tradizzjoni twila ta’ produzzjoni u ġbir tas-“Sale Marino di Trapani”, wieħed għandu jħares lejn l-informazzjoni storika marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' dan il-prodott li tmur lura tlett elef sena, minn meta l-Feniċi taw importanza kbira fl-ekonomija tagħhom lill-prodott magħruf bħala “oro bianco” (deheb abjad). L-ewwel xiehda vera ta’ salina fi Trapani saret mill-ġeografu Għarbi Al-Abu ‘Abd Allah Muhammad, magħruf bħala Idrisi jew Edrisi, li fil-ktieb tiegħu “Libro per lo svago di chi ama percorrere le regioni”, li kitbu għar-Re Normann Ruġġieru II ta’ Sqallija fl-1154, jiddeskrivi l-preżenza tas-salini proprju quddiem id-daħla tal-belt ta’ Trapani. Għal ħafna sekli s-salini kienu proprju t-tikketta li biha kienu magħrufin n-nies ta’ Trapani madwar l-Ewropa kollha, li minħabba fihom niesha kienu orgoljużi ħafna mit-territorju naturali tagħhom, ikkaratterizzat mill-kultura tal-melħ minħabba l-klima favorevoli li hija kkaratterizzata minn xemx qawwija, ħafna riħ u ftit xita.
Id-dejta statistika u kummerċjali (Mondini 1999) tikkonferma r-reputazzjoni matul is-sekli XVI u XVII tas-“Sale Marino di Trapani”. Wara l-1572, meta l-Gżira ta' Ċipru nħakmet mit-Torok, is-Serenissima u d-Dukat ta' Milan ippreferew jagħżlu lil Trapani bħala s-suq approvat minflok il-bliet aktar viċini ta’ Berletta u Valona.
Ir-reputazzjoni tas-“Sale Marino di Trapani” baqgħet ħajja sal-ġurnata tal-lum, u anzi żdiedet b’riżultat tal-istabbilment tar-“Riserva Naturali Orientata Isole dello Stagnone” u r-“Riserva Naturali Orientata delle Saline di Trapani e Paceco”. Apparti minn dawn iż-żewġ avvenimenti, infatti, id-domanda għas-“Sale marino di Trapani” dejjem kompliet tiżdied, mhux biss minħabba l-kwalità intrinsika tal-prodott li diġà kienet stabbilita fil-livell kummerċjali, iżda wkoll minħabba l-immaġni taż-żona li ġej minnu, li mill-aspett ambjentali huwa protett u mmonitorjat. Mhix koinċidenza, fil-fatt, li l-iktar industriji tal-ikel raffinati u attenti, bħal ċerti industriji tal-prieżet fir-reġjun ta’ Emilia, produtturi tal-ħalib Ragusani, kif ukoll xi industriji tal-konservazzjoni Sqallin u minn Campania, jagħżlu li jużaw is-“Sale marino di Trapani” fil-proċessi ta’ produzzjoni rispettivi tagħhom, minħabba l-purezza tiegħu li hija partikolarment apprezzata sa mill-bidu tas-seklu għoxrin (’900) mill-industriji ta’ konservazzjoni tal-ħut tal-Ewropa tat-Tramuntana.
Din ir-reputazzjoni, speċjalment fil-livell internazzjonali, hija kkonfermata wkoll fl-għotja tal-midalja tad-deheb fl-okkażjoni tal-Exposicion Internacional de Medicina e Higiene di Buenos Aires fl-1910.
L-interess kbir fiż-żona jidher fil-“Via del Sale” li hija t-triq ta’ mal-kosta li tkopri ż-żona tal-produzzjoni u li tgħaqqad it-Tramuntana man-Nofsinhar tal-belt ta’ Trapani u tal-belt ta’ Marsala filwaqt li tgħaddi min-nofs il-komun ta’ Paceco, li fl-1995 ġiet nominata għall-kandidatura Taljana tal-I Gran Premio del Turismo Ambientale, li huwa promoss mill-Unjoni Ewropea.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-IĠP “Sale Marino di Trapani” fil-“Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana” Nru 163 tal-15 ta’ Lulju 2011.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-internet li ġej:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
Jew
billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, tal-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (fil-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) u finalment fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.