16.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/45


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 44/10

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“FILDERKRAUT/FILDERSPITZKRAUT”

Nru KE: DE-PGI-0005-0822-09.09.2010

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Filderkraut/Filderspitzkraut”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta’ prodott:

Il-kategorija 1.6:

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

Fil-kummerċ u fil-lingwaġġ ta’ kuljum, l-isem “Filderkraut” jirreferi għal tip ta’ kaboċċa li ġejja għall-ponta li titkabbar fir-reġjun ta’ Filder. Fit-taħdit ta’ kuljum, il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut” tissejjaħ ukoll “Filderspitzkraut”. Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” (Brassica oleracea var. capitata for. alba subv. Conica) hija sottospeċi tal-kaboċċa kkaratterizzata mill-fatt li ġejja għall-ponta, li hi tajba ħafna iżda li ma tantx għadek issibha. Din tifforma parti mill-familja tal-Brassicaceae u m’għandhiex daqshekk nervituri fil-weraq tagħha daqskemm għandha l-kaboċċa t-tonda iżda n-nervituri li għandha huma iktar fini minn dawk tal-weraq tal-kaboċċa t-tonda.

Il-forma tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” li ġejja għall-ponta tvarja skont l-azjenda agrikola li tkun tnisslet fiha. Madankollu, il-ħaġa li tiddistingwihom hija li kollha kemm huma ġejjin għall-ponta. Il-forom ta’ din it-tip ta’ kaboċċa jvarjaw minn kaboċċi li jidhru qishom kaboċċi tondi b’ponta fuqhom għal kaboċċi li għandhom ponta tawwalija kbira ħafna. Il-forma, u b’hekk ukoll il-karatteristiċi differenti taz-zokk u tal-istruttura ta’ ras il-kaboċċa, jiddependu mill-azjenda agrikola speċifika. Ras il-kaboċċa tista’ tkun saħansitra ta’ 50 ċentimetru u ħafna drabi tkun tiżen iktar minn 8 kilogrammi.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Sabiex titħares il-fama tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” li ġejja mill-oriġini tagħha, is-sottospeċi tal-kaboċċa Brassica oleracea var. capitata for. alba subv. Conica trid titkabbar fiż-żona ġeografika identifikata.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Fin-Nofsinhar tal-belt ta’ Stuttgart (li tinsab fir-reġjun ta’ Baden-Württemberg) hemm medda art kbira b’erja ta’ 22 000 ettaru. Din il-medda art kbira tissejjaħ il-“Filder” u fit-taħdit ta’ kuljum tissejjaħ ukoll “il-medda art kbira ta’ Filder”. Il-ħamrija tqila tagħha, li hi taflija u mħallta mar-ramel u l-materjal tal-ħxejjex u li fiha saff trab fin minfuħ mir-riħ fil-widien tax-xmajjar fertili ħafna (imsejħa “lôm tal-‘Filder’”), hija adattata ferm għat-tkabbir ta’ diversi tipi ta’ kaboċċi. Mil-lat ġeoloġiku u mil-lat kummerċjali, il-medda art kbira ta’ Filder tista’ titqies bħala unità waħda. Il-wied tax-xmara Neckar jifforma l-fruntieri ġeografiċi ta’ din il-medda art kbira fix-Xlokk u fil-Grigal, iż-żrieżaq weqfin li jagħtu għall-baċir ta’ Stuttgart u għall-wied ta’ Nesenbach jiffurmaw il-fruntieri tagħha fit-Tramuntana u l-għoljiet tal-foresta ta’ Schönbuch jiffurmaw il-fruntieri tagħha fil-Punent u fil-Lbiċ.

Iż-żona ġeografika tkopri d-distretti tal-bliet u l-muniċipalitajiet ta’ Aichtal, Denkendorf, Filderstadt, Köngen, Leinfelden-Echterdingen, Neuhausen auf den Fildern, Ostfildern u Wolfschlugen u d-distretti tal-belt ta’ Stuttgart li ġejjin: Birkach, Degerloch, Möhringen, Plieningen, Sillenbuch u Vaihingen.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” għandha tradizzjoni li tmur lura sekli sħaħ u l-istorja tat-tkabbir tal-kaboċċi fir-reġjun ta’ Filder ukoll tmur lura għal ħafna snin. Ħames mitt sena ilu, il-patrijiet tal-monasteru ta’ Denkendorf diġà kienu qed ikabbru l-kaboċċa li ġejja għall-ponta, li mbagħad, bil-mod il-mod, saret speċjalità tal-medda art kbira ta’ Filder. It-tkabbir tal-kaboċċi fir-reġjun ta’ Filder jissemma għall-ewwel darba f’reġistru tal-istokk tal-1501 tal-monasteru ta’ Salem (skont l-arkivju tal-belt ta’ Leinfelden-Echterdingen tal-1995 imsejjaħ “Das Filderkraut. Stadt Filderstadt und Leinfelden-Echterdingen” (“Il-kaboċċa tat-tip ‘Filderkraut’: il-belt ta’ Filderstadt u Leinfelden-Echterdingen”). Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” tissemma fil-kitba għall-ewwel darba fl-1772 mill-qassis ta’ Bernhausen li kien kunjomu Bischoff, li kiteb dan li ġej dwar it-tkabbir tal-kaboċċi fir-reġjun ta’ Filder: “Il-kaboċċa l-bajda li ġejja għall-ponta hija l-unika (tip ta’ kaboċċa) li titkabbar hawnhekk” (skont il-ktieb ta’ Grabinger tal-1974 imsejjaħ “Bernhausen, Ortsgeschichte Bernhausen” (“Bernhausen: l-istorja tal-post ta’ Bernhausen”), p. 200).

L-istruttura unika tal-ħamrija tal-medda art kbira ta’ Filder, li hija magħmula minn saff fond ta’ lôm tal-“Filder” fil-wiċċ u minn taħlita ta’ saff trab fin minfuħ mir-riħ fil-widien tax-xmajjar fertili ħafna, ta’ lôm ta’ dan is-saff trab fin u ta’ lôm mikdud bit-temp mill-formazzjonijiet tal-Jura s-sewda, il-provvista kbira tan-nutrijenti, il-kontenut kostanti għoli tal-indewwa, u l-mikroklima speċjali ta’ din il-medda art kbira jipprovdu kundizzjonijiet tajbin ferm għat-tkabbir tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” (http://www.leinfelden-echterdingen.de, “Geschichte des Filderkrauts” (“L-istorja tal-kaboċċa tat-tip ‘Filderkraut’/‘Filderspitzkraut’”); Christine Metzger, “Deutschland Spezialitätenküche” (“L-ispeċjalitajiet tal-ikel Ġermaniż”), 1999, p. 293). Teżi tal-1924 diġà kienet ipprovdiet xhieda dwar ir-rabta bejn il-provvista tal-ilma minħabba l-ħamrija magħmula minn lôm ta’ saff trab fin minfuħ mir-riħ fil-widien tax-xmajjar fertili ħafna u l-fiżjoloġija tar-rendiment tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” (teżi ta’ Siegmund von Frauendörfer imressqa lill-Università ta’ Hohenheim fl-1924 imsejħa “Der Krautanbau auf den Fildern bei Stuttgart” (“It-tkabbir tal-kaboċċi fir-reġjun ta’ Filder qrib Stuttgart”)). Is-sottospeċi tal-kaboċċa tat-tip “Filderspitzkraut” b’mod partikulari ilha għal sekli sħaħ titkabbar biss fir-reġjun ta’ Filder, minħabba li ma tikbirx daqshekk tajjeb fir-reġjuni l-oħra (teżi ta’ G. Steng imressqa lill-Università ta’ Hohenheim fl-1947 imsejħa “Das Filderkraut: Eine pflanzenbaul. u. pflanzenzüchter. Studie” (Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”: studju dwar il-produzzjoni u t-tkabbir tal-pjanti”), p. 3). Il-ħamrija fir-reġjun ta’ Filder hija kkaratterizzata minn rendiment għoli ferm, minn kapaċità għolja li taġixxi bħala filtru u bħala lqugħ u minn potenzjal għoli li żżomm l-ilma (l-Università ta’ Stuttgart, ILPÖ/IER (2001): “Naturraum Nr. 106 Folder. Naturraumsteckbrief. Materialien zum Landschaftsrahmenprogramm” (“Il-fajl numru 106 dwar il-pajsaġġ: karatteristiċi tal-pajsaġġ. Materjal għall-programm ta’ qafas għall-kampanja”), l-Istitut għall-ippjanar tal-kampanja u l-ekoloġija tal-Università ta’ Stuttgart). Il-medda art kbira mirjieħa ta’ Filder, li fiha ftit li xejn tagħmel xita, għandha klima li ma tantx tvarja. It-temperatura medja tal-medda art kbira matul is-sena hija ta’ 8,5 °Ċ (b’temperatura medja ta’ – 0,5 °Ċ f’Jannar u ta’ 17,5 °Ċ f’Lulju; u b’temperatura medja annwali ta’ 18-il °Ċ), u b’hekk din hija simili għaż-żona tal-baċir tax-xmara Neckar. Għalhekk, b’mod ġenerali, minkejja li qiegħed kemm kemm iktar fil-għoli, ir-reġjun ta’ Filder għandu temperatura kemm kemm iktar sħuna minn dik tal-formazzjonijiet lijassiċi tal-għoljiet ċentrali ta’ fejn jibdew l-Alpi, fejn fit-temperaturi medji ta’ Jannar, li huma ferm inqas (– 1,5 °Ċ), tinħass l-arja kiesħa xitwija li tkun nieżla mill-muntanji għoljin tal-Alpi. Ir-reġjun ta’ Filder, li fih ħafna spazji bil-ħaxix fil-beraħ u ftit li xejn huwa mibni, għandu l-karatteristiċi ta’ “mikroklima ta’ ġardin tal-belt”, li jinfluwenzaw il-proċessi fiżiċi fis-saff tal-arja li jkun qrib il-ħamrija (il-belt ta’ Ostfildern (editur) (2008): “Landschafts- und Umweltplan Ostfildern 2020” (“Pjan għall-kampanja u l-ambjent ta’ Ostfildern għall-2020”), Ostfildern/Stuttgart, mill-paġna 36 ’il quddiem). Meta mqabbel maż-żona tal-madwar, l-arja ma tisħonx wisq u bil-lejl l-arja tiksaħ ferm. Id-distanza mill-Alpi taffettwa wkoll kemm tagħmel xita. Il-medja tax-xita fis-sena hija ta’ 650 sa 700 millimetru, li hija mqassma fl-aħjar perjodu għat-tkabbir tal-ħxejjex. Fil-fatt madwar 65 % mix-xita kollha li tagħmel matul is-sena tinżel bejn Mejju u Ottubru (l-Istitut għall-istudji reġjonali (1967): “Die naturräumliche Einheiten auf Blatt 170 Stuttgart” (“L-unitajiet tal-pajsaġġ deskritti bil-miktub – 170 Stuttgart), F. Huttenlocher u H. Dongus (edituri), l-Istitut federali għall-istudji reġjonali u għar-riċerka dwar l-ispazju, Bad Godesberg, p. 23; u LfU (1987): “Methodik der Naturraumbewertung: dargestellt am Beispiel des Naturraums Filder” (“Metodu biex jingħata valur lill-pajsaġġ – spjegat bl-eżempju tal-pajsaġġ tar-reġjun ta’ Filder”), l-Uffiċċju reġjonali għall-ħarsien tal-ambjent ta’ Baden-Württemberg (LfU), l-Istitut għall-ekoloġija u l-ħarsien tan-natura ta’ Karlsruhe).

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” hija speċjalità reġjonali mfittxa u magħrufa ferm kemm fiż-żona ta’ Stuttgart kif ukoll lil hinn minnha, li l-fama tagħha hija bbażata l-aktar fuq ir-rabta tagħha mill-qrib maż-żona identifikata tal-oriġini tagħha. Il-kaboċċa klassika oriġinali tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” għandha ras kbira u tqila, li ħafna drabi tkun tiżen iktar minn 8 kilogrammi u tkun kbira sa 50 ċentimetru. Ħafna azjendi agrikoli fir-reġjun ta’ Filder ilhom ikabbru t-tipi tagħhom stess ta’ kaboċċi li ġejjin għall-ponta u jnisslu ż-żerriegħa tal-varjetà lokali jew domestika tagħhom huma stess għal ġenerazzjonijiet sħaħ (Terra fusca Ingenieure 2003: “Filderkraut- derzeitige Situation” (“Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut” – is-sitwazzjoni attwali”, stħarriġ li sar fi Frar tal-2003 minn terra fusca Ingenieure, Stuttgart; u Smolka, R.S. (2010): “Bestandsanalyse und Erzeugererhebung zu den Perspektiven des Filderkrauts Brassica oleracea var. capitata for. alba subv. Conica” (“Analiżi tas-sitwazzjoni u stħarriġ tal-produtturi dwar il-prospetti għall-kaboċċa tat-tip “Filderkraut” tal-varjetà Brassica oleracea var. capitata for. alba subv. Conica”), l-Università tal-ekonomija u l-ambjent ta’ Nürtingen-Geislingen). Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” kienet u għadha tintuża l-iktar fil-produzzjoni tas-“sauerkraut” (platt Ġermaniż ta’ kaboċċa mqattgħa mmarinata). Is-“sauerkraut” jiġi prodott l-iktar f’azjendi żgħar, iżda hemm ukoll it-tradizzjoni, miżmuma sal-lum f’ċerti familji, li l-familji jagħmlu s-“sauerkraut” huma stess minn riċetti antiki tal-familja. F’dawn l-aħħar snin, l-azjendi agrikoli tar-reġjun ta’ Filder bdew ikabbru kaboċċi apposta għas-suq tal-prodotti friski, li mhumiex daqshekk kbar u ma jiżnux daqshekk, u b’hekk iwieġbu għad-domanda ta’ dan is-suq.

Kaboċċa bajda li ġejja għall-ponta (isem bil-Latin: Brassica oleracea var. capitata for. alba subv. Conica):

L-għamla

:

kaboċċi li għandhom ponta tawwalija li kważi qisha kon

Il-lewn

:

aħdar jagħti fl-abjad

Il-weraq

:

weraq b’nervituri fini

Iz-zokk

:

qasir u lixx.

Fid-dsatax-il seklu, il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” diġà kienet magħrufa fir-reġjun kollu u lil hinn minnu għat-togħma tajba tagħha. K. von Martens fit-tieni edizzjoni tal-ktieb tiegħu tal-1864 imsejjaħ “Handbuch der Militärverpflegung im Frieden und Krieg” (“Gwida tal-ikel tal-militar fi żmien il-paċi u fi żmien il-gwerra”) maħruġ minn Rioger'sche Verlagsbuchhandlung kiteb li “Jeżistu ħafna varjetajiet iżda hawn aħna niddistingwu l-kaboċċa bajda ħafna tat-tip “Filderkraut” li ġejja għall-ponta u li għandha togħma tajba ħafna […]”. Fit-tieni volum tal-ktieb tiegħu tal-1841 imsejjaħ “Landwirtschaftliche Statistik der deutschen Bundesstaaten” (“Statistika agrikola tar-reġjuni federali Ġermaniżi”) – maħruġ minn Westermann, A. von Lengerke kiteb li “Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut” tingħoġob ferm minħabba l-weraq tarjin tagħha, il-lewn abjad tagħha u, fuq kollox, minħabba t-togħma aktar tajba tagħha, li tiddistingwiha mill-kaboċċi mkabbrin f’reġjuni oħrajn”. Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” għadha tgawdi minn fama tajba sal-ġurnata tal-lum u għadha simbolu tar-reġjun ta’ Filder (il-belt ta’ Filderstadt, il-belt ta’ Leinfelden-Echterdingen, “Geschichtswerkstatt Filderstadt 1995” (“Sessjoni ta’ ħidma ta’ Filderstadt dwar l-istorja li saret fl-1995”), p. 5). Din it-tip ta’ kaboċċa tintgħoġob ħafna mill-esperti minħabba t-togħma tajba tagħha u minħabba l-fatt li hi tarija u li għandha weraq b’nervituri fini (ara l-paġna 293 tal-ktieb ta’ Christine Metzger tal-1999 imsejjaħ “Deutschland Spezialitätenküche” (“L-ispeċjalitajiet tal-ikel Ġermaniżi”); il-paġna 77 tal-ktieb ta’ N. Buroh u B. Schermer, tal-2007 msejjaħ “Das Teubner Buch – deutsche Küche” maħruġ minn Westermann-Studios – Gräfe and Unzer; il-paġna 547 tas-seba’ edizzjoni tal-ktieb ta’ E. Gorys tal-2001 imsejjaħ “Das neue Küchen Lexikon. Von Aachener Printen bis Zwischenrippenstück” (“Il-lessiku l-ġdid tal-ikel: mill-“printen” ta’ Aachen sal-istejk”) maħruġ minn Deutscher Taschenbuch Verlag; u l-paġna 254 tal-ktieb ta’ M. Stitz u I. Swoboda tal-2006 msejjaħ “Kulinarisch Reisen Deutschland” (“Vjaġġ kulinarju madwar il-Ġermanja”) maħruġ minn Mair Dumont Marco Polo).

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabta każwali bejn il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” u l-oriġini ġeografika tagħha ġejja mill-fama speċjali li din tgawdi minnha minħabba l-oriġini tagħha. Il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” għandha tradizzjoni li tmur lura għal sekli sħaħ. Flimkien mal-varjetà tal-post użata u mal-azjendi agrikoli żgħar tradizzjonali fiż-żona ġeografika identifikata, dawn il-karatteristiċi partikulari wkoll jinfluwenzaw il-kwalità tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut”. B’hekk, teżi tal-1924 ipprovdiet xhieda dwar il-kundizzjonijiet ambjentali partikulari għat-tkabbir tal-kaboċċi fir-reġjun ta’ Filder (teżi ta’ S. von Frauendörfer imressqa lill-Università ta’ Hohenheim fl-1924 imsejħa “Der Krautanbau auf den Fildern bei Stuttgart” (“It-tkabbir tal-kaboċċi fir-reġjun ta’ Filder qrib Stuttgart”)). Ir-rabta tradizzjonali tal-bdiewa mar-raba’ fir-reġjun ta’ Filder tidher ukoll mill-fatt li, ħafna drabi, huma jnisslu ż-żerriegħa tal-kaboċċi tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” bħala l-varjetà lokali jew domestika tal-azjenda individwali stess b’mod indipendenti. Dawn il-kundizzjonijiet fiż-żona ġeografika identifikata wasslu għal tradizzjoni, li tmur lura għal sekli sħaħ, ta’ tkabbir tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” li għandha għamla tipika u karatteristiċi partikulari u li hija mfittxa ħafna anke llum il-ġurnata għat-togħma tajba u għall-weraq tarjin u b’nervituri fini tagħha, u li hija magħrufa ferm mal-konsumaturi bħala speċjalità reġjonali u tgawdi minn fama tajba fosthom. Fl-1884, fil-gazzetta msejħa “Filder-Bote” nkiteb li “Il-kaboċċa tajba tat-tip “Filderkraut” tagħna, imfittxa minn kulħadd, li s’issa nġarret mal-erbat irjieħ tad-dinja bil-karozzini u bil-ferroviji, sabet suq ġdid: eluf minnhom qed jinqatgħu, jiġu ppreservati, jiġu ppakkjati fi btieti u jintbagħtu għan-naħa l-oħra tal-oċean lejn l-Amerka” (il-gazzetta msejħa “Filder-Bote” tas-7 ta’ Ottubru 1884, nru 118). Il-fama u r-reputazzjoni attwali tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” jidhru mill-fatt li hija tifforma parti integrali minn diversi festi u tradizzjonijiet tar-reġjun. Sa mill-1979 ’l hawn, ta’ kull sena fil-belt ta’ Leinfelden-Echterdingen, madwar 50 000 ruħ jiċċelebraw it-tradizzjoni tat-tkabbir tal-kaboċċi fir-reġjun ta’ Filder, li tmur lura għal iktar minn 400 sena, waqt l-ikbar festa tal-kaboċċi tal-Ġermanja. Wirja tradizzjonali li tiċċelebra l-ħsad tfakkar lil dawk li jżuru l-wirja ewlenija tal-agrikultura u l-festa ta’ Cannstatt dwar il-prodott tipiku ta’ dan ir-reġjun – il-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut”. Barra minn hekk, il-kaboċċa li ġejja għall-ponta hija wkoll is-simbolu u l-lowgo ta’ waħda mill-għaqdiet tal-karnival, l-hekk imsejħa “Filderer” (ara http://www.leinfelden-echterdingen.de, “Geschichte des Filderkrauts” (“L-istorja tal-kaboċċa tat-tip ‘Filderkraut’/‘Filderspitzkraut’”); u http://www.schmeck-den-sueden.de). Fl-aħħar nett, il-fama tal-kaboċċa tat-tip “Filderkraut”/“Filderspitzkraut” tidher ukoll fil-mużika u fil-letteratura (l-opra mużikali msejħa “Schwäbische Sauerkrautkantate” ta’ Emil Kübler tal-1939, u l-kotba ta’ Frank Snyders, Johann Baptist Hofner u Otto Groß; il-volum 10 tal-“Filderstädter Schriftenreihe” tal-1995: “Das Filderkraut”, p. 70, 58 u 157.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006)

fit-taqsima 7a-aa tal-volum 11 tal-“Markenblatt” tad-19 ta’ Marzu 2010, p. 4243

(http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/13250)


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.