16.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/33


Notifika ta' inizjazzjoni ta' proċeduri antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet ta' aċċessorji ta' ħadid fondut ta' tubi jew pajpijiet minsuġa, ta' ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Indoneżja

2012/C 44/08

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet minsuġa, ta' ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Indoneżja, huma l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment ġie ppreżentat fit-3 ta’ Jannar 2012 mill-Kumitat tad-Difiża tal-Aċċessorji ta' Ħadid Fondut ta' Tubi jew Pajpijiet, ta' Ħadid Fondut Malleabbli tal-Unjoni Ewropea (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ aċċessorji ta' tubi u pajpijiet minsuġa, ta' ħadid fondut malleabbli.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huma aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet minsuġa, ta' ħadid fondut malleabbli (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta' dumping  (2)

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Indoneżja (“il-pajjiżi kkonċernati”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-ilmentatur stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, f'dan il-każ, l-Arġentina. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq paragun tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

L-allegazzjoni ta’ dumping għat-Tajlandja u l-Indoneżja hija bbażata fuq paragun tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġinijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kollha kkonċernati.

4.   L-allegazzjoni ta' ħsara

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt l-investigazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati żdied b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem tas-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott impurtat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja u fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Billi wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ddeterminat li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata l-inizjazzjoni ta’ proċediment, hi b'dan qiegħda tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati hux qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet ta' dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-proċedura biex jiġi ddeterminat id-dumping

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna li jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Proċedura għall-għażla ta' produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(a)   Kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif dwar il-kumpanija/i tagħhom kif mitlub fl-Anness A ta' din in-notifika lill-Kummissjoni.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu xi tagħrif ieħor rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex jinkiseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat. Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jkollu tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ lill-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi li jkunu qablu dwar l-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun”). Bla ħsara għat-taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju tal-anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw mhux se jkun aktar mill-marġini medja b'piż differenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (4).

(b)   Marġini ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġinijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġini individwali ta’ dumping għandhom jitolbu kwestjonarju u forom oħra applikabbli tat-talbiet u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi speċifikati fis-sentenza li ġejja u fit-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt. Il-kwestjonarju komplut għandu jiġi sottomess fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġini ta’ dumping individwali għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew tal-inqas trattament individwali (“TI”) kif speċifikat fit-taqsima 5.1.2.2. hawn taħt.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġini individwali ta’ dumping għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġini ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż żejjed u tfixkel li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.1.2.   Proċedura għall-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fit-Tajlandja u l-Indoneżja

Il-produtturi esportaturi kollha u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi kollha fit-Tajlandja u l-Indoneżja huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni immedjatament, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jidentifikaw ruħhom u jitolbu kwestjonarju. Sabiex jinkiseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fit-Tajlandja u l-Indoneżja, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tat-Tajlandja u l-Indoneżja.

Il-produtturi esportaturi u, fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi, iridu jissottomettu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jkollu tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ lill-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.1.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

5.1.2.1.   Għażla ta’ Pajjiż Terz b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lill-Arġentina. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkumentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   Trattament ta' produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jqisu li għalihom jeżistu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat, jistgħu jissottomettu talba sostanzjata kif suppost għal dan il-għan (“talba għat-TES”). It-trattament tal-ekonomija tas-suq (“TES”) jingħata jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (5) huma ssodisfati. Il-marġini ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Produtturi esportaturi individwali fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu t-trattament individwali (“TI”). Biex jingħataw TI, dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu l-evidenza li huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (6). Il-marġini ta' dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jkun ibbażat fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq magħżul kif deskritt fit-taqsima 5.1.2.1 hawn fuq.

Tagħrif addizzjonali importanti jista' jinstab fit-taqsima 10 ta' din in-notifika.

(a)   Trattament ta' ekonomija tas-suq

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ talbiet għal TES lill-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw li jixtiequ japplikaw għal marġini individwali ta’ dumping, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu formola ta’ talba għal TES mimlija fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   Trattament individwali

Biex japplikaw għat-TI, il-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw u li jixtiequ japplikaw għal marġini individwali ta’ dumping għandhom jissottomettu l-formola ta’ applikazzjoni għal TES bit-taqsimiet rilevanti għat-TI mimlija kif dovut fi żmien 21 jum mid-data ta’ notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   Investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (7)  (8)

Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi mhux relatati li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif dwar il-kumpanija/i tagħhom kif mitlub fl-Anness B ta' din in-notifika.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ fl-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi mhux relatati jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data ta’ notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Proċedura għad-determinazzjoni ta' ħsara  (9) u għall-produtturi tal-Unjoni li għandhom jiġu investigati

Id-determinazzjoni tal-ħsara hi msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (għal dan għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt ipprovduti fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu xi tagħrif ieħor rilevanti fir-rigward tal-għażla tal-kampjun għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu intgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta' ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw irwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu taż-żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif sottomess skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk ikun sostnut minn evidenza fattwali meta jitressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Il-partijiet interessati kollha, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu l-evidenza ta' sostenn. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibilità ta’ seduta ta' smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta' smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba tista’ tiġi sottomessa fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta' smigħ għandha tiġi sottomessa fil-limiti ta' żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Istruzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif mitlub f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristretti (10)”.

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu t-taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħhom skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif sottomess b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali ta’ dan it-tagħrif fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ ma jitqiesx.

Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni iffirmata u l-aġġornamenti ta' dawn li jakkumpanjaw il-formoli tad-dikjarazzjonijiet tat-TES u tat-TI, jew ir-risposti tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. B'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tkunx tista' tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan minnufih. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

Posta elettronika: TRADE-MALLEABLE-FITTINGS-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-MALLEABLE-FITTINGS-INJURY@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn partijiet terzi għal seduta. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba tista’ tiġi sottomessa fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi sottomessa talba għal smigħ fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll l-opportunitajiet biex issir seduta li tinvolvi l-partijiet u tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Seduta ta’ smigħ ta' dan it-tip, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta' dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (11).

10.   Tagħrif importanti għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina: l-implikazzjonijiet tar-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO EC-Antidumping measures on fasteners (WT/DS397) (Il-miżuri ta’ Antidumping tal-KE dwar il-qfieli) dwar il-mod li bih il-Kummissjoni se tmexxi din l-investigazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-produtturi esportaturi kollha mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li hija meqjusa bħala pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, biex jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk huma interessati li jiksbu dazju anti-dumping individwali, anki jekk jaħsbu li ma jikkonformawx mal-kriterji biex jinkiseb TI. Il-Kummissjoni tiġbdilhom l-attenzjoni għal dan li ġej (12).

F’EC-Certain Iron or Steel fasteners from China (WT/DS397), il-Korp tal-Appell tad-WTO sab, inter alia, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku huwa inkonsistenti ma' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Antidumping u mal-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim tad-WTO.

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tat-23 ta’ Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (13) (“ir-Regolament ta' awtorizzazzjoni”) jistipula li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista, inter alia, jemenda l-miżuri tal-Unjoni li jittieħdu skont ir-Regolament bażiku sabiex jitqiesu l-interpretazzjonijiet legali li saru f'rapport adottat mill-Korp tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim fir-rigward ta’ miżura mhux ikkontestata, jekk dan jitqies xieraq.

Għaldaqstant, jekk l-investigazzjoni li qiegħda titnieda permezz tan-Notifika ta' inizjazzjoni preżenti tirriżulta fl-adozzjoni tal-miżuri antidumping finali, fil-fehma tal-Kummissjoni l-Artikolu 2 li ssemma qabel jikkostitwixxi bażi legali għall-konformità mal-interpretazzjonijiet legali żviluppati mill-Korp tal-Appell tad-WTO fit-tilwima msemmija hawn fuq. Dan jimplika, f'termini aktar prattiċi, li jekk produttur esportatur ippreżenta ruħu fi żmien l-iskadenza stipulata hawn fuq u kkoopera bis-sħiħ billi pprovda t-tagħrif kollu rilevanti iżda ma applikax għal TI, jew applika iżda nstab li ma jissodisfax il-kriterji, l-Artikolu 2 li ssemma qabel tar-Regolament ta' awtorizzazzjoni jista’ jservi, f’każijiet debitament ġustifikati, bħala bażi legali għall-għoti ta’ dazju individwali lil dak il-produttur esportatur fiż-żmien tal-impożizzjoni ta' miżuri definittivi ta' anti-dumping. Waqt li teżamina din il-mistoqsija, il-Kummissjoni se tqis ir-raġunament tal-Korp tal-Appell fit-tilwima msemmija hawn fuq, u b’mod partikolari l-elementi diskussi fil-paragrafi 371-384 tar-rapport tagħha.

L-operaturi li jiksbu dazju individwali abbażi ta’ din il-parti tan-Notifika ta' Inizjazzjoni għandhom ikunu konxji mill-fatt li s-sejbiet jistgħu jirriżultaw f'żieda fid-dazju meta mqabbel mad-dazju li japplika kieku ma kienx ġie determinat l-ebda dazju individwali.


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika tal-bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali normalment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lil dan il-prodott.

(3)  Produttur esportatur huwa kull kumpannija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt l-investigazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluż kull kumpannija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(4)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġini żero u de minimis, u marġinijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għandhom jitwarrbu.

(5)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabilità bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabilità u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) ma hemmx distorsjonijiet sinifikanti ttrasferiti mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(6)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ kumpaniji jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament; (iii) il-parti l-kbira tal-ishma jappartienu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(7)  Importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew għat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) miżżewġin, (ii) ġenituri u wlied, (iii) aħwa (kemm jekk ulied l-istess ġenituri kif ukoll jekk ulied l-istess omm iżda mhux l-istess missier jew viċiversa), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) kunjati u raġel tat-tifla jew mara tat-tifel, (vii) ħu jew oħt tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(8)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ wkoll tintuża fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni ħlief għad-determinazzjoni tad-dumping.

(9)  Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fit-twaqqif ta’ industrija bħal din.

(10)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(12)  Jekk jitqies li t-teħid ta’ kampjuni huwa meħtieġ għall-produtturi esportaturi, se jiġi ddeterminat dazju antidumping individwali biss għal dawk il-produtturi esportaturi li jew (i) intgħażlu biex ikunu fil-kampjun jew (ii) li għalihom ġie ddeterminat marġini ta’ dumping individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

(13)  ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10.


ANNESS A

Image

Image


ANNESS B

Image

Image