11.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/32


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 38/15

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ISLE OF MAN QUEENIES”

Nru KE: UK-PDO-0005-0855-08.02.2011

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Isle of Man Queenies”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.7:

Ħut, molluski u krustaċji friski, flimkien ma' prodotti derivati minnhom.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

“Isle of Man Queenies” huwa l-isem mogħti lill-imriewaħ maqbudin fl-ilmijiet tal-Gżira ta’ Man.

L-imrewħa (Aequipecten opercularis) hija speċi ta’ arzella ta’ daqs medju, “mollusk bivalvi tal-baħar” li jittiekel u li jagħmel parti mill-familja tal-ispeċi Pectinidae. L-arzella jista’ jkollha diversti lwien, fosthom l-isfar, l-oranġjo, l-aħmar, il-kannella u l-vjola u tikber sa daqs b’dijametru massimu ta' 90 mm. Fuq iż-żewġ tebqiet ikun hemm madwar 19 sa 22 linja mqabbża mifruxin f’forma ta’ mrewħa, b’numru kbir ta' ċrieki konċentriċi tat-tkabbir mal-qoxra. Il-forma ewlenija tal-imrewħa, jew il-laħam, hija ħafna iżgħar minn dik tal-pellegrina (pecten maximus); hija muskolu tond, b’forma ċilindrika b’dijametru ta’ 20 mm u għoli ta’ 15 mm. Il-laħam huwa ta’ lewn opak/lewn il-krema; mal-parti ewlenija hemm imwaħħal għanqud ta’ bajd f'forma ta’ qamar felli b’żewġ partijiet – waħda oranġjo u l-oħra bajda. L-imrewħa tista’ tisserva kemm bl-għanqud tal-bajd kif ukoll mingħajru.

L-“Isle of Man Queenies” jinqabdu fl-ilmijiet territorjali tal-Gżira ta’ Man, prinċipalment minn bastimenti rreġistrati bħala Manx, għalkemm bastimenti tas-sajd oħrajn li jkunu rreġistrati u li jkollhom il-liċenzja xierqa jistgħu huma wkoll jistadu għalihom u jħottuhom l-art fil-Gżira ta’ Man jekk jagħżlu li jagħmlu hekk. Wara dawn jinħattu l-art u jiġu pproċessati fil-Gżira ta’ Man.

L-“Isle of Man Queenies” jinbiegħu

Ippakkjati “nexfin” fl-istat naturali (ma jitħallewx jixxarbu)

Jew iffriżati malajr wieħed wieħed (individually quick frozen – IQF)

Jew bħala “nofs arzella” friska jew iffriżata (li tkun għadha mwaħħla ma’ waħda mit-tebqiet)

Mhux ippakkjati jew ippakkjati fil-vakum – skont il-ħtiġijiet tal-konsumatur

Id-daqs u l-piż tas-suq jiddependu mill-ħtiġijiet tal-konsumatur

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċifi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

Sajd/Qbid tal-“Queenies”

L-“Isle of Man Queenies” jistgħu jinqabdu biss matul l-istaġun tagħhom li tradizzjonalment jibda fl-1 ta’ Ġunju. Dan huwa kompletament dovut għall-fiżjoloġija tal-annimal u għall-mod mhux komuni li bih jinqabad. Il-maġġoranza tal-ispeċi tal-arzell jinqabdu permezz ta’ xi tip ta’ gangmu, li “jlaqqat” l-arzell minn qiegħ il-baħar. Li mhuwiex komuni huwa l-fatt li l-“Isle of Man Queenies” jinqabdu permezz ta' xibka ħafifa tat-tkarkir (light otter trawl). Din il-proċedura sserraħ fuq ir-rispons tal-imriewaħ biex jaħarbu bħala reazzjoni għall-istimulazzjoni, jiġifieri li jiċċaqalqu ’l fuq għal ġox-xibka meta jiġu ddisturbati b’katina ħafifa marbuta kemxejn ’il quddiem mix-xibka. F’temperaturi baxxi tal-ilma, ir-rispons tagħhom biex jaħarbu jkun bil-mod ħafna, u dan ifisser li s-sajd bit-tkarkir jista’ jseħħ biss bejn Ġunju u Diċembru meta t-temperaturi tal-baħar ikunu l-iktar għoljin. Fi snin meta r-rebbiegħa tkun kiesħa ħafna, it-temperaturi tal-ilma jafu jdumu sa nofs Ġunju biex jitilgħu sal-livell meħtieġ.

Dan il-metodu uniku tal-qbid tal-“Queenies” ifisser li, għall-kontra tal-arzell li jinqabad bil-gangmu, waqt il-qabda ma jiġi sfruzat l-ebda naqal ġewwa l-arzella. Dan iwassal għal laħam ta’ kwalità ħafna ogħla meta kkumparat mal-imriewaħ li jinqabdu bil-gangmu, kif ukoll għal rendimenti ogħla ta' laħam, u jiżgura wkoll li l-imriewaħ iżgħar mid-daqs medju li jitwaddbu lura l-baħar ikollhom rati ta’ sopravivenza għoljin ħafna, għall-kontra tal-arzell li jinqabad bil-gangmu fejn il-mewt ikkawżata minn rimi tista' tkun għolja ħafna.

Stadji tal-produzzjoni

(a)

L-“Isle of Man Queenies” jinqabdu permezz ta' xibka tat-tkarkir b’toqob ta’ daqs bejn it-80 u d-90 mm. Il-qabda tiġi maħsula u magħżula fuq il-bastiment

(b)

Il-“Queenies” jiġu ffriżati jew imkessħa fuq il-bastiment fi żmien sagħtejn wara l-qabda.

(c)

Il-bastimenti tas-sajd iħottu l-qabda tagħhom f'portijiet ġewwa Peel, Ramsey, Douglas u Port St Mary.

(d)

Il-“Queenies” jiġu ttrasportati ġo trakkijiet magħluqa; fi żmien sagħtejn minn x’ħin jinħattu l-art, jittieħdu f’fabbrika ta’ pproċessar ġewwa l-Gżira ta’ Man fejn jitkessħu matul il-lejl.

(e)

L-għada, il-“Queenies” jiġu pproċessati bl-idejn (titneħħielhom il-qoxra) bl-użu ta’ sikkina ċatta tal-metall.

(f)

Il-laħam jitneħħa u jiġi maħsul darbtejn bl-idejn – il-ħasil isir malajr ħafna sabiex il-laħam ma jixrobx ilma.

(g)

L-għanqud tal-bajd jitħalla sħiħ

(h)

Il-laħam tal-“Queenie” jintiżen

(i)

Jiġu ppakkjati fl-istat naturali tagħhom – Nexfin (ma jitħallewx jixxarbu) jew iffriżati malajr wieħed wieħed f’temperatura ta' – 35 °C

Nofs Arzella

L-istadji (a-c bħal t'hawn fuq)

(d)

Ipproċessata bl-idejn (titneħħielha l-qoxra) u tinfetaħ bl-użu ta’ biċċa għodda ċatta tal-metall; nofs l-arzella tintrema, flimkien mal-garġi, l-istonku u l-għata

(e)

Il-laħam u l-għanqud tal-bajd jitħallew fuq l-arzella

(f)

Jiġu ffriżati malajr wieħed wieħed jew jitħallew friski

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Il-Gżira ta’ Man

Is-sajd għall-“Isle of Man Queenie” isir f’qigħan tal-baħar estensivi fil-baħar territorjali tal-Gżira ta’ Man (Manx Territorial Sea). Din iż-żona ta’ 3 917-il kilometru kwadru testendi legalment għal 12-il mil nawtiku jew il-linja medjana mil-linja bażi tal-Gżira ta' Man.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Ambjent

Il-Kurrent tal-Golf jimmodera l-klima tal-Gżira li tibbenefika minn temperatura li ssaħħan u li tipprovdi klima moderata. It-tendenza hija li s-sjuf ikunu friski u pjuttost xemxin, filwaqt li x-xtiewi jkunu moderati u bix-xita u ftit li xejn jinżlu borra u silġ.

Is-sajd għall-“Isle of Man Queenie” isir f’qigħan tal-baħar estensivi fil-baħar territorjali tal-Gżira ta’ Man. Il-“Queenies” għandhom preferenzi distinti ta’ ħabitat u jgħixu f’distribuzzjonijiet (qigħan tal-baħar) aggregati madwar il-Gżira ta’ Man. L-immobbiltà relattiva tagħhom irriżultat fil-pożizzjoni ġeografika komparattivament stabbli tal-qigħan tal-baħar. Il-qigħan tal-baħar jistgħu jkunu aggregazzjonijiet permanenti, preċiżi fil-lokazzjoni tagħhom u separati b’żoni demarkati b’mod ċar li ma jkunux tajbin għall-arzelli.

Il-qigħan tal-baħar fejn jabitaw il-“Queenies” ġew dokumentati fil-Gżira ta’ Man għal bosta ġenerazzjonijiet. Referenzi bikrija għall-okkorrenza ta’ popolazzjonijiet abbundanti ta’ mriewaħ madwar il-Gżira ta’ Man huma kkwotati fil-“Marine Fauna of the Isle of Man” (Moore, 1937). Fil-firxa ġeografika hemm għadd limitat ta’ żoni prinċipali fejn il-popolazzjoni hija abbundanti biżżejjed biex tappoġġja industrija tas-sajd kummerċjali. Dawn iż-żoni jew artijiet normalment ikunu mifrudin ’il bogħod minn xulxin minn żoni li, f'termini ta' ambjent, ma jkunux adattati għall-ispeċi. F’kull art normalment ikun hemm għadd ta’ reġjuni jew qigħan tal-baħar li jistgħu jkollhom żona ta’ bosta kilometri kwadri, fejn l-abbundanza tal-imriewaħ tkun ogħla minn postijiet oħrajn.

Il-kwalità tal-ilma u t-temperatura

Il-qigħan tal-baħar fejn jabitaw il-“Queenies” fil-baħar territorjali tal-Gżira ta’ Man huma mdawwra b’ilmijiet ta’ kwalità għolja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pollutanti kemm organiċi kif ukoll inorganiċi. It-teħid bażiku ta' kampjuni tal-ambjent tal-ilma baħar ’il barra mill-Gżira ta' Man għandu l-itwal sensiela ta’ żmien fil-Gżejjer Brittaniċi, u jmur lura sas-snin bikrin tas-seklu għoxrin. Hekk kif l-avvanzi xjentifiċi komplew jagħmlu progress, ġew immonitorjati parametri ambjentali u bijoloġiċi ulterjuri u, attwalment, il-Gvern tal-Gżira ta’ Man qiegħed jimmonitorja ħafna varjetajiet inkluż in-nutrijenti, il-batterji, il-fitoplankton u t-tossiċi tal-fitoplankton.

Il-Gżira ta’ Man tista’ turi, b’mod konsistenti, standards għoljin tal-kwalità tal-ilma b’riċerka xjentifika li tmur lura għas-sena 1904.

Il-firxa tal-marea madwar il-Gżira ta' Man hija l-ikbar fl-Ewropa tal-Punent. Din il-firxa tal-marea, flimkien mal-qiegħ relattivament baxx tal-baħar li jdawwar il-Gżira, tfisser li madwar il-Gżira jkun hemm mewġ eċċezzjonalment b’saħħtu. Dan il-mewġ, filwaqt li jippreżenta sfida unika lis-sajjieda li jużaw ix-xbieki ħfief tat-tkarkir, ifisser ukoll li l-“Isle of Man Queenies” għandhom sors kontinwu ta’ ikel tal-plankton għaddej minn magħhom, u b’hekk jiffavorixxi t-tkabbir mgħaġġel tagħhom u d-distribuzzjoni tal-istadju larvali tagħhom tal-plankton.

Tradizzjoni

Is-sajd huwa industrija tradizzjonali fil-Gżira ta’ Man, bis-sajd għall-aringi li nbeda fl-ewwel snin tas-seklu 16 u li issa huwa stabbilit sew. Is-sajd għall-“Queenie” oriġinarjament beda f'nofs is-seklu 19 meta kienu użati bħala lixka fis-sajd bil-konz għall-merluzz.

F’dak il-perjodu l-qigħan fejn kienu jabitaw il-“Queenies” kienu joffru bażi prolifika ta’ għalf għall-ġliba tal-merluzz. Fis-snin 60 tas-seklu 20, is-sajjieda tal-Gżira ta’ Man bdew jesploraw il-possibbiltà tas-sajd għall-“Queenies”. Fl-1969 l-ewwel “Queenies” maqbudin għal finijiet kummerċjali tħattew f'Peel u malajr saru magħrufa bħala ikel fin.

Il-qigħan individwali tal-baħar tal-Gżira fejn jabitaw il-“Queenies” ingħataw ismijiet mis-sajjieda bħal pereżempju “Lower and Higher Chickens”, “Wart Banks” u “Burrow Head.”

Fl-1971 il-flotta tas-sajd tal-Gżira ta' Man kienet mifruxa fuq madwar 60 bastiment, u l-ogħla punt tal-produzzjoni, ta’ madwar 7 500 tunnellata (maqbud skont il-piż ħaj), kien irreġistrat f’dak iż-żmien. Il-maġġoranza ta’ din il-qabda kienet esportata direttament lejn l-Amerka.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-imrewħa (Aequipecten opercularis) hija speċi ta’ arzella ta’ daqs medju, “mollusk bivalvi tal-baħar” li jittiekel u li jagħmel parti mill-familja tal-Pectinidae. L-arzella jista' jkollha diversi lwien, fosthom l-isfar, l-oranġjo, l-aħmar, il-kannella u l-vjola u tikber sa daqs b’dijametru massimu ta' 90 mm. Il-forma ewlenija tal-“Queenie”, jew il-laħam, hija ħafna iżgħar minn dik tal-pellegrina li hija speċi differenti. Hija muskolu tond, b’forma ċilindrika b’dijametru ta’ 20 mm u għoli ta’ 15 mm. Il-laħam huwa ta’ lewn opak/lewn il-krema; mal-parti ewlenija hemm imwaħħal għanqud ta’ bajd f’forma ta’ qamar felli b’żewġ partijiet – waħda oranġjo u l-oħra bajda. Meta tissajjar il-“Queenie” tkun soda u lixxa b’konsistenza laħmija li tibqa’ niedja. Għandha togħma unikament ħelwa u distintiva minn dik ta’ arzelli oħrajn b’togħma delikata u togħma moderata ta’ ilma baħar. L-“Isle of Man Queenies” jinqabdu b’xibka ħafifa tat-tkarkir fl-ilmijiet territorjali tal-Gżira ta’ Man, prinċipalment minn bastimenti rreġistrati bħala Manx, u wara jinħattu l-art, jiġu pproċessati u ppakkjati fil-Gżira ta’ Man.

Il-“Queenies” huma speċi li ilha teżisti u li qed tikber b’rata mgħaġġla, b’tul ta’ ħajja massimu li rari jaqbeż il-ħames snin. Huma jilħqu d-daqs tas-suq ta’ 55 mm f’2 sa 3 snin, skont l-għalf mikroalka disponibbli mill-kolonna tal-ilma.

Il-Kurrent tal-Golf jimmodera l-klima tal-Gżira li tibbenefika minn temperatura li ssaħħan u li tipprovdi klima moderata. Il-“Queenies” għandhom preferenzi distinti ta’ ħabitat u jgħixu f’distribuzzjonijiet aggregati (f’qiegħ il-baħar) madwar il-Gżira ta’ Man. L-immobbiltà relattiva tagħhom irriżultat fil-pożizzjoni ġeografika komparattivament stabbli tal-qigħan tal-baħar. Il-qigħan tal-baħar jistgħu jkunu aggregazzjonijiet permanenti, preċiżi fil-lokazzjoni tagħhom u separati b’żoni demarkati b’mod ċar li ma jkunux tajbin għall-“Queenies”.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP):

It-taħlita tal-kundizzjonijiet ambjentali – il-kwalità tal-ilma, it-temperatura, il-flussi qawwijin tal-marea u d-disponibbiltà ta' ikel adattat tal-plankton, ifissru li d-densitajiet tal-“Queenies” fil-baħar territorjali tal-Gżira ta' Man huma kontinwament għoljin, u li l-laħmijiet li l-produzzjoni tagħhom qed tiżdied b'rata mgħaġġla huma partikolarment immerrqa. Barra minn hekk, il-kontenut tal-laħam f’din l-arzella huwa ogħla mill-kontenut ta’ arzelli oħrajn. Rendimenti tipiċi tal-laħam mill-“Isle of Man Queenies” huma ta’ bejn 12 u 14 %, filwaqt li r-rendiment tipiku minn “Queenies” maqbuda xi mkien ieħor huwa ta’ bejn 6 u 8 %.

Is-sajd huwa industrija tradizzjonali fil-Gżira ta’ Man, bis-sajd għall-aringi li nbeda fl-ewwel snin tas-seklu 16 u li issa sar stabbilit sew. Is-sajd għall-“Queenie” oriġinarjament beda f'nofs is-seklu 19 meta kienu użati bħala lixka fis-sajd għall-merluzz bil-konz.

Matul dak iż-żmien il-qigħan tal-baħar fejn kienu jabitaw il-“Queenies” kienu joffru bażi prolifika ta’ għalf għall-ġliba tal-merluzz. Hekk kif l-istokkijiet tal-ħut naqsu fis-snin 60 tas-seklu 20, is-sajjieda tal-Manx bdew jesploraw il-possibbiltà tas-sajd għall-“Queenies”. Fl-1969 l-ewwel “Queenies” maqbuda għal skopijiet kummerċjali tħattew f'Peel u malajr saru magħrufa bħala ikel fin.

Fis-snin bikrin tas-snin 80 tas-seklu 20, il-Gżira ta’ Man bdiet toħloq swieq ġodda fi Franza u Spanja, fejn il-“Queenie” kienet tinbiegħ bħala prodott bl-għanqud tal-bajd ġo fih. Attwalment, l-“Isle of Man Queenies” jinbiegħu lis-swieq fir-Renju Unit, Franza, l-Italja u Spanja. Il-proċessuri qegħdin ifittxu dħul fis-swieq ġodda ta’ kwalità fuq bażi kontinwa, għalkemm il-produzzjoni dejjem se tkun limitata bil-produttività naturali tal-qigħan tal-baħar, u l-ħtieġa li jiġu żgurati stokkijiet sostenibbli għas-snin li ġejjin.

L-“Isle of Man Queenie” rebħet il-“Billingsgate Sustainable Seafood of the Year 2011 Award” f'attività annwali f'Londra li għaliha jattendu taħlita ta' kittieba kulinari, xerrejja tal-frott tal-baħar, sidien tar-ristoranti u NGOs Ambjentali. Dan il-premju prestiġjuż jingħata wara li l-finalisti jkunu għamlu preżentazzjoni ta’ 20 minuta kull wieħed dwar in-natura sostenibbli tal-industrija tas-sajd inkwistjoni. Ħolqa elettronika għall-premju tinsab fuq is-sit tal-internet http://www.seafoodtraining.org/celebrating_sustainable_seafood_at_billingsgate_school.htm

Il-Gżira ta’ Man rebħet il-premju għaliex kienet kapaċi turi d-dikjarazzjonijiet ta’ “sostenibbiltà” mogħtija u ssostnihom permezz ta’ xjenza ppubblikata u kkummissjonata esternament. Din l-istess xjenza saħħet ukoll il-proċess ta’ akkreditazzjoni tal-Marine Stewardship Council għall-“Isle of Man Queenies”, li wasal biex jintemm. Fl-20 ta’ Mejju 2011, l-industrija tas-sajd għall-“Isle of Man Queenie” kienet formalment ippremjata bl-Akkreditazzjoni tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni Marittima (Marine Stewardship Council Accreditation), l-ewwel industrija tas-sajd għall-arzell fl-Emisfera tat-Tramuntana li għamlet hekk, u t-tieni waħda biss fid-dinja. Id-dettalji tal-akkreditazzjoni, u l-konklużjonijiet tal-assessuri jinsabu fuq is-sit tal-internet http://www.msc.org/track-a-fishery/in-assessment/north-east-atlantic/isle-of-man-queen-scallop

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://archive.defra.gov.uk/foodfarm/food/industry/regional/foodname/products/documents/isle-of-man-queenie-pdo.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.