21.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/6


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-13 ta' Diċembru 2011

dwar il-proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/39.692 – IBM Servizzi ta’ Manutenzjoni)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9245)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 18/06

Fit-13 ta’ Diċembru 2011 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 dwar proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-isem tal-parti kkonċernata u tal-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux konfidenzjali tad-deċiżjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39692

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 hija indirizzata lil International Business Machines Corporation (“IBM”). Din id-deċiżjoni tagħmel l-impenji offruti minn IBM obbligatorji sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li joħorġu minn investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fis-suq tal-manutenzjoni għall-prodotti ta’ ħardwer u ta' softwer għal sistemi operattivi għall-mejnfrejm tal-IBM.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Tħassib preliminari dwar il-kompetizzjoni

(2)

Mejnfrejms huma kompjuters b’saħħithom użati minn kumpaniji kbar u istituzzjonijiet governattivi madwar id-dinja kollha għall-ħażna u l-ipproċessar ta’ informazzjoni kummerċjali kritika. Minħabba l-affidabilità kbira tagħhom, id-disponibilità u l-possibbiltà li jingħatalhom servis il-mejnfrejms ġeneralment jintużaw għat-tħaddim ta’ proċessi kummerċjali kruċjali. Sabiex tkun żgurata il-kontinwità kummerċjali, teħtieġ għalhekk manutenzjoni effikaċi. Servizzi ta’ manutenzjoni għall-mejnfrejms huma offruti kemm mill-IBM kif ukoll minn partijiet terzi li jagħtu dan is-servizz (third party maintainers “TPMs”).

(3)

Fl-1 t'Awwissu 2011 il-Kummissjoni indirizzat valutazzjoni preliminari lil IBM fejn ippreżentat it-tħassib li IBM setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-suq tal-manutenzjoni għall-ħardwer tal-mejnfrejms u l-prodotti ta’ softwer għal sistemi operattivi tagħha.

(4)

B’mod partikolari l-Kummissjoni inizjalment ikkonkludiet li IBM jista’ jkollha pożizzjoni dominanti fuq is-suq għall-kontributi meħtieġa biex isiru servizzi ta’ manutenzjoni għall-mejnfrejms tal-IBM u li IBM setgħet imponiet kondizzjonijiet ta’ forniment mhux raġonevoli, fir-rigward ta’ ċerti kontributi meħtieġa għall-manutenzjoni tal-mejnfrejms tal-IBM, fuq il-kompetituri tagħha fis-suq tal-manutenzjoni, biex b’hekk ġabithom fi żvantaġġ kompetittiv. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-aġir jista' jammonta għal ċaħda kostruttiva ta' proviżjon lil fornituri kompetituri ta’ servizzi ta’ manutenzjoni tal-mejnfrejms b'kontravenzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

(5)

Il-prattiki ta’ IBM jistgħu jaffettwaw diversi TPMs, li wħud minnhom huma attivi fi Stati Membri differenti. Għal din ir-raġuni, il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li l-prattiki li joħolqu l-problemi jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-mudell tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

2.2.   L-Impenji

(6)

Fl-14 ta’ Settembru 2011, bħala tweġiba għat-tħassib tal-Kummissjoni espress fil-valutazzjoni preliminari, IBM ressqet impenji lill-Kummissjoni.

(7)

Fl-20 ta’ Settembru 2011, ġie ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jagħti taqsira tal-kawża u tal-impenji u li jistieden lil partijiet terzi interessati jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni.

(8)

Sa din id-data ta’ skadenza l-Kummissjoni rċeviet 7 osservazzjonijiet mingħand partijiet terzi interessati. Il-Kummissjoni infurmat lil IBM dwar dawn il-kummenti u fl-24 t’ Ottubru 2011, IBM ressqet proposta emendata għall-impenji (ddatata l-21 t'Ottubru 2011).

(9)

Fil-5 ta' Diċembru 2011, il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ġie kkonsultat u ta opinjoni favorevoli. Fl-istess ġurnata, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

(10)

Fit-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni rendiet l-impenji riveduti ta' IBM obbligatorji b’deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. IBM timpenja ruħha, għal perjodu ta’ ħames snin biex tpoġġi għad-dipożizzjoni fil-pront ta’ spare parts importanti u informazzjoni teknika skont termini kummerċjalment raġonevoli u mhux diskriminatorji u tippermetti lil partijiet terzi jinfurzaw l-impenji. F’anness għall-Impenji, IBM ressqet ukoll numru ta’ klawsoli standard ta’ kuntratti li jiddeskrivu l-mod kif l-obbligi mdaħħla se jiġu implimentati. Kwalunkwe modifika jew emenda għal dawn il-klawsoli standard se tkun teħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

(11)

Il-Kummissjoni tqis li l-impenji fil-forma definittiva tagħhom huma biżżejjed u neċessarji biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fil-valutazzjoni preliminari mingħajr ma jkunu eċċessivi. Malli jinqala' xi tħassib dwar il-kompetizzjoni mill-fatt li IBM setgħet ċaħdet milli tagħti aċċess adegwat lil ċerti kontributi meħtieġa għall-forniment ta' servizzi ta' manutenzjoni għall-oqfsa ewlenin ta’ IBM, il-Kummissjoni tikkunsidra l-impenji riveduti bħala proporzjonali. Huma jindirizzaw dan it-tħassib billi jiggarantixxu li spare parts relevanti u informazzjoni teknika importanti għall-manutenzjoni ta' mejnfrejm tal-IBM ikunu disponibbli fil-pront lit-TPMs.

3.   KONKLUŻJONIJIET

(12)

Fid-dawl tal-impenji riveduti proposti, il-Kummissjoni tqis li ma għadx hemm raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħha u, bla ħsara għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-proċedimenti f'dan il-każ għandhom għalhekk jintemmu.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.