11.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 8/23 |
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
Approvazzjoni tal-kontenut ta' abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni dwar għajnuna de minimis għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2012/C 8/04
Fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni approvat il-kontenut ta’ abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. L-abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni huwa mehmuż bħala anness ma’ din il-komunikazzjoni. Il-konsultazzjoni pubblika dwar dan l-abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni hija miftuħa għal perjodu ta’ xahar mill-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni.
ANNESS
ABBOZZ TA' REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru …/…
tal-20 ta’ Diċembru 2011
dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,
Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament (2),
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta' Regolament, livell limitu li taħtu l-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jkunux jilħqu l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk ma jkunux jaqgħu taħt il-proċedura ta’ notifika stipulata fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. |
(2) |
Abbażi ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni adottat, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar għajnuna de minimis (3), li tistabbilixxi livell massimu ġenerali de minimis ta' EUR 200 000 għal kull benefiċjarju matul perjodu ta' tliet snin fiskali. |
(3) |
L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat uriet li l-limitu li taħtu l-vantaġġi konċessi lil tali impriżi jistgħu jitqiesu li ma għandhomx impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma joħloqux distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni jista', f'ċerti każi, ivarja mil-limitu massimu ġenerali de minimis stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006. Tabilħaqq, mill-inqas xi wħud minn dawk il-vantaġġi x'aktarx li jkunu jammontaw għal kumpens għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Barra minn hekk, ħafna attivitajiet li jikkwalifikaw bħala l-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali għandhom kamp ta’ applikazzjoni territorjali limitat. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi introdott, paripassu mar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, Regolament li jkun jikkonsisti f'regoli de-minimis speċifiċi għal impriżi li jipprodvu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. |
(4) |
Fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandha titqies li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma toħloqx distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni sakemm l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li tirċievi l-impriża benefiċjarja ma jeċċedix il-EUR 500 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. |
(5) |
Minħabba r-regoli speċjali li japplikaw fis-setturi tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, is-sajd u l-akwakultura u r-riskju li ammonti iżgħar ta’ għajnuna minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament jistgħu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat f’dawk is-setturi, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawk is-setturi. Dan huwa bla ħsara għal miżuri konċessi lil impriżi attivi fis-settur tas-sajd li jipprovdu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali mhux marbut mal-prodotti tas-sajd, pereżempju l-ġbir ta’ skart mill-baħar. Sabiex jiġi kkunsidrat id-daqs medju żgħir ta' impriżi attivi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u passiġieri u fid-dawl tal-kapaċità żejda ta’ dak is-settur u l-objettivi tal-politika dwar it-trasport rigward il-konġestjoni fit-toroq u t-trasport tal-merkanzija, l-għajnuna għall-akkwist ta' vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq mogħtija lil impriżi li jittrasportaw merkanzija bit-triq bil-kiri jew b'kumpens għandha tkun eskluża. Dan ma jixħetx dubju fuq l-approċċ favorevoli tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għal vetturi li jħammġu inqas u li jħarsu aktar l-ambjent fi strumenti oħrajn tal-Unjoni minbarra f’dan ir-Regolament. Fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi (4), dan ir-Regolament ma għandux japplika għas-settur tal-faħam. |
(6) |
Meta jitqies ix-xebh bejn l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fuq naħa, u dawk ta’ prodotti mhux agrikoli, fuq in-naħa l-oħra, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. La attivitajiet fl-irziezet meħtieġa għat-tħejjija ta' prodott għall-ewwel bejgħ, bħall-ħsad, il-qtugħ u d-dris taċ-ċereali, jew l-ippakkjar tal-bajd, u lanqas l-ewwel bejgħ lill-pitkali jew lill-proċessuri ma għandhom hawnhekk jitqiesu bħala pproċessar jew kummerċjalizzazzjoni. |
(7) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, ladarba l-Unjoni lleġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li ma jieħdu ebda miżura li tista’ ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha. Għal din ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq. Lanqas ma għandu japplika għal sostenn de minimis marbut ma' obbligu li l-għajnuna tinqasam mal-produtturi primarji. |
(8) |
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna de minimis għall-esportazzjoni jew għajnuna de minimis li tiffavorixxi prodotti domestiċi fuq dawk importati. |
(9) |
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal impriżi li jkunu f’diffikultà skont it-tifsira tal-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat sabiex ikunu salvati u ristrutturati impriżi li jkunu f’diffikultà (5). |
(10) |
Ma għandux ikun possibbli li miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jaqbżu l-limitu de minimis jinqasmu f'għadd ta’ partijiet iżgħar biex dawn il-partijiet jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(11) |
Skont il-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għandha titqies li tkun ingħatat għajnuna de minimis fil-mument li d-dritt legali biex din l-għajnuna tiġi rċevuta jkun dikjarat lill-impriża taħt ir-reġim nazzjonali legali li jkun applikabbli. |
(12) |
Sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-intensitajiet tal-għajnuna massima stabbiliti fi strumenti differenti tal-Unjoni, għajnuna de minimis ma tistax tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eleġibbli jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dik stipulata fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ f'Regolament għal eżenzjoni ġenerali jew Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. |
(13) |
Dan ir-Regolament ma għandux jirrestrinġi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 għal impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li joqgħodu jew fuq dan ir-Regolament jew fuq ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 rigward għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. |
(14) |
Fis-sentenza tagħha fil-kawża Altmark (6), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kriterji għal meta kumpens għall-forniment ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ma jammontax għal għajnuna mill-Istat. Madankollu, fi kwalunkwe każ għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament ma tistax tiġi akkumulata ma' kumpens fir-rigward tal-istess servizz, irrispettivament milli jekk dan jammontax għal għajnuna mill-Istat jew le skont is-sentenza ta’ Altmark. Għaldaqstant, il-miżuri ta' għajnuna jaqgħu biss taħt dan ir-Regolament jekk l-ammont sħiħ ta' kumpens, irrispettivament milli jekk jammontax għal għajnuna mill-Istat jew le, ma jaqbiżx il-livell limitu stabbilit f’dan ir-Regolament. |
(15) |
Għall-għanijiet ta’ trasparenza u applikazzjoni korretta tiegħu, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi livell limitu ċar anki għal każijiet fejn l-għajnuna tieħu forma oħra apparti dik ta’ għotja, bħal self jew injezzjoni ta’ kapital. Bil-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, dan il-livell limitu għandu jkun jista’ jiġi applikat indipendentement mill-karatteristiċi speċifiċi tal-miżura u ma għandu jeħtieġ l-ebda kalkolu. Għaldaqstant, għajnuna mogħtija f'forom oħra apparti dik ta’ għotja għandhom jibbenefikaw biss minn dan ir-Regolament jekk l-ammont imħallas lill-impriża ma jaqbiżx il-EUR 500 000. Fejn l-għajnuna tieħu l-forma ta’ garanzija, dan ir-Regolament għandu japplika biss fejn il-parti ggarantita tas-self sottostanti ma taqbiżx il-EUR 500 000. |
(16) |
Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu mħarsa, u b’mod partikolari li l-għajnuna li tingħata skont ir-regoli de minimis tkun skont il-kundizzjonijiet tagħhom. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess impriża għall-forniment tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż il-limitu kumplessiv permissibbli. Għal dak il-għan u biex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-kumulazzjoni tal-għajnuna taħt ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, meta jagħtu għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-impriża kkonċernata bl-ammont tal-għajnuna u l-karattru de minimis tagħha, billi jirreferu għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirċievi mingħand l-impriża dikjarazzjoni dwar għajnuna oħra de minimis koperta minn dan ir-Regolament jew mir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 riċevuta matul is-sena fiskali kkonċernata jew is-sentejn fiskali ta’ qabel. Alternattivament, l-Istat Membru għandu jkollu l-possibbilità li jiżgura li l-limitu jkun osservat permezz ta' reġistru ċentrali. |
(17) |
Dan ir-Regolament japplika bla ħsara għar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew għal rekwiżiti adizzjonali li joħorġu mit-Trattat jew mil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni. |
(18) |
Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna mogħtija qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' Applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
(a) |
għajnuna mogħtija lil impriżi għal attivitajiet fis-setturi tas-sajd u tal-akwakultura, kif koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (7); |
(b) |
għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat; |
(c) |
għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat, fil-każijiet segwenti:
|
(d) |
għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament ma' kwantitajiet esportati, it-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni; |
(e) |
għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati; |
(f) |
għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-settur tal-faħam, kif stipulat fid-Deċiżjoni 2010/787/UE; |
(g) |
għajnuna għall-akkwist ta' vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq mogħtija lil impriżi li jittrasportaw merkanzija bit-triq bil-kiri jew b'kumpens; |
(h) |
għajnuna mogħtija lil impriżi f’diffikultà. |
3. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) |
“prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, ħlief għall-prodotti tas-sajd; |
(b) |
“ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirrizulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, ħlief fuq attivitajiet li jsiru f'razzett li huma neċessarji għall-preparazzjoni ta’ prodott minn annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ; |
(c) |
“kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli” tfisser iż-żamma jew l-espożizzjoni bil-għan ta' bejgħ, tal-offerta għall-bejgħ, tal-konsenja jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fis-suq, minbarra għall-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil pitkala jew lil proċessuri u kwalunkwe attività li tipprepara prodott għal dak l-ewwel bejgħ. Bejgħ mill-produttur primarju lill-konsumaturi finali għandu jitqies bħala kummerċjalizzazzjoni jekk dan iseħħ f'post separat riżervat għal dak il-għan. |
Artikolu 2
Għajnuna de minimis
1. Għajnuna mogħtija lil impriżi b’rabta mal-forniment ta’ servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa ta' notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.
2. Il-miżuri ta’ għajnuna jistgħu jibbenefikaw minn dan ir-Regolament biss jekk l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lil impriża li tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ma jeċċedix il-EUR 500 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.
3. Fejn l-għajnuna tieħu forom oħra apparti dik ta’ għotja, bħal self jew injezzjonijiet ta’ kapitali, din tista’ tibbenefika biss minn dan ir-Regolament jekk l-ammont imħallas lill-impriża ma jaqbiżx il-limitu stabbilit fil-paragrafu 2. Fejn l-għajnuna tieħu l-forma ta’ garanzija, il-parti ggarantita tas-self sottostanti ma għandhiex taqbeż il-limitu.
4. Fejn l-ammont ta’ għajnuna globali mogħti lil impriża li tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jaqbeż il-limitu stabbilit fil-paragrafu 2, dik l-għajnuna ma tistax tibbenefika minn dan ir-Regolament, anke għall-parti li ma teċċedix dak il-limitu. F’każ bħal dan, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il-miżura ta' għajnuna.
5. L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata ma' għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk tali kumulu jirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dak stabbilit fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ minn Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali jew minn Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.
6. Għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata ma' għajnuna de minimis taħt ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 sal-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta' dan ir-Regolament. Madankollu, għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament ma għandha tiġi akkumulata ma’ ebda kumpens fir-rigward tal-istess servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, irrispettivament dwar jekk jammontax għal għajnuna mill-Istat jew le.
Artikolu 3
Monitoraġġ
1. Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis lil impriża taħt dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont potenzjali tal-għajnuna, espress bħala ekwivalenti ta’ għotja gross, tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li fir-rigward tiegħu hija mogħtija u dwar in-natura de minimis tagħha, filwaqt li jagħmel referenza speċifika għal dan ir-Regolament, u jiċċita t-titolu tiegħu u r-referenza ta' pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament tingħata lil impriżi differenti fuq il-bażi ta' skema u ammonti differenti ta' għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi taħt dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun ser tingħata taħt dik l-iskema. F’każ bħal dan, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi determinat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2) intlaħaqx. Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru għandu wkoll jikseb mingħand l-impriża li tipprovdi s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali dikjarazzjoni, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatat lill-impriża li qed tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali taħt dan ir-Regolament jew taħt ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 matul is-sentejn fiskali ta’ qabel u s-sena fiskali attwali.
L-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida taħt dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża li tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali taħt dan ir-Regolament għal livell ogħla mil-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2) u li r-regoli ta’ kumulazzjoni fl-Artikolu 2(6) qed jiġu rispettati.
2. Fejn Stat Membru jkun stabbilixxa reġistru ċentrali ta' għajnuna de minimis li jkun jinkludi informazzjoni sħiħa dwar kull għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali minn kwalunkwe awtorità fi ħdan l-Istat Membru, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal dak l-Istat Membru.
3. L-Istati Membri għandhom iżommu rekord u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dawn ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. Ir-rekords li jkollhom x’jaqsmu ma’ għajnuna de minimis individwali għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-rekords li jkollhom x'jaqsmu ma' skema ta' għajnuna de minimis għandhom jinżammu għal perjodu ta' 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt tali l-iskema. Fuq talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' 20 jum ta’ xogħol, jew tali perjodu itwal hekk kif jista' jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis taħt dan ir-Regolament jew taħt ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 li tkun irċeviet xi impriża.
Artikolu 4
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ, sakemm tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 u 2. Kwalunkwe għajnuna għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li ma tikkonformax ma' dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi analizzata mill-Kummissjoni skont id-deċiżjonijiet, l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.
Fl-aħħar tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tkun implimentata b’mod validu għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ validità
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2018.
Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq reviżjoni ta’ dan ir-Regolament ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.
(3) ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.
(4) ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24.
(5) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(6) Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht [2003] Ġabra p. I-7747.