15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 388/202


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

2012/C 388/34

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri (minn hawn ’il quddiem "l-Aġenzija"), li tinsab f’Varsavja, inħolqot mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (1). Il-kompitu tal-Aġenzija huwa li tikkoordina l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni (sostenn għall-kooperazzjoni operattiva, assistenza teknika u operattiva, u analiżi tar-riskju) (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

4.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (6). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (7) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (8) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (9), abbażi tal-verifika tagħha, b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

6.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

7.

Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżit tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

8.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżla hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (10) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni (11).

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

11.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

12.

Il-baġit 2011 tal-Aġenzija ammonta għal EUR 118,2 miljun li minnhom EUR 38,7 miljun (33 %) ġew riportati għall-2012. Riporti relatati mat-Titolu III (nefqiet operazzjonali) ammontaw għal EUR 36 miljun (41 %). Bħas-snin preċedenti, dan il-livell ta’ riporti huwa eċċessiv u jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

13.

Fi ħdan l-ammont totali riportat, l-Aġenzija rriportat impenji globali ta’ EUR 5,1 miljun. Madankollu r-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, ma jipprovdix bażi ċara għal riport bħal dan (12).

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-AĠENZIJA

14.

Fl-2011, l-Aġenzija ffinanzjat għotjiet għal operazzjonijiet konġunti li ammontaw għal EUR 74 miljun. Sabiex tikkonferma l-infiq ikklejmjat mill-benefiċjarji (Stati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen), l-Aġenzija, għalkemm twettaq kontrolli ta’ raġonevolezza, mhux soltu li titlob dokumentazzjoni ta’ sostenn li, kieku, tindirizza r-riskju ta’ nfiq ineliġibbli.

15.

Bħal fis-sena preċedenti, is-sistema kontabilistika tal-Aġenzija għad trid tiġi vvalidata mill-Uffiċjal tal-Kontabilità.

16.

Ġew identifikati dgħufijiet fil-kontroll intern fir-rigward tal-ġestjoni tal-attivi fissi. M’hemm ebda proċedura relatata mad-disponiment tal-attivi fissi u l-inventarju fiżiku mhux komplet.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Settembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(6)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(7)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(8)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(9)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(10)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fl-20 ta’ Ġunju 2012 u rċevuti mill-Qorti fil-11 ta’ Lulju 2012. Il-Kontijiet Annwali Finali, ikkonsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni, jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://www.frontex.europa.eu/.

(11)  Ir-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità.

(12)  Ir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija fl-Artikolu tiegħu 62(2) jiddikjara li “L-impenji baġitarji globali għandhom ikopru l-ispiża totali tal-impenji legali individwali korrispondenti konklużi sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N+1”. Kemm ir-Regolament Finanzjarju tal-UE u kif ukoll ir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija madankollu mhumiex ċari dwar dak li jikkonċerna l-użu ta’ impenji globali għal approprjazzjonijiet mhux-differenzjati. L-Aġenzija użat impenji globali biex tiġġustifika riport awtomatiku ta’ approprjazzjonijiet mhux-differenzjati.


ANNESS

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri (Varsavja)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikoli 74 u 77(2)(b) u (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Art. 74: “Il-Kunsill għandu jadotta miżuri sabiex jassigura l-kooperazzjoni amministrattiva bejn is-servizzi kompetenti (id-dipartimenti relevanti) tal-Istati Membri fl-oqsma koperti b’dan it-Titolu, kif ukoll bejn dawk is-servizzi (id-dipartimenti) u l-Kummissjoni. […]”

Art. 77(2): “[…] il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri […] dwar:

 

[…] (b) il-kontrolli li huma suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

 

[…] (d) kwalunkwe miżura meħtieġa għall-istabbiliment gradwali ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni; […]”.

Il-kompetenzi tal-Aġenzija

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 emendat bir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, emendat bir-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

(L-aħħar emenda daħlet fis-seħħ fit-12.12.2011; il-kontenut tat-tabella jirrifletti s-sitwazzjoni wara din l-aħħar emenda.)

L-objettivi

L-Aġenzija ġiet stabbilita bil-ħsieb li ttejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-UE.

Il-kompiti prinċipali

(a)

tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

(b)

tassisti lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali, inkluż l-istabbiliment ta’ standards komuni ta’ taħriġ;

(c)

twettiq ta’ analiżijiet ta’ riskju, inkluża l-valutazzjoni tal-kapaċità tal-Istati Membri li jaffaċċjaw theddid u pressjonijiet fil-fruntieri esterni tagħhom;

(d)

tipparteċipa fl-iżvilupp ta’ riċerka rilevanti għall-kontroll u s-sorveljanza ta’ fruntieri esterni;

(e)

tassisti lill-Istati Membri f'ċirkostanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni tagħhom, speċjalment dawk l-Istati Membri li jiffaċċjaw pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati;

(f)

tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ meħtieġ, ukoll fuq talba, dak ta’ koordinazzjoni jew organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn;

(g)

tibgħat f'azzjoni gwardji mit-Timijiet ta’ Gwardji tal-Fruntiera Ewropej (EBGT) għal operazzjonijiet konġunti, proġetti esperimentali u interventi rapidi;

(h)

tiżviluppa u tħaddem sistemi ta’ informazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż in-Netwerk ta’ Informazzjoni u Koordinazzjoni (ICOnet);

(i)

tagħti l-assistenza meħtieġa għall-iżvilupp u t-tħaddim ta’ sistema Ewropea ta’ sorveljenza tal-fruntieri (EUROSUR).

It-tmexxija

Il-Bord ta’ Amministrazzjoni

Il-kompożizzjoni:

Rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentant wieħed għal kull Pajjiż Assoċjat ma’ Schengen (l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein).

Il-kompiti:

(a)

jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv.

(b)

jadotta r-rapport ġenerali tal-Aġenzija;

(c)

jadotta l-Programm ta’ Ħidma tal-Aġenzija;

(d)

jistabbilixxi proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kompiti operazzjonali tal-Aġenzija;

(e)

iwettaq il-funzjonijiet tiegħu dwar il-baġit tal-Aġenzija;

(f)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur;

(g)

jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

(h)

jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija u jadotta l-politika tal-persunal tal-Aġenzija;

(i)

jadotta l-pjan multiannwali tal-Aġenzija.

Id-Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord ta’ Amministrazzjoni fuq proposta mill-Kummissjoni.

Il-verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2011 (2010)

Il-Baġit Finali

EUR 118,2 (93,2) miljun

Sussidju mill-Unjoni EUR 111-il (89,1) miljun

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

It-tabella tal-persunal:

Aġenti temporanji, ippjanati: 143 (143) Aġenti temporanji, okkupati. 141 (139)

Karigi oħra:

Persunal b’kuntratt, ippjanati: 88 (79) – Persunal b’kuntratt, okkupati: 85 (79)

Esperti Nazzjonali Ssekondati, ippjanati: 83 (76) - Esperti Nazzjonali Ssekondati, okkupati: 78 (76)

Għadd totali tal-persunal: 314 (298) – li minnhom, okkupati: 304 (294)

Assenjati fil-kompiti okkupati li ġejjin: operazzjonali: 214 (203) – amministrattivi: 90 (91)

Il-prodotti u servizzi fl-2011 (2010)

L-Unità tal-Analiżi tar-Riskju pproduċiet 20 (14)-il valutazzjoni strateġika, 4 (4) rapporti ta’ kull tliet xhur, 469 (294) prodott analitiku li jappoġġa l-Operazzjonijiet Konġunti (inklużi Laqgħat qosra ta’ informazzjoni kull Ġimgħa u tipi ġodda ta’ rapporti mmirati lejn it-titjib tal-fowkus u r-rispons operattivi), 112-il (64) rapport ta’ tip ieħor, inklużi laqgħat qosra ta’ informazzjoni għall-Amministrazzjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni tal-UE u oħrajn; pubblikazzjoni ta’ 6 rapporti strateġiċi għall-pubbliku ġenerali permezz tal-websajt tal-Aġenzija. Aġġornament komprensiv tal-Mudell ta’ Analiżi ta’ Riskju Komuni u Integrat (CIRAM v 2.0) iffinalizzat fl-2011. Ġew organizzati 4 (4) laqgħat regolari tan-Netwerk tal-Analiżi tar-Riskju ta’ Frontex, 2 Laqgħat dwar l-Analiżi Tattika tar-Riskju u 5 (2) Laqgħat tal-Esperti.

L-Unità tal-Operazzjonijiet Konġunti organizzat 19 (17)-il operazzjoni konġunta, 14-il (9) proġett esperimentali u 15-il (4) konferenza. Barra minn hekk, matul 42 (40) operazzjoni konġunta ta’ ritorn ikkoordinati mill-Aġenzija ġew irritornati 2 059(2 038) persuna. L-Operazzjoni tat-Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (RABIT) li kienet varata f’Novembru 2010 ġiet iffinalizzata f’Marzu 2011. L-intensità operattiva globali żdiedet minħabba li ġie akkumulat total ta’ 7 754(6 471) ġurnata operattiva fl-operazzjonijiet konġunti kollha; l-għadd ta’ ġranet operattivi maħduma minn persuni akkumulati, żdied għal 105 038(54 976).

Iċ-Ċentru tas-Sitwazzjonijiet Frontex (FSC) ipprovda 1 900 (500) Rapport tas-Sitwazzjoni, Rapporti Flash, Twissijiet ta’ Dokument Ffalsifikati u 11-il (14)-il Rapport ta’ Kuxjenza dwar il-Missjonijiet għal klijenti interni u esterni. Bullettini ġew imwassla kuljum lil 400 (350) kont. L-FSC, bħala l-punt ta’ kuntatt waħdieni għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ klijenti esterni, immaniġġja madwar 24 000(20 000) oġġett ta’ korrispondenza u implimenta l-Frontex-One-Stop-Shop (FOSS), portal ta’ skambju tal-informazzjoni abbażi tal-web, u li qiegħed jintuża minn 35 (30) pajjiż u 2 600(900) utent.

Barra minn parteċipazzjoni intensiva fil-Programm EUROSUR, ġew żviluppati u/jew implimentati 4 proġetti ta’ awtomazzjoni (b’mod sħiħ u/jew b’mod parzjali).

L-Unità ta’ Taħriġ organizzat 223 (176) attività li attendew għalihom 3 490(4 015) persuna (esperti tat-taħriġ, dawk li qed jitħarrġu, eċċ.) fi ħdan il-qafas ta’ 20 (18)-il proġett; partijiet interessati ddedikaw total ta’ 12 947(11 000) ġurnata maħduma minn persuni għal attivitajiet ta’ taħriġ.

L-Unità ta’ Riżorsi Konġunti (PRU) implimentat 6 (9) proġetti mfassla biex itejjbu l-effettività globali tal-operazzjonijiet tal-Frontex. PRU kkoordinat ukoll l-iskjerament matul l-operazzjoni RABIT matul il-perjodu kollu kemm hu ta’ 61 ġurnata. Ġie kkoordinat l-iskjerament ta’ 576 uffiċjal kif ukoll l-użu ta’ 67 oġġett ta’ tagħmir tekniku.

L-Unità tar-Riċerka u l-Iżvilupp b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ unitajiet oħra tal-Aġenzija, żviluppat aktar fil-fond il-Programm EUROSUR li huwa importanti ħafna għall-Aġenzija. L-Unità R&D organizzat u għamlet 34 (32) laqgħa inklużi konferenzi, workshops u avvenimenti bilaterali flimkien mal-Istati Membri. Il-persunal tal-R&D ipparteċipa f’madwar 130 (110) workshop interni u esterni, konferenzi u laqgħat ta’ ħidma. L-Unità R&D ipproduċiet 19-il (10) rapport dwar il-pajjiżi, 15-il rapport dwar laqgħat, 11-il rapport dwar evalwazzjoni ta’ proposti ta’ proġetti għal FP7 SEC u ffinanzjat tliet studji akkademiċi.

Sħubija u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi: Matul l-2011, ġew konklużi żewġ Arranġamenti ta’ Ħidma (WAs) mal-Pulizija tal-Kap Verde u Ċ-Ċentru Reġjonali tal-Inizjattiva Reġjonali tal-Migrazzjoni, l-Ażil u r-Refuġjati (MARRI), biex b’hekk l-għadd globali ta’ WAs żdied għal 16 (14). Abbażi tal-WAs eżistenti, il-kooperazzjoni speċifika dwar kwistjonijiet operattivi u tekniċi fis-sigurtà/l-ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Aġenzija u l-imsieħba ta’ pajjiżi terzi, ġiet miżjuda bi skop ta’ ħidma lejn sħubiji sostenibbli.

Kooperazzjoni ma’ Korpi tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali: Sal-aħħar tal-2011, ġie ffirmat Arranġament ta’ Ħidma (WA) fid-DCAF, li żied l-għadd globali għal 11 (10). Il-WAs kollha ġew implimentati permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet tal-Aġenzija; l-organizzazzjoni tal-Ġurnata kontra t-Traffikar f’Varsavja flimkien mal-Aġenziji sieħba JHA u l-Kummissjoni kienet avveniment importanti ħafna f’dan ir-rigward.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

12.

L-attivitajiet operazzjonali miżjuda marbuta mal-iżviluppi fiż-Żona tal-Mediterran marru id f’id ma’ emenda baġitarja li tammonta għal EUR 31,8 miljun. Il-parti l-kbira tal-fondi addizzjonali waslet biss fl-aħħar ta’ Ottubru 2011 li wasslet għal sitwazzjoni fejn kien hemm trasferiment ’il quddiem sinifikanti bħala riżultat.

Il-livell għoli ta’ trasferiment ’il quddiem huwa parzjalment konsegwenza tal-proċedura baġitarja fis-seħħ, li mhijiex adegwata għal reazzjonijiet meta jkun hemm żviluppi eċċezzjonali. Frontex tixtieq tipprovdi wkoll l-informazzjoni li t-trasferimenti ’l quddiem mill-2010 ntużaw sa livell ta’ 81 %.

13.

L-Aġenzija tqis li hemm nuqqas ta’ ċarezza fir-Regolament Finanzjarju tal-Frontex, li jagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti. L-Aġenzija se tevita milli tagħmel trasferimenti ’l quddiem ta’ impenji globali.

14.

Minn Jannar 2012 Frontex bdiet titlob dokumenti ta’ sostenn għall-maġġoranza tal-ispejjeż f’operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn. Għal għotjiet oħra maħruġa għal operazzjonijiet konġunti, hi mitluba dokumentazzjoni ta’ sostenn f’każ ta’ diskrepanzi identifikati fir-rendionti finanzjarji finali.

Frontex qed tiżviluppa politika fuq kontrolli ex-ante li se jiġu finalizzati u implimentati mit-30 ta’ Settembru 2012.

15.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità beda l-validazzjoni tas-Sistema ta’ Kontabilità fl-ewwel kwart tal-2012 u se jiffinalizzaha sa Settembru 2012.

16.

Id-deskrizzjonijiet tal-proċess dwar il-ġestjoni tal-assi bħalissa huma soġġetti għall-proċess ta’ approvazzjoni; politika tal-ġestjoni tal-assi (li tkopri wkoll id-disponiment) u l-linji gwida dwar assi żviluppati internament għandhom jiġu adottati sal-aħħar tat-tielet kwart tal-2012. Sa Awwissu 2012 se tiġi ffinalizzata verifika dwar ir-reġistrazzjoni tal-assi u t-twettiq tal-inventarji u l-maniġment biħsiebu jindirizza dgħufijiet potenzjali identifikati b’azzjonijiet korrettivi.