15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 388/46


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġiba tal-Aġenzija

2012/C 388/09

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (minn hawn ’il quddiem "l-Aġenzija"), li tinsab fil-Lussemburgu, kienet imwaqqfa bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE (1) u emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (2). L-Aġenzija kienet stabbilita għal perjodu li beda fl-1 ta’ Jannar 2005 u li jispiċċa fl-2015 għat-tmexxija ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa u l-politika tal-konsumatur (3).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

4.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (8) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (9) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (10), abbażi tal-verifika tagħha, b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

6.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

7.

Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżit tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

8.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżla hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (11) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabilità adotatti mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni (12).

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

11.

Il-kumment li ġej ma jixħetx dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

12.

Għat-Titolu III – Infiq relatat man-nefqa operazzjonali, ammont ta’ EUR 0,8 miljun, jew 46 % tal-impenji li saru, ġew riportati għall-2012. Il-livell għoli ta’ riporti jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Ioannis SARMAS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Lulju 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 369, 15.12.2004, p. 73.

(2)  ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27.

(3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa jiġi ppreżentat għal-skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja tas-sena li jagħti, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet, flimkien ma’ informazzjoni sommarja dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti differenti tal-baġit.

(5)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1653/2004 (ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6).

(8)  L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004.

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 tat-Titolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 651/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 15).

(10)  L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/2003 (ĠU L 11, 16.1.2003 p. 1).

(11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-12.6.2012 u rċevuti mill-Qorti fid-29.6.2012. Il-Kontijiet Annwali Finali, ikkonsolidati ma' dawk tal-Kummissjoni, jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://ec.europa.eu/eahc/about/about.html.

(12)  Ir-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità.


ANNESS

L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (il-Lussemburgu)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 168 u 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Il-livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. L-Azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw il-fonti ta’ periklu għas-saħħa umana. Din l-azzjoni għandha tkopri il-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa. L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fit-tnaqqis tal-ħsara għas-saħħa marbuta mad-drogi, inkluża l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom.

Il-kompetenzi tal-Aġenzija

L-għanijiet

L-Aġenzija hija responsabbli għat-twettiq tal-ħidmiet ta’ implimentazzjoni għall-immaniġġjar tat-tieni Programm tas-Saħħa Pubblika 2008-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE, il-programm tal-Konsumatur għall-2007-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u l-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà tal-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE.

L-Aġenzija għandha wkoll timmaniġġja l-fażijiet kollha fil-perjodu tal-miżuri implimentattivi delegati lilha fil-qafas tal-programm ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika 2003-2008, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002.

Il-ħidmiet

Taħt il-programmi tal-Unjoni msemmija hawn taħt, l-Aġenzija hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-ħidmiet li ġejjin kif definiti fl-att ta’ delegazzjoni adottat fid-9 ta’ Settembru 2008 (1):

 

Il-Programm tas-Saħħa Pubblika 2003-2008 - Id-Deċiżjoni Nru 1350/2002/KE

 

Il-Programm tas-Saħħa Pubblika 2008-2013 - Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE

 

Il-Programm tal-Konsumaturi 2007-2013 - Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE

 

Il-Miżuri ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà tal-Ikel - Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE:

(a)

Tmexxi l-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-proġetti (għal skopijiet ta’ monitoraġġ u tixrid, l-Aġenzija għandha tieħu l-passi neċessarji biex toħloq database tal-proġetti jew biex tkompli dak li diġà jeżisti, billi tinkorpora deskrizzjoni tal-proġett u r-riżultati finali);

(b)

Timmonitorja l-proġetti implimentati taħt dawn il-programmi u l-miżuri inklużi l-kontrolli neċessarji;

(c)

Tiġbor, tipproċessa u tqassam id-data u b’mod partikolari tiġbor, tanalizza u tibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiggwida l-implimentazzjoni tal-programmi u l-miżuri tal-Unjoni, tippromwovi l-koordinazzjoni u s-sinerġija ma’ programmi oħrajn tal-Komunitajiet, tal-Istati Membri jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

Torganizza laqgħat, seminars, taħdidiet, u miżuri ta’ taħriġ;

(e)

Tgħin fl-evalwazzjoni tal-impatt tal-programm, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni annwali u/jew ta’ nofs il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programmi, u fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ segwitu fl-evalwazzjonijiet deċiżi mill-Kummissjoni;

(f)

Ixxerred ir-riżultati tal-operazzjonijiet ta’ informazzjoni ppjanati u implimentati mill-Kummissjoni;

(g)

Tipproduċi data ġenerali dwar kontroll u sorveljanza;

(h)

Tipparteċipa fix-xogħol ta’ tħejjija dwar deċiżjonijiet ta’ finanzjament.

It-tmexxija

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni

Magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Il-membri tal-Kumitat ta’ Ġestjoni huma maħtura għal sentejn.

Jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport ta’ attività annwali tagħha.

Id-Direttur

Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea għal erba’ snin.

Il-verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2011 (2010)

Il-Baġit Finali

Il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija għall-2011 ammonta għal EUR 7,04 miljun.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

Fil-31 ta’ Diċembru 2011, l-Aġenzija impjegat 49 membru tal-persunal statutorju, inklużi 11-il membru tal-persunal temporanju u 38 membru tal-persunal b’kuntratt.

Il-prodotti u s-servizzi fl-2011 (2010)

1.   Monitoraġġ tal-għotjiet 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009 pprovduti taħt il-Programm tas-Saħħa Pubblika (PHP) 2003-2008, finalizzazzjoni b’suċċess tan-negozjati għal għotjiet taħt is-Sejħiet għal proposti 2009, inklużi proġetti, Konferenzi, Għotjiet Operattivi, Azzjonijiet Konġunti u ġestjoni tas-Sejħa għal proposti 2011. Sejħiet u għotjiet u kuntratti mogħtija taħt is-sejħiet għal proposti 2008 u għall-offerti tal-Programm tal-Konsumaturi 2007 – 2013 (CP) u proġetti mogħtija taħt is-sejħiet għall-offerti 2007, 2008 u 2009 taħt il-Miżuri ta’ Taħriġ fis-Sigurtà fl-Ikel.

2.1.   Il-programm ta’ ħidma PHP

Eżekuzzjoni tas-Sejħa għal proposti 2010 "Il-Programm tas-Saħħa Pubblika". Waslu 173 proposta. Minn dawn kien hemm 115-il applikazzjoni għal proġetti, 10 għal Azzjonijiet Konġunti, 25 għal Għotjiet Operattivi u 27 għal Konferenzi.

Ġestjoni ta’ kuntratti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluża t-tmexxija ta’ proġetti ttrasferiti mid-DĠ SANCO lill-Aġenzija.

Varar u kuntrattar tas-Sejħiet għall-offerti fil-Programm ta’ Ħidma 2010 tal-Programm tas-Saħħa. Tvaraw disa’ Sejħiet għall-offerti għad-DĠ SANCO.

Varar tas-Sejħiet għal proposti 2012: Minbarra s-Sejħa għal proposti 2011 (ara hawn fuq), l-EAHC varat is-Sejħiet għal proposti 2012 skont il-Pjan ta’ Ħidma 2012 tagħha ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-8 ta’ Diċembru 2011.

Kontribut għall-politiki tad-DĠ SANCO: Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-proposta dwar il-Programm tas-Saħħa Pubblika l-ġdid (PHP3): l-EAHC ipproduċa sensiela ta’ studji tal-każijiet imfassla apposta, dwar azzjonijiet individwali jew oqsma tal-Programm li kkontribwixxew b’mod sostanzjali għall-għanijiet tat-tieni PHP. L-Aġenzija wkoll żviluppat mudell ġdid ta’ rappurtar bl-objettiv li l-kollegi ta’ SANCO jingħataw valutazzjoni aħjar tal-impatt ta’ azzjonijiet finanzjati taħt il-PHP1/PHP2 u r-relevanza tagħhom fil-proċess ta’ tfassil tal-politika. Ittesjtat f’Diċembru 2011 fuq kampjun ta’ 10 rapporti finali, validati mill-analiżijiet riżultanti, il-mudell se jintuża mill-2012 ’il quddiem.

2.2.   Il-programm ta’ ħidma CP

Sejħiet għal proposti. Tvaraw seba’ Sejħiet għal proposti fl-2011.

Skambji ta’ Uffiċjali (GPSD/CPC). Fi ħdan il-qafas tas-Sejħiet għall-iskambju ta’ uffiċjali, l-Aġenzija tat 20 għotja, u b'hekk uffiċjali tal-infurzar minn bosta Stati Membri setgħu jaqsmu l-esperjenza tax-xogħol u l-għarfien tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi. L-għadd ta’ proposti ppreżentati fl-2011 żdied kemxejn meta mqabbel mal-2010 (minn 22 applikazzjoni fl-2010 għal 24 fl-2011).

Azzjonijiet Konġunti (GPSD/CPC). L-Aġenzija kkofinanzjat proġett li jimmira li jiskambja u jimplimenta l-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri, u b’hekk itejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali u jżid is-sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur. L-attivitajiet speċifiċi għall-prodotti involvew sorveljanza tas-suq fuq: prodotti li jimitaw l-ikel li jattiraw it-tfal, kostumi tat-tfal, laser pointers, slielem u lbies li jidher u aċċessorji.

Għotjiet Operattivi għal Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Konsumatur. Fi ħdan il-qafas tas-Sejħa li tikkonċerna Għotjiet Operattivi għal organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur u organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, l-Aġenzija ffirmat ftehimiet ta’ sħubija ta’ għotija mal-BEUC (Bureau Européen des Unions de Consommateurs) u l-ANEC (Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Rappreżentazzjoni tal-Konsumatur fl-istandardizzazzjoni), rispettivament.

ECC-Net. L-ECC-Net għandu l-għan li jipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar xiri transkonfinali u li jgħin fir-riżoluzzjoni ta’ ilmenti u tilwim transkonfinali. Fl-2010, l-ECC-Net ttrattat ’il fuq minn 71 000 każ. Dan l-għadd jirrappreżenta żieda ta’ 15 % fil-każijiet tal-konsumaturi meta mqabbel mal-2009. L-Aġenzija varat Sejħa għal proposti għall-għoti ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ECCs fl-2011. Din wasslet għall-konklużjoni ta’ 29 ftehim ta’ għotja. Minħabba l-viżibbiltà mtejba tan-netwerk fost il-konsumaturi fl-Ewropa, l-Aġenzija varat studju sabiex ittejjeb il-kwalità u l-attrazzjoni tal-websajts nazzjonali tal-ECCs. Bħalissa l-ECCs kollha jinsabu fil-proċess li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-istudju.

Sejħiet għall-offerti. Tvaraw sejħiet għall-offerti u erba’ talbiet għal servizzi speċifiċi.

Djarju ta’ Skola Ewropea. Id-Djarju Europa huwa Djarju tal-iskola għal studenti fl-iskejjel sekondarji, immirat bħala għodda għal xogħol tad-dar u noti oħra relatati mal-iskola. Bosta Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-UE jikkontribwixxu għall-kontenut u l-finanzjament. Matul l-2010, ingħata Kuntratt qafas u ġie ffirmat mal-kuntrattur tal-Fondazzjoni ‘Generation Europe’ għall-iżvilupp, l-istampar u d-distribuzzjoni tal-edizzjoni 2011/2012 tad-Djarju Europa u l-gwida għall-Għalliema. Bħala l-maniġer tal-Kuntratt qafas, l-Aġenzija koordinat u mmonitorjat l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett: hija approvat 21 kuntratt minn Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

DOLCETA. Wara l-konklużjoni tal-Kuntratt Qafas, l-Aġenzija ffirmat kuntratt speċifiku inizjali għall-akkwiżizzjoni tal-websajt Dolceta minn kuntrattur ġdid. Wara li tqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni esterna dwar “azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet tal-konsumaturi”, tvaraw żewġ talbiet oħra għal servizzi. Dawn huma mmirati lejn il-manutenzjoni u l-hosting tal-websajt eżistenti u t-titjib tar-rokna tal-għalliem.

Studji tas-Suq tal-Konsumatur. Ġew iffirmati żewġ kuntratti speċifiċi taħt il-Kuntratt Qafas dwar l-istudji tas-suq tal-konsumatur. Minbarra dan, bil-għan li tinġabar data biex aktar tifhem, timmonitorja u tqis l-interess tal-konsumaturi fis-suq intern, l-Aġenzija ffirmat kuntratt biex twettaq stħarriġ għall-monitoraġġ ta’ 51 suq tal-konsumatur f’27 Stat Membru.

Kampanja ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur fir-Rumanija: Fl-2011, l-Aġenzija kkonkludiet tliet kuntratti għall-implimentazzjoni ta’ kampanja ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fir-Rumanija. Il-kampanja hija skedata biex titvara fir-Rebbiegħa 2012.

Fl-2011, l-Aġenzija kkonkludiet ħames Kuntratti Qafas għal studji komportamentali tal-konsumatur. Tvaraw żewġ talbiet għal studji mid-DĠ SANCO u mid-DĠ JUST.

2.3.   Il-programm ta’ ħidma BTSF

Monitoraġġ tal-kuntratti trasferiti mid-DĠ SANCO relatati ma’ proġetti mogħtija taħt is-Sejħiet għall-offerti 2007 u 2008 u kuntratti mogħtija mill-offerta 2009. Wara ftehim mad-DĠ SANCO blokk ta’ sitt kuntratti ffirmati taħt il-BTSF ġew trasferiti lill-Aġenzija. L-Aġenzija mmonitorjat programmi definiti f’seba’ kuntratti ġodda mogħtija mis-Sejħiet għall-offerti li tvaraw fl-2009.

Matul l-2011, l-Aġenzija ħadet f’idejha mid-DĠ SANCO kważi l-eżekuzzjoni kompleta tal-Inizjattiva BTSF. Il-kuntratti kollha ffirmati mill-Kummissjoni fl-2008 u fl-2009 ġew esegwiti b’mod puntwali u rċevew punteġġi ta’ evalwazzjoni eċċellenti mill-parteċipanti.

Tul l-2011, kważi 6 000 parteċipant, il-biċċa kbira minnhom uffiċjali tal-Istati Membri, tħarrġu f’133 sessjoni jew workshop differenti organizzati madwar l-UE.

Monitoraġġ tal-kuntratti mogħtija taħt is-Sejħiet għall-offerti tal-2009 (7 kuntratti) u tal-2010 (15-il kuntratt).

Varatura u għoti ta’ Sejħiet għall-offerti 2011.

3.   Ġenerazzjoni u tixrid ta’ informazzjoni dwar il-Programm tas-Saħħa Pubblika, il-Programm tal-Konsumaturi, il-proġetti ffinanzjati mill-programm BTSF u l-attivitajiet tal-Aġenzija Eżekuttiva fl-2011.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Settembru 2008 - li tiddelega s-setgħat lill-Aġenzija.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBA TAL-AĠENZIJA

12.

L-EAHC tieħu nota tal-osservazzjonijiet tal-Qorti, rigward il-livell tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn miġjuba ’l quddiem f’titolu III, infiq operattiv tal-baġit operattv tal-Aġenzija.

Matul is-snin, saru sforzi mill-Aġenzija, biex jitnaqqsu l-livelli ta’ dawn l-approprjazzjonijiet miġjuba ’l quddiem, u għaldaqstant tittejjeb l-annwalità tal-implimentazzjoni tal-baġit. Pereżempju, l-approprjazzjonijiet miġjuba ’l quddiem fit-titolu III tal-baġit (muri f’% tal-impenji mwettqa) naqsu minn 73 % fl-2007 (l-ewwel sena ta’ operazzjoni tal-Aġenzija) għal 59 % fl-2010 u 46 % fl-2011.

Din it-tendenza pożittiva se tinżamm fil-futur. L-azzjonijiet pjanati fil-Programm ta’ Ħidma tal-Aġenzija, b’mod partikolari fit-titolu III tal-baġit operattiv tagħha, se jkomplu – kemm jista’ jkun possibbli – jiġu implimentati aktar kmieni matul is-sena.