16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/1


RAPPORT

dwar il-verifika tal-ġestjoni tar-riskju tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena finanzjarja 2010 flimkien mar-risposti tal-BĊE

2012/C 173/01

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI …

1-4

3

L-AMBITU U L-APPROĊĊ TAL-VERIFIKA …

5-6

3

IS-SEJBIET TAL-VERIFIKA …

7-91

3

Il-BĊE stabbilixxa qafas ta’ ġestjoni xierqa u komprensiva għall-ġestjoni tar-riskju? …

7-18

3

Il-qafas ta’ ġestjoni ta’ riskju globali …

8-14

3

L-iżvelar tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tal-BĊE lil partijiet esterni …

15-18

4

Il-BĊE ġesta r-riskji operazzjonali tiegħu b’mod effettiv? …

19-66

5

Il-Ġestjoni tar-Riskju Operazzjonali …

20-39

5

Il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju tal-BĊE …

40-66

7

Il-BĊE ġesta r-riskji finanzjarji tiegħu b’mod effettiv? …

67-91

10

Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju għall-investimenti u l-operazzjonijiet tal-politika …

69-74

10

Il-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju …

75-83

11

L-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju …

84-88

12

L-adegwatezza tar-rapportar ta’ riskji finanzjarji …

89-91

12

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET …

92-100

13

Il-BĊE stabbilixxa qafas ta’ governanza xieraq u komprensiv għall-ġestjoni tar-riskju? …

92-93

13

Il-BĊE ġesta r-riskji operazzjonali tiegħu b’mod effettiv? …

94-98

13

Il-BĊE ġesta r-riskji finanzjarji tiegħu b’mod effettiv? …

99-100

13

Tweġibiet tal-Bank Ċentrali Ewropew

15

TAQSIRIET

BĊE

Il-Bank Ċentrali Ewropew

BCM

Il-Ġestjoni tal-Kontinwità tan-Negozju

BĊN

Il-Banek Ċentrali Nazzjonali

BCP

Il-Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju

BĦI

Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali

BIA

L-Analiżi tal-Impatt tan-Negozju

BPH

Il-Manwal dwar il-Prattiċi tan-Negozju

CBPP

Il-Programm ta’ Xiri ta’ Bonds B’Sigurtà

CRO

Id-Direttur tar-Riskji

D-CO

Id-Direttorat għall-Komunikazzjoni

DĠ-A

Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni

DĠ-H

Id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani, l-Estimi u l-Organizzazzjoni

DĠ-IS

Id-Direttorat Ġenerali għas-Sistemi tal-Informatika

DĠ-M

Id-Direttorat Ġenerali għall-Operazzjonijiet tas-Suq

DĠ-P

Id-Direttorat Ġenerali għas-Sistemi ta’ Pagamenti

DĠ-S

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istatistika

EB

Il-Bord Eżekuttiv

FOS

Is-Servizzi għall-Operazzjonijiet Finanzjarji

GIPS

L-Istandards ta’ Prestazzjoni ta’ Investiment Globali

IAS

L-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità

IASB

Il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità

IFRS

L-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju

INV

Id-Diviżjoni għall-Investiment

MOS

Is-Sistemi tal-Operazzjonijiet tas-Suq

OFM

L-Immaniġġar tal-Fondi Proprji

ORC

Il-Kumitat tar-Riskju Operazzjonali

ORM

Il-Ġestjoni tar-Riskju Operazzjonali

RMA

Id-Diviżjoni għall-Maniġġ tar-Riskji (tad-DĠ-H)

SEBĊ

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali

SMP

Il-Programm dwar is-Swieq tat-Titoli

VaR

Il-Valur fir-Riskju

INTRODUZZJONI

1.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) flimkien jagħmlu s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). L-objettiv primarju tas-SEBĊ huwa li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Is-SEBĊ tappoġġa wkoll il-linji ta' politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-Unjoni (1). Għal dan il-għan, il-BĊE jwettaq il-kompiti speċifikati fl-Istatut tiegħu (2) u huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-attivitajiet u l-finanzi tiegħu.

2.

Il-verifika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-Qorti) dwar l-effiċjenza operazzjonali tal-BĊE hija bbażata fuq l-Artikolu 27(2) tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE (3). Il-verifika tal-2010 tkopri l-proċeduri u s-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju stabbiliti mill-BĊE u l-applikazzjoni tagħhom.

3.

Il-korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE huma l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv (4). Il-Bord Eżekuttiv jimplimenta l-politika monetarja skont il-linji direttivi stabbiliti u d-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill Regolatorju (5) u għandu responsabbiltà ġenerali mill-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-BĊE u tar-riżorsi tiegħu. Il-Bord Eżekuttiv fl-aħħar mill-aħħar huwa wkoll responsabbli għall-ġestjoni tar-riskju fil-BĊE.

4.

Ir-riskji huma ġestiti permezz ta’ żewġ oqfsa separati fil-BĊE. L-unità tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali (ORM (6)/BCM) tkopri r-riskji operazzjonali kollha (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 22) inkluża l-kontinwità tan-negozju. Id-Diviżjoni għall-Ġestjoni tar-Riskju (RMA) tittratta l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju (ara l-paragrafu 70), inklużi l-attivitajiet ta’ investiment u l-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-BĊE.

L-AMBITU U L-APPROĊĊ TAL-VERIFIKA

5.

L-objettiv tal-verifika tas-sena finanzjarja 2010 tal-Qorti kien li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u operazzjonali tal-BĊE (7). Il-ġestjoni tar-riskju fil-BĊE kienet ivvalutata f’termini tal-mistoqsijiet prinċipali ta’ verifika li ġejjin:

Il-BĊE stabbilixxa qafas ta’ tmexxija xierqa u komprensiva għall-ġestjoni tar-riskju?

Il-BĊE ġesta r-riskji operazzjonali tiegħu b’mod effettiv?

Il-BĊE ġesta r-riskji finanzjarji tiegħu b’mod effettiv?

6.

Il-verifika tal-ġestjoni tar-riskju tal-BĊE (8) kienet tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

Ir-reviżjoni tal-qafas globali tal-ġestjoni tar-riskju fil-BĊE inkluża reviżjoni tal-aqwa prattiki f’organizzazzjonijiet internazzjonali simili oħra fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju (9);

(b)

Ir-reviżjoni tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali u l-ittestjar ta’ sitt oqsma tax-xogħol magħżula (id-Direttorati Ġenerali) biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju. L-għażla kienet ibbażata fuq: (i) l-assigurazzjoni tal-kopertura ta’ riskji operazzjonali sinifikanti, (ii) li jiġu koperti kemm l-attivitajiet prinċipali tal-BĊE u dawk li mhumiex u (iii) li jiġu koperti l-attivitajiet li jeħtieġu ġestjoni tar-riskju orizzontali. Id-Direttorati Ġenerali (DĠ) magħżula kienu: L-Operazzjonijiet tas-Suq (DĠ-M), is-Sistemi ta’ Pagamenti (DĠ-P), l-Istatistika (DĠ-S) u d-Direttorat għall-Komunikazzjoni (D-CO).

(c)

Ir-reviżjoni tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-ittestjar dettaljat li jkopri d-diviżjoni għall-Maniġġ tar-Riskji (RMA) tad-DĠ għar-Riżorsi Umani, il-Baġit u l-Organizzazzjoni (DĠ-H) u s-Sistemi tal-operazzjonijiet tas-suq (MOS), is-Servizzi ta’ operazzjonijiet finanzjarji (FOS) u d-Diviżjonijiet għall-investiment (INV) tad-DĠ-M. Il-valutazzjoni tal-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju tal-BĊE u l-applikazzjoni tagħha saret permezz tal-użu tal-għajnuna teknika ta’ tim ta’ esperti tar-riskju finanzjarju minn Ernst and Young, fil-Lussemburgu.

IS-SEJBIET TAL-VERIFIKA

Il-BĊE stabbilixxa qafas ta’ ġestjoni xierqa u komprensiva għall-ġestjoni tar-riskju?

7.

L-ambizzjoni ddikjarata tal-BĊE hija li tiġi applikata l-aqwa prattika fil-ġestjoni tar-riskju tiegħu. “Il-Bank Ċentrali Ewropew mill-bidu nett ta attenzjoni partikolari lill-ġestjoni tar-riskju. Bħala membru ġdid tal-komunità tal-banek ċentrali, huwa kellu l-ambizzjoni li jissodisfa l-ogħla standards ta’ ġestjoni fl-organizzazzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tiegħu fl-istituzzjoni u li japplika għodod mill-aktar avvanzati” (10).

Il-qafas ta’ ġestjoni ta’ riskju globali

8.

Kultura b’saħħitha tar-riskju mifruxa mal-istituzzjonijiet hi waħda mill-elementi prinċipali għal ġestjoni effettiva tar-riskju. Wieħed mill-prerekwiżiti għall-ħolqien ta’ din il-kultura tar-riskju huwa l-istabbiliment ta’ funzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju komprensiva (li tkopri t-tipi kollha ta’ riskju, linji tan-negozju u riskji relevanti) u indipendenti taħt ir-responsabbiltà diretta tad-Direttur tar-Riskji (CRO), jew il-maniġment superjuri jekk ma jinħatarx CRO, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità (11).

9.

Fil-BĊE kull unità organizzattiva (12) hija responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji u l-kontrolli tagħha stess. Żewġ funzjonijiet/diviżjonijiet jappoġġaw unitajiet organizzattivi fil-proċess tal-ġestjoni tar-riskju:

il-funzjoni ORM/BCM (13) hi responsabbli għall-manutenzjoni metodoloġika, għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha relatati mar-riskju operazzjonali, kif ukoll għall-pariri proattivi lill-oqsma tax-xogħol (14);

id-diviżjoni għall-Maniġġ tar-Riskji (RMA) għandha x’taqsam mar-riskji finanzjarji (15). Id-diviżjoni għall-Maniġġ tar-Riskji hija responsabbli milli tipproponi politiki u proċeduri u appoġġ organizzattiv dwar ġestjoni tar-riskju għall-operazzjonijiet kollha tas-suq finanzjarju mmexxija mill-BĊE jew mill-Eurosistema f’isem il-BĊE. Id-diviżjoni tiġi organizzata f’żewġ unitajiet: Sezzjonijiet ta’ Analiżi tar-Riskju u ta’ Strateġija tar-Riskju.

10.

Bħala appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Eżekuttiv (EB), twaqqfu diversi kumitati li għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti diversi ta’ ġestjoni tar-riskju, inkluż il-Kumitat tar-Riskju Operazzjonali, il-Kumitat tal-Investiment, il-Kumitat tal-Assi u l-Obbligazzjonijet u l-Kumitat tal-Kreditu.

11.

Hemm struttura organizzativa komprensiva bi rwoli u responsabbiltajiet assenjati b’mod ċar. Madankollu, hemm demarkazzjoni b’saħħitha bejn il-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u operazzjonali fil-BĊE li żżid ir-riskju li l-istampa ġenerali tal-iskoperturi wiesgħa tal-Bank tista’ ma tkunx komprensiva.

12.

Ma twaqqaf l-ebda korp indipendenti u uniku, bħal Direttur tar-Riskji jew kumitat ta’ ġestjoni tar-riskju globali bejn il-Bord Eżekuttiv u ż-żewġ unitajiet/funzjonijiet tar-riskju, ORM/BCM u RMA. Fil-ħin tal-verifika, il-membru tal-EB li kien qed jieħu ħsieb il-ġestjoni tar-riskju, kellu wkoll għadd ta’ oqsma oħra ta’ responsabbiltà, filwaqt li CRO kieku jikkonċentra biss fuq il-ġestjoni tar-riskju.

13.

Barra minn dan, in-nuqqas ta’ funzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju indipendenti b’mod ġerarkiku jżid ir-riskju li tingħata prijorità insuffiċjenti lil kwistjonijiet ta’ ġestjoni tar-riskju eż. l-allokazzjoni ta’ riżorsi tal-persunal għall-kompiti ta’ ġestjoni tar-riskju, minħabba li kwistjonijiet bħal dawn huma soġġetti għad-deċiżjonijiet tad-DĠ-H.

14.

Reviżjoni tal-aqwa prattiki f’organizzazzjonijiet internazzjonali simili oħra wriet li l-Bank of Canada adotta qafas tal-ġestjoni tar-riskju integrata, inkluż Direttur tar-Riskju u grupp ta' ħidma tal-ġestjoni tar-riskju. It-tnejn li huma għandhom x’jaqsmu mal-istabbiliment komprensiv ta’ profil tar-riskju għall-Bank li jinkludi riskji kummerċjali, operazzjonali u finanzjarji kif deskritt fil-Kaxxa 1. Il-qafas tal-ġestjoni tal-Bank huwa inkorporat għalkollox fi ħdan l-ippjanar strateġiku tiegħu, il-baġit u l-proċessi ta’ evalwazzjoni ta’ prestazzjoni fi tmiem is-sena.

Il-Kaxxa 1

Eżempju ta’ ġestjoni tar-riskju integrata — Bank of Canada

Id-Direttur tar-Riskju għandu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

Imexxi l-iżvilupp u t-titjib tal-Qafas ta’ Politika ta’ Ġestjoni tar-Riskju Integrata u jikseb approvazzjoni mill-maniġment.

Jipprovdi gwida u pariri tal-ġestjoni tar-riskju lil membri oħra ta’ maniġment superjuri u jippresiedi l-Grupp ta’ Ħidma tal-Ġestjoni tar-Riskju.

Ikun il-Ko-President tal-Kumitat tar-Riskju tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Fondi mad-Dipartiment tal-Finanzi.

Il-Ġrupp ta’ Ħidma tal-Ġestjoni tar-Riskju għandu l-kompiti li ġejjin:

Jiffaċilita l-aġġornament sħiħ tal-awtovalutazzjoni tar-riskju tal-Bank u l-iżvilupp tar-rapport tal-ġestjoni tar-riskju annwali u ta’ nofs is-sena.

Jiltaqa’ tlieta sa erba’ darbiet fil-ġimgħa biex jagħmel reviżjoni tal-profil tar-riskju tal-Bank u biex jaqsam inizjattivi tal-ġestjoni tar-riskju mal-funzjonijiet/mad-dipartimenti tar-rappreżentanti.

L-iżvelar tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tal-BĊE lil partijiet esterni

15.

Għandu jkun hemm żvelar pubbliku effiċjenti biex jippermetti lil partijiet esterni jivvalutaw l-approċċ tal-BĊE għall-ġestjoni tar-riskju.

16.

Il-BĊE jippubblika rapport annwali, inklużi l-kontijiet annwali u n-noti ta’ żvelar li jakkumpanjawhom (16). L-informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju fil-kontijiet annwali hija limitata ħafna u l-informazzjoni dwar il-prinċipji u ċ-ċifri tal-ġestjoni tar-riskju tal-BĊE mhijiex disponibbli għall-pubbliku (għajr il-Valur fir-Riskju (17) (iċ-ċifra (VaR)). Ir-rapport annwali tal-BĊE fih informazzjoni fil-qosor dwar ċerti kwistjonijiet ta’ ġestjoni tar-riskju iżda ma jiżvelax ħarsa ġenerali tal-proċess tal-ġestjoni tar-riskju fl-organizzazzjoni, ir-riskji ffaċċjati kif ukoll l-approċċ tal-maniġment għal dawn ir-riskji.

17.

L-użu ta’ Standards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) (18) huwa l-aħjar prattika fil-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità. L-"iżvelar ta’ strumenti finanzjarji" tal-IFRS 7, għandu x’jaqsam mal-preżentazzjoni tar-riskji ffaċċjati minn organizzazzjoni fil-kontijiet tagħha iżda din ma ġietx applikata mill-BĊE.

18.

Organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jew organizzazzjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali bħall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) u l-Bank of Canada jiżvelaw, fir-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom, informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju anki jekk waħda minnhom ma tapplikax (ara l-Kaxxa 2 hawn taħt).

Il-Kaxxa 2

L-illustrazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ żvelar tal-ġestjoni tar-riskju

L-Organizzazzjoni

L-iżvelartal-ġestjoni tar-riskju fil-kontijiet annwali

Il-qafas ta’ rapportar finanzjarju

Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI)

Il-kontijiet annwali jiżvelaw ir-riskji li jaffaċċja l-bank, l-approċċ u l-organizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju, ħarsa ġenerali dettaljata tar-riskju tal-kreditu, ir-riskju tas-suq, ir-riskju tal-likwidità u r-riskju operazzjonali.

Il-qafas ta’ rapportar finanzjarju speċifiku stipulat mill-istatuti tal-bank

Il-Bank of Canada

Il-kontijiet annwali jiżvelaw ħarsa ġenerali tal-proċess tal-ġestjoni tar-riskju, l-istruttura tal-ġestjoni tar-riskju, ir-rwol tad-Direttur tar-Riskji Finanzjarji, ir-riskju finanzjarju ffaċċjat mill-bank, ħarsa ġenerali dettaljata tar-riskju tal-kreditu, ir-riskju tas-suq u r-riskju tal-likwidità.

L-IFRS (19)

Il-BĊE ġesta r-riskji operazzjonali tiegħu b’mod effettiv?

19.

Il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju tikkomplementa l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali (ORM) tal-BĊE u t-tnejn li huma jifformaw element importanti ta’ ġestjoni korporattiva (20).

Il-Ġestjoni tar-Riskju Operazzjonali

20.

Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali effettiv jinkludi strateġiji ċari u sorveljanza mill-bord tad-diretturi u l-maniġment superjuri, kultura ta’ riskju internazzjonali operazzjonali b’saħħitha u kultura ta’ kontroll intern (inklużi linji ċari ta’ responsabbiltà u segregazzjoni tad-dmirijiet) u rapportar intern effettiv.

21.

Biex tivvaluta l-ġestjoni tar-riskji operazzjonali fil-BĊE l-Qorti eżaminat:

il-politiki tal-ORM stabbiliti fil-BĊE;

l-istruttura organizzattiva u r-responsabbiltajiet tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali;

il-konnessjoni tagħha għall-ippjanar strateġiku finanzjarju (iċ-ċiklu tal-baġit annwali); u

l-identifikazzjoni tar-riskju, il-valutazzjoni u r-rispons, ir-rapportar, il-monitoraġġ u s-segwitu fl-oqsma tax-xogħol kif ukoll fil-livell ċentrali.

Il-Politiki tar-Riskju Operazzjonali

22.

Il-politiki tal-ORM għandhom jipprovdu definizzjoni ċara ta’ riskju operazzjonali mifruxa b’mod wiesa’ mal-banek u jistabbilixxu l-politiki li jiddeskrivu l-approċċ tal-bank għall-identifikazzjoni, għall-valutazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-kontroll/mitigazzjoni tar-riskju.

23.

Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali tal-BĊE ġie approvat mill-Bord Eżekuttiv f’Ottubru 2007 (21) u huwa deskritt fil-Manwal dwar il-Prattiċi tan-Negozju (BPH) ippubblikat fuq l-intranet u disponibbli għall-persunal kollu. Dan jiddeskrivi d-definizzjoni tal-ORM tal-BĊE (22), il-politika tat-tolleranza tar-riskju, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet kif ukoll il-politiki għall-valutazzjoni, ir-rispons u r-rapportar u l-monitoraġġ.

24.

Il-politiki tal-ORM stabbiliti jipprovdu definizzjoni ċara ta’ riskju operazzjonali mifruxa b’mod wiesa’ mal-Bank u jistabbilixxu l-politiki li jiddeskrivu l-approċċ tal-Bank għall-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll/mitigazzjoni tar-riskju. Madankollu, il-BPH ma jipprovdix dettalji tal-approċċ tal-Bank għall-identifikazzjoni tar-riskji.

L-istruttura organizzattiva u r-responsabbiltajiet

25.

Il-ġestjoni tal-qasam tax-xogħol għandu jkollha responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-politiki, tal-proċessi u tal-proċeduri għall-ġestjoni tar-riskju operazzjonali fl-attivitajiet materjali, tal-proċessi u tas-sistemi kollha tal-bank. Il-bank għandu jkollu wkoll sistema ta’ ġestjoni tar-riskju operazzjonali b’responsabbiltajiet ċari assenjati lil funzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju.

26.

Il-Bord Eżekuttiv hu ultimament responsabbli għall-Ġestjoni tar-Riskju Operazzjonali fil-BĊE. Il-Kumitat tar-Riskju Operazzjonali (ORC) għandu x’jaqsam ma’ temi strateġiċi u fuq terminu medju kif ukoll temi relevanti fuq terminu qasir u ad-hoc  (23). Il-kumitat jikkonsisti mill-membru tal-Bord Eżekuttiv (il-President) u seba’ maniġers superjuri tal-Bank (24). Huwa għandu poteri ta’ teħid tad-deċiżjonijiet għall-aċċettazzjoni tar-riskju fil-livell medju filwaqt li riskji ta’ livell għoli jridu jkunu dejjem aċċettati mill-Bord Eżekuttiv. Il-laqgħat isiru kull xahrejn jew aktar frekwenti jekk ikun meħtieġ.

27.

Il-BPH jiddeskrivi b'mod ċar l-oqsma tax-xogħol bħala responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji operazzjonali tagħhom (25). Għaldaqstant, kull qasam tax-xogħol għandu jinnomina (mill-inqas) koordinatur wieħed tar-riskju li jappoġġa lill-maniġers tal-oqsma tax-xogħol fl-ORM u jaġixxi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt fil-kwistjoniet tal-ORM fil-qasam tax-xogħol. Il-maniġers tal-qasam tax-xogħol huma wkoll responsabbli li jiżguraw li l-persunal jikseb u jżomm il-kompetenzi neċessarji biex jassumi r-responsabbliltà u l-obbligu tar-rendikont fir-rigward tal-ORM. Il-funzjoni ORM/BCM għandha tiżviluppa u żżomm il-qafas ORM u tikkoordina l-approċċ tal-Oqsma tax-Xogħol għall-ORM.

28.

Minn tmienja mill-persunal fil-funzjoni tal-ORM-BCM erbgħa biss kienu impjegati permanenti fiż-żmien tal-verifika. L-oħrajn kienu ssekondati mill-Banek Ċentrali Nazzjonali jew fuq kuntratti b’terminu fiss ta’ bejn tliet xhur u sentejn. Dan ifisser li hemm tibdil ta’ spiss tal-persunal li jwassal għal telf ta’ kontinwità f’funzjoni importanti u jżid ir-riskju tal-qafas tal-ORM li ma jiġix implimentat b’mod adegwat fil-BĊE.

29.

L-għarfien tal-persunal dwar il-qafas ORM kien inkluż fl-istħarriġiet tal-persunal fl-2009 u fl-2010. L-istħarriġ tal-2009 wera li madwar 40 % ta’ dawk li wieġbu qalu li huma ma rċevewx biżżejjed informazzjoni dwar l-ORM; 56 % ma kinux jafu min inħatar bħala koordinatur tar-riskju tal-qasam tax-xogħol tagħhom u 45 % ma kinux jafu fejn isibu l-informazzjoni dwar l-ORM fuq l-intranet. Fl-istħarriġ tal-2010, 40 % kien għadhom ma jafux fejn isibu l-informazzjoni dwar l-ORM.

Il-konnessjoni mal-ippjanar strateġiku u finanzjarju (iċ-ċiklu tal-baġit annwali)

30.

Il-ġestjoni tar-riskju għandha tkun inkorporata fil-governanza tal-BĊE bħala parti integrali mill-ippjanar strateġiku, tan-negozju u finanzjarju tal-bank.

31.

Parti importanti tal-istabbiliment tal-profil tar-riskju tal-BĊE hija l-valutazzjoni annwali tar-riskji operazzjonali mmexxija mill-oqsma tax-xogħol u l-funzjoni tal-ORM/BCM. Il-valutazzjonijiet għall-2009 twettqu mill-oqsma tax-xogħol f’Ġunju sa Awwissu 2009 u wara saret laqgħa ta’ kalibrar mal-koordinaturi tar-riskju. Rapport b’approċċ minn fuq għal isfel ġie finalizzat f’Jannar 2010.

32.

Il-profil tar-riskju għandu jkun wieħed mill-kontribuzzjonijiet għall-proċess tal-ippjanar strateġiku, li mbagħad imexxi l-pjan finanzjarju. Il-verifika wriet, madankollu, li m’hemmx integrazzjoni tal-valutazzjoni annwali tar-riskji operazzjonali u taċ-ċiklu ta’ ppjanar finanzjarju u strateġiku tal-BĊE. Għaldaqstant l-ORM qiegħed fir-riskju li jsir eżerċizzju iżolat u l-pjan finanzjarju jista’ jkun li mhux qed imexxi r-riżorsi kif xieraq biex jikseb miri strateġiċi (26).

33.

Eżempju ta’ prattika tajba huwa l-Bank of Canada fejn il-profil tar-riskju tal-bank huwa parti integrata taċ-ċiklu ta’ ppjanar strateġiku u finanzjarju globali tal-bank (27).

Il-proċess tal-ORM: L-identifikazzjoni tar-riskju, il-valutazzjoni u r-rispons, ir-rapportar, il-monitoraġġ u s-segwitu

L-identifikazzjoni tar-riskju, il-valutazzjoni u r-rispons

34.

Ir-riskji operazzjonali inerenti kollha fl-attivitajiet, fil-proċessi u fis-sistemi għandhom jiġu identifikati u vvalutati. Ir-riskji għandhom jiġu evalwati skont il-politika eżistenti u l-livell ta’ tolleranza biex jiġi ddeterminat rispons adegwat ibbażat fuq kalkoli tal-ispejjeż suffiċjenti. Għandu jkun hemm rapportar regolari ta’ informazzjoni pertinenti lill-maniġment superjuri u l-Bord Eżekuttiv li jappoġġa l-ġestjoni proattiva ta’ riskju operazzjonali.

35.

Il-qafas ORM ġie implimentat prinċipalment b’valutazzjonijiet b’approċċ minn fuq għal isfel. Skont il-politika tar-riskju tal-BĊE, l-oqsma tax-xogħol għandhom iwettqu wkoll b’mod kontinwu, valutazzjonijiet minn isfel għal fuq ta’ proċessi ta’ oqsma tax-xogħol u r-riskji identifikati għandhom jiġu approvati (28).

36.

Il-BĊE mexxa valutazzjonijiet tar-riskju b’approċċ minn fuq għal isfel fl-2008 u fl-2009. Il-funzjoni ORM/BCM ipprovdiet l-oqsma tax-xogħol b’xi riskji ta’ livell għoli ddefiniti minn qabel li kienu l-bażi għall-valutazzjonijiet tar-riskji tagħhom. Fir-rapport finali ġie inkluż pjan ta’ azzjoni għal kull qasam tax-xogħol. Il-BPH jeħtieġ li l-oqsma tax-xogħol għandhom janalizzaw u jiddefinixxu l-istrateġiji ta’ rispons għar-riskju u jmexxu analiżi ta’ kostbenefiċċju ta’ soluzzjonijiet possibbli.

37.

L-oqsma kollha tax-xogħol kienu identifikaw riskji u reazzjonijiet b’rabta mal-eżerċizzju tal-2009 minn fuq għal isfel. Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-2009 minn fuq għal isfel kien fih punti ta’ azzjoni ta’ segwitu għal kull qasam tan-negozju. Madankollu, ma kienx hemm analiżijiet ta’ kostbenefiċċju dokumentati fl-oqsma tax-xogħol li ttieħdu bħala kampjun.

38.

Għal xi riskji l-proċedura ta’ aċċettazzjoni mill-ORC/EB kienet bil-mod ħafna wara li ġie identifikat ir-riskju mill-qasam tax-xogħol. Pereżempju, żewġ riskji identifikati f’lulju-Awwissu 2009 kien għadhom ma ġewx approvati f’Diċembru 2010. Il-lista ta’ punti ta’ azzjoni miftuħa riveduti fil-laqgħat tal-ORC turi wkoll li wħud baqgħu miftuħa għal aktar minn sena u oħrajn sa sentejn.

39.

Għal tliet oqsma tax-xogħol biss minn sitta li ttieħdu bħala kampjun kien possibbli li jiġu identifikati riżorsi speċifiċi allokati għall-attivitajiet tal-ORM fil-programm ta’ ħidma tagħhom, iżda d-deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-ORM kienet vaga u ma kienx possibbli li jiġu intraċċati l-punti ta’ azzjoni mill-eżerċizzju tal-ORM tal-2009 minn fuq għal isfel għall-programmi ta’ ħidma tal-Qasam tax-Xogħol.

Il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju tal-BĊE

40.

Il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju (BCM) hija komponent sinifikanti tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali. Din teħtieġ pjanijiet ta’ kontinġenza u ta’ rkupru ta’ xenarju tal-agħar każijiet li għandhom mnejn iseħħu ’l quddiem biex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ attivitajiet u proċessi kritiċi jekk tinqala’ xi kriżi.

41.

Il-Qorti eżaminat jekk:

(i)

il-qafas globali tal-BCM huwiex adegwat u konformi mal-aqwa prattika;

(ii)

il-proċessi kritiċi humiex identifikati b’mod adegwat;

(iii)

il-pjanijiet ta’ kontinwità tan-negozju individwali (BCPs) ta’ oqsma tax-xogħol magħżula jindirizzawx b’mod adegwat ir-riskji biex jiżguraw kontinwità xierqa ta’ operazzjonijiet kritiċi;

(iv)

l-arranġamenti tal-kontinwità tan-negozju kinux ittestjati b’mod adegwat, u jekk

(v)

il-persunal kienx mgħarraf u mħarreġ dwar l-arranġamenti tal-kontinwità tan-negozju.

Il-qafas BCM

42.

Il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju hija approċċ globali tan-negozju li jinkludi politiki, standards u proċeduri biex ikun żgurat li operazzjonijiet speċifiċi jistgħu jinżammu jew jiġu rkuprati fi żmien xieraq fil-każ ta’ sfaxxar. L-iskop tagħha huwa li tnaqqas il-konsegwenzi operazzjonali, finanzjarji, legali, ta’ reputazzjoni jew oħrajn materjali li ġejjin minn sfaxxar  (29).

43.

L-iskop tal-BCM huwa li tiżgura li l-arranġamenti u s-soluzzjonijiet tal-kontinwità tan-negozju jkunu konformi mal-objettivi, l-obbligi, id-dmirijiet statutorji tal-BĊE u l-politika ta’ tolleranza tar-riskju tal-BĊE. (30)

44.

Il-verifika kienet tinkludi reviżjoni tad-dokumenti prinċipali li jikkostitwixxu l-qafas tal-BCM:

il-kapitolu 26 tal-Manwal dwar il-Prattiċi tan-Negozju jistipula l-qafas wiesa’, jiddefinixxi l-proċessi u l-produzzjonijiet ulterjuri li għandhom jiġu prodotti, u jiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet;

strateġija dwar l-ittestjar u t-taħriġ tal-kontinwità tan-negozju tal-BĊE;

programm dwar l-ittestjar tal-kontinwità tan-negozju; u

manwal dwar il-ġestjoni tal-kriżi.

45.

Il-BĊE żviluppa manwal dwar il-kriżi li jiddefinixxi r-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-proċessi f’każ ta’ kriżi kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tat-tim tal-ġestjoni ta’ kriżi. Kull qasam tan-negozju għandu responsabbiltà sħiħa għall-iżvilupp tal-BCP tiegħu. Madankollu, il-mudell ta’ livell għoli tal-BCP ma jeħtieġx BCP globali fil-livell tal-BĊE u wieħed ma kienx preparat.

46.

Il-BĊE waqqaf qafas sod li jipprovdi gwida dwar il-politiki, il-proċessi u r-responsabbiltajiet tal-BCM fl-organizzazzjoni. Madankollu, l-approċċ deċentralizzat tiegħu joħloq ukoll riskju li, fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni stretta, il-BCM tista’ ma tiġix implimentata mal-organizzazzjoni b’mod konsistenti.

L-identifikazzjoni ta’ proċessi kritiċi

47.

L-analiżijiet tal-impatt tan-negozju (BIA) huma proċess dinamiku biex jiġu identifikati operazzjonijiet u servizzi kritiċi, dependenzi interni u esterni prinċipali u livelli ta’ reżiljenza xierqa. Din tanalizza r-riskji u l-impatt potenzjali ta’ xenarji varji ta’ sfaxxar fuq l-operazzjonijijiet u r-reputazzjoni ta’ organizzazzjoni  (31).

48.

L-analiżi l-aktar riċenti b’impatt sħiħ tan-negozju (BIA) twettqet fl-2006 (32) biex tidentifika r-riżultati tanġibbli u s-servizzi kritiċi għall-kontinwità tal-operazzjonijiet prinċipali tal-Bank. L-oqsma prinċipali tal-fokus għall-BIA li twettqet kienu jinkludu:

l-identifikazzjoni tal-proċessi kritiċi tan-negozju;

il-kategorizzazzjoni tar-rekwiżiti kritiċi;

il-gwida dwar kif jiġu indirizzati proċessi li ma jerġgħux iseħħu jew mhux frekwenti;

l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ appoġġ addizzjonali.

49.

Aġġornament komprensiv tal-BIA li twettaq fl-2007 identifika diskrepanzi f’termini ta’ kontinwità tan-negozju u l-arranġamenti validi f’dak iż-żmien. Ġiet stabbilita strateġija ta’ segwitu. Din kienet tinkludi għażliet biex jitnaqqsu d-diskrepanzi identifikati jew jiġu aċċettati r-riskji u l-ispejjeż. Madankollu, filwaqt li dan id-dokument ippreżenta l-ispejjeż tal-IT u s-soluzzjonijiet loġistiċi tal-infrastruttura, dan ma ġiex analizzat biex juri l-impatt tal-livelli differenti tar-riskju fuq l-ispejjeż.

50.

L-aktar aġġornament riċenti tal-BIA biex jitnaqqsu d- diskrepanzi identifikati fl-2007 tlesta fl-2010. Ma saret l-ebda analiżi sħiħa tal-impatt tan-negozju mill-kriżi finanzjarja ’l hawn.

Il-Pjanijiet tal-Kontinwità tan-Negozju

L-operazzjonijiet kritiċi

51.

IL-BCPs għandhom ikunu mfassla sabiex l-operazzjonijiet kritiċi jkunu identifikati biex jiżguraw li l-BĊE għandu jkun kapaċi jissodisfa l-obbligi statutorji tiegħu kif definit fil-protokoll rilevanti dwar l-istatut tal-BĊE  (33). Il-BCPs għandhom jiġu żviluppati madwar“xenarju tal-agħar każ” bil-fehim li r-rispons ikun jista’ jitnaqqas b’mod xieraq biex ikun jaqbel mal-kriżi attwali  (34).

52.

Il-BĊE stipula valuri referenzjarji primarji għad-determinazzjoni tal-kritikalità marbuta ma’ għadd ta’ riskji u bbażata fuq l-obbligi statutorji tiegħu (ara l-Kaxxa 3).

Il-Kaxxa 3

Valuri referenzjarji primarji għad-determinazzjoni ta’ kritikalità

L-ilħuq tal-obbligi statutorji, inkluż:

id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja għaż-żona tal-euro;

it-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-munita barranija;

iż-żamma u l-ġestjoni ta’ riżervi uffiċjali barranin tal-pajjiżi taż-żona tal-euro; u

il-promozzjoni tal-operazzjoni mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ pagament.

L-impatt tal-interruzzjoni għal proċess identifikat fir-rigward ta’:

l-instabbiltà tas-suq;

it-telf ta’ kredibbiltà/dehra/reputazzjoni;

it-telf finanzjarju għall-BĊE;

it-telf finanzjarju għal istituzzjonijiet oħra;

il-problemi legali potenzjali;

impatti oħra mhux inklużi hawn fuq.

Sors: Ir-reviżjoni tal-BIA tal-BĊE tal-2006.

53.

Skont ir-reviżjoni tal-Qorti ta’ dawn il-valuri referenzjarji primarji u valutazzjoni preliminari tal-livell potenzjali tal-operazzjonijiet li tkomplew taħt xenarji stabbiliti (35), il-pjanijiet żviluppati kienu mfassla biex jiżguraw li l-obbligi statutorji jiġu ssodisfati. Madankollu, ir-reviżjoni tal-Qorti tal-BCPs identifikat nuqqas ta’ pjanijiet li jindirizzaw telf serju ta’ riżorsi umani (36) f’każ ta’ diżastru. Għalkemm l-oqsma tax-xogħol responsabbli għall-proċessi ddefinixxew il-persunal tal-kontinwità tan-negozju u identifikaw is-sostituti tagħhom, l-ebda wieħed ma kellu pjan ta’ riżerva f’każ ta’ skala wiesgħa ta’ nuqqas ta’ persunal disponibbli.

Il-konformità mal-mudell BCP ta’ livell għoli

54.

Skont il-mudell BCP ta’ livell għoli, il-BCPs individwali tal-oqsma tax-xogħol għandhom ikopru:

aspetti organizzattivi  (37);

proċessi kritiċi  (38);

rekwiżiti  (39); u

lista tal-partijiet interessati.

Organizzazzjoni għandha tiżen il-benefiċċju dirett tagħha minn miżuri biex ittejjeb ir-reżiljenza tagħha għal sfaxxar operazzjonali kontra l-ispiża ta’ dawn il-miżuri  (40).

55.

Il-mudell BCP ta’ livell għoli globali tal-BĊE jipprovdi l-istruttura mandatorja u l-kontenuti ta’ BCPs tal-qasam tan-negozju individwali. F’dan ir-rigward, dan il-mudell jinkludi biss l-istruttura tad-dokumenti BCP li għandhom jiġu pprovduti mill-oqsma.

56.

Il-BCPs huma ppreparati fil-livell tal-qasam tan-negozju, tad-dipartiment jew tad-diviżjoni. Il-mudell BCP ta’ livell għoli ġeneralment huwa rispettat f’termini ta’ kontenut mandatorju, iżda hemm differenzi kbar fil-grad tad-dettall. Għalkemm il-funzjoni ORM/BCM għandha rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni, il-kwalità tal-BCPs individwali tiddependi fuq il-persuna responsabbli fil-livell tal-qasam tan-negozju. Ma kienx hemm evidenza li l-BCPs individwali huma riveduti biżżejjed mill-funzjoni ORM/BCM.

57.

Mill-ħames oqsma tax-xogħol (41) magħżula għall-ittestjar fid-dettall, erbgħa pprovdew BCP konformi mar-rekwiżiti, li tlieta minnhom indirizzaw għal kollox il-proċessi kritiċi identifikati fil-BIA.

58.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma ġietx dokumentata analiżi bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji fl-oqsma tan-negozju li ttieħdu bħala kampjun dwar l-għażliet ta’ kontinwità tan-negozju, inkluża l-valutazzjoni ta’ diversi livelli ta’ riskju.

L-ittestjar

59.

L-organizzazzjonijiet għandhom jittestjaw il-pjanijiet ta’ kontinwità tan-negozju tagħhom, jevalwaw l-effettività tagħhom u jaġġornaw il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju tagħhom, kif xieraq  (42). BS25999  (43) jeħtieġ l-organizzazzjoni tiżgura li l-arranġamenti tal-BCM ikunu vvalidati permezz ta’ eżerċizzju u reviżjoni u jinżammu aġġornati.

60.

Ġew riveduti d-dokumenti li ġejjin:

l-istrateġija tal-ittestjar tal-kontinwità tan-negozju (44);

il-programmi tal-ittestjar u l-iskedi għall-perjodu 2008-2010; u

ir-rapporti tal-ittestjar.

61.

L-istrateġija tal-ittestjar tiffoka fuq il-BCPs u l-Pjanijiet ta’ Rkupru ta’ Sistemi ta’ Informazzjoni żviluppati biex jirrevedu proċessi kritiċi skont il-BIA. Il-qafas tal-ittestjar jinkludi allokazzjoni ċara ta’ responsabbiltajiet, li tistabbilixxi l-ambitu ta’ ttestjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, il-frekwenza tat-test kif ukoll il-programm ta’ ttestjar rilevanti fuq medda medja. Ir-reviżjoni indikat li qafas ta’ ttestjar adegwat ġie stabbilit f’konformità mar-rekwiżiti tal-BS 25999.

62.

It-testijiet li saru identifikaw li l-eżerċizzji tal-ittestjar, għalkemm ikopru l-persunal prinċipali u jsiru fuq bażi regolari, mhux dejjem jissimulaw iċ-ċirkostanzi li l-BĊE jaffaċċja kieku f’każ ta’ sfaxxar maġġuri tan-negozju. Testijiet ippjanati fl-2009 u fl-2010 ma koprewx ix-xenarji kollha stabbiliti mill-BĊE u ma sarux it-testijiet kollha li kienu ppjanati oriġinarjament.

It-taħriġ u l-għarfien

63.

Il-ġestjoni ta’ kriżi u t-timijiet ta’ rispons għandhom jiġu mgħallma dwar ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet tagħhom. It-timijiet għandhom ikunu mħarrġa mill-inqas kull sena u membri ġodda għandhom jitħarrġu meta dawn jingħaqdu mat-tim. Il-persunal kollu għandu jkun imħarreġ biex iwettaq ir-responsabbiltajiet individwali tiegħu f’każ ta’ kriżi. Huwa għandu jiġi mgħarraf dwar il-komponenti prinċipali tal-Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju  (45).

64.

L-istrateġija ta’ taħriġ adottata mill-BĊE tispeċifika li l-persunal kollu għandu jibbenefika minn programm ta’ titjib tal-għarfien tal-BCM (46). Dwar l-ittestjar, l-istrateġija ta’ taħriġ tipprevedi l-istabbiliment ta’ programm ta’ taħriġ li għandu jipprovdi dettalji tal-implimentazzjoni.

65.

Fl-2010 saru programmi fuq ħames nofstanhari ta’ taħriġ dwar il-ġestjoni tal-kriżi biex jipprovdu spjegazzjoni tal-Manwal dwar il-Kriżi adottat mill-BĊE. B’mod ġenerali, kemm l-introduzzjoni tal-manwal kif ukoll is-sessjoni ta’ taħriġ irċevew valutazzjonijiet pożittivi mill-parteċipanti tal-kors iżda ġie nnotat ukoll li l-ittestjar tas-simulazzjoni kieku jkun apprezzat ħafna.

66.

Filwaqt li l-verifika sabet evidenza ċara li qed isir it-taħriġ ta’ kontinwità tan-negozju rilevanti, jiġifieri permezz tal-ittestjar tal-BCPs, din ma sabitx evidenza li għarfien ieħor tal-persunal dwar il-qafas u l-proċessi tal-kontinwità tan-negozju ġie indirizzat b’mod attiv. Diversi dokumenti ta’ referenza interni (47) jirrikonoxxu li għalkemm l-ittestjar għandu rwol prinċipali fit-taħriġ tal-persunal, hemm ħtieġa li l-persunal kollu jiġi indirizzat permezz ta’ programm dwar l-għarfien tal-persunal. Dan it-tali programm s’issa għadu ma ġiex żviluppat, minħabba li l-funzjoni ċentrali ORM/BCM tqis li l-għarfien fost il-persunal tal-arranġamenti tal-kontinwità tan-negozju huwa sodisfaċenti. Minkejja dan, stħarriġ intern (48) jenfasizza li aktar minn 12 % (20 % fl-2009) ta’ dawk li wieġbu mhumiex konxji dwar l-arranġamenti tal-kontinwità tan-negozju għall-qasam tan-negozju tagħhom u ma jkunux jafu kieku fejn għandhom isibu l-informazzjoni dwar kif jirreaġixxu fil-każ ta’ kriżi.

Il-BĊE ġesta r-riskji finanzjarji tiegħu b’mod effettiv?

67.

Il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju hija proċess li jittratta l-inċertezzi li ġejjin mis-swieq finanzjarji. Din tinvolvi l-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji li l-organizzazzjoni qed taffaċċja u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ġestjoni konsistenti mal-prijoritajiet u l-politiki interni.

68.

Il-Qorti eżaminat jekk:

il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju globali għall-investimenti u l-operazzjonijiet tal-politika huwiex adegwat u konformi mal-aqwa prattika;

il-metodoloġija tar-riskju finanzjarju użata mill-BĊE hijiex adegwata għall-ġestjoni tar-riskji finanzjarji;

il-metodoloġija tar-riskju finanzjarju hijiex applikata b’mod effettiv mill-BĊE; u

ir-rapportar dwar il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju huwiex regolari u affidabbli.

Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju għall-investimenti u l-operazzjonijiet tal-politika

69.

Il-qafas għandu jipprovdi definizzjoni tar-riskju finanzjarju mifruxa mal-kumpanija kollha u jistabbilixxi l-prinċipji dwar kif ir-riskju finanzjarju għandu jiġi identifikat, ivvalutat issorveljat u kkontrollat/mitigat  (49). Il-bank irid ikollu sistema ta’ ġestjoni tar-riskju finanzjarju b’responsabbiltajiet ċari assenjati.

70.

Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tal-BĊE huwa mfassal biex ikopri riskji li ġejjin minn żewġ operazzjonijiet tal-BĊE: (i) l-investment u (ii) il-kreditu. L-operazzjonijiet tal-investiment huma marbuta maż-żewġ portafolli tal-investiment, ir-riżervi barranin (50) (EUR 60 600 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2010) u fondi proprji (51) (EUR 13 300 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2010). L-operazzjonijiet ta’ kreditu huma marbuta mal-operazzjonijiet ta’ politika monetarja (52). L-attivitajiet tal-investiment tal-BĊE jinkludu l-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE (53), il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE, il-ġestjoni tal-fond tal-pensjoni u l-attivitajiet marbuta maż-żewġ portafolli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja (54).

71.

Id-diviżjoni tal-RMA hija responsabbli għaż-żamma tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ġenerali għall-operazzjonijiet tal-investiment u l-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-kontrolli tar-riskji li jirriżultaw minn dawn l-operazzjonijiet. Hija tissorvelja l-konformità mal-politiki u l-proċessi mifthiema tal-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu u tas-suq. Każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità huma rrapportati skont proċeduri addizzjonali mifthiema.

72.

Id-DĠ-M huwa l-qasam tan-negozju li jmexxi l-operazzjonijet ta’ investiment fil-BĊE. Huwa responsabbli wkoll mill-manutenzjoni u l-żvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-ġestjoni tal-portafoll tal-Eurosistema (55). Id-Diviżjoni għall-Investiment tad-DĠ-M hija responsabbli mill-preparazzjoni tal-proposti tal-Kumitat għall-Investiment għall-valur referenzjarju tattiku għall-portafolli ta’ riżervi barranin u l-ġestjoni diretta tal-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE.

73.

Il-Manwal dwar il-Ġestjoni tar-Riskju Finanzjarju (56), id-dokument prinċipali għall-ġestjoni tar-riskju finanzjarju ta’ attivitajiet ta’ investiment, jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-politiki, tal-proċessi u tal-proċeduri rilevanti kollha b’mod partikolari billi jirreferi għad-dokumenti approvati mill-korp għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE.

74.

Il-qafas globali u l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju stabbiliti mill-BĊE għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-investiment u tal-politika jipprovdu definizzjoni mifruxa b’mod wiesa’ mal-banek ta’ riskju finanzjarju u jistabbilixxi l-prinċipji dwar kif ir-riskju finanzjarju għandu jiġi identifikat, ivvalutat, issorveljat u kkontrollat/mitigat.

Il-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju

75.

Linji gwida ta’ investiment adegwat għandhom jiġu stabbiliti biex jistabbilixxu l-livell tar-riskju li se jiġi aċċettat u jipprovdu gwida komprensiva għall-operazzjonijiet tal-investiment.

76.

Il-manwal dwar il-Ġestjoni tar-Riskju Finanzjarju tal-BĊE jiddefinixxi l-elementi li ġejjin:

(i)

it-tolleranza tar-riskju tal-BĊE;

(ii)

l-istrumenti u l-operazzjonijiet approvati;

(iii)

kontrapartijiet u emittenti eliġibbli, iffissar tal-limiti;

(iv)

allokazzjoni strateġika tal-assi;

(v)

il-monitoraġġ tar-rapportar u l-valutazzjoni; u

(vi)

ir-reviżjoni tal-qafas (57).

77.

Il-proċess tal-investiment tar-riżervi barranin huwa mmexxi minn struttura ta’ tliet saffi li tħaddan il-valur referenzjarju strateġiku, il-valur referenzjarju tattiku u l-portafolli attwali. Il-valur referenzjarju strateġiku jirrifletti l-preferenzi dwar ir-riskji u r-redditu fuq medda twila taż-żmien u jiġi deċiż mill-Kunsill Governattiv.

78.

Il-proċess tal-investiment tal-fondi proprji huwa bbażat fuq struttura ta’ żewġ saffi, il-valur referenzjarju strateġiku u l-portafoll attwali. Il-valur referenzjarju strateġiku jiġi deċiż mill-Bord Eżekuttiv.

79.

Ir-redditu huwa massimizzat skont restrizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ telf u ta’ allokazzjoni tal-assi u huwa implimentat permezz ta’ allokazzjoni ta’ assi strateġiċi speċifiċi (58).

80.

Il-listi ta’ pajjiżi, emittenti u kontrapartijiet eliġibbli huma miżmuma mill-RMA. Il-limiti għall-kontrapartijiet huma stabbiliti mill-RMA bbażati fuq il-metodoloġija approvata mill-Bord Eżekuttiv. Għall-ġestjoni tar-riżervi barranin, il-limiti huma allokati lill-BĊN ibbażati fuq il-metodoloġija approvata mill-Kunsill Governattiv. Darba fis-sena jsir aġġornament sistematiku tal-limiti kollha. Barra minn hekk, implikazzjonijiet ta’ tibdil fir-rati dwar l-eliġibbiltà u l-limiti jiġu kkunsidrati immedjatament.

81.

L-allokazzjoni strateġika tal-assi tqis ir-rekwiżiti ta’ politika ta’ livell għoli li ġejjin:

(i)

l-objettivi għaż-żamma tar-riżervi;

(ii)

il-preferenzi dwar ir-riskju/ir-redditu;

(iii)

il-filosofija tal-mudellar;

(iv)

l-orizzont tal-investiment u l-frekwenza tar-reviżjoni;

(v)

id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-valur referenzjarju strateġiku u s-saffi tattiċi fil-katina tal-investiment;

(vi)

il-kontenut tal-informazzjoni li jikkontribwixxi għad-deċiżjonijiet tal-investiment;

(vii)

l-investimenti eliġibbli, u

(viii)

il-limiti imposti fuq l-investiment.

L-orizzonti tal-investiment u tar-riskju huma stabbiliti għal sena għar-riżervi barranin u għal ħames snin għall-fondi proprji.

82.

Il-verifika tal-Qorti kienet tinkludi reviżjoni tal-:

kompletezza u l-adegwatezza tad-definizzjoni tat-teħid tar-riskju u tal-istrateġija tar-riskju;

linji gwida għall-investiment;

proċess tad-deċiżjoni li jistabbilixxi l-limiti għall-investiment;

miżuri tar-riskju u l-konsistenza tagħhom: ir-riskju tas-suq, ir-riskju tal-kreditu, ir-riskju tal-kontraparti, ir-riskju tal-likwidità u r-riskju operazzjonali ta’ attivitajiet tal-investiment.

83.

Ir-reviżjoni tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tindika li l-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tistabbilixxi biżżejjed il-livell tar-riskju li se jiġi aċċettat u tipprovdi gwida komprensiva għall-operazzjonijiet tal-investiment fil-BĊE.

L-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju

84.

Il-metodoloġija tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju kif deskritta fit-taqsima ta’ qabel għandha tiġi applikata b’mod effettiv fil-prattika.

85.

Il-verifika tal-Qorti kienet tinkludi:

(i)

ir-reviżjoni tal-adegwatezza ta’ valuri referenzjarji meta mqabbla mal-profil tal-portafoll tar-riskju, inklużi l-miżuri tal-iżbalji, il-kwalità tad-data, il-ġestjoni tad-data u s-sigurtà tad-data ta’ valuri referenzjarji strateġiċi u tattiċi;

(ii)

ir-reviżjoni tal-għodod u tas-sistema li tappoġġa l-komputazzjoni u l-aġġornament tal-portafolli u l-valuri referenzjarji; u

(iii)

ir-reviżjoni tal-ġestjoni tal-bidla tal-valur referenzjarju.

86.

Għar-reviżjoni tal-qafas tal-Valur fir-Riskju ġew ikkunsidrati l-aspetti li ġejjin:

(i)

l-analiżijiet tal-kwalità tad-data u l-ġestjoni tad-data, ir-reviżjoni tad-data tas-sigurtà u tal-kontroll;

(ii)

l-analiżi tat-teknika tal-mudellar, tas-suppożizzjonijiet tal-mudell, tal-komponenti prinċipali tal-mudellar; u

(iii)

it-testijiet tar-raġonevolezza, ir-reviżjoni tar-riżultati tat-test retrospettiv, l-analiżijiet tar-rapportar.

87.

L-ittestjar wera li l-metodoloġija kienet implimentata b’mod adegwat. Madankollu, il-“prinċipju tal-erba’ għajnejn” ma kienx iddokumentat. Barra minn dan, ir-reviżjoni tal-mudelli użati għall-kalkolu tal-valuri referenzjarji strateġiċi u tattiċi kif ukoll il-kalkoli VaR, inkluża l-validazzjoni tal-mudell urew li għal uħud mill-mudelli:

(a)

dan l-aħħar, l-ebda ttestjar retrospettiv tal-mudell ma sar u ma ġie ddokumentat;

(b)

l-ebda validazzjoni indipendenti jew aġġornament reċenti ma kien sar għall-mudelli applikati;

(c)

is-suppożizzjonijiet tal-mudelli mhux dejjem kienu ddokumentati biżżejjed.

88.

Reviżjoni tal-aqwa prattiki f’organizzazzjonijiet internazzjonali simili oħra wriet li wara l-kriżi finanzjarja fl-Istati Uniti u bħala parti mit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tiegħu, il-Federal Reserve Bank of New York stabbilixxa tim tal-validazzjoni tal-mudell. Il-kompiti ewlenin ta’ dan it-tim huma deskritti fil-Kaxxa 4.

Il-Kaxxa 4

It-tim tal-validazzjoni tal-mudell fil-Federal Reserve Bank of New York

Il-kompiti ewlenin tat-tim huma deskritti hawn taħt:

l-inventarju tal-mudelli kollha użati fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju;

ir-reviżjoni u l-validazzjoni tad-dokumentazzjoni tal-mudell;

l-istabbiliment ta’ dokumentazzjoni dettaljata f’każijiet fejn id-dokumentazzjoni hi vvalutata bħala mhux biżżejjed;

l-ittestjar tal-mudelli.

L-adegwatezza tar-rapportar ta’ riskji finanzjarji

89.

Għandu jkun hemm proċess li jissorvelja b’mod regolari l-profili tar-riskju u l-iskoperturi materjali għat-telf. Għandha tiġi stabbilita sistema affidabbli ta’ monitoraġġ u rapportar.

90.

Il-konformità mal-politiki u l-proċessi mifthiema tas-suq u tal-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu qed tiġi ssorveljata mill-RMA, li hija responsabbli wkoll mir-rapportar ta’ nuqqas ta’ konformità skont proċeduri ta’ eskalazzjoni mifthiema. L-RMA tal-BĊE tirrapporta regolarment dwar ir-riskju-redditu u l-prestazzjoni kemm tar-riżervi barranin tal-BĊE u l-portafolli tal-fondi proprji kif ukoll dwar il-valuri referenzjarji strateġiċi u tattiċi assoċjati. Ir-rapportar isir bi frekwenza ta’ kuljum, kull ġimgħa, kull xahar, kull tliet xhur u kull sena.

91.

It-testijiet u l-intervisti li saru mill-awdituri kkonfermaw li r-rapportar tal-prestazzjoni qed isir regolarment u qed jitqassam lill-maniġment eżekuttiv fil-ħin. Madankollu, ġie nnotat li l-istandards GIPS (59), meqjusa bħala l-aqwa prattiki, ma jissegwewx għall-iskop tar-rapportar intern tal-BĊE dwar il-prestazzjoni.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-BĊE stabbilixxa qafas ta’ governanza xieraq u komprensiv għall-ġestjoni tar-riskju?

92.

Il-BĊE stabbilixxa struttura organizzattiva komprensiva, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet huma assenjati b’mod ċar. Madankollu, hemm demarkazzjoni b’saħħitha bejn il-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u operazzjonali fil-Bank, din iżżid ir-riskju li l-istampa ġenerali tal-iskoperturi tal-Bank tista’ ma tkunx komprensiva. Ma twaqqaf l-ebda korp indipendenti u uniku, bħal direttur tar-riskju jew kumitat bejn il-Bord Eżekuttiv u ż-żewġ funzjonijiet/unitajiet tar-riskju, ORM/BCM u RMA.

93.

Il-kontijiet annwali tal-BĊE jinkludu biss informazzjoni fil-qosor dwar ċerti kwistjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju għajr milli jiżvelaw ħarsa ġenerali dwar il-proċess tal-ġestjoni tar-riskju fl-organizzazzjoni, ir-riskji ffaċċjati u kif ukoll l-approċċ tal-maniġment għal dawn ir-riskji.

Rakkomandazzjonijiet

1.

IL-BĊE għandu jqis it-twaqqif ta’ funzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju ġerarkikament indipendenti u unika, bħal direttur tar-riskju jew kumitat li, kieku, jikkonċentra biss fuq il-ġestjoni tar-riskju u jiżgura stampa ġenerali komprensiva tal-iskoperturi tal-Bank.

2.

Il-BĊE għandu jkompli jtejjeb l-iżvelar pubbliku tiegħu tal-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju għal partijiet esterni fil-kontijiet annwali billi japplika l-aqwa prattiki bħall-IFRS 7.

Il-BĊE ġesta r-riskji operazzjonali tiegħu b’mod effettiv?

94.

Il-BĊE għandu struttura organizzattiva ċara u stabbilixxa politiki adegwati dwar il-ġestjoni tar-riskju operazzjonali li jiddeskrivu fil-qosor l-approċċ tal-Bank għall-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll/il-mitigazzjoni tar-riskji.

95.

Għalkemm il-valutazzjonijiet minn fuq għal isfel saru fl-2008 u fl-2009 u l-pjanijiet ta’ azzjoni għal kull qasam tan-negozju ġew identifikati, ma ġiet iddokumentata l-ebda analiżi bejn l-ispiża u l-benefiċċju.

96.

Ġiet stabbilita sistema ta’ rapportar, monitoraġġ u segwitu u sar qbil dwar skeda tal-żmien għas-segwitu tal-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju għal riskji medji u għoljin. Madankollu, għal xi riskji, il-proċedura tal-aċċettazzjoni mill-ORC/EB ħadet ħafna ħin. M’hemmx integrazzjoni ta’ ppjanar u ta’ ċikli tal-ORM. Barra minn dan, l-attivitajiet tal-ORM ma ntwerewx b’mod ċar fil-programmi ta’ ħidma ta’ wħud mill-oqsma tax-xogħol ttestjati.

97.

Il-BĊE żviluppa manwal komprensiv dwar il-kriżi li jiddefinixxi r-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-proċessi f’każ ta’ kriżi kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tat-tim tal-ġestjoni ta’ kriżi. Kull qasam tan-negozju għandu responsabbiltà sħiħa għall-iżvilupp tal-BCP tiegħu.

98.

Il-BĊE waqqaf qafas sod li jipprovdi gwida dwar il-politiki, il-proċessi u r-responsabbiltajiet tal-BCM fl-organizzazzjoni. Madanakollu:

(a)

għalkemm sar aġġornament komprensiv tal-Analiżi tal-Impatt tan-Negozju fl-2007 u ntemm fl-2010, ma saret l-ebda Analiżi sħiħa tal-Impatt tan-Negozju mill-bidu tal-kriżi finanzjarja;

(b)

ġie identifikat nuqqas ta’ pjanijiet li jindirizzaw telf serju ta’ riżorsi umani;

(c)

it-testijiet ippjanati ma koprewx għal kollox ix-xenarji kollha ta’ diżastru ppjanati mill-BĊE; u

(d)

uħud mit-testijiet ippjanati għall-2009 u l-2010 ma sarux.

Rakkomandazzjonijiet

3.

Il-valutazzjoni annwali tar-riskji operazzjonali għandha tkun inkluża fiċ-ċiklu tal-ippjanar strateġiku u finanzjarju tal-BĊE u fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-oqsma tax-xogħol individwali.

4.

Il-miżuri li jindirizzaw riskji operazzjonali medji għal dawk għoljin għandhom ikunu solvuti malajr.

5.

Il-BĊE għandu jkompli jtejjeb il-pjanijiet tal-kontinwità tan-negozju tiegħu u l-programm tagħhom ta’ ttestjar u jistinka biex jiżgura li t-testijiet kollha ppjanati jitwettqu.

Il-BĊE ġesta r-riskji finanzjarji tiegħu b’mod effettiv?

99.

Il-qafas globali u l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju stabbiliti mill-BĊE għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-investiment u tal-politika hu adegwat. Ir-reviżjoni tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju indikat li l-metodoloġija mfassla għall-ġestjoni tar-riskju finanzjarju hi soda u adegwata għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-investiment u tal-politika fil-BĊE. Madankollu, jeħtieġ titjib fl-applikazzjoni prattika tal-metodoloġija, eż. fil-qasam tal-mudelli użati għall-kalkoli ta’ valuri referenzjarji strateġiċi u tattiċi kif ukoll għall-kalkoli VaR.

100.

Ir-rapporti tal-ġestjoni tar-riskju intern jipprovdu informazzjoni adegwata u komprensiva dwar il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju għall-maniġment superjuri u għall-Bord tal-BĊE. Ir-rapportar dwar il-prestazzjoni huwa regolari u f’waqtu iżda mhuwiex aġġornat regolarment biex jirrifletti t-tibdil fl-istandards GIPS.

Rakkomandazzjonijiet

6.

Il-BĊE għandu jkompli jtejjeb ir-reviżjoni u l-validazzjoni tal-mudelli użati għall-kalkoli tal-valuri referenzjarji strateġiċi u tattiċi kuf ukoll għall-kalkoli VaR, inkluż l-istabbiliment ta’ dokumentazzjoni dettaljata f’każijiet fejn id-dokumentazzjoni hija vvalutata bħala insuffiċjenti, l-ittestjar tal-mudelli u r-reviżjoni regolari tas-suppożizzjonijiet tal-mudell.

7.

It-tibdil fl-istandards GIPS għandu jiġi rivedut fuq bażi annwali u għandha tiġi meqjusa applikazzjoni sħiħa għar-rapportar intern tal-BĊE dwar il-prestazzjoni.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-27 ta' Marzu 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

Il-President


(1)  L-Artikolu 127(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)  L-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa protokoll mehmuż mat-Trattat.

(3)  L-Artikolu 27(2) tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE jistipula: "Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jkunu japplikaw biss għal eżami tal-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE."

(4)  L-Artikolu 9(3) tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju huwa magħmul minn sitt Membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Bord Eżekuttiv huwa magħmul mill-President, il-Viċi President u erba’ Membri oħra.

(5)  L-Artikolu 12(1) tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(6)  L-ambitu tal-ORM ikopri riskji relatati ma’ attivitajiet tal-BĊE, inklużi dawk relatati mal- proċessi u l-proġetti tas-SEBĊ tal-Eurosistema.

(7)  Il-kriterji li fuqhom il-Qorti vvalutat il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u operazzjonali tal-BĊE huma murija f’dan id-dokumenti fil-korsiv. Sakemm ma jkunx hemm referenza għalihom mod ieħor, il-kriterji huma tal-Qorti.

(8)  L-ambitu tal-verifika eskluda l-ġestjoni tar-riskju fil-livell tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ).

(9)  Saru żjarat ta’ informazzjoni mal-Federal Reserve Bank of New York u l-Bank of Canada, intbagħtu kwestjonarji lill-Federal Reserve Bank of New York, lill-Bank of Canada u lis-Swiss National Bank.

(10)  José Manuel González-Páramo, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, Ulrich Bindseil u Evangelos Tabakis, Risk Management for Central Banks and Other Public Investors, Cambridge University Press 2009 (Ġestjoni tar-Riskju għal Banek Ċentrali u Investituri Pubbliċi Oħra), l-Istamperija tal-Università ta’ Cambridge.

(11)  “High level principles for risk management”, (Prinċipji ta’ livell għoli għall-ġestjoni tar-riskju), il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE), Frar 2010 (il-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-korsiv, it-test oriġinali b’tipa grassa muri b’tipografija normali).

(12)  Is-Sezzjoni, id-diviżjoni, id-direttorat jew id-direttorat ġenerali.

(13)  Li hija parti mid-DĠ-H.

(14)  Il-funzjoni ORM/BCM hi wkoll segretarjat għall-Kumitat tar-Riskju Operazzjonali (ORC).

(15)  L-RMA b’mod amministrattiv hija parti mid-DĠ-H iżda tirrapporta direttament lill-membru tal-Bord Eżekuttiv responsabbli mill-ġestjoni tar-riskji finanzjarji.

(16)  Il-BĊE japplika l-qafas tar-rapportar ta’ kompatibilità tiegħu stess stabbilit bid-Deċiżjoni/2006/17 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE kif emendata.

(17)  Il-Valur fir-Riskju (VaR) hija miżura tar-riskju li tintuża b’mod wiesa’ tar-riskju ta’ telf fuq portafoll speċifiku ta’ attivi finanzjarji. Għal portafoll, probabbiltà u perjodu taż-żmien partikolari, il-VaR hu ddefinit bħala valur ta’ livell limitu b’tali mod li l-prababbiltà li t-telf tar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet kurrenti tas-suq fuq il-portafoll matul il-perjodu taż-żmien speċifiku jeċċedi dan il-valur, waqt li jassumi li s-swieq huma normali u m’hemmx kummerċ fil-portafoll, huwa l-livell ta’ probabbiltà partikolari (Skont il-: Valur fir-Riskju: The New Benchmark for Managing Financial Risk (3rd edition), (Il-Valur fir-Riskju Referenzjarju l-Ġdid għall-Ġestjoni tar-Riskju Finanzjarju) (it-tielet edizzjoni), Philippe Jorion, McGraw-Hill Professional, 2006).

(18)  L-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju huma Standards ibbażati fuq il-prinċipji, l-Interpretazzjonijiet u l-Qafas adottati mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB), magħrufa wkoll mill-isem antik tagħhom ta’ Standards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS). Fi Frar 2001, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Regolament li kien jeħtieġ lill-kumpaniji tal-UE kollha elenkati f’suq regolat, inklużi banek u kumpaniji ta’ assigurazzjoni biex iħejju kontijiet ikkonsolidati skont l-IAS sa mhux aktar tard mill-2005. L-Istati Membri tal-UE ngħataw l-għażla li jestendu dan ir-rekwiżit għal kumpaniji mhux elenkati u għal kontijiet ta’ kumpaniji individwali. Mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-UE, kemm fuq livell politiku u tekniku ġie stabbilit biex jissorvelja l-integrazzjoni tal-IAS fl-UE.

(19)  Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Bank of Canada kien irrapporta skont Prinċipji Kanadiżi ta’ Kontabilità Ġeneralment Aċċettati, minkejja l-iżvelar tal-informazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju komparabbli mal-IFRS. Mill-1 ta’ Jannar 2011, il-Bank of Canada jirrapporta taħt l-IFRS.

(20)  “Business Practices Handbook”(Il-Manwal għall-Prattiċi tan-Negozju), il-Kapitolu 26.

(21)  Fl-2008 l-Bord Eżekuttiv iddeċieda li jallinja l-qafas tal-ORM tal-BĊE mal-qafas adottat fil-livell tas-SEBĊ.

(22)  Ir-riskju operazzjonali huwa definit bħala "ir-riskju ta’ impatt finanzjarju negattiv, ta’ negozju u/jew ta’ reputazzjoni li jirriżulta minn nuqqas ta’ ġestjoni interna jew mhux adegwata u proċessi tan-negozju jew minn nies, sistemi jew avvenimenti esterni".

(23)  Huwa awtorizzat li jistimula u jissorvelja l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali fil-BĊE.

(24)  Il-membri huma maniġers superjuri mill-Operazzjonijiet tas-Suq, is-Sistemi tal-Informazzjoni, l-Amministrazzjoni, ir-Riżorsi Umani, l-Estimi u l-Organizzazzjoni, żewġ oqsma tax-xogħol ċentrali fuq rotazzjoni ta’ bażi ta’ sena u l-Konsulent għad-Direttur Ġenerali għar-Riżorsi Umani, il-Baġit u l-Organizzazzjoni.

(25)  Il-qasam tan-negozju (il-proprjetarju tar-riskju) responsabbli għar-riskju orizzontali (riskju li għandu impatt fuq diversi oqsma tax-xogħol) għandu jirrakkomanda u/jew jimplimenta miżuri xierqa tat-trattament tar-riskju li huma applikabbli mal-BĊE.

(26)  Ibbażat fuq il-konklużjoni mill-artikolu "ERM at the Federal Reserve Bank of Richmond”, 2007, Jack Dorminey u Richard Mohn.

(27)  Sors: Il-websajt tal-Bank of Canada “Medium-term plan 2010-12” ("Pjan ta’ terminu medju 2010-12”) (www.bankofcanada.ca fit-13 ta’ Lulju 2011).

(28)  Għal proġetti bħall-IT, jeżistu proċeduri speċifiċi kif deskritt fl-Organizzazzjoni tal-Proġett u fil-Proċeduri ta’ Kontroll. Ir-riskji tal-proġett huma rrapportati separatament permezz tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Proġett/ il-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Proġett ta’ Stabbilimenti Ġodda. Il-ġestjoni tar-riskju relatata ma’ proġetti speċifiċi ġiet eskluża mill-ambitu ta’ din il-verifika.

(29)  “High-level principles for business continuity” (Prinċipji ta’ livelli għoljin għall-kontinwitá tan-negozju), il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Awwissu 2006, il-paragrafu 9.

(30)  “Business Practice Handbook” (BPH) (Il-Manwal għall-Prattiċi tan-Negozju), il-ħames edizzjoni, il-BĊE, l-24 ta’ Settembru 2010.

(31)  “High-level principles for business continuity” (Prinċipji ta’ livelli għoljin għall-kontinwitá tan-negozju), il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Awwissu 2006, il-paragrafu 10.

(32)  “ECB Business Impact Analyses” (L-Analiżijiet tal-Impatt tan-Negozju tal-BĊE), Edizzjoni 2006, id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani, l-Estimi u l-Organizzazzjoni, is-16 ta’ Jannar 2007.

(33)  L-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jiddefinixxi l-kompiti statutorji li għandhom jitwettqu mill-BĊE.

(34)  Business Continuity Guideline: A Practical Approach for Emergency Preparedness, Crisis Management and Disaster Recovery, ASIS international, 2005, il-paragrafu 11.3.

(35)  Abbażi ta’ sitt xenarji ta’ diżastru, il-BIA tqis l-impatt fuq il-kapaċità operazzjonali ta’ kull qasam tan-negozju.

(36)  Kif meħtieġ minn prinċipji ta’ Livell għoli għall-kontinwità tan-negozju, il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Awwissu 2006, il-paragrafu 23.

(37)  Jiġifieri: korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-każ ta’ kriżi, kompożizzjoni ta’ tim tal-kontinwità tan-negozju, relazzjonijiet ma’ timijiet oħra, lokalitajiet tat-timijiet tal-kontinwità tan-negozju.

(38)  Jiġifieri: dawk li kienu identifikati u approvati bħala parti mill-BIA, lista tal-kompiti fid-detall tal-attivitajiet speċifiċi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-proċessi kritiċi msemmija hawn fuq.

(39)  Jiġifieri: Tagħmir tal-IT u tal-uffiċċju, manwali.

(40)  “High-level principles for business continuity” (Prinċipji ta’ livelli għoljin għal kontinwità tan-negozju), il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Awwissu 2006, il-paragrafu 13.

(41)  Id-DĠ-IS għandu proċess ta’ kontinwità tan-negozju separat. Dan huwa soġġett għal verifika esterna għall-konformità mal-ISO 20000 u għal din ir-raġuni il-BCP tad-DĠ-IS ġie eskluż mill-ambitu tal-verifika tal-Qorti tal-2010.

(42)  “High-level principles for business continuity” (Prinċipji ta’ livell għoli għall-kontinwità tan-negozju), il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Awwissu 2006, il-prinċipju 6.

(43)  Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istandard Brittaniku għall-BCM.

(44)  “ECB Business Continuity Testing and Training Strategy” (L-istrateġija tat-Taħriġ u tal-Ittestjar tal-Kontinwita tan-Negozju tal-BĊE), Il-Kumitat tar-Riskju Operazzjonali, l-4 ta’ Marzu 2008.

(45)  Business Continuity Guideline: A Practical Approach for Emergency Preparedness, Crisis Management, and Disaster Recovery, ASIS international, 2005; il-paragrafu 12.1.1.

(46)  “ECB Business Continuity Testing and Training Strategy”(L-istrateġija tat-Taħriġ u tal-Ittestjar tal-Kontinwita tan-Negozju tal-BĊE), Il-Kumitat tar-Riskju Operazzjonali, l-4 ta’ Marzu 2008.

(47)  “Business continuity testing and training strategy” (L-istrateġija ta’ taħriġ jew ittestjar tal-kontinwità tan-negozju), p. 15; “Business Practice Handbook” (il-Manwal dwar il-Prattika tan-Negozju), 26.1; “Business Continuity Framework” (Il-Qafas dwar il-Kontinwità tan-Negozju) (intranet tal-BĊE); “Business Continuity Management Policy document” (Dokument dwar il-Politika tal-Ġestjoni tal-Kontinwità tan-Negozju).

(48)  Rapport dwar l-Istħarriġ dwar is-Sodisfazzjon tal-Konsumatur Intern tal-BĊE tal-2009 u l-2010.

(49)  Basel, ERM COSO (Enterprise Risk Management Committee of Sponsoring Organizations) (Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Impriża ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Sponsorjar).

(50)  Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2008 dwar l-immaniġġjar tal-assi ta’ riżervi barranin tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (abbozzata mill-ġdid) (BĊE/2008/5) (2008/596/KE).

(51)  “Il-Linja gwida OFM”, Lulju 2010, “Il-Linji gwida dwar l-Investiment ta’ Fondi Proprji tal-BĊE”, Settembru 2010.

(52)  Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Settembru 2002 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riserva estera tal-BĊE (BĊE/2002/6).

(53)  Inklużi r-riżervi tad-deheb.

(54)  Portafoll ta’ Programm ta’ Xiri ta’ Bonds Koperti (CBPP) u l-portafoll tal-Programm għas-Swieq tat-Titoli (SMP).

(55)  Applikazzjoni użata għall-ġestjoni tar-riżervi barranin u r-riżorsi proprji tal-BĊE u biex tipproduċi ċ-ċifri tal-prestazzjoni.

(56)  “Handbook of Financial Risk Management, Policies and procedures” (Il-Manwal dwar il-Ġestjoni tar-Riskju Finanzjarju, il-Politiki u l-proċeduri), Marzu 2008.

(57)  Reviżjoni tal-punti (i)-(v) b’mod regolari jew mill-inqas darba f’sena mill-Bord Eżekuttiv jew il-Kunsill Governattiv.

(58)  Dan ġie deċiż mill-Kunsill Governattiv għar-Riżervi Barranin u l-Bord Eżekuttiv għall-fondi proprji bbażat fuq il-proposti mill-RMA.

(59)  Il-GIPS (Standards dwar il-Prestazzjoni ta’ Investiment Globali) huma sett ta’ prinċipji standardizzati tal-etika mifruxa mal-industrija, maħluqa u mmexxija mill-Istitut CFA (Chartered Financial Analyst), li jipprovdu gwida dwar kif jiġu kkalkolati u rrapportati r-riżultati tal-investiment. Dawn huma volontarji u huma bbażati fuq il-prinċipji fundamentali ta’ żvelar sħiħ u rappreżentazzjoni ġusta ta’ riżultati tal-prestazzjoni tal-investiment.


TWEĠIBIET TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 u jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għal titjib magħmula mill-Qorti. Il-BĊE jinnota wkoll li l-Qorti tagħraf li: (i) il-BĊE għandu struttura organizzattiva ċara u stabbilixxa politika adegwata dwar il-ġestjoni tar-riskji operattivi; u li (ii) il-qafas ġenerali tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji kif imwaqqaf mill-BĊE għall-operazzjonijiet tal-investiment u l-politika monetarja huwa adegwat.

Il-BĊE jieħu nota tal-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għal titjib li għamlet il-Qorti. Il-kummenti tal-BĊE dwar paragrafi speċifiċi u dwar is-seba’ rakkomandazzjonijiet jinsabu hawn taħt.

Paragrafi 9 sa 13 u 92

B’referenza għad-deskrizzjoni tal-Qorti tal-qafas ġenerali tal-BĊE għall-ġestjoni tar-riskji, nixtiequ niċċaraw li:

Il-qafas għall-ġestjoni tar-riskji operattivi, li jkopri l-kejl u l-monitoraġġ tar-riskji operattivi tal-BĊE, jidħol fil-kompetenza tal-funzjoni responsabbli għall-Ġestjoni tar-Riskji Operattivi u l-Ġestjoni tal-Kontinwità Operattiva (Operational Risk Management & Business Continuity Management, ORM/BCM) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani, il-Baġit u l-Organizzazzjoni. Il-qafas għall-ġestjoni tar-riskji finanzjarji għall-operazzjonijiet tas-suq kif ukoll il-kejl u l-monitoraġġ tal-iskoperturi għar-riskju minn dawn l-operazzjonijiet huma parti mir-responsabbiltà tal-Uffiċċju għall-Ġestjoni tar-Riskji (Risk Management Office, RMO). Dan it-tip ta’ struttura organizzattiva hu komuni fil-banek ċentrali u f’organizzazzjonijiet tax-xorta tagħhom. Għalhekk, l-eżistenza ta’ funzjoni u ta’ uffiċċju distinti m’għandhiex tittieħed bħala li teżisti qasma bejn il-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u l-ġestjoni tar-riskji operattivi, iżda bħala għażla organizzattiva li għandha l-għan li tiżgura l-allokazzjoni effiċjenti tad-dmirijiet bħala parti mir-responsabbiltà kolleġġjali tal-Bord Eżekuttiv għall-ġestjoni ġenerali tar-riskji fil-BĊE.

Għal dawk li huma l-aħħar żviluppi minn meta saret il-verifika tal-Qorti, il-BĊE jixtieq jgħarraf li:

fil-qasam tar-riskji operattivi, il-Kumitat għar-Riskji Operattivi (Operational Risk Committee, ORC), li hu responsabbli għas-sostenn u s-sorveljanza tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u ż-żamma tal-Ġestjoni tar-Riskji Operattivi (ORM), issa huwa presedut mill-Viċi President tal-BĊE;

fil-qasam tar-riskji finanzjarji, f’Lulju 2011 il-BĊE rriorganizza dik li qabel kienet id-Diviżjoni tal-Ġestjoni tar-Riskji (Risk Management Division, RMA) f’Uffiċċju għall-Ġestjoni tar-Riskji (RMO) li huwa awtonomu u jwieġeb għall-Bord Eżekuttiv permezz ta’ membru tal-bord differenti minn dak responsabbli għad-Direttorat Ġenerali tal-Operazzjonijiet tas-Suq. Din il-bidla saret minħabba: (i) is-sehem aktar sinifikanti tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji fil-banek ċentrali b’mod ġenerali u fil-BĊE b’mod partikolari; u (ii) ir-rakkomandazzjoni mogħtija mill-Kunsill Governattiv lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema li l-linji ta’ rappurtaġġ bejn il-membri tal-bord responsabbli għall-funzjoni tal-operazzjonijiet tas-suq u dawk responsabbli għall-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji għandhom ikunu separati.

Ara wkoll it-tweġiba għal Rakkomandazzjoni 1.

Paragrafi 16, 17 u 93

Tagħrif dwar il-ġestjoni tar-riskji jidher f’bosta kapitoli tar-Rapport Annwali tal-BĊE, fosthom il-Kontijiet Annwali tal-BĊE, li jitħejjew skont ir-regoli u l-kriterji tal-kontabilità li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jqis li jixirqu lill-attivitajiet ta’ bank ċentrali. Dawn il-prinċipji jitħaddmu sistematikament mill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema fl-operazzjonijiet li jmexxu u jitqiesu fil-livell internazzjonali bħala l-istandard ta’ rappurtar finanzjarju adattat għall-banek ċentrali.

Ir-rekwiżiti legali tal-BĊE vis-à-vis ir-rappurtar finanzjarju huma stipulati fid-Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-Kontijiet Annwali (id-Deċiżjoni BĊE/2010/21). Il-BĊE jimxi mal-prinċipji ta’ valutazzjoni konformi mal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (International Financial Reporting Standards, IFRS) kif adottati mill-Unjoni Ewropea sakemm xi trattament speċifiku tal-kontabilità ma jkunx stipulat fid-Deċiżjoni BĊE/2010/21 u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni kuntrarja min-naħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Barra dan, f’konformità mad-Deċiżjoni msemmija aktar ’il fuq, il-BĊE jħejji l-Kontijiet Annwali tiegħu fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Kunsill Governattiv dwar il-livell xieraq ta’ xandir tat-tagħrif u mhuwiex marbut li jikkonforma mar-rekwiżiti dwar l-għoti tat-tagħrif stipulati fl-IFRS 7.

Ara wkoll it-tweġiba għal Rakkomandazzjoni 2.

Paragrafu 24

Il-BĊE jixtieq jagħmilha ċara li l-informazzjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riskji Operattivi (ORM) li tinsab fil-paġni tal-Intranet tiegħu tipprovdi lill-koordinaturi tal-ġestjoni tar-riskji u lill-maniġers bit-tagħrif meħtieġ, fosthom dwar il-kategoriji tar-riskji u l-kawżi ewlenin. Aktar tagħrif dwar kif għandhom jiġu identifikati r-riskji jingħata lill-oqsma tax-xogħol fil-bidu tal-aġġornament annwali tal-valutazzjoni ġenerali tal-bank dwar ir-riskji operattivi.

Paragrafu 28

L-għadd ta’ membri permanenti tal-istaff fil-funzjoni tal-Ġestjoni tar-Riskji Operattivi u l-Ġestjoni tal-Kontinwità Operattiva (ORM/BCM) dan l-aħħar ittella’ għal ħamsa. Fl-opinjoni tal-BĊE, il-kompożizzjoni attwali tal-istaff f’dan il-qasam tibbenefika mill-membri tal-istaff issekondati mill-banek ċentrali nazzjonali u ma żżidx ir-riskju li l-implimentazzjoni tal-qafas tal-Ġestjoni tar-Riskji Operattivi ma tkunx adegwata.

Paragrafi 29 u 66

Biex ikompli jtejjeb l-għarfien dwar il-qafas tal-Ġestjoni tar-Riskji Operattivi (ORM) u d-dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità operattiva, il-BĊE se jtejjeb il-preżentazzjoni tat-tagħrif rilevanti dwar l-ORM u l-BCM fil-paġni tal-Intranet tiegħu u jistieden lill-mexxejja tal-unitajiet tar-riskju jagħtu preżentazzjonijiet minn żmien għall-ieħor lill-membri tal-istaff fl-oqsma tax-xogħol tagħhom.

Paragrafi 37, 58 u 95

Waqt li l-politika tal-Ġestjoni tar-Riskji Operattivi (ORM) tħeġġeġ biex issir analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji kull meta jiġu definiti inizjalment l-istrateġiji ta’ reazzjoni għar-riskji biex jiġi żgurat li dawn l-istrateġiji jiġġustifikaw l-ispiża, analiżi ta’ din ix-xorta ssir essenzjali meta tiġi biex tittieħed deċiżjoni dwar miżuri konkreti ta’ reazzjoni għar-riskji. Hekk, fil-BĊE dejjem issir analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji meta jingħata bidu għal xi proġett partikolari.

Paragrafi 50 u 98(a)

Il-prattika tal-BĊE hi li jaġġorna l-analiżi dwar l-impatt operattiv meta jkun meħtieġ iktar milli f’intervalli regolari, biex jiżgura li r-rekwiżiti supplimentari tal-kontinwità operattiva, bħat-tibdil organizzattiv jew sistemiku kif ukoll il-proċessi jew l-applikazzjonijiet ġodda, jiġu trattati f’waqthom. Fir-realtà, minn meta r-riżultati ta’ analiżi sħiħa dwar l-impatt operattiv ingħataw lill-Bord Eżekuttiv fl-2007, ir-rekwiżiti supplimentari tal-kontinwità operattiva ġew integrati bosta drabi fil-qafas tal-Ġestjoni tal-Kontinwità Operattiva (BCM).

Paragrafi 53 u 98(b)

Il-BĊE jqis li l-pjanijiet komprensivi tiegħu għal meta tfaqqa’ pandemija huma biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għal kull nuqqas serju ta’ riżorsi umani. Barra dan, fil-każ li rarament jista’ jseħħ meta l-membri kollha tal-istaff ikunu indisposti, il-BĊE għandu pjanijiet alternattivi biex jiżgura li l-proċessi l-aktar importanti tiegħu jkomplu jitwettqu.

Paragrafi 62 u 98(c) u (d)

Minħabba l-kriżi finanzjarja attwali, il-funzjonijiet ewlenin tal-BĊE qegħdin ikunu disponibbli kważi kull tmiem il-ġimgħa u dan wassal għal-limitazzjoni tal-applikazzjoni u l-frekwenza tat-testijiet għall-kontinwità operattiva ġenerali. Waqt li l-unità tal-ġestjoni tal-kriżijiet sikwit tagħmel testijiet ibbażati fuq sitwazzjonijiet tassew konkreti, ġiet adottata strateġija aktar prudenti fejn jidħlu t-testijiet tal-pjanijiet ġenerali tal-BĊE dwar il-kontinwità operattiva u l-faċilitajiet ta’ rkupru tat-teknoloġija tal-informatika, biex jonqos ir-riskju ta’ tfixkil għad-dmirijiet rikorrenti.

Ara wkoll it-tweġiba għal Rakkomandazzjoni 5.

Paragrafi 91 u 100

Il-BĊE ma adottax il-qafas sħiħ tal-Istandards ta’ Prestazzjoni ta’ Investiment Globali (Global Investment Performance Standards, GIPS) minħabba li dan ma japplikax kollu kemm hu għall-attivitajiet tiegħu ta’ bank ċentrali.

Ara wkoll it-tweġiba għal Rakkomandazzjoni 7.

Rakkomandazzjoni 1

Il-BĊE dejjem iqis u japprezza rakkomandazzjonijiet biex ikompli jtejjeb il-ġestjoni tiegħu tar-riskji u biex japplika l-aktar prattiki aġġornati għall-banek ċentrali. L-istruttura organizzattiva attwali tal-BĊE għall-ġestjoni tar-riskji taħseb għal qafas effiċjenti biex jiġu allokati d-dmirijiet li għalihom il-Bord Eżekuttiv għandu responsabbiltà kolleġġjali għall-ġestjoni ġenerali tar-riskji tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni 2

Il-BĊE diġà jikkonforma mar-rekwiżiti legali rilevanti għar-rappurtar finanzjarju tiegħu, kif stipulati fid-Deċiżjoni BĊE/2010/21. Il-BĊE dejjem żamm, u se jibqa’ jżomm, taħt għajnejh l-iżviluppi fl-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), b’mod partikolari biex jara kemm dawn ikunu adattati għar-rappurtar finanzjarju tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni 3

Il-BĊE jaċċetta din ir-rakkomandazzjoni. Waqt li l-oqsma individwali tax-xogħol tal-BĊE dejjem integraw l-azzjonijiet u l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tal-miżuri li jtaffu r-riskji fil-programmi annwali ta’ ħidma u t-talbiet baġitarji tagħhom, il-BĊE dan l-aħħar bidel it-tqassim taż-żmien tal-proċessi rilevanti li jolqtu l-bank kollu, biex l-aġġornament annwali tal-valutazzjoni tar-riskji operattivi jiġi jaqbel maċ-ċikli tal-ippjanar strateġiku u finanzjarju.

Rakkomandazzjoni 4

Il-BĊE jaċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 5

Il-BĊE jaċċetta din ir-rakkomandazzjoni. Il-BĊE jimpenja ruħu bis-sħiħ biex ikompli jtejjeb il-pjanijiet tiegħu dwar il-kontinwità operattiva, u jagħmel li jista’ biex jiżgura li l-programmi ta’ testijiet tal-proċessi u d-dmirijiet rilevanti kollha tiegħu jsiru f’waqthom. Fl-istess ħin, madankollu, il-BĊE jiżen l-urġenza biex isiru t-testijiet pjanati mal-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskji fit-twettiq ta’ dmirijietu, b’mod partikolari f’dan il-mument partikolari meta trid tingħeleb il-kriżi finanzjarja attwali.

Rakkomandazzjoni 6

Il-BĊE jaċċetta din ir-rakkomandazzjoni u jisħaq fuq l-impenn tiegħu li jkompli jeżamina, jittestja u jiddokumenta tajjeb il-mudelli tal-allokazzjoni tal-assi u l-mudelli tar-riskji bil-ħsieb li jintlaħqu l-ogħla standards possibbli.

Rakkomandazzjoni 7

Il-BĊE dejjem żamm, u se jibqa’ jżomm, taħt għajnejh l-iżviluppi fl-Istandards ta’ Prestazzjoni ta’ Investiment Globali (GIPS), b’mod partikolari biex jara kemm dawn ikunu adattati għar-rappurtar intern tal-BĊE dwar il-prestazzjoni tal-investimenti.