DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi ta' entitajiet tas-settur pubbliku /* SWD/2012/0402 final */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL
TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI
TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi ta' entitajiet
tas-settur pubbliku 1. Introduzzjoni Dan id-dokument huwa sommarju eżekuttiv
tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa fit-tħejjija tal-proposta
għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-aċċessibbiltà
għall-internet. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri
żviluppaw l-speċifikazzjonijiet u l-politiki tagħhom stess
għall-aċċessibbiltà għall-internet abbażi tad-W3c WAI
WCAG, b’riżultat ta’ frammentazzjoni tas-suq għall-iżviluppaturi
tal-internet. Billi jiġu armonizzati l-ispeċifikazzjonijiet dwar
l-aċċessibbiltà għall-internet għal sensiela ta’ servizzi
pubbliċi bażiċi, tista’ tiġi solvuta l-problema
tal-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ sigurtà fis-suq, u b’hekk ikunu
ġġenerati benefiċċji għall-gvernijiet u
ċ-ċittadini, u jkun hemm aċċessibbiltà akbar u aħjar
għas-suq tal-internet. Definizzjonijiet u sfond It-teknoloġiji tal-informazzjoni u
l-komunikazzjoni b’mod ġenerali, u l-Internet, b’mod partikolari, huma
l-muturi prinċipali tat-tkabbir ekonomiku. L-aċċessibbiltà
għall-internet tirreferi għall-prinċipji u t-tekniki li
għandhom jiġu osservati meta jinbnew is-siti elettroniċi, sabiex
jagħmlu l-kontenut ta’ dawn is-siti aċċessibbli
għall-utenti kollha, b’mod partikolari dawk b’diżabbiltà[1]. Jeżistu linji gwida newtrali
fit-teknoloġija u rikonoxxuti internazzjonalment għad-disinn ta’ siti
elettroniċi u kontenut aċċessibbli: Il-Kriterji ta’
Suċċess u l-Livell AA tar-Rekwiżiti tal-Konformità
fil-verżjoni 2.0 tal-Linji Gwida għall-Accessibbiltà
għall-Kontenut tal-Web (Web Content Accessibility Guidelines) (WCAG 2.0)
mill-World Wide Web Consortium (W3C). Qed jitħejja Standard Ewropew li
jinkludi aċċessibbiltà għall-internet abbażi ta’ dawk
il-linji gwida fil-kuntest tal-Mandat 376 tal-Kummissjoni Ewropea. L-aċċessibbiltà għall-internet
hija ta’ importanza kbira għall-entitajiet tas-settur pubbliku, peress li
jkunu jistgħu jilħqu u jwettqu r-responsabbiltajiet pubbliċi
tagħhom. L-għadd ta’ siti governattivi (madwar 380 500
fl-UE) u s-siti elettroniċi tas-settur pubbliku (madwar 761 000
fl-UE) qed jikber b’mod mgħaġġel. Filwaqt li
l-aċċessibbiltà għall-internet hija ta’ benefiċċju
għall-utenti kollha, din hija essenzjali għall-persuni
b'diżabbiltà (15 % tal-popolazzjoni tal-UE, jew 80 miljun
ruħ)[2].
L-aċċessibbiltà għas-suq tal-internet tinkludi dawk kollha deskritti bħala żviluppaturi
tal-internet: il-professjonisti u l-kumpaniji speċjalizzati fit-tfassil
tal-arkitettura teknika u l-kontenut tal-paġni tal-internet, il-partijiet
li jiktbu l-għodod tas-softwer sabiex jinħolqu u jiġu
implimentati l-paġni tal-internet, u l-kumpaniji li jipprovdu s-servizzi
ta' konsultazzjoni rilevanti u t-taħriġ fl-iżvilupp
tal-internet. Fl-UE, dan is-suq għad għandu ħafna spazju fejn
jikber, peress li inqas minn 10 % tas-siti elettroniċi huma konformi
mad-WGAC 2.0. L-aċċessibbiltà għall-internet fl-UE hija stmata
li tiswa EUR 2 biljun, iżda tipproduċi anqas minn 10 %
tal-potenzjal tagħha. L-armonizzazzjoni ser twassal għal
kundizzjonijiet aħjar tas-suq, għal aktar impjiegi, anqas
spejjeż għall-aċċessibbiltà għall-internet u aktar
siti elettroniċi aċċessibbli: tliet benefiċċji, jew
tliet rebħiet f'daqqa għall-gvernijiet, għan-negozji, u
għaċ-ċittadini. 2. Kuntest Politiku,
Kwistjonijiet ta’ proċedura u konsultazzjoni Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri (21)
diġà ħadu miżuri dwar l-aċċessibbiltà
għall-internet; u probabbilment oħrajn ser isegwu, hekk kif il-parti
l-kbira tal-Istati Membri rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Madankollu, jeżistu differenzi
sinifikanti u evidenti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-approċċi
leġiżlattivi tagħhom. Hemm ħafna
inizjattivi ta' politika marbutin mal-aċċessibbiltà tal-internet:
l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010-2020
(l-aċċessibbiltà tal-ICT); il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Gvern
elettroniku 2011-2015 (servizzi inklużivi u aċċessibbli ta’
gvern elettroniku); l-‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa’
(il-Kummissjoni tipproponi li tiżgura li sal-2015, is-siti
elettroniċi tas-settur pubbliku jkunu aċċessibbli għal kollox).
programmi ta’ finanzjament tal-UE, bħal FP7 u CIP, isostnu r-riċerka
u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi
għall-aċċessibbiltà tal-internet. L-aċċessibbiltà
għall-internet se titqanqal ukoll mill-Mandat ta’ Standardizzazzjoni 376
tal-Kummissjoni (għal rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà
funzjonali għall-prodotti, is-servizzi u l-kontenut tal-internet tal-ICT,
li jintużaw fi proċeduri tal-akkwist pubbliku) u r-reviżjoni
tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku. Twettqu għadd kbir ta’ konsultazzjonijiet
pubbliċi u studji analitiċi sabiex jidentifikaw il-problemi u
l-ħtiġijiet, li jindirizzaw lill-partijiet relevanti, inklużi
r-rappreżentanti tal-Istati Membri, l-industrija u l-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili. Twaqqaf grupp ta' Tmexxija għal Valutazzjoni
tal-Impatt, immexxi mid-Direttorat Ġenerali għas-Soċjetà
tal-Informatika u l-Midja, b'rappreżentanza wiesgħa ta’ servizzi u
dipartimenti varji tal-Kummissjoni. Dawn kienu jinkludu s-Servizz Legali,
is-Segretarjat Ġenerali, u d-Direttorati Ġenerali għall-Komunikazzjoni;
tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji; tal-Impjiegi, l-Affarijiet
Soċjali u l-Inklużjoni; tal-Intrapriża u l-Industrija;
il-Eurostat; tas-Saħħa u l-Konsumaturi; tal-Informatika; tas-Suq
Intern u s-Servizzi; u tal-Ġustizzja. Il-kompitu tagħhom kien li
janalizzaw u jiddiskutu l-kwistjonijiet u l-perspettivi relevanti għal din
il-proposta dwar l-aċċessibbiltà għall-internet. L-abbozzi
tar-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt ġew ippreżentati
lill-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt u l-verżjoni finali tiegħu
tinkorpora r-reazzjonijiet għar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord. 3. Definizzjoni tal-problema Minkejja għaxar snin ta’ azzjonijiet
volontarji tal-politika tal-UE, inklużi l-konklużjonijiet
tal-Kunsill, ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, il-komunikazzjonijiet
tal-Kummissjoni u d-dikjarazzjonijiet Ministerjali, ma kien reġistrat
l-ebda progress xieraq dwar l-aċċessibbiltà għall-internet.
Il-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta' sigurtà huma l-għerq
tal-problema. Is-suq intern tal-aċċessibiltà għall-internet
mhux jiffunzjona sew. L-iżviluppaturi tal-internet iħabbtu
wiċċhom ma’ ostakli fil-forma ta’ spejjeż addizzjonali
tal-produzzjoni jekk joperaw bejn il-fruntieri. L-intrapriżi, b’mod
partikolari l-SMEs, ma għandhomx l-għarfien u l-kapaċità biex
ikampaw mal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri differenti kollha. Dan
ifixkel il-kompetizzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Is-sidien tas-siti
tal-internet jirċievu inqas offerti u dawn ikunu jiswew aktar flus
biex jipprovdu s-servizzi. L-utenti tal-aċċessibiltà
għall-internet jistgħu jiġu kkonfrontati bi brawżers,
b’qarrejja tal-iskrijn jew b’teknoloġiji oħra ta’ assistenza li
mhumiex interoperabbli. Il-konsegwenza tista' tkun li f'pajjiżi
differenti, l-esperjenzi tal-utenti jkunu differenti u ta’ tfixkil. Barra minn
hekk għal persuni b'limitazzjonijiet funzjonali, inklużi l-persuni
b'diżabilità, jeżisti r-riskju tal-esklużjoni soċjali li
qed tiżdied. L-Istati Membri ma
jistgħux jibbenefikaw mill-iskambju tal-esperjenzi b’reazzjoni
għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà. Mingħajr l-armonizzazzjoni fil-livell
tal-UE, ma jistgħux jitnaqqsu r-rekwiżiti
tal-aċċessibbiltà għall-internet, il-frammentazzjoni u
l-inċertezza fis-suq tal-aċċessibbiltà għall-internet. Din
l-armonizzazzjoni tista’ tgħin sabiex jintlaħqu l-impenji
politiċi eżistenti u tiżgura l-effikaċja tal-Istandards
Ewropej u internazzjonali għall-aċċessibbiltà (il-Mandat 376
u ISO/IEC 40500 ġdid), l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibiltà u
d-Direttivi riveduti dwar l-Akkwist Pubbliku. Il-proposta tista’ tkun limitata
għal siti elettroniċi fis-settur pubbliku, peress li din
waħedha tkun tirriżulta f’suq imdaqqas ta’ żviluppaturi
tal-internet. Peress li l-Istati Membri ma jistgħux
jiksbu suq uniku għall-aċċessibbiltà għall-internet,
l-Unjoni tipproponi li tadotta miżuri, filwaqt li jiġi rrispettat
il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, fuq il-bażi
legali tal-Artikolu 114.1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea. Dan jiddikjara li l-Kummissjoni ‘għandha
tadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet
stipulati bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati
Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u
l-funzjonament tas-suq intern’. Issa huwa l-waqt li naġixxu, peress li intervent modest jista’ jipprevjeni miżuri ta’
riparazzjoni estensiva aktar tard. 4. Għanijiet L-għanijiet ġenerali jinkludu t-titjib estensiv tas-suq intern għall-prodotti u
s-servizzi relatati mal-aċċessibbiltà għall-internet, u jkattru
l-għadd ta’ siti elettroniċi aċċessibbli. L-għanijiet
speċifiċi jinkludu rekwiżiti armonizzati għal lista
minima tat-tipi ta’ siti elettroniċi tas-settur pubbliku u l-promozzjoni
tal-aċċessibbiltà għall-internet għal siti elettroniċi
lil hinn minn din il-lista. L-għan funzjonali prinċipali huwa
li sal-2015 tintlaħaq aċċessibbiltà sħiħa
għall-internet għas-siti elettroniċi kollha fis-settur pubbliku
fuq il-lista msemmija. 5. Għażliet ta’
politika L-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa (ADE)[3]
ħabbret: “Abbażi tal-analiżi tal-għażliet, sal-2011,
il-Kummissjoni ser tagħmel proposti li jiżguraw li sal-2015, is-siti
elettroniċi tas-settur pubbliku (u s-siti elettroniċi li jipprovdu
servizzi bażiċi liċ-ċittadini) jkunu aċċessibbli
għal kollox”. Ġew identifikati tliet għażliet
ta’ politika: 1 — Xenarju bażiku (“L-ebda
azzjoni addizzjonali”) 2 — Rakkomandazzjoni (“liġi
mhux vinkolanti”) Din l-għażla tikkonċerna
l-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni li tesprimi approċċ komuni
għall-aċċessibbiltà għall-internet, partikolarment
l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida għall-Accessibbiltà għall-Kontenut
tal-Web (WCAG 2.0 livell AA) għal lista minima tat-tipi
kkonċernati ta’ siti elettroniċi tas-settur pubbliku. 3 — Miżuri legalment vinkolanti Miżura legalment vinkolanti,
għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u d-dispożizzjonijiet
amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-aċċessibbiltà
għall-internet, tistipula r-regoli biex issir lista minima ta' siti
elettroniċi pubbliċi aċċessibbli, skont ir-rekwiżiti
tal-aċċessibbiltà għall-internet. L-Istati Membri għadhom
ħielsa li jestendu d-dispożizzjonijiet approssimattivi għal tipi
oħra ta’ siti elettroniċi. Il-proposta tispeċifika
r-rekwiżiti komuni għall-aċċessibbiltà għall-internet
u r-rikonoxximent u r-riferiment għall-istandards rilevanti. Il-proposta
ssegwi l-approċċ komuni tal-istandardizzazzjoni abbażi
tal-preżunzjoni tal-konformità u jikkonforma mal-approċċ
modernizzat sabiex jiġu indirizzati l-istandards tal-ICT. L-Istati Membri
għandu jkollhom il-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2014
u japplikaw il-miżuri tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2015.
Huma għandhom jipparteċipaw permezz tal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni
tagħhom u permezz ta’ kumitati u pjattaformi rilevanti fl-istabbiliment
ta’ standard armonizzat għall-aċċessibbiltà tal-internet u
fid-definizzjoni kemm tal-metodoloġija tal-monitoraġġ kif ukoll
tal-arranġamenti tar-rappurtar. Barra minn hekk, l-Istati Membri
għandhom jippromwovu l-aċċessibbiltà għall-internet b’mod
ġenerali u jikkooperaw mal-industrija u s-soċjetà ċivili biex
jiskambjaw l-aħjar prassi u jirrevedu żviluppi ġodda. Direttiva hija l-istrument xieraq
minħabba l-flessibbiltà tagħha. Ser tirrispetta l-fatt li ċerti
Stati Membri diġà għandhom leġiżlazzjoni relatata
fis-seħħ. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jestendu
l-lista minima tat-tipi ta’ siti elettroniċi u jorganizzaw
l-implimentazzjoni (bħall-mod kif jiġu trattati l-ilmenti) bil-mod
preferut tagħhom. Regolament ikun infurzabbli immedjatament u
probabbilment jagħmilha possibbli biex l-impenji tal-ADE jiġu
ssodisfati fil-ħin. Madankollu, fuq medda qasira ħafna ta’
żmien, l-iżviluppaturi tal-internet iġarrbu spejjeż
konsiderevoli għall-konformità anke kieku kellhom joperaw biss
f’pajjiżhom stess. 5.1. Opzjonijiet iddifferiti u
skartati L-organizzazzjonijiet ċivili
bħall-AGE, l-ANEC, l-EBU[4],
u l-EDF[5]
talbu li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni għas-siti
elettroniċi rilevanti oħrajn (eż. ma’ “servizzi bażiċi
għaċ-ċittadini”). Din is-subopżjoni kienet differita,
peress li l-ambitu imbagħad jestendi għas-settur privat bi
speċifiċitajiet differenti, qasam diġà kkunsidrat
għall-kopertura fl-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà taħt
tħejjija parallela. Ġew ikkunsidrati tliet opzjonijiet
addizzjonali iżda ġew skartati minħabba li naqsu milli
jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-suq u seta' jkollhom dubju fuq
il-proporzjonalità jew imponew piż amministrattiv konsiderevoli. Dawn kienu
miżura legalment vinkolanti bbażata fuq il-mitigazzjoni
tad-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 19 tat-TFUE, l-użu ta’
leġiżlazzjoni dwar l-Akkwist Pubbliku u l-estensjoni tal-proposta
għall-għodod tal-awtur jew it-teknoloġiji ta’ assistenza
rispettivament. 6. Analiżi tal-impatti 6.1. Opzjoni ta'
Politika Nru 1: Xenarju Bażi – l-ebda bidla fil-politiki L-impatt ta' koordinazzjoni dgħajfa
kontinwa tal-UE jkun wieħed limitat: il-progress kajman
tal-aċċessibbiltà għall-internet, ma’ miżuri nazzjonali
ġodda li jikkawżaw frammentazzjoni ulterjuri. Impatti ekonomiċi: L-iżviluppaturi tal-internet xorta jaffaċċjaw ostakli
għolja ta’ dħul għall-bejgħ transfruntier ta’ prodotti u
servizzi, u anqas domanda domestika. L-amministrazzjonijiet pubbliċi ma
jibbenefikawx minn offerti aħjar u mill-iskambju tal-approċċi
tagħhom. Huma ma jkunux jistgħu jibbenefikaw milli s-servizzi u
l-informazzjoni onlajn isiru offlajn. Impatt soċjali: L-“esklużjoni diġitali” persistenti ta’ dawk li mhux
kapaċi jibbenefikaw minn faċilitajiet onlajn (eż.
għall-impjegabbiltà). Impatt politiku:
L-effiċjenza tal-forniment tas-servizz u r-responsabbiltà soċjali
jkunu fil-periklu. L-impenji, bħal dawk fl-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa, ma setgħux jinkisbu. 6.2. Opzjoni ta'
Politika Nru 2: Adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni (“liġi mhux
vinkolanti”) L-impatt ta' Rakkomandazzjoni jiddependi fuq
ir-rieda tal-Istati Membri. Dan ma jiggarantixxix li l-problema ta’
frammentazzjoni tkun indirizzata. L-istudji u l-konsultazzjonijiet juru li dan
l-approċċ matul l-aħħar għaxar snin ma kienx
kapaċi jsolvi l-problemi u jneħħi lil min kien hemm warajhom. Impatti ekonomiċi: L-iżviluppaturi tal-internet għadhom jistgħu jiġu
kkonfrontati b’suq intern frammentat. Jekk l-Istati Membri kollha ma
jappoġġjawx bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni,
il-benefiċċji netti ser ikunu simili għal dawk tat-taqsima 6.3
t’hawn taħt. Impatti soċjali: L-“esklużjoni Diġitali” persistenti possibbli ta’ dawk li
mhux kapaċi jibbenefikaw minn faċilitajiet onlajn (eż. biex
ifittxu l-opportunitajiet tax-xogħol). Impatti politiċi/reputattivi: riskji simili bħal fl-opzjoni Nru 1. 6.3. Opzjoni
ta’ politika Nru 3 – miżura leġiżlattiva bbażata fuq
is-Suq Intern Impatti ekonomiċi: Jekk is-sitt Stati Membri mingħajr
miżuri eżistenti tal-aċċessibbiltà għall-internet
ikollhom żero aċċessibbiltà għall-internet fis-siti
elettroniċi tas-settur pubbliku, ikollhom jinvestu bejn EUR 37 miljun
u EUR 88 miljun biex jiksbu 100% konformità. L-infiq annwali huma stmat li
jiswa EUR 41 miljun, jekk wieħed jassumi l-iżvilupp mill-ġdid
ta’ terz ta’ dawn is-siti elettroniċi u l-manutenzjoni u
l-monitoraġġ tal-aċċessibbiltà għall-internet
għall-kumplament. Għall-21 Stat Membru b’miżuri
eżistenti ta’ aċċessibbiltà għall-internet, l-ispejjeż
addizzjonali huma minimi, peress li s-siti elettroniċi kkonċernati
jaqgħu taħt ir-regolament nazzjonali eżistenti. Il-miżura
proposta ser tħaffef l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u se
traħħas il-prezzijiet, waqt li tagħti skeda ċara tar-riżultat.
Pajjiżi li jaderixxu għad-WCAG 1.0 (eż. ir-Renju Unit) ser
jiffrankaw il-flus, peress li “l-iżvilupp (mill-ġdid)” tas-siti
elettroniċi skont id-WCAG 2.0 jiswa madwar 8 % anqas.
Għall-Istati Membri li jsegwu (l-varjazzjonjiet tad-) WCAG 2.0
l-ispejjeż eventwalment jonqsu minħabba kompetizzjoni mtejba u
għodod orħos ta’ aċċessibbiltà għall-internet. L-iskemi tar-rappurtar għal
monitoraġġ komuni u l-Obbligi tal-Informazzjoni jkunu jiswew madwar
EUR 1.65 miljun. L-ispiża għall-UE biex f’sena
waħda tinkiseb 100 % konformità tas-siti elettroniċi
kkonċernati tirrikjedi investiment ta’ bejn EUR 260 u EUR 560 miljun.
Il-fornituri tas-servizzi tal-aċċessibilità għall-Internet
jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala, minħabba suq ikbar u prezzijiet
irħas għas-suq għas-servizzi tagħhom. Benefiċċji ekonomiċi
għall-gvernijiet mill-kopertura ta’ popolazzjoni
usa’ jistgħu jkunu konsiderevoli. Tabella Nru 1 tindika l-kost u
l-benefiċċji jekk tintlaħaq aċċessibbiltà tal-internet
100 % - wara intervent tal-UE fi żmien sena. F’dak il-każ,
il-benefiċċji huma ħafna iktar mill-ispejjeż kemm
fix-xenarju għoli kif ukoll max-xenarju baxx. L-effett se jkun
saħansitra iktar qawwi jekk jinfirex fuq perjodu ta’ bejn 3 u 5 snin. Persuni b’diżabbiltà || Stima baxxa (Siti elettroniċi sempliċi) || Stima għolja (Siti eletroniċi kbar) || Benefiċċji || Spejjeż || Spejjeż Kopertura f'% || Benefiċċji netti || Benefiċċji netti || Servizzi bażiċi tas-settur pubbliku || Stima baxxa (Siti elettroniċi sempliċi) || Stima għolja (siti elettroniċi kbar) 100 || 487.327.060 || 191.147.305 || 747.750.307 || 260.423.247 || 556.603.002 75 || 300.389.484 || 4.209.728 || 560.812.730 || 260.423.247 || 556.603.002 50 || 113.451.907 || -182.727.849 || 373.875.153 || 260.423.247 || 556.603.002 25 || -73.485.670 || -369.665.425 || 186.937.577 || 260.423.247 || 556.603.002 5 || -223.035.731 || -519.215.487 || 37.387.515 || 260.423.247 || 556.603.002 Tabella Nru 1. Il-kalkolu
tal-benefiċċji netti li jilħqu konformità sħiħa
mad-WCAG 2.0 fl-UE27 L-istima
tal-ispejjeż u l-benefiċċji għas-sitt Stati Membri
mingħajr politiki dwar l-aċċessibbiltà għall-internet biex
jilħqu l-100 % tal-aċċessibbiltà għall-internet
għas-servizzi bażiċi tas-settur pubbliku fi żmien 3 snin,
hija stmata f’Tabella Nru 2. Il-grupp fil-mira (persuni b'diżabilità) || Stima baxxa (Siti elettroniċi sempliċi) || Stima għolja (siti elettroniċi kbar) || Benefiċċji || Spejjeż || Spejjeż || Kopertura f'% || Benefiċċji netti || Benefiċċji netti || Servizzi bażiċi tas-settur pubbliku || Siti elettroniċi sempliċi || Siti elettroniċi akbar || 100 || 31.502.980 || 14.597.479 || 43.780.725 || 12.277.745 || 29.183.246 75 || 20.557.798 || 3.652.298 || 32.835.544 || 12.277.745 || 29.183.246 50 || 9.612.617 || -7.292.883 || 21.890.362 || 12.277.745 || 29.183.246 25 || -1.332.564 || -18.238.064 || 10.945.181 || 12.277.745 || 29.183.246 5 || -10.088.709 || -26.994.209 || 2.189.036 || 12.277.745 || 29.183.246 Tabella Nru 2 Spiża biex
tintlaħaq konformità sħiħa f'sitt Stati Membri tal-UE li ma
għandhom ebda miżura għall-aċċessibbiltà
għall-internet Il-benefiċċji ekonomiċi
għall-iżviluppaturi tal-internet ikunu
sostanzjali, peress li jistgħu jtejbu l-ekonomiji ta’ skala tagħhom u
jagħmlu offerti attraenti fi swieq anċillari. Din il-miżura
tista' toħloq sensiela ta' riperkussjonijiet għas-siti
elettroniċi ta' korpi tas-settur pubbliku. Impatti soċjali u analiżi
tas-sensittività: Opportunitajiet aħjar għal
parteċipazzjoni ekonomika u soċjali għal bosta ċittadini,
b’mod partikolari l-persuni anzjani u dawk b’limitazzjonijiet funzjonali.
Opportunitajiet aħjar tax-xogħol madwar l-Ewropa għall-esperti
dwar l-aċċessibbiltà għall-internet għall-persuni
b’diżabilità. L-impatti monetarji jkunu jiswew EUR 400 miljun
għal kull 1 % żieda fil-parteċipazzjoni
tax-xogħol, EUR 30 miljun f’iffrankar ta’ ħin għal
kull 1 % żieda tal-aċċess onlajn u EUR 300 miljun
għal kull 10 % żieda fix-xiri onlajn. 7. Opzjoni preferuta Opzjoni 3 hija rakkomandata bħala
l-opzjoni preferuta. 8. Monitoraġġ u
evalwazzjoni L-Istati Membri
għandhom jimmonitorjaw fuq bażi kontinwa l-konformità tas-siti
elettroniċi kkonċernati mar-rekwiżiti
tal-aċċessibbiltà għall-internet. Ser tiġi stabbilita
mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri metodoloġija komuni, li
għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea. Kull sena,
l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar it-teħid tal-kampjuni
tas-siti elettroniċi kkonċernati u r-riżultati tal-attivitajiet
ta' monitoraġġ tagħhom. Ir-rapporti tagħhom għandhom
jinkludu wkoll id-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-estensjonijiet
possibbli tal-lista tat-tipi tas-siti elettroniċi tas-settur pubbliku u
kwalunkwe miżura oħra addizzjonali. 8.1. Evalwazzjonijiet prospettivi Il-Kummissjoni
għandha tanalizza l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi żmien tliet
snin mid-dħul fis-seħħ tagħha. [1] Skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, il-persuni b’diżabbiltà jinkludu
dawk li għandom diżabbiltajiet fiżiċi, mentali,
intellettwali fit-tul jew diżabbiltajiet sensorji li flimkien ma’ diversi
diffikultajiet li jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u
effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’
ħaddieħor. [2] Ara l-websajt tal-Forum Ewropew tad-Diżabbiltà: http://www.edf-feph.org/Page_Generale.asp?DocID=12534.
[3] http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_mt.htm [4] Unjoni Ewropea tax-Xandir [5] Il-Forum Ewropew għall-Persuni b’Diżabilità