52012SC0397

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" /* SWD/2012/0397 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"

Din il-valutazzjoni tal-impatt takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020. Fit-tħejjija tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet involuta f’konsultazzjoni pubblika wiesgħa u qieset il-fehmiet tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea (UE).

Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali ilhom jiggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE sa mill-bidu tas-snin 70. Id-dritt tal-UE li taġixxi hija stipulata fl-Artikolu 192(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali (Is-Sitt EAP) skada f'Lulju 2012 u l-Kummissjoni Ewropea ħadet l-impenn li tipprovdi EAP li jirreaġixxi għat-talba mill-partijiet interessati, inklużi l-Kunsill u l-Parlament Ewropew, għal programm li jsegwih. Il-programm il-ġdid biħsiebu jibni fuq il-valur miżjud tas-Sitt EAP, filwaqt li jindirizza n-nuqqasijiet tiegħu.

Il-valutazzjoni turi li l-proposta tipprovdi valur miżjud tal-UE billi:

· tipprovdi qafas strateġiku għal politika ambjentali fl-UE;

· tiżgura l-komplementarjetà u l-koerenza;

· tiżgura l-prevedibbiltà u kundizzjonijiet indaqs;

· tistimola l-azzjoni fil-livelli kollha ta' governanza.

Il-kuntest li fih dan il-programm qiegħed jiġi żviluppat ivarja minn dak prevalenti fiż-żmien tas-Sitt EAP. B'mod partikolari, l-UE adottat l-Istrateġija Ewropa 2020 – strateġija globali għall-politiki kollha tal-UE biex jinħoloq “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”. U filwaqt li llum bosta pajjiżi tal-UE qegħdin ibatu biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika, il-ħtieġa ta' riformi strutturali toffri opportunitajiet ġodda għall-pajjiżi kollha biex jimxu malajr lejn ekonomija ekoloġika li hija wkoll inklużiva.

F'dan ir-rigward, il-politika ambjentali tal-UE tista’ tagħmel tliet kontributi ewlenin li huma sinerġiċi:

1. li tiżgura li l-kapital naturali tal-Ewropa huwa reżistenti biżżejjed għall-pressjonijiet u għall-bidla

2. li tiżgura li l-ekonomija tagħha hi effiċjenti ħafna fir-riżorsi u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju

3. li tiżgura li s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE jkomplu jibbenefikaw minn livelli għolja ta’ protezzjoni ambjentali.

Dan il-programm ġdid ta' azzjoni ambjentali għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-isforzi sabiex dawn l-għanijiet tematiċi ewlenin jintlaħqu matul il-perjodu sal-2020, iggwidat minn viżjoni fit-tul għall-ambjent fl-2050.

Din il-valutazzjoni tal-impatt teżamina l-isfidi ewlenin għall-iżgurar li dawn l-għanijiet jinkisbu b’mod effettiv, effiċjenti u koerenti kemm jista' jkun u teżamina l-alternattivi possibbli.

Għalkemm diversi valutazzjonijiet xjentifiċi juru għadd ta' xejriet pożittivi matul l-aħħar għaxar snin, erba’ problemi sottostanti qed ifixklu l-ksib ta’ dawn l-għanijiet ambjentali ewlenin (ara t-Tabella ES1):

1) implimentazzjoni inadegwata u diskrepanzi fl-acquis eżistenti tal-politika ambjentali;

2) nuqqas ta' koerenza fl-indirizzar ta' sfidi dejjem aktar interkonnessi, li jesiġi sforzi f'oqsma oħra ta' politika;

3) problemi relatati mal-inċentivi għall-investiment f'miżuri relatati mal-ambjent;

4) dejta u informazzjoni dwar l-ambjent mhux ikkoordinati biżżejjed u diskrepanzi fil-bażi ta' għarfien; kwistjonijiet u xejriet emerġenti li bħalissa mhumiex indirizzati kif suppost.

Tabella ES1: Tabella indikattiva tal-intensità tal-problemi sottostanti

|| Problemi sottostanti

Kwistjoni Ambjentali || Implimentazzjoni || Għarfien || Investiment || Koerenza

Reżistenza ekoloġika u għall-klima || Pressjoni fuq l-ekosistemi (mit-tniġġis tal-arja, mill-ewtrofikazzjoni) || ++ || + || + || +++

Status ta' Konservazzjoni (ħarsien tal-aktar ħabitats u speċijiet importanti tal-UE ) || ++ || + || +++ || ++

Bijodiversità (l-ispeċijiet u l-ħabitats terrestri u tal-baħar) || +++ || ++ || ++ || +++

Degradazzjoni tal-ħamrija (l-erożjoni tal-ħamrija) || + || ++ || ++ || ++

Kwalità tal-ilma (status ekoloġiku u kimiku) || ++ || + || + || ++

Tniġġis tal-ilma (minn punti ta' sors u l-kwalità tal-ilma għall-għawm) || +++ || + || ++ || +

Tkabbir sostenibbli, b'livelli baxxi ta' karbonju || Bidla fit-temperatura medja globali || ++ || + || +++ || +++

Emissjonijiet tal-gassijiet serra || ++ || + || ++ || +++

Effiċjenza Enerġetika || ++ || ++ || + || ++

Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli || + || ++ || +++ || +

Diżakkoppjament (tal-użu tar-riżorsi mit-tkabbir ekonomiku) || + || ++ || + || +++

Ġenerazzjoni tal-iskart || ++ || ++ || + || +++

Ġestjoni tal-iskart (riċiklagg) || +++ || ++ || + || ++

Stress fuq l-ilma (sfruttar tar-riżorsi tal-ilma) || ++ || + || + || ++

Saħħa u benesseri tal-bniedem || It-tniġġis transfruntiera tal-arja (NOx, NMVOC, SO2, NH3, partiċelli primarji) || + || + || + || ++

Kwalità tal-arja fiż-żoni urbani (materja f'sura ta' partikuli u l-ożonu) || +++ || + || + || ++

Sustanzi kimiċi || ++ || +++ || + || ++

L-EAP ġdid se jkollu l-għan ukoll li jsaħħaħ kemm id-dimensjonijiet urbani kif ukoll dawk globali tal-politika ambjentali tal-UE, billi dawn l-iskali spazjali jinkludu problemi u sfidi speċifiċi relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima li jesiġu approċċi immirati b'mod speċjali. L-impenji sostantivi li jirriżultaw mill-UNCSD tal-2012 (Rio+20) huma wkoll riflessi fil-programm.

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-alternattivi ta' politika huma eżaminati f'approċċ maqsum f’żewġ stadji.

Fl-ewwel stadju, jitqiesu tliet alternattivi dwar il-kontenut tal-politika:

· Alternattiva 1: żamma tal-istatus quo Din tikkonsisti f'li tissokta l-leġiżlazzjoni eżistenti kif implimentata attwalment.

· Alternattiva 2: implimentazzjoni aktar intelliġenti. Din tinvolvi sforz addizzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi sottostanti, li jitqiesu bħala l-akbar ostakli għall-ilħuq tal-miri u l-għanijiet stabbiliti fil-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti. Din tkopri mhux biss titjib fl-implimentazzjoni, iżda tagħmilha aktar intelliġenti billi tiżgura li l-inċentivi għall-investiment huma xierqa u li l-politiki huma koerenti.

· Alternattiva 3: implimentazzjoni aktar intelliġenti u reazzjoni għall-għarfien ġdid. Din l-alternattiva tinkorpora l-isforzi stabbiliti fl-alternattiva 2, flimkien ma' aktar sforz, sabiex tadatta għall-evoluzzjoni tal-bażi ta' għarfien u għall-kwistjonijiet emerġenti.

It-tieni stadju jindirizza l-kwistjoni dwar liema tip ta' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, jekk hemm, jista' jwassal għall-qafas strateġiku l-aktar effettiv biex jipprermetti l-ilħuq tat-tliet għanijiet speċifiċi. Għal dan il-fini huma esplorati tliet alternattivi:

· Alternattiva A: Ma jitkomplix l-approċċ ta' politika tal-EAP

· Alternattiva B: Żamma tal-istatus quo — EAP ġdid strutturat bl-istess mod bħas-Sitt EAP

· Alternattiva C: EAP ġdid iffukat fuq għadd limitat ta' għanijiet prijoritarji.

It-Tabella ES2 turi l-valutazzjoni ġenerali tal-alternattivi skont il-kriterji ta' effettività, ta’ effiċjenza u ta’ koerenza. It-tabella tirrifletti l-alternattiva ppreferuta ta' taħlita tal-alternattiva 3 imwettqa permezz tal-alternattiva C bħala dik li tagħti l-aħjar riżultati f'termini tat-tliet kriterji. Minbarra titjib ambjentali, EAP strateġiku ġdid li japplika l-prinċipji ta' regolamentazzjoni intelliġenti u li jippromwovi l-koerenza, mistenni wkoll li jagħti spinta lill-kompetittività, billi jtejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi. It-Tabella ES3 tiddeskrivi l-azzjonijiet skont din l-alternattiva, li jindirizzaw l-għanijiet speċifiċi stabbiliti u tinkludi miżuri komplementari li jindirizzaw il-katalizzaturi sottostanti.

Tabella ES2: Valutazzjoni kumplessiva tal-alternattivi

|| Effettività || Effiċjenza || Koerenza

Stadju Nru 1: għażla ta' azzjonijiet

Alternattiva 1 || 0 || 0 || 0

Alternattiva 2 || + || ++ || +

Alternattiva 3 (l-alternattiva ppreferuta) || ++ || ++ || ++

Stadju Nru 2: x'tip ta' EAP

Alternattiva A || - || - || -

Alternattiva B || 0 || 0 || 0

Alternattiva C (l-alternattiva ppreferuta) || + || + || ++

Tabella ES3: Azzjonijiet tas-7EAP u r-relazzjoni ma’ għanijiet speċifiċi

Għanijiet Speċifiċi || Azzjonijiet relatati primarjament ma' Għan Speċifiku uniku || Miżuri komplementari li jindirizzaw it-tliet Għanijiet Speċifiċi kollha kemm huma (il-qafas ta’ appoġġ)

Jiġi żgurat li l-kapital naturali tal-Ewropa jkun reżistenti biżżejjed għall-pressjoni u għall-bidla || Tiġi implimentata bis-sħiħ l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 || Titjib fl-implimentazzjoni - Jiġu ffaċilitati spezzjonijiet u sorveljanza ambjentali aktar effettivi - Jiġi żgurat Aċċess għall-Ġustizzja - Jiġu appoġġati mekkaniżmi aħjar għall-immaniġġjar u l-medjazzjoni tal-ilmenti fil-livell nazzjonali - Jiġu stabbiliti sistemi ta' informazzjoni fil-livell nazzjonali li jxerrdu b'mod attiv biżżejjed informazzjoni li turi li l-liġi tal-UE qed tiġi implimentata effettivament. - Jiġi esplorat ir-rwol prattiku li l-ftehimiet ta' sħubija jista' jkollhom sabiex titjieb l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ambjentali speċifika Titjib fil-bażi xjentifika u ta' għarfien għall-politika ambjentali - Titjieb il-bażi ta’ evidenza xjentifika għall-politika ambjentali, inkluża l-aċċessibbiltà tagħha, billi jiġu ssimplifikati, razzjonalizzati u mmodernizzati l-ġbir, il-ġestjoni u l-kondiviżjoni ta' dejta u informazzjoni ambjentali - Jiġi żviluppat approċċ sistematiku biex jiġi antiċipat, evalwat u mmaniġġjat riskju ambjentali emerġenti - Jiġu indirizzati diskrepanzi eżistenti fl-għarfien Tiġi żgurata l-eżistenza tal-inċentivi tajba għall-investiment - Jiġi żgurat li l-għanijiet ambjentali u dawk għall-klima jkunu appoġġati minn finanzjament xieraq billi: jiġu riflessi b'mod adegwat il-prijoritajiet ambjentali u dawk għall-klima fil-kuntratti tas-Sħubija; jiġi żgurat li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-2014-2020 ikun relatat mal-klima u jiżdied l-assorbiment ta’ fondi disponibbli tal-UE għal azzjoni ambjentali b'mill-inqas 25 % aktar meta mqabbla mal-livelli attwali/mal-livelli tal-2010; u tiġi żviluppata u applikata sistema ta' rapportar u traċċar tan-nefqa relatata mal-ambjent - Jiġu eliminati progressivament sussidji ta' ħsara għall-ambjent, jiżdied dejjem aktar l-użu ta' strumenti bbażati fuq is-suq, inkluża t-tassazzjoni - Jiġi promoss u jiżdied il-finanzjament tas-settur privat għal infiq relatat mal-ambjent u mal-klima, b'mod partikolari billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal strumenti finanzjarji innovattivi - Jiżdiedu l-isforzi biex jiġi stabbilit kejl komprensiv ta' kemm huwa sostenibbli l-progress tagħna (lil hinn mill-PDG), inkluża l-kontabbiltà tal-kapital naturali - Integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali u dawk dwar l-effiċjenza fir-riżorsi fis-Semestru Ewropew Jitjiebu l-integrazzjoni u l-koerenza - Jiġu integrati l-prekundizzjonijiet u l-inċentivi ambjentali u dawk relatati mal-klima f’inizjattivi ta' politika, fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri u jitwettqu valutazzjonijiet ex-ante sistematiċi tal-impatti (soċjali u ekonomiċi) ambjentali ta' inizjattivi ta' politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Titjieb fis-sostenibbiltà taż-żoni urbani - Jiġi appoġġjat il-ksib ta' kriterji minimi ta' sostenibbiltà mill-maġġoranza tal-ibliet fl-UE. Tiġi żgurata azzjoni internazzjonali effettiva - Tiġi ffukata l-kooperazzjoni mas-Sħab Strateġiċi tal-UE dwar il-promozzjoni tal-aħjar prattika fil-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali domestika, kif ukoll il-konverġenza fin-negozjati ambjentali multilaterali - Jiġu ratifikati l-MEAs ewlenin pendenti jew ġodda ferm qabel l-2020 u tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva tal-UE fi proċessi internazzjonali oħra - Jitniedu u jiġu implimentati azzjonijiet li jipproteġu l-foresti globali - Tiġi ffukata l-kooperazzjoni mal-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat dwar approssimazzjoni gradwali mal-politiki ambjentali ewlenin tal-UE - Ikun hemm kollaborazzjoni proattiva fi pjan ta' ħidma internazzjonali sabiex tissaħħaħ l-ambizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li tidentifika u tappoġġa l-implimentazzjoni konkreta ta' alternattivi kosteffettivi għal firxa ta' azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li jistgħu jindirizzaw il-lakuna ta’ ambizzjoni sal-2020 - Jiġi integrat bis-sħiħ l-eżitu sostantiv tal-UNCSD tal-2012 fl-azzzjoni tagħna fil-livell Ewropew, reġjonali, internazzjonali u globali

Jiġi żviluppat approċċ iktar strateġiku għall-protezzjoni u t-tisħiħ tal-foresti u s-servizzi pprovduti minnhom

Tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-aspetti tal-użu tal-art fit-teħid tad-deċiżjonijiet inkluż, potenzjalment, l-iffissar ta’ miri għall-ħamrija u l-art

Jittieħdu passi u miżuri ulterjuri biex jiġu eliminati l-emissjonijiet mill-ilma mormi urban u industrijali, l-użu tal-fertilizzanti u l-emissjonijiet fl-arja responsabbli għall-ewtrofikazzjoni

Tiġi implimentata bis-sħiħ id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma inkluż it-teħid ta' passi ulterjuri biex jitnaqqsu l-impatti fuq l-ilma ħelu, inkluż in-nitroġenu u l-fosfru

Tiġi implimentata bis-sħiħ id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima inkluż it-tnaqqis tal-iskart tal-baħar, inkluż, potenzjalment, l-iffissar ta’ miri

Jiġi żgurat li l-ekonomija tagħha hi effiċjenti ħafna fir-riżorsi u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju || Jiġi implimentat bis-sħiħ il-Pakkett tal-Enerġija u l-Klima tal-UE sal-2020

Tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u l-iskart jintuża bħala riżorsa b'mod partikolari billi jiġu żgurati l-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart u l-użu effettiv ta' strumenti ekonomiċi inkluż prattikament l-eliminazzjoni tar-rimi fil-miżbliet u l-limitazzjoni tal-irkupru tal-enerġija

Jiġu indirizzati l-ostakli għas-suq intern li qed vis-à-vis l-attivitajiet ta' riċiklar li huma ekoloġikament razzjonali għall-ambjent fl-UE

Jitnaqqas l-impatt ambjentali kumplessiv tal-produzzjoni u l-konsum b'iffukar partikolari fuq is-setturi tal-ikel, tad-djar u tal-mobbiltà, inkluż potenzjalment l-iffissar ta' miri

Jiġi żgurat li s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE jkomplu jibbenefikaw minn livelli għolja ta' protezzjoni ambjentali || Tiġi aġġornata l-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja filwaqt li din tiġi allinjata mal-aħħar għarfien xjentifiku, u jiġu identifikati miżuri kosteffettivi biex jiġi miġġieled it-tniġġis tal-arja mis-sors u jissaħħu l-isforzi sabiex tinkiseb konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja

Tiġi aġġornata l-politika tal-UE dwar l-istorbju filwaqt li din tiġi allinjata mal-aħħar għarfien xjentifiku, u jiġu identifikati miżuri kosteffettivi biex jitnaqqas l-istorbju fis-sors

Jiżdiedu l-isforzi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, b’mod partikolari għall-fornituri ż-żgħar, u d-direttiva l-ġdida dwar l-ilma għall-għawm bil-għan li sal-2020 jinkisbu livelli ta' konformità ogħla minn 95 %

Tiġi żviluppata strateġija għal ambjent mhux tossiku li tindirizza l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi u tħassib dwar is-sikurezza relatata mas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u jiġi żviluppat approċċ komprensiv biex jiġi minimizzat l-esponiment għal sustanzi perikolużi. Jiġi indirizzat effettivament it-tħassib dwar is-sikurezza marbuta man-nanomaterjali b'approċċ koerenti fil-liġijiet differenti kollha kemm huma

Tiġi miftiehma u implimentata strateġija tal-UE ta’ adattament għall-klima, inkluża l-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ta' adattament għat-tibdil fil-klima fis-setturi u fl-inizjattivi ta' politika ewlenin tal-UE

Jitnaqqas aktar l-istress fuq l-ilma fl-UE

In-natura strateġika tal-programm tfisser li l-punteġġi se jiddependu parzjalment fuq għodod ta’ politika speċifiċi magħżula sabiex jitwettqu l-għanijiet prijoritarji identifikati. Dan se jiġi ddeterminat biss wara li jkunu twettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt. U se jaffettwa l-kosteffettività u l-impatti soċjali u ekonomiċi speċifiċi, kif ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni ta’ politiki u ta’ leġiżlazzjoni miftiehma fil-livell tal-UE.

Teknoloġiji aktar ekoloġiċi u effiċjenti, produttività mtejba u opportunitajiet ġodda ta' impjiegi se jappoġġaw it-tkabbir u l-impjiegi. Qafas ta' politika koerenti u aktar integrat bħala appoġġ għall-effiċjenza fir-riżorsi u għal prodotti aktar ekoloġiċi se jistimola wkoll lill-SMEs biex isiru aktar effiċjenti fir-riżorsi billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal swieq ġodda. Sadanittant, li r-reżistenza tal-ekosistemi tagħna li jappoġġaw it-tkabbir u jipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tkun żgurata hija ħaġa essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-progress ekonomiku.

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-EAP ġdid permezz tal-proċess ta' monitoraġġ regolari tal-Istrateġija Ewropa 2020. Billi l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet identifikati f'din il-valutazzjoni tal-impatt jikkonċernaw oqsma eżistenti ta' politika, l-indikaturi attwali huma tajbin biex jiżguraw monitoraġġ adegwat tal-progress. Għal kwistjonijiet ġodda jew emerġenti, se jiġu identifikati indikaturi, kif xieraq, permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa bħala parti mill-proċess li tiġi ddeterminata l-aħjar reazzjoni ta' politika biex tindirizzahom. Evalwazzjoni sħiħa tal-Programm se ssir qabel l-2020.