52012SC0349

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Li jakkumpanja d-dokument VALUTAZZJONI TA' IMPATT TAL-KOSTI U L-BENEFIĊĊJI LI JITTEJJEB IL-BILANĊ BEJN IL-ĠENERI FUQ IL-BORDIJIET TA' KUMPANIJI KWOTATI FUQ IL-BOROŻ TAL-KAMBJU Sommarju Eżekuttiv /* SWD/2012/0349 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Li jakkumpanja d-dokument

VALUTAZZJONI TA' IMPATT TAL-KOSTI U L-BENEFIĊĊJI LI JITTEJJEB IL-BILANĊ BEJN IL-ĠENERI FUQ IL-BORDIJIET TA' KUMPANIJI KWOTATI FUQ IL-BOROŻ TAL-KAMBJU

Sommarju Eżekuttiv

1.           Definizzjoni tal-problema

Il-bordijiet tal-kumpaniji fl-UE huma mmarkati bi żbilanċi persistenti u manifesti bejn il-ġeneri, kif muri mill-fatt li 13.7% tal-karigi korporattivi biss huma okkupati min-nisa. Fl-UE n-nisa huma biss 15% tad-diretturi non-eżekuttivi.

L-evidenza turi li għalkemm in-nisa mhux biss jippossjedu kredenzjali edukattivi[1] u professjonali[2] biex jipparteċipaw f’korpi li jieħdu l-ogħla deċiżjonijiet ekonomiċi, iżda huma wkoll lesti[3] u disponibbli[4] biex jagħmlu dan, mill-bidu nett, huma jinsabu fi żvantaġġ sistematiku meta mqabbla mal-irġiel biex jilħqu l-ogħla karigi ta' ġestjoni. In-nisa jiltaqgħu ma' ostakli li għandhom l-għeruq tagħhom fit-tmexxija u l-kultura tan-negozju tal-kumpaniji meta jippruvaw jirrealizzaw il-potenzjal professjonali sħiħ tagħhom Prattiki ta’ reklutaġġ preżenti għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ nuqqas ta’ ċarezza li jikkontribwixxi għal dawn l-ostakoli, u b’hekk ifixkel il-funzjonament ottimu tas-suq tax-xogħol għall-ogħla pożizzjonijiet maniġerjali madwar l-UE.

Rappreżentazzjoni femminili baxxa fil-kumitati ta' tmexxija tal-kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE tirrappreżenta opportunità mitlufa biex isir użu sħiħ tal-kapital uman tal-UE, minħabba li l-esternalitajiet pożittivi assoċjati ma’ titjib fil-parteċipazzjoni femminili fil-bordijiet tal-kumpaniji, li jinħassu madwar l-ekonomija inġenerali, huma attwalment mitlufa.

L-ewwel, żbilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE jikkostitwixxi opportunità mitlufa fil-livell tal-kumpaniji. Bosta indikaturi ta’ governanza korporattiva jippuntaw lejn benefiċċji ta' bordijiet tal-kumpaniji iktar diversifikati skont il-ġeneru. Bosta evidenza turi li kumpaniji b'bordijiet iktar diversifikati fil-ġeneru huma iktar profittabbli, u li d-differenzi huma statistikament sinifikanti, sakemm il-livell ta' rappreżentazzjoni tan-nisa fil-bordijiet tilħaq livell għoli biżżejjed sabiex jinfluwenzaw l-imġiba fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

It-tieni, is-sottorappreżentanza tan-nisa għandha effetti negattivi mifruxa fuq l-ekonomija aktar wiesgħa. Hija tikkontribwixxi għad-differenza fl-għadd ta’ impjiegi bejn il-ġeneri (GEG) f'termini tar-rappreżentanza tal-impjegati maskili u femminili f’livelli differenti ta’ responsabbiltà f'kumpaniji, pereżempju f'karigi maniġerjali taħt il-livell ta' bord, iżda wkoll f'termini tal-parteċipazzjoni tal-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol ġenerali. Imbagħad ikollha impatt fuq id-distakk fil-pagi tal-ġeneri (GPG): in-nisa madwar l-UE għad jaqalgħu madwar medja ta' 16% inqas mill-irġiel, differenzjali li huwa saħansitra ogħla fil-kumpaniji kwotati fil-borża. Barra minn hekk, rati aktar baxxi ta' parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol u fil-pagi femminili tfisser redditu inqas fuq l-edukazzjoni kemm għall-individwi kif ukoll għas-settur pubbliku, b'konsegwenzi assoċjati għall-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE.

L-ogħti tas-setgħa lin-nisa biex jieħdu pożizzjonijiet ta' tmexxija u b'hekk ikun sfruttat bi sħiħ il-kapital uman, huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi tal-UE, biex tikkompeti b'suċċess f'ekonomija globalizzata u għall-iżgurar ta’ vantaġġ komparattiv fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Huwa mezz neċessarju biex jitkebbes mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku kif stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020. Dan il-ħsieb kien endorsjat ukoll mill-konsultazzjoni pubblika, li wriet kunsens fost il-gruppi ta' persuni interessati li l-ogħti tas-setgħa lin-nisa biex jieħdu karigi ta' tmexxija huwa importanti kemm għall-prestazzjoni tal-kumpaniji kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku. Minkejja li jirrikonoxxu l-ħtieġa u l-benefiċċji ekonomiċi fit-titjib tal-bilanċ tal-ġeneri fil-forza tax-xogħol, is-swieq jonqsu milli jagħmlu titjib. Dan il-falliment tas-suq jista’ jiġi spjegat permezz tat-tendenza ta' gruppi b'kompożizzjoni omoġenja ħafna li jżommu l-kompożizzjoni tagħhom minħabba biża’ li jaħdmu ma' persuni minn sfondi differenti jew ta' ġeneri differenti u preferenza li jassoċjaw ma' oħrajn mill-grupp tagħhom stess.

In-nuqqas attwali ta’ nisa fuq il-bordijiet tat-tmexxija jiġġenera ċirku vizzjuż li jipperpetwa s-sottorappreżentanza tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-kompożizzjoni attwali taffettwa l-attitudni ta' kumpanija lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tinfluwenza b’mod negattiv ir-rieda li jinħatru aktar nisa fil-bordijiet. In-nuqqas ta' membri femminili fuq il-bordijiet jimplika wkoll nuqqas ta’ menturi, sponsors u mudelli li jkunu jistgħu jiffaċilitaw il-progressjoni tal-karriera tal-mara, u b'hekk iħejju lin-nisa b'potenzjal maniġerjali għoli għal sħubija fuq bord.

Minkejja żewġ Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (fl-1984 u l-1996), diversi inizjattivi leġislattivi u non-leġislattivi fil-livell nazzjonali u bosta attentati għall-awtoregolamentazzjoni, ir-rappreżentanza femminili fil-bordijiet ta’ kumpaniji kwotati fil-borża żdiedet biss bi ftit aktar minn 5% mill-2003 għal 13.7% sal-2012. Hija mistennija tavvanza bl-istess ritmu biex tilħaq l-20.4% fl-2020. Hemm konsensus wiesa' mill-partijiet interessati li hija meħtieġa azzjoni biex jinkiseb progress malajr.

Barra minn hekk, diverġenza jew in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fuq il-livell nazzjonali wkoll toħloq ostakoli lis-suq intern billi timponi rekwiżiti diverġenti ta' governanza korporattiva għall-kumpaniji elenkati Ewropej. Dawn id-differenzi jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpaniji elenkati li joperaw transkonfinalment, kif ukoll għall-kandidati għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet. In-nuqqas attwali ta' trasparenza tal-proċeduri tal-għażla u kriterji ta' kwalifika għall-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet f'ħafna mill-Istati Membri jirrappreżentaw ostakolu importanti għal aktar diversità ta’ membri tal-bordijiet u taffettwa b'mod negattiv kemm il-karrieri tal-kandidati għall-bordijiet u l-libertà ta' moviment tagħhom, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-investituri.

2.           Sussidjarjetà u Proporzjonalità

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija waħda mill-objettivi fundaturi tal-UE kif rifless fit-Trattati tagħha (l-Artikolu 3(3) tat-TUE) kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikolu 23). Skont l-Artikolu 8 tat-TFEU, fil-politiki kollha tagħha l-Unjoni trid tfittex li telimina l-inugwaljanza, u tippromwovi l-ugwaljanza, bejn in-nisa u l-irġiel. Id-dritt tal-UE li taġixxi fi kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-impjiegi u x-xogħol joħroġ mill-Artikolu 157(3) tat-TFUE.

Id-diskrepanzi li dejjem jikbru attwali ta’ rappreżentanza femminili fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati bejn l-Istati Membri huma spjegati mill-fatt li għalkemm l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jilqgħu kontra s-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi, ħafna ma juru ebda rieda jew jiffaċċjaw reżistenza biex jaġixxu fuq l-inizjattiva tagħhom stess Għalhekk l-iżbilanċi madwar l-Unjoni jistgħu jitnaqsu biss permezz ta’ approċċ komuni, u l-potenzjal għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kompetittività u t-tkabbir jista' jintlaħaq aħjar permezz ta' azzjoni koordinata fil-livell tal-UE aktar milli permezz ta' inizjattivi nazzjonali ta' skop, ambizzjoni u effikaċjà varjabbli. Miżura fuq il-livell tal-UE biss tista' tgħin biex isir użu ottimali tal-puli ta' taleti femminili eżistenti. Inizjattiva fil-livell tal-UE f'dan il-qasam għalhekk tirrispetta kompletament il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Hemm raġuni fundamentali għal azzjoni tal-UE biss sakemm hija meħtieġa u indispensabbli biex tirranġa s-sottorappreżentazzjoni femminili li għadha għaddejja. Il-miżura leġiżlattiva għalhekk se tkun temporanja, u b'hekk tirfed il-konformità tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

L-azzjonijiet proposti huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li huma ser ikunu limitati biex jistabbilixxu objettivi u prinċipji komuni. Fl-ispirtu ta’ armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri se jingħataw biżżejjed libertà biex jiddeterminaw kif dawn l-objettivi komuni għandhom jintlaħqu bl-aħjar mod filwaqt li jittieħed kont taċ-ċirkustanzi nazzjonali. Kwalunkwe miżura vinkolanti tal-UE ma tindaħalx mal-possibbiltà għall-kumpaniji biex jaħtru l-aktar membri tal-bord kwalifikati. Il-miżura tirrispetta bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tal-azzjoni pożittiva rilevanti, li l-għan speċifiku tagħha huwa li tiżgura konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.           Objettivi

L-objettivi ġenerali huma li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi u biex tkun użata bi sħiħ il-pula tat-talenti eżistenti għal rappreżentazzjoni iktar ugwali tal-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji, u b’hekk jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Ewropa 2020. F’konformità mal-komponenti sottostanti tal-problema, jistgħu jiġu ddefiniti żewġ objettivi speċifiċi ta’ politika: i) it-tnaqqis tal-ostakoli għall-aċċess tan-nisa għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet u ii) it-titjib tal-governanza korporattiva u l-prestazzjoni tal-kumpanija. Dan iwassal għal objettiv operazzjonali li jintroduċi mira komuni għal rappreżentanza skont kull sess fil-bordijiet tal-kumpaniji kkwotati li għandhom jintlaħqu sal-2020.

4.           Alternattivi ta’ Politika

Ladarba kien identifikat il-bżonn għal armonizzazzjoni minima ta’ miżuri biex tittejjeb id-diversità tal-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji, l-analiżi ta' alternattivi ta' politika kkunsidrat il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, kif ukoll il-konsistenza mal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali (“il-Karta”) u politiki oħra tal-Kummissjoni. Dan huwa rifless kemm fl-iskop limitat kif ukoll fil-qafas ta' żmien li għalihom tkun suġġetta kwalunkwe inizjattiva possibbli. Hija għalhekk tapplika għall-kumpaniji kwotati fil-borża, bl-eċċezzjoni notevoli tal-SMEs. Kumpaniji kkwotati huma ferm viżibbli u ta' importanza ekonomika ċentrali. Barra minn hekk, ir-rappreżentanza femminili fil-bordijiet tagħhom hija waħda mill-aktar baxxi meta mqabbla ma' kategoriji oħra analizzati.

Bħala assunzjoni għal ħidma, il-mira stabbilita fl-alternattivi ta' politika magħżula hija 40%. Din tinsab bejn il-minimu ta' “massa kritika” li nstab li hi meħtieġa biex ikollhom impatt sostenibbli fuq il-prestazzjoni tal-bordijiet (30%) u parità sħiħa bejn il-ġeneri (50%). L-iffissasr ta' perjodu ta' konformità sal-2020 jippermetti sforz armonizzat biex jiżdied l-għadd ta' nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji madwar l-UE filwaqt li debitament jitqiesu punti tat-tluq differenti ta’ Stati Membri differenti.

4.1.        Alternattiva 1: L-Istatus Quo

Din l-alternattiva ta' politika ma tkun tinvolvi l-ebda azzjoni ġdida fil-livell tal-UE; sempliċiment kontinwazzjoni tas-sitwazzjoni attwali.

4.2.        Alternattiva 2: Alternattiva legalment nonvinkolanti

Din l-alternattiva tieħu l-forma ta' rakkomandazzjoni nonvinkolanti lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri adegwati biex jiksbu rappreżentanza ta' mill-inqas 40% minn kull ġeneru fil-bordijiet tal-kumpaniji sal-2020, li biha jkunu mmirati kemm diretturi eżekuttivi u kemm mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE.

4.3.        Alternattiva 3: Alternattiva minimalment legalment vinkolanti – l-objettiv iffissat għall-membri tal-bordijiet mhux eżekuttivi biss

L-alternattiva leġiżlattiva vinkolanti tintroduċi objettiv kwantifikat biex tintlaħaq mill-anqas rappreżentanza ta’ 40% ta’ kull ġeneru fil-bordijiet tal-kumpaniji sal-2020 applikabbli biss għal diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE. Din l-alternattiva, bħat-tnejn li ġejjin, ma tkoprix l-SMEs u tkun ta' natura temporanja.

4.4.        Alternattiva 4: Alternattiva intermedja legalment vinkolanti – l-objettiv iffissat għal diretturi mhux eżekuttivi flimkien ma’ objettiv flessibbli għal diretturi eżekuttivi

Minbarra l-alternattiva leġiżlattiva ta' mira kwantifikata ta' 40% għal diretturi mhux eżekuttivi, din l-alternattiva għandha ddaħħal l-obbligu li jiġi stabbilit objettiv flessibbli għad-diretturi eżekuttivi. Din tkun stabbilita mill-kumpaniji elenkati pubblikament stess fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom stess.

4.5.        Alternattiva 5: Alternattiva legalment vinkolanti b’mod massimu – objettivi ffissati kemm għad-diretturi eżekuttivi u kemm dawk mhux eżekuttivi

Din l-alternattiva tintroduċi mira kwantifikata li tinkiseb id-diversità bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji li biha l-livell ta' rappreżentanza jrid ikun ta’ mill-inqas 40% għal kull ġeneru sal-2020 kemm għal diretturi eżekuttivi u kemm mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE.

5.           Valutazzjoni tal-Impatti

5.1.        Valutazzjoni tal-Alternattiva 1

Jekk l-ebda azzjoni ulterjuri ma tittieħed, jista' jitnassar progress kajman lejn il-kisba kemm tal-għanijiet ġenerali u dawk speċifiċi, kif il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji mistennija li tilħaq biss l-20.84% sal-2020. Bħala riżultat, din l-alternattiva politika jkollha impatt negliġibbli fuq id-drittijiet soċjali u fundamentali, jew saħansitra l-ebda impatt għal dawn tal-aħħar safejn għandu x'jaqsam il-livell tal-UE, peress li l-Karta ma tkunx applikabbli skont l-Artikolu 51(1) għal miżuri meħuda mill-Istati Membri li ma jimplimentawx il-liġi ta' l-Unjoni.

L-impatt fuq id-differenza fl-għadd tal-impjiegi bejn il-ġeneri jkun limitat ħafna billi l-irġiel xorta jkollhom probabilità ta’ aktar minn erba' darbiet aktar min-nisa li jokkupaw pożizzjoni fuq bord, u probabilità ta’ aktar minn darbtejn aktar li jkunu maniġers. Id-distakk fil-pagi bejn il-ġeneri, li hija d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa f'kumpaniji kkwotati, tkun 23.72%, filwaqt li r-redditu medju fuq l-edukazzjoni jkun 18.2% għall-individwi u 22.11% għas-settur pubbliku. Il-prestazzjoni tal-kumpanija hija mistennija trendi medja ta' 10.78% ROE għall-kumpaniji kwotati fl-UE-27.

Minħabba li l-istatus quo ma jimplika l-ebda bidla fl-investiment jew piż amministrattiv, il-kostijiet korrispondenti huma stmati li jkunu żero.

5.2.        Valutazzjoni tal-Alternattiva 2

Minħabba n-natura nonvinkolanti tagħha, din l-alternattiva mistennija li taqleb il-miżien biss favur azzjoni nonvinkolanti fl-Istati Membri fejn din il-kwistjoni bħalissa qiegħda tkun dibattuta biss. Fid-dawl tal-esperjenza tal-imgħoddi, rakkomandazzjoni hija preżunta li tkun limitata fl-effetti tagħha. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet ta’ kumpaniji kwotati pubblikament hija mistennija li tilħaq it-23.57% sal-2020, żieda żgħira ta' 2.73 punti perċentwali meta mqabbla mal-alternattiva 1. Ikollha impatt kemmxejn żgħir fuq id-drittijiet soċjali u fundamentali, minħabba li l-benefiċċji assoċjati tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jistgħu jiġu sfruttati biss b'mod żgħir ħafna. Fejn ir-rakkomandazzjoni hi implimentata u tikseb l-objettiv tagħha li jiżdied il-proporzjon tan-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji u b'hekk tnaqqas id-distakk bejn il-ġeneri, din tkun tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet imħaddna fl-Artikoli 15 (il-libertà tal-għażla tal-mestier u d-dritt għax-xogħol) u 23 (l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel) tal-Karta. Minħabba li azzjoni mill-Istati Membri wara rakkomandazzjoni trid tkun meqjusa bħala li timplimenta l-liġi tal-UE fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Istati Membri jkollhom jiżguraw li l-impatt negattiv fuq id-drittijiet imħaddna fl-Artikoli 16 (il-libertà li wieħed ikollu negozju) u 17 (dritt għall-proprjetà) tal-Karta huma minimizzati kemm jista' jkun.

Din l-alternattiva kieku jkollha effetti sekondarji pożittivi f’termini tat-tnaqqis tad-distakk fl-għadd tal-impjiegi bejn il-ġeneri u d-distakk fil-pagi bejn il-ġeneri u żieda fir-redditu medju fuq l-edukazzjoni. Minħabba l-ftit żieda fl-għadd ta' diretturi eżekuttivi u noneżekuttivi nisa, hija mistennija jkollha effett moderat fuq l-aspetti ġenerali tal-governanza korporattiva. Fuq il-bażi ta' estimu konservattiv, il-prestazzjoni tal-kumpanija f’termini ta’ ROE hija mbassra li tiżdied b'0.67% meta mqabbla mal-linja bażi, li twassal għal benefiċċju nett addizzjonali għall-kumpaniji kwotati ta' madwar EUR 4 biljun.

Il-kostijiet tal-investiment jinqalgħu biss għall-Istati Membri li jsegwu rakkomandazzjoni u, fil-każ ta' miżuri nazzjonali nonvinkolanti, għall-kumpaniji li jirreaġixxu għal dawn il-miżuri biss. Abbażi ta' dan, il-kostijiet tal-investiment annwali totali fl-UE huma stmati li jkunu EUR 3,7 miljun għall-2017 – 2020 u EUR 651 800 għall-2021 – l-2030. Il-piż amministrattiv annwlai medju minħabba l-obbligu fuq il-kumpaniji kollha affettwati biex jirraportaw il-kompożizzjoni tal-ġeneri tal-bordijiet tagħhom tkun tammonta għal EUR 115 000. Fl-assunzjoni li l-Istati Membri kollha li jagħmlu miżuri jimmonitorjaw ukoll il-progress, il-medja annwali totali għall-kost ta' monitoraġġ fl-UE hija stmata li tkun EUR 93 000.

5.3.        Valutazzjoni tal-Alternattiva 3

Abbażi tas-suppożizzjoni ta' konformità sħiħa mal-mira, din l-alternattiva tiġġenera żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji għal 32.58% sal-2020, żieda tanġibbli ta' 11,74 punt perċentwali meta mqabbla mal-Alternattiva 1. Minħabba l-fatt li l-preżenza tad-diretturi mhux eżekuttivi nisa tiżdied għal 40%, din l-alternattiva jkollha impatt konsiderevoli fuq id-drittijiet soċjali u fundamentali. Skont dan, il-benefiċċji assoċjati tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jinħassu f’livell xieraq. Din l-alternattiva jkollha impatt ċar ta' benefiċċju fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 15 u 23 tal-Karta. Għalkemm hija tippreżenta wkoll limitazzjoni dwar id-drittijiet stipulati fl-Artikoli 16 u 17 għaliex tirrestrinġi d-dritt tagħhom li jiddeterminaw minn min il-kumpanija hija ġestita u supervizzata, limitazzjoni bħal din xorta tissalvagwardja dawk id-drittijiet billi tħalli marġni wiesgħa biżżejjed għall-għażla tal-aktar membri kwalifikati għal fuq il-bord minħabba li l-istrument ikun jaffettwa biss il-kompożizzjoni tal-ġenerali tal-bord tal-kumpanija b'mod ġenerali. Peress li din l-alternattiva tkopri biss membri mhux eżekuttivi, tkun inqas ta' limitazzjoni minħabba li din il-funzjoni ma tinvolvix kompiti ta’ ġestjoni ta’ kuljum. Jekk il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jsibu membru tal-bord femminili kwalifikata b'mod ekwivalenti, dawn ma għandhomx jilħqu l-mira bilfors.

Din l-alternattiva kieku timplika effetti sekondarji pożittivi f’termini tat-tnaqqis tad-distakk fl-għadd tal-impjiegi bejn il-ġeneri u d-distakk fil-pagi bejn il-ġeneri u żieda fir-redditu medju fuq l-edukazzjoni. Hija jkollha impatt pożittiv sinifikanti fuq il-governanza korporattiva, b'effetti notevoli fuq id-dinamika tal-bordijiet. Barra minn hekk, il-prestazzjoni tal-kumpanija tibbenefika viżibbilment miż-żieda femminili fil-bordijiet peress li din l-alternattiva timplika benefiċċji netti konsiderevolment ogħla mill-alternattiva 2, li twassal għal żieda fl-introjtu nett ta' kumpaniji kkwotati ta' madwar EUR 15,7 biljun, skont estimu konservattiv. L-ROE medju huwa previst li jiżdied b'2.61% meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza.

Bl-isfruttament sħiħ tat-talenti disponibbli, din l-alternattiva tirrekjedi EUR 16,6 miljun f'kostijiet totali ta' investiment annwali għall-2017 – 2020 u EUR 3 miljun għal 2021 – l-2030. Barra minn hekk, din l-alternattiva twassal għal piż amministrattiv totali annwali ta’ EUR 124 000 għar-rapportar tal-kumpanija, filwaqt li l-Istati Membri se jġarrbu kostijiet annwali ta’ EUR 100 000 għall-monitoraġġ tal-progress li jkun sar.

5.4.        Valutazzjoni tal-Alternattiva 4

L-impatt ta' din l-alternattiva duq id-diretturi noneżekuttivi jkun l-istess bħal tal-Alternattiva 3. Fir-rigward tal-mira flessibbli tad-diretturi eżekuttivi, huwa preżunt li kull kumpanija se tbiddel post wieħed ta' direttur eżekuttiv maskili b'direttur femminili (biex b'hekk id-daqs medju tal-Bord ma jinbidilx). Dan ikun jirrappreżenta żieda sinifikanti fil-parteċipazzjoni tan-nisa għal 34.11% fuq il-bordijiet eżekuttivi% sal-2020, u b’hekk kważi jirdoppja l-għadd ta’ nisa fuq il-bordijiet eżekuttivi u iż-żieda fin-numru globali minn 13,27 punti perċentwali meta mqabbela mal-alternattiva 1. Dan minħabba l-fatt li fuq il-mira ta' 40% għal diretturi mhux eżekuttivi, preżenza femminili fost diretturi eżekuttivi tiżdied għal 14.44%. Simili għall-impatt maħsub tal-Alternattiva 3, din l-alternattiva jkollha wkoll impatt konsiderevoli fuq id-drittijiet soċjali u fundamentali, minħabba li l-benefiċċji assoċjati tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jistgħu jilħqu l-istess livell xieraq. Madankollu, billi tmur ftit lil hinn mill-Alternattiva 3 safejn hija kkonċernata d-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali, id-dispożizzjoni preskrittiva minima, li tista' sservi bħala inċentiv għall-kumpaniji biex iżidu s-sehem tagħhom ta' diretturi eżekuttivi nisa u b’hekk iwasslu għal aktar nisa f l-ogħla karigi maniġerjali, tista' trendi impatt benefiku saħansitra aktar sostanzjali fuq id-drittijiet imħaddna fl-Artikoli 15 u 23 tal-Karta. L-Alternattiva 4 mhux se żżid l-impatt negattiv fuq id-drittijiet imħaddna fl-Artikoli 16 u 17, minħabba li kull kumpanija tkun ħielsa li tiffissa l-objettiv tagħha stess u tiddetermina l-livell tal-ambizzjoni tagħha.

Din l-alternattiva kieku jkollha effetti sekondarji pożittivi fuq l-ekonomija inġenerali f’termini tat-tnaqqis tad-distakk fl-għadd tal-impjiegi bejn il-ġeneri u d-distakk fil-pagi bejn il-ġeneri u żieda fir-redditu medju fuq l-edukazzjoni. L-indikaturi ta’ governanza korporattiva għandhom jikklassifikaw sinifikament aħjar taħt din l-alternattiva. Il-prestazzjoni tal-kumpanija wkoll titjieb b'mod sinifikanti. Il-benefiċċji netti korrispondenti li huma stmati li jiżdiedu iktar, u li jwasslu għal introjtu nett addizzjonali għall-kumpaniji kwotati ta' madwar EUR 23,7 biljun skont estimu konservattiv minħabba li l-ROE medju huwa pproġettat li jiżdied bi 2.92% meta mqabbel mal-linja ta' referenza.

Skont din l-alternattiva, il-kostijiet tal-investiment annwali totali għall-2017 – 2020 huma stmati li jammontaw għal EUR 18,3 miljun u EUR 3,5 miljun għal 2021 – 2030. Dawn il-kostijiet ta' investiment mhumiex negliġibbli iżda huma modesti ħafna meta jkunu kkunsidrati l-benefiċċji għall-kumpaniji, lil hinn mill-benefiċċji makroekonomiċi. Il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji u l-kost ta' monitoraġġ għall-Istati Membri jkunu l-istess bħal fl-Alternattiva 3, EUR 124 000 u EUR 100 000 rispettivament, peress li l-Alternattiva 4 ma timponix ħtiġijiet addizzjonali mill-Alternattiva 3.

5.5.        Valutazzjoni tal-Alternattiva 5

Jekk wieħed jassumi konformità sħiħa, din l-alternattiva hija marbuta li tkun l-iktar waħda effettiva f'termini ta' żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji Is-sehem mistenni li jilħaq 40% sal-2020 kemm fost diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi (meta mqabbla mal-Alternattiva 1, din iż-żieda ta' 19.16 punti perċentwali fuq il-livell tal-bord tkun tinvolvi żieda ta' 32.19 u 15.25 punti perċentwali f'diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi, rispettivament). Din l-alternattiva jkollha impatt kbir ħafna fuq id-drittijiet soċjali u fundamentali, minħabba li l-benefiċċji assoċjati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jistgħu jilħqu proporzjonijiet sinifikanti. Hija tikseb l-ikbar bidla u l-aktar waħda sostenibbli fil-kultura tal-ġestjoni u tan-negozju, b'riżultat li jinkisbu l-iktar effetti pożittiv b'saħħithom għall-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Bil-maqlub, il-limitazzjoni għad-drittijiet tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tkun aktar sinifikanti jekk il-kunsiderazzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kellhom jillimitaw l-għażla fil-ħatra ta' membru eżekuttiv responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum u t-tranżazzjonijiet kummerċjali l-aktar importanti ta' kumpanija. Madanakollu, din il-limitazzjoni ma tidhirx li hi sproporzjonata, speċjalment minħabba l-importanza tal-għan maħsub tal-ugwaljanza bejn il-ġenerii, li huwa rikonoxxut kemm fil-Karta u t-Trattati. Barra minn hekk, din il-limitazzjoni tista’ titnaqqas billi l-kumpaniji mhux se jkollhom jilħqu l-objettiv dwar il-ġeneri fejn kandidati ugwalment kwalifikati tas-sess sottorappreżentat ma jistgħux jinstabu, pereżempju, fl-oqsma fejn il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u l-ġestjoni hija partikolarment baxxa, u fejn pożizzjonijiet eżekuttivi jeħtieġu kompetenza u esperjenza speċifiċi f'dak is-settur. Dawk li jfasslu l-politika se jkollhom konxjament jikkunsidraw il-firxa tar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali tal-azzjonisti meta tintagħżel din l-alternattiva.

Din l-alternattiva kieku jkollha effetti sekondarji pożittivi ħafna fuq l-ekonomija inġenerali f’termini tat-tnaqqis tad-distakk fl-għadd tal-impjiegi bejn il-ġeneri u d-distakk fil-pagi bejn il-ġeneri u żieda fir-redditu medju fuq l-edukazzjoni. Il-miżuri vinkolanti kemm għall-membri eżekuttivi u mhux eżekuttivi tal-bord ikollhom impatt pożittiv sinifikanti ħafna fuq il-governanza korporattiva u l-prestazzjoni tal-kumpanija li tista' tara żieda fl-ROE medju bi 3.95% meta mqabbel mal-linja ta' referenza. Din twassal għal żieda fl-introjtu nett ta' kumpaniji kkwotati ta' madwar EUR 23,7 biljun, skont estimu konservattiv.

Taħt l-Alternattiva 5 huwa mistenni li l-kostijiet ta' investiment totali annwali fl-UE għall-2017 - 2020 jammontaw għal EUR 26,5 miljun, wara dan il-kost jonqos għal EUR 5 miljun għall-2021 – l-2030. Dawn il-kostijiet ta' investiment mhumiex negliġibbli iżda huma pjuttost modesti meta mqabla mal-benefiċċji ppreżentati hawn fuq fil-livell tal-kumpaniji, lil hinn mill-benefiċċji makroekonomiċi. Piż amministrattiv fuq il-kumpaniji u l-kostijiet ta' monitoraġġ għall-Istati Membri jkunu l-istess bħal fl-Alternattivi 3 u 4, EUR 124 000 u EUR 100 000 fis-sena, rispettivament.

6.           Tqabbil tal-Alternattivi

L-alternattivi ta’ politika kollha huma mistennija li jindirizzaw il-kawżi prinċipali tal-problema u jgħinu biex jitnaqqas fi gradi differenti jew saħansitra biex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż li jżomm lin-nisa milli jipparteċipaw fil-bordijiet korporattivi. Tqabbil tal-konsegwenzi tal-alternattivi varji ta' politika jsib li (i) miżuri vinkolanti huma aktar effettivi fl-ilħiq tal-objettivi tal-politika minn miżuri nonvinkolanti, (ii) il-miżuri li jkollhom fil-mira membri tal-bordijiet kemm eżekuttivi u kemm mhux eżekuttivi huma aktar effettivi mill-miżuri li jimmiraw biss għal grupp wieħed u (iii) miżuri vinkolanti se joħolqu aktar benefiċċji għas-soċjetà u benefiċċji ekonomiċi minn miżuri nonvinkolanti.

Fl-istess ħin, miżuri vinkolanti jinvolvu kostijiet u piżijiet amministrattivi komparattivament ogħla, madankollu xorta huma pjuttost modesti fid-dawl tal-benefiċċji ekonomiċi proġettati. Barra minn hekk, il-grad ta’ effikaċja tal-alternattivi ta’ politika varji huwa direttament marbut mal-punt ta’ interferenza mad-drittijiet tal-kumpaniji u l-azzjonisti bħala s-sidien tagħhom. Meta mqabbel ma' miżura nonvinkolanti b'effett limitat iżda tanġibbli, żieda sostanzjali tal-impatt f'termini tal-objettivi ta' politika tkun teħtieġ strument vinkolanti, li jistabbilixxi miri għall-kompożizzjoni tal-bordijiet tal-kumpaniji. Waqt li l-konsegwenzi tal-alternattivi kollha dwar id-drittijiet fundamentali huma ġustifikabbli u f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-leġittimità tal-objettivi tal-politika u salvagwardji intrinsiċi, dawk li jistabbilixxu miri kkwantifikati għall-membri tal-bordijiet eżekuttivi, il-persuni direttament responsabbli għall-ġestjoni operattiva ta’ kuljum ta' kumpanija, jipproduċu l-aktar effetti benefiċi iżda jirrappreżentaw l-aktar interferenza sinifikanti.

L-għażla tal-alternattiva se tiddependi fuq jekk il-kost miżjud u l-grad ogħla tal-interferenza fid-drittijiet fundamentali tal-miżuri vinkolanti jistgħux ikunu ġustifikati mill-benefiċċji soċjoekonomiċi usa' tagħhom, jew jekk miżuri nonvinkolnati għandhomx ikunu preferuti għaliex, minkejja li jiġġeneraw anqas benefiċċji soċjoekonomiċi sinifikanti, u huma inqas effettivi fl-ilħuq tal-objettivi tal-politika, jinvolvu wkoll inqas restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali. L-opinjonijiet tal-partijiet interessati se jiġu kkunsidrati bir-reqqa fl-għażla bejn l-alternattivi differenti.

Il-piż amministrattiv huwa mistenni li jkun minimu għall-alternattivi ta' politika kollha, peress li huma jkopru biss kumpaniji kwotati fil-borża li huma mistennija li jkunu jistgħu jużaw il-mekkaniżmi eżistenti tar-rappurtar sabiex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja dwar il-konformità tagħhom lill-Istati Membri. Matul l-eżerċizzju ta' analiżi preliminari tal-alternattivi ta' politika, l-alternattivi ta' politika li kienu aktarx jinvolvu piż amministrattiv twarrbu fi stadju bikri.

7.           Arranġamenti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

Jekk miżura legalment vinkolanti tittieħed fil-livell tal-UE (alternattivi 3-5), l-Istati Membri jkollhom jimmonitorjaw jekk kumpaniji kkwotati jikkonformawx mal-miri u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali. Il-Kummissjoni, imbagħad, timmonitorja jekk l-istrument legalment vinkolanti ġiex traspost u implimentat b’mod korrett fuq livell nazzjonali. Il-Kummissjoni mbagħad tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar f'intervalli regolari. Huwa mistenni li miżura legalment vinkolanti tal-UE tkun limitata biż-żmien, jiġifieri li tkun imħassra wara numru ta’ snin, jekk isir progress suffiċjenti u jirriżulta tbassir realistiku li t-tendenza għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi tkun sostnuta mat-twaqqif tal-miżura tal-UE.

[1]               Kważi 60% tal-gradwati universitarji fl-UE huma nisa. Ara, Eurostat, Tertiary students (ISCED 5-6) by field of education and sex [educ_enrl5], 2009.

[2]               In-nisa jagħmlu 45% tal-impjegati madwar l-UE. Ara Eurostat, Employment by sex, age groups and nationality [lfsq_egan], 3rd quarter of 2011.

[3]               Studji juru li 83% tan-nisa f'karriera ta' livell medju esprimew xewqa kbira li jimxu l-fuq fil-kumpanija. Ara http://www.mckinsey.com/Client_Service/Organization/Latest_thinking/Unlocking_the_full_potential.

[4]               Kuntrarju għat-twemmin komunament kwotat li hemm nuqqas ta' nisa kwalifikati biex jieħdu sedi korporattiva fuq bord ta' kumpanija tal-UE, bażi tad-dejta tal-2012 stabbilita mill-iskejjel tan-negozju Ewropej turi l-idoneità u d-disponibbiltà ta' iktar minn 7000 mara li jistgħu jieħdu sedi fuq il-bordijiet ta' kumpaniji kwotati Ara http://gallery.mailchimp.com/3ad8134be288a95831cc013aa/files/2012_5_Commissioner_Reding_Initiative.pdf.