DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATTIr-rwol tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF) fl-impenji tal-UE b'rabta mat-tibdil fil-klima /* SWD/2012/0040 - COD/2012/0042 */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL
TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI
TAL-IMPATT
Ir-rwol tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija
(LULUCF) fl-impenji tal-UE b'rabta mat-tibdil fil-klima li jakkumpanja d-dokument Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-regoli tal-kontabilità u
l-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet
serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art,
mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija
1.
Sommarju eżekuttiv
1.1.
Kamp ta' applikazzjoni u sfond
L-UE u mexxejja dinjin oħra qablu[1] li t-tisħin globali ma
għandux jaqbeż it-temperaturi esperjenzati qabel ir-rivoluzzjoni
industrijali b'aktar minn 2˚ C. Dan l-għan fuq terminu twil
jesiġi li, sal-2050, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu
b’mill-anqas 50 % mil-livelli tal-1990. Fuq terminu qasir, l-UE ntrabtet li tnaqqas
l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet serra b'20 % taħt
il-livelli tal-1990 sal-2020, u bi 30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu
favorevoli[2].
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li s-setturi kollha għandhom
jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira[3].
Is-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija
(l-LULUCF) s’issa għadu ma jagħmilx parti mill-mira. L-għan ta'
din il-valutazzjoni tal-impatt huwa li tivvaluta kif dan is-settur jista'
jikkontribwixxi għal din il-mira. Fl-UE, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra
jiġu primarjament mill-produzzjoni tal-enerġija u minn sorsi
oħra maħluqin mill-bniedem. Il-karbonju li jiġi assorbit
(imneħħi) mill-atmosfera permezz tal-fotosinteżi u li
jinħażen fil-veġetazzjoni, fil-ħamrija u fi prodotti
tal-injam maħsud ipatti għal uħud mill-emissjonijiet. Diversi
użi tal-art u prattiki ta' ġestjoni fil-forestrija u fl-agrikoltura u
l-użu ta' prodotti tal-injam maħsud li għandhom ħajja twila
jistgħu jillimitaw l-emissjonijiet u jżidu l-assorbimenti
mill-atmosfera. Dawn il-prattiki huma koperti mis-settur tal-LULUCF[4].
1.2.
Definizzjoni tal-problema
Jeżistu raġunijiet tajbin biex
wieħed jikkontabilizza l-emissjonijiet u l-assorbimenti marbutin
mas-settur tal-LULUCF, l-iktar: ·
biex tiġi żgurata l-koerenza
tal-politika tal-UE, peress li l-kontabilità tkun
konsistenti mal-istrateġija Ewropa 2020 u tiżgura li s-setturi
kollha jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan
huwa importanti għar-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' kundizzjonijiet
indaqs għan-negozji u ta’ distribuzzjoni ġusta tal-isforzi; ·
biex tittejjeb l-integrità ambjentali
tal-impenji tal-UE b'rabta mat-tibdil fil-klima billi
jiġi żgurat li l-emissjonijiet u l-assorbimenti fis-setturi kollha
jiġu rreġistrati. Attwalment, l-emissjonijiet mill-bijomassa
użata għall-enerġija mhumiex inklużi fir-regoli
tal-kontabilità għas-settur tal-enerġija jew għal setturi
oħrajn li jipproduċu l-enerġija mill-bijomassa; ·
biex tissaħħaħ l-effiċjenza
ekonomika tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima
huma u jfittxu li jintlaħqu miri aktar ambizzjużi, billi s-setturi
kollha jitħallew jikkontribwixxu għaliha. L-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF
tesiġi li jiġu indirizzati l-profil speċifiku tiegħu u
ċ-ċirkostanzi differenti tal-Istati Membri. Hemm bżonn ta’
regoli tal-kontabilità biex issir distinzjoni bejn l-emissjonijiet u
l-assorbimenti antropoġeniċi u dawk mhux antropoġeniċi.
Ir-riversibbiltà tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti tista' tiġi
kkawżata minn disturbi naturali bħan-nirien, il-maltempati, l-inxif,
l-organiżmi ta' ħsara, eċċ., iżda wkoll minn
deċiżjonijiet ta' ġestjoni, pereżempju minn
deċiżjonijiet biex jinħasdu jew jitħawlu s-siġar.
Għalhekk, il-kontabilità jeħtieġ li tkun tista' tirrifletti dawn
l-inverżjonijiet. Barra minn hekk, il-monitoraġġ u r-rapportar
tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti huwa kumplikat u jesiġi sistema soda.
Fl-aħħar nett, l-emissjonijiet u l-assorbimenti fil-foresti jvarjaw
ħafna minn sena għall-oħra u jistgħu jammontaw għal
ishma sinifikanti ħafna mill-emissjonijiet totali annwali fl-Istati
Membri.
1.3.
Jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, kif
tevolvi l-problema?
Il-bir (jiġifieri meta l-assorbimenti
jkunu ogħla mill-emissjonijiet) fis-settur tal-LULUCF huwa mistenni jonqos
fl-UE sal-2020 f'xenarju fejn kollox jibqa' kif inhu[5]. Kumplessivament, f’dan
is-settur dan mistenni jonqos b'madwar 10 % fl-2020 meta mqabbel
mal-perjodu mill-2005 sal-2009. Dan it-tnaqqis mistenni jkun qawwi ħafna
fil-ġestjoni tal-foresti. It-tħawwil ta' foresti
"ġodda" (l-afforestazzjoni) se jikkumpensa parzjalment għal
dan. L-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-attivitajiet agrikoli bħall-ġestjoni
tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi huma mistennija jibqgħu
pjuttost stabbli jew jitjiebu. Hemm ir-riskju li x-xejriet u l-emissjonijiet
negattivi jiġu injorati jekk is-settur tal-LULUCF ma jkunx jifforma parti
mill-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. Il-kapaċità mbassra tal-bir tispiċċa
taffettwa dejjem aktar il-koerenza tal-politika u l-effiċjenza ekonomika.
Jekk ma jitqiesx it-tnaqqis fl-assorbimenti netti li jirriżulta min-nuqqas
ta' azzjoni, ikun hemm ir-riskju li jsir użu eċċessiv
mir-riżorsi għall-miżuri ta' mitigazzjoni li jgħoddu
għal għanijiet oħra, u b'hekk jinħolqu kundizzjonijiet mhux
indaqs bejn għażliet ta' mitigazzjoni differenti. Barra minn hekk,
it-telf fl-effiċjenza ekonomika jista' jiżdied biż-żmien,
minħabba li se tkun meħtieġa azzjoni addizzjonali sinifikanti
fis-setturi kollha biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi fuq
terminu twil.
1.4.
Għanijiet
L-għan kumplessiv huwa li jiġi
żgurat li s-settur tal-LULUCF jikkontribwixxi għall-impenji tal-UE
b'rabta mat-tibdil fil-klima. L-għanijiet operattivi li ġejjin
jindirizzaw id-definizzjoni tal-problema: ·
fil-monitoraġġ u r-rapportar
tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-Gwida għal
Prattiki Tajbin maħruġa mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar
it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC), biex jiżguraw li l-istimi jkunu trasparenti,
kompluti, konsistenti, komparabbli u preċiżi; ·
ir-regoli tal-kontabilità għandhom: · ikunu estensivi sabiex jinkludu l-emissjonijiet u l-assorbimenti
kollha, u l-attivitajiet ewlenin kollha tas-settur tal-LULUCF
(l-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni, id-deforestazzjoni, il-ġestjoni
tal-foresti, il-ġestjoni tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi); · jirriflettu n-nuqqas ta' permanenza tal-emissjonijiet u
tal-assorbimenti; · jipprovdu inċentivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; · il-kuntest tal-politika għall-integrazzjoni tas-settur tal-LULUCF
għandu jkun tali li ma jqegħidx f'riskju l-ħila tal-Istati
Membri li jikkonformaw mal-miri ta' tnaqqis tal-gassijiet serra minħabba
l-varjabbiltà tal-emissjonijiet u l-assorbimenti minn sena għall-oħra
jew minħabba disturbi naturali sinifikanti.
1.5.
Għażliet
L-azzjoni biex is-settur tal-LULUCF jiġi
kkontabilizzat għandha tittieħed fuq żewġ livelli. L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġu
ddefiniti l-għażliet fil-kuntest tal-politika li fih is-settur
għandu jiġi kkontabilizzat, peress li diġà teżisti
leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-impenn li l-emissjonijiet tal-gassijiet
serra jitnaqqsu b'20 % fl-2020. Għażla mhux
regolatorja/"l-ebda azzjoni min-naħa tal-UE" (l-Għażla
Nru 1) mhijiex realistika, peress li l-UE hija Parti għall-Protokoll
ta' Kjoto u kwalunkwe impenn meħud fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll
jeħtieġ li jinqasam bejn l-Istati Membri u jkun jesiġi
l-użu ta’ approċċ komuni. Għalhekk, l-għażla
"li ma jsir xejn" tkun tfisser biss li kull azzjoni tiġi
posposta sa ma jintlaħaq ftehim internazzjonali. L-Għażla
Nru 2 tinvolvi l-ħolqien ta' qafas legali għas-settur tal-LULUCF
li jkun separat mill-oqfsa stipulati fid-Deċiżjoni tal-UE dwar
il-Qsim tal-Isforz u fl-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet
(l-ETS). Din l-għażla ġiet sottodiviża fi tnejn: waħda
mingħajr miri (l-Għażla Nru 2.I) u waħda bil-miri
(l-Għażla Nru 2.II). L-Għażla Nru 3 tinvolvi
l-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF fil-qafas legali tad-Deċiżjoni
dwar il-Qsim tal-Isforz. L-għażla li tintuża l-ETS twarrbet fi
stadju bikri. It-tieni nett, l-għażliet ġew
żviluppati biex jiġi vvalutat kif jistgħu jinkisbu kontabilità,
monitoraġġ u rapportar sodi fihom. Għall-kontabilità
tqiesu l-għażliet li ġejjin: (a)
l-istess regoli tal-kontabilità li hemm
għall-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, inkluża
l-kontabilità volontarja għall-attivitajiet agrikoli, iżda
b'kontabilità mandatarja għall-attivitajiet kollha tal-forestrija; (b)
regoli tal-kontabilità li jikkorrispondu
mar-riżultat mistenni tan-negozjati tal-UNFCCC dwar it-tieni perjodu ta'
impenn fil-qafas tal-Protokoll ta' Kjoto, inkluża l-kontabilità mandatarja
għall-attivitajiet kollha tal-forestrija u l-kontabilità volontarja
għall-attivitajiet agrikoli; (c)
regoli tal-kontabilità li jikkorrispondu
mar-riżultat mistenni tan-negozjati tal-UNFCCC, iżda b'aktar titjib
miksub billi tiġi introdotta l-kontabilità mandatarja kemm
għall-attivitajiet tal-forestrija kif ukoll għal dawk agrikoli. Ingħatat ukoll deskrizzjoni ta'
approċċ ibbażat fuq tliet stadji biex jinkisbu monitoraġġ
u rapportar sodi. L-ewwel stadju jkun jinvolvi l-kisba ta' rapportar
komplet tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti mill-attivitajiet differenti,
tal-anqas billi jintużaw metodi sempliċi. It-tieni stadju jkun
ifisser żieda fil-preċiżjoni tad-dejta rrapportata billi jintużaw
metodi aktar sofistikati. Fl-aħħar nett, se tittejjeb
il-komparabilità tad-dejta tal-Istati Membri sabiex jiġu armonizzati
l-monitoraġġ, ir-rapportar u n-nomenklatura relatata.
L-għażliet sekondarji dwar il-kontabilità, u l-monitoraġġ u
r-rapportar huma l-istess għall-Għażliet ġenerali
Nri 2 u 3, iżda l-impatti tagħhom ivarjaw skont il-kuntest
tal-politika.
1.6.
Impatt
L-analiżi turi li tnejn
mill-għażliet wiesgħa tal-politika jilħqu l-għan li s-setturi
kollha jikkontribwixxu għall-impenn globali tal-UE li tnaqqas
il-gassijiet serra, jiġifieri jkunu jinkludu s-settur tal-LULUCF
fl-impenn tal-UE li tnaqqas il-gassijiet serra – jew f’qafas separat (l-Għażla
Nru 2), jew fil-qafas tad-Deċiżjoni dwar il-Qsim
tal-Isforz (l-Għażla Nru 3) L-impatti ambjentali,
ekonomiċi u soċjali tal-għażliet ivarjaw ħafna skont
ir-regoli tal-kontabilità li jiġu applikati, kif muri fit-Tabella 1. Tabella 1. Sommarju tal-impatt ewlieni
għall-UE Tip ta’ impatt || Għażla Nru 1 || Għażla Nru 2.I || Għażla Nru 2.II || Għażla Nru 3 || L-ebda azzjoni min-naħa tal-UE || Is-settur tal-LULUCF jiġi inkluż f’qafas separat (mingħajr ebda mira) || Is-settur tal-LULUCF jiġi inkluż f’qafas separat (b’mira) || Is-settur tal-LULUCF jiġi inkluż fid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz Għażla tal-kontabilità || mhux applikabbli || (a) || (b) || (c) || (a) || (b) || (c) || (a) || (b) || (c) Impatt ambjentali || || || || || || || || || || Effett nett fuq il-mitigazzjoni fl-ekonomija kollha flimkien max-xenarju ta' referenza (f’miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2 fis-sena) || Żero (impatt f’perjodu iktar tard) || 0 || 0 || 0 || -7 || -5 || -5 || 80 || 13 || 39 Kontribut potenzjali għall-mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet, inkluż ix-xenarju ta' referenza (f’miljuni ta’ tunnellati ta' CO2 fis-sena) || Żero (impatt f’perjodu iktar tard) || -79 || -10 sa -86 || -36 sa -106 || -86 || -15 sa -91 || -41 sa -111 || 0 || 0 || 0 Kontribut potenzjali għall-mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet (f'perċentwal tal-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-1990) || Żero (impatt f’perjodu iktar tard) || -1.4 || -0.2 sa -1.5 || -0.6 sa -1.9 || -1.6 || -0.3 sa -1.6 || -0.7 sa -2/0 || 0 || 0 || 0 Impatt ekonomiku || || || || || || || || || || Kost tal-mitigazzjoni || Żero (impatt f’perjodu iktar tard) || 0 || 0 || 0 || 40 || 27 || 27 || -166 || -55 || -156 Kost tal-monitoraġġ u r-rapportar imtejbin (f'miljuni ta' EUR) || Żero (impatt f’perjodu iktar tard) || 0.35 || 0.65 || 1.35 || 0.35 || 0.65 || 1.35 || 0.35 || 0.65 || 1.35 Impatt soċjali || || || || || || || || || || Effetti fuq l-impjiegi || Żero (impatt f’perjodu iktar tard) || 0 || 0 || 0 || Impatt żgħir (newtrali jew pożittiv) || Impatt żgħir (newtrali jew pożittiv) Nota:
L-Għażla Nru 2.II hija bbażata fuq mira ta' krediti
kkontabilizzati ta' -5.4 miljun tunnellata ta’ CO2. Dan huwa
ekwivalenti għal prezz tal-karbonju ta' EUR 5 għal kull
tunnellata ta’ CO2 għall-għażliet tal-kontabilità (b)
u (c), kif ġie presuppost għall-Għażla Nru 3,
iżda għal prezz tal-karbonju ta' EUR 12 għal kull
tunnellata ta’ CO2 għall-għażla tal-kontabilità (a),
minħabba li l-ġestjoni tal-foresti mhijiex ikkontabilizzata.
Il-valuri negattivi jindikaw l-assorbimenti netti (u l-valuri pożittivi
jindikaw l-emissjonijiet netti). Sors: il-kalkoli huma bbażati fuq
Böttcher et al. (2011) u fuq aġġornament tal-JRC (2011b), li
jirriflettu l-analiżi tal-UNFCCC. Għall-Għażla Nru 2.I
(b) qed jingħataw żewġ stimi għall-kontribut
għall-mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet: waħda hija
bbażata fuq it-tbassir mill-mudelli u l-oħra hija bbażata kemm
fuq it-tbassir mill-mudelli kif ukoll fuq it-tbassir nazzjonali. F'termini tal-impatt ambjentali,
azzjoni biex jiżdiedu l-assorbimenti u jitnaqqsu l-emissjonijiet
fil-forestrija u fl-agrikoltura idealment għandha titqies fuq perjodu twil
taż-żmien għax jistgħu jgħaddu għexieren ta' snin
qabel ma miżuri bħall-afforestazzjoni jħallu effett sinifikanti.
Madankollu, l-impenji eżistenti tal-UE b'rabta mat-tibdil fil-klima
jestendu biss sal-2020 u huma tir importanti. Il-punt sa fejn il-kontribut
jista' jmur lil hinn minn dak li huwa mistenni mill-isforzi attwali
(jiġifieri x-xenarju ta' referenza) jiddependi mill-kuntest tal-politika
li fih l-LULUCF jiġi kkontabilizzat. L-azzjoni addizzjonali mistennija
tkun limitata fl-Għażliet Nri 2.I u 3 u mistennija tkun akbar
fl-Għażla Nru 2.II. Madankollu, l-istima la taqbad il-potenzjal
kollu ta' mitigazzjoni li hemm fl-agrikoltura, u lanqas ma tinkludi
l-benefiċċji miksuba mis-sostituzzjoni tal-materjali. Fir-rigward
tal-impatt ekonomiku, l-għażla tal-kontabilità (a)
tiġġenera kostijiet ogħla fl-Għażla Nru 2.II jekk
ikun hemm il-miri peress li frazzjoni żgħira biss tal-isforzi ta'
mitigazzjoni jgħoddu fir-realtà. Min-naħa l-oħra, hija
tiġġenera wkoll krediti għoljin fix-xenarju ta' referenza u dan
iwassal għal iffrankar tal-kostijiet fl-Għażla Nru 3, fejn
mhija meħtieġa l-ebda miżura addizzjonali ta’ mitigazzjoni
mis-settur tal-LULUCF, iżda l-krediti jistgħu jintużaw biex
jieħdu post it-tnaqqis fl-emissjonijiet fil-qafas tad-Deċiżjoni
dwar il-Qsim tal-Isforz. Il-kostijiet għall-għażliet kollha
tal-kontabilità huma żero fl-Għażla Nru 2.I, fejn ma hija
stabbilita l-ebda mira u fl-Għażla Nru 1 fejn ma titwettaq
l-ebda kontabilità. L-impatti soċjali huma limitati u l-effetti fuq
l-impjiegi huma stmati li huma baxxi u li huma jew newtrali jew inkella
pożittivi. Madankollu, hemm xi effetti fuq id-distribuzzjoni fost l-Istati
Membri fl-Għażliet Nri 2.II u 3.
1.7.
Tqabbil tal-għażliet
1.7.1.
L-għażla tal-kuntest tal-politika
t-tajjeb
L-għan li jiġi llimitat l-impatt
tal-varjabbiltà għolja minn sena għall-oħra tal-emissjonijiet
u tal-assorbimenti u tar-riversibbiltà inerenti tagħhom fuq
il-konformità jippreżenta sfida kbira għall-inklużjoni
tas-settur tal-LULUCF fl-oqfsa legali attwali tal-UE għall-miri ta'
tnaqqis. Id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz (l-Għażla
Nru 3) hija bbażata fuq il-konformità annwali u
tesiġi li l-Istati Membri jnaqqsu l-emissjonijiet (jew jillimitaw
iż-żidiet fihom) billi jsegwu trajettorja lineari. Madankollu, ikun
diffiċli li wieħed japplika l-konformità annwali ma' trajettorja
lineari minħabba l-varjazzjonijiet fl-emissjonijiet netti bejn l-Istati
Membri u l-kalkoli mill-ġdid frekwenti u sinifikanti tad-dejta
rrapportata. F'ħafna każijiet dan imur ferm lil hinn mil-lok
għall-flessibbiltà li tagħti d-Deċiżjoni dwar il-Qsim
tal-Isforz. Barra minn hekk, iż-żmien twil li jgħaddi qabel ma
jiġu implimentati ħafna mill-miżuri fis-settur tal-LULUCF
ifisser li l-kontabilità annwali ma tkunx sinifikanti daqs dik f'setturi
oħra u, b’mod ġenerali, trajettorja lineari bit-tnaqqis
meħtieġ fl-emissjonijiet għal kull sena ma tkunx rilevanti. L-Għażla
Nru 2 tindirizza dawn il-kwistjonijiet billi tistabbilixxi
l-medja tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti tul il-perjodu ta' impenn u b'hekk
tilħaq l-għan rigward il-varjabbiltà minn sena għall-oħra.
Riskju marbut mal-Għażla Nru 3 huwa li
l-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF tnaqqas l-isforzi miftehma
għas-setturi li diġà jagħmlu parti mill-impenji eżistenti
u, b’hekk, li din tnaqqas effettivament l-impenn tal-UE. L-Għażla
Nru 2 tevita dan ir-riskju.
1.7.2.
L-iżgurar ta' kontabilità soda
It-Tabella 2 tipprovdi valutazzjoni
fil-qosor ta' kif l-għażliet differenti tal-kontabilità jilħqu
l-għanijiet. Fir-rigward tal-provvediment ta' kundizzjonijiet indaqs
għall-għażliet differenti ta' mitigazzjoni, l-aktar attività
importanti hija l-ġestjoni tal-foresti. It-Tabella 1 turi li l-għażla
tal-kontabilità (a) tiġġenera krediti sostanzjali, li,
fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma ta' "bla ħsieb"
(b'xejn), għax jinkludu assorbimenti li kienu jseħħu anki
mingħajr ebda tibdil fid-deċiżjonijiet tal-ġestjoni. 85 %
tal-isforzi ta' mitigazzjoni mhumiex se jiġu kkontabilizzati. Dan se
jwassal biex il-mitigazzjoni tkun aktar għolja u għalhekk se
jillimita l-inċentivi biex tittieħed azzjoni addizzjonali. Dan
jippermetti wkoll tnaqqis sostanzjali fl-assorbimenti netti u żidiet
fl-emissjonijiet netti mingħajr ebda impatt ekonomiku reali.
Fl-aħħar nett, dan ma jiżgurax li n-nuqqas ta' permanenza
jkun rifless fil-kontabilità minħabba li ma jkoprix l-emissjonijiet u
l-assorbimenti relatati mal-attivitajiet agrikoli, u jkopri biss frazzjoni minn
dawk relatati mal-ġestjoni tal-foresti. Tabella 2.
Il-prestazzjoni tal-għażliet differenti tal-kontabilità Għanijiet || Kemm jintlaħqu l-għanijiet mill-għażliet differenti tal-kontabilità Għażla tal-kontabilità (a) Bidliet żgħar || Għażla tal-kontabilità (b) Riżultat mistenni min-negozjati tal-UNFCCC || Għażla tal-kontabilità (c) UNFCCC+ Il-provvediment ta' kundizzjonijiet indaqs għall-għażliet differenti ta' mitigazzjoni || X || ● || ●● L-iżgurar ta’ kopertura estensiva tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti || ● || ● || ●● L-iżgurar ta’ riflessjoni tan-nuqqas ta' permanenza fil-kontabilità || X || ● || ●● L-evitar ta’ effetti negattivi fuq ir-riskju tal-konformità tal-Istati Membri minn disturbi naturali kbar || ● || ●● || ●● Spjega tas-simboli
użati: x L-għan ma ġiex indirizzat jew ma ġiex indirizzat
biżżejjed mill-għażla, ● L-għan ġie
parzjalment indirizzat mill-għażla, ●● L-għan
ġie indirizzat biżżejjed mill-għażla. L-għażliet tal-kontabilità (b) u
(c) jippermettu tibdil fil-bir minħabba s-saturazzjoni naturali u
l-politiki eżistenti mingħajr ma jiġġeneraw debiti jew
krediti. Dan jagħmluh biex jeliminaw bidliet fl-emissjonijiet u
fl-assorbimenti li ma jkunux ir-riżultat ta' azzjoni mill-bniedem.
Madankollu, dawn jesiġu kontabilità sħiħa għal kwalunkwe
devjazzjoni mil-"livell ta' referenza". Dan ifisser li, fix-xenarju
ta' referenza, l-għażliet kollha ta’ tnaqqis u l-użi kollha,
kemm jekk dawn ikunu jinvolvu s-sekwestru jew l-użu addizzjonali
tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-enerġija (pereżempju biex
jintlaħqu l-miri tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu
tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli), kif ukoll jekk ikunu jinvolvu
s-sostituzzjoni tal-materjali, se jaffrontaw l-istess kost
tal-għażla. Dan se jiżgura kundizzjonijiet indaqs
għall-għażliet differenti ta' mitigazzjoni. F'termini tal-iżgurar ta' kopertura
estensiva tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti u tal-iżgurar ta’ riflessjoni
tan-nuqqas ta' permanenza fil-kontabilità, l-għażla
tal-kontabilità (c) biss tesiġi li l-Istati Membri jikkontabilizzaw,
b'mod mandatarju, l-emissjonijiet u l-assorbimenti kemm fl-agrikoltura kif
ukoll fil-forestrija. L-għażliet tal-kontabilità (a) u (b)
jagħmlu l-kontabilità għall-agrikoltura ħaġa volontarja, u
dan jista' jqiegħed f'riskju l-kredibbiltà tal-impenn tal-UE. L-estensjoni
tal-ambitu tal-kontabilità jżid il-konsistenza bejn l-Istat Membri. Huwa
importanti li s-setturi kollha fl-Istati Membri kollha jikkontribwixxu
għall-ilħiq tal-miri tal-istrateġija
"Ewropa 2020", biex jiġu żgurati kundizzjonijiet
indaqs għan-negozji u għall-Istati Membri u distribuzzjoni ġusta
tal-isforz, u biex jiġi żgurat trattament konsistenti
tal-agrikoltura, il-forestrija u l-industrija fi ħdan is-suq intern
tal-UE. Fuq terminu itwal, sistema tal-kontabilità aktar inklużiva se
twassal ukoll għal żieda fil-kosteffiċjenza fl-ilħiq
ta' kwalunkwe mira kumplessiva partikolari. Fir-rigward tat-tnaqqis tal-impatt ta'
disturbi naturali fuq ir-riskju tal-konformità, l-għażliet
tal-kontabilità (b) u (c) jinkludu regoli tal-kontabilità għal
disturbi naturali kbar u għalhekk jillimitaw ir-riskju ta' nuqqas ta'
konformità mal-miri ta' tnaqqis tal-gassijiet serra jekk l-emissjonijiet
jokkorru minħabba disturbi ta' dan it-tip li l-Istati Membri ma jkollhomx
kontroll fuqhom. L-impatt fuq il-kontabilità kumplessiva tal-UE se jkun
negliġibbli, iżda dan se jipprovdi s-salvagwardji meħtieġa
għal dawk l-Istati Membri l-aktar affettwati.
1.7.3.
Titjib fil-monitoraġġ u fir-rapportar
Din il-valutazzjoni tal-impatt tiddeskrivi
approċċ ibbażat fuq tliet stadji biex jintlaħaq l-għan
li jiġi żgurat li l-monitoraġġ u r-rapportar ikunu
konformi mal-Gwida għal Prattiki Tajbin tal-IPCC. L-ewwel stadju jkun
jinvolvi l-kisba ta' rapportar komplet, tal-anqas billi jintużaw metodi
sempliċi. It-tieni stadju jkun ifisser żieda fil-preċiżjoni
tad-dejta rrapportata billi jintużaw metodi aktar sofistikati. Huwa
mistenni li jkun hemm progress matul l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll
ta' Kjoto, iżda jeħtieġ li l-isforzi jitkomplew matul il-perjodu
mill-2013 sal-2020. Fl-aħħar nett, il-komparabilità tad-dejta bejn
l-Istati Membri tista' tittejjeb billi jiġu armonizzati
l-monitoraġġ, ir-rapportar u n-nomenklatura relatata. L-istadji ta' hawn fuq se jkunu
jagħmlu parti mill-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni
riveduta dwar il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ.
1.8.
Kummenti finali
Ftehim internazzjonali dwar regoli riveduti
tal-kontabilità għas-settur tal-LULUCF għat-tieni perjodu ta' impenn
tal-Protokoll ta' Kjoto nkiseb biss fis-17-il Konferenza tal-Partijiet (COP17)
li saret f'Durban f'Diċembru 2011[6]. Issa jeżistu
raġunijiet tajbin biex wieħed jinkludi s-settur tal-LULUCF fl-impenji
tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-iktar biex jittejbu
l-koerenza tal-politika, l-integrità ambjentali u l-effiċjenza ekonomika. Iżda
dan jesiġi li jiġu indirizzati l-karatteristiċi speċjali
tas-settur tal-LULUCF u ċ-ċirkostanzi differenti fl-Istati Membri
differenti. Għalhekk huwa importanti li wieħed jiżgura li
jiġu implimentati regoli sodi tal-kontabilità u monitoraġġ u
rapportar sodi. L-għażla
tal-kontabilità (c) tinvolvi l-kontabilità mandatarja
tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti kemm mill-attivitajiet tal-forestrija kif
ukoll minn dawk agrikoli, u tagħti l-istess importanza lill-azzjonijiet
ta' mitigazzjoni, kemm jekk jittieħdu fis-settur tal-forestrija kif ukoll
jekk jittieħdu fis-setturi tal-agrikoltura, tal-industrija jew
tal-enerġija. Dan iwassal għall-kosteffiċjenza u jiżgura
kundizzjonijiet indaqs kemm għall-Istati Membri kif ukoll
għad-diversi setturi tas-suq intern tal-UE. Se jipprovdi wkoll qafas biex
jingħataw inċentivi għal azzjonijiet ta' mitigazzjoni
min-naħa tal-bdiewa, ta’ dawk li jaħdmu fil-foresti u tal-industrija,
u jiżgura li dawn ikunu viżibbli u li jitqiesu b'mod korrett.
Kopertura wiesgħa tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti tiżgura wkoll
li l-inverżjonijiet potenzjali jitqiesu fis-sistema tal-kontabilità. Il-monitoraġġ
u r-rapportar jeħtieġ li jittejbu biex
il-qafas tal-kontabilità u l-indikaturi li jkejlu l-progress li jkun qed isir
fl-agrikoltura u l-forestrija jingħataw bażi soda. Il-Kummissjoni qed
tipproponi li tikseb dan permezz ta' qafas separat, jiġifieri billi
tirrevedi d-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu ta’
Monitoraġġ. Għal raġunijiet ta' komparabilità u ta’
kosteffiċjenza, l-istrumenti tal-monitoraġġ madwar l-Unjoni Ewropea,
bħal, pereżempju, dawk imsejħin “LUCAS” u “CORINE”,
għandhom jintużaw aħjar. Biex jiġu
pprovduti inċentivi kbar, ir-riżultati tal-azzjonijiet meħudin
fis-setturi differenti għandhom jgħoddu mal-impenji tal-UE li tnaqqas
l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan se jkun possibbli biss jekk jiġi
implimentat il-kuntest tal-politika t-tajjeb għas-settur
tal-LULUCF. Il-varjabbiltà għolja tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti
fil-foresti tfisser li l-miri annwali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li
japplikaw għas-setturi l-oħra mhumiex adattati għal dan
is-settur. Iż-żmien twil meħtieġ qabel ma l-miżuri ta'
mitigazzjoni jħallu effett ukoll jiddistingwi s-settur tal-LULUCF
mill-biċċa l-kbira tas-setturi l-oħra. Din il-valutazzjoni
tal-impatt tissuġġerixxi li l-aqwa għażla tkun li jkun hemm
qafas legali separat għas-settur tal-LULUCF. L-UE diġà
ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'20 % sal-2020,
meta mqabbel mal-livelli tal-1990, permezz ta' sforzi f'setturi oħrajn.
Qabel ma l-livell ta' ambizzjoni jiżdied għal aktar minn 20 %,
jeħtieġ li jkun hemm il-kundizzjonijiet ix-xierqa. Għalhekk,
is-settur tal-LULUCF għandu jiġi inkluż b'mod formali f’dawn
l-impenji biss ladarba l-UE tiddeċiedi li żżid dan il-livell ta'
ambizzjoni (l-Għażla Nru 2.I). Dan ma jfissirx li,
sadanittant, l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni għandhom jiġu
sospiżi. Il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jistgħu jitħejjew
biex jiġu pprovduti strateġija u previżjonijiet għas-settur
tal-LULUCF. Dan ikun pass intermedju lejn l-inklużjoni sħiħa
tas-settur fil-politiki attwali. [1] Id-Deċiżjoni 1/CP.16 tal-Konferenza
tal-Partijiet għall-UNFCCC ("il-Ftehimiet ta' Cancún"). [2] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill
Ewropew tat-8-9.3.2007 li sar fi Brussell, implimentati permezz
tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE u permezz
tad-Direttiva 2009/29/KE. [3] Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE u
d-Direttiva 2009/29/KE. [4] Gassijiet serra oħrajn mill-attivitajiet agrikoli,
pereżempju l-metan u l-ossidu nitruż mill-annimali li jixtarru u
mill-fertilizzanti, ma l-LULUCF, li jittratta primarjament l-emissjonijiet
tal-karbonju u l-assorbimenti tiegħu fil-veġetazzjoni u
l-ħamrija. L-emissjonijiet li mhumiex emissjonijiet tad-CO2
huma koperti mis-settur tal-inventarju tal-"agrikoltura". [5] F'dan il-kuntest, sitwazzjoni fejn "kollox jibqa'
kif inhu" tassumi li l-Istati Membri se jilħqu l-miri ta' tnaqqis
tagħhom ta' 20 %, inklużi dawk għall-enerġija
rinnovabbli. [6] Id-Deċiżjoni -/CMP.7 tal-Konferenza
tal-Partijiet li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet
għall-Protokoll ta' Kjoto.