52012SA0020

Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2012 “Il-finanzjament minn miżuri strutturali għal proġetti infrastrutturali għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali huwa effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart?”


GLOSSARJU

Effettività : Kejl tar-rabta bejn ir-riżultati miksuba u l-objettivi stabbiliti.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) : Strument finanzjarju mfassal biex jippromwovi l-koeżjoni ekonomika u soċjali bejn ir-reġjuni tal-UE. Intervenzjonijiet tal-FEŻR huma prinċipalment implimentati permezz ta’ programmi operazzjonali u dokumenti uniċi ta’ programmazzjoni li jkopru għadd kbir ta’ proġetti.

Fond ta’ Koeżjoni : Strument finanzjarju mfassal biex isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jiffinanzja proġetti ambjentali u tat-trasport fi Stati Membri bi PNG per capita ta’ inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Lissija : Kull likwidu li jnixxi minn ġol-iskart iddepożitat.

Miżuri amministrattivi : F’dan ir-rapport, il-miżuri adottati permezz tal-leġislazzjoni li jeħtieġu li l-produtturi tal-iskart, dawk inkarigati bl-immaniġġjar tal-iskart u/jew il-muniċipalitajiet josservaw ċerti rekwiżiti bħall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ permess u spezzjoni għall-faċilitajiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart, l-istabbiliment ta’ ġbir separat tal-iskart f’ras il-għajn jew il-konformità ma’ standards tal-kwalità fil-produzzjoni ta’ kompost.

Miżuri ekonomiċi : F’dan ir-rapport, il-miżuri mfassla biex jipprovdu inċentivi għall-għażla ta’ possibbiltajiet li jikkawżaw inqas dannu fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart f’konformità mal-politika tal-UE dwar l-iskart (pereżempju r-riċiklaġġ minflok ir-rimi f’miżbliet). Dawn jinkludu t-tariffi "ħallas biex tarmi" kif ukoll it-taxxi għar-rimi tal-iskart.

Miżuri Strutturali : F’dan ir-rapport, l-interventi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Fond ta’ Koeżjoni.

Miżuri ta’ informazzjoni : F’dan ir-rapport, il-miżuri li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni intenzjonata għall-inkoraġġiment ta’ prattiċi tajba fir-rimi tal-iskart min-naħa tal-pubbliku biex jikkontribwixxu għall-effettività ta’ politika tal-immaniġġjar tal-iskart. Żewġ eżempji ta’ dan huma l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u l-istrateġiji edukattivi.

Perjodu ta’ programmazzjoni : Il-qafas pluriennali li fih in-nefqa għal miżuri strutturali tiġi ppjanata u implimentata.

Il-"prinċipju li min iniġġes iħallas" : Skont dan il-prinċipju, l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali tal-iskart jew mid-detenturi attwali jew preċedenti tal-iskart (sors: id-Direttiva dwar l-Iskart).

Programm Operazzjonali : Dokument approvat mill-Kummissjoni li jieħu l-forma ta’ sett ta’ prijoritajiet koerenti li jinkludu miżuri pluriennali li jkopru għadd kbir ta’ proġetti.

Skart bijodegradabbli : Kull skart li jista’ jgħaddi minn dekompożizzjoni anaerobika jew aerobika bħal ikel, skart tal-ġnien, karti u kartonċin.

Skart muniċipali : Skart miġbur minn jew f’isem l-awtoritajiet muniċipali u mormi permezz tas-sistema ta’ mmaniġġjar tal-iskart. Il-parti l-kbira ta’ dan il-fluss ta’ skart jiġi mill-unitajiet domestiċi, għalkemm skart "simili" minn sorsi bħal kummerċ, uffiċċji u istituzzjonijiet pubbliċi huwa inkluż. L-iskart muniċipali huwa magħmul, pereżempju, minn materjal bijodegradabbli, karti, plastik, ħġieġ, metalli, tessili, eċċ. (sors: Il-Eurostat).

Strument għall-Politiki Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni (ISPA) : Strument finanzjarju għall-assistenza ta’ pajjiżi kandidati fit-tħejjija għall-adeżjoni. Huwa jipprovdi assistenza għal proġetti tal-infrastruttura fl-oqsma prijoritarji tal-UE tal-ambjent u t-trasport. Wara l-adeżjoni, il-proġetti ISPA tbiddlu fil-proġetti tal-Fond ta’ Koeżjoni.

Tariffa fuq l-iskart : Il-prezz impost mill-muniċipalitajiet lill-unitajiet domestiċi għall-ġbir, it-trattament u r-rimi tal-iskart. It-tariffi fuq l-iskart jiġu kkalkulati b’modi differenti skont il-muniċipalitajiet, ibbażat fuq il-metri kwadri tal-appartamenti jew id-djar, fuq l-għadd ta’ persuni fl-unitajiet domestiċi, fuq il-konsum tal-ilma tax-xorb, fuq il-piż jew il-volum tal-iskart iġġenerat, eċċ.

Taxxa fuq ir-rimi tal-iskart : Miżura ekonomika maħsuba biex iżżid l-ispiża tar-rimi f’miżbliet u f’xi każijiet ta’ inċinerazzjoni wkoll u għalhekk biex tipprovdi inċentiva għar-riċiklaġġ. It-taxxa, imħallsa għal kull tunnellata ta’ skart mormi, tiġi imposta b’żieda mat-tariffi għar-rimi f’miżbliet u/jew għall-inċinerazzjoni.

UE-12 : L-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE bħala parti mill-adeżjonijiet tal-2004 (10 Stati membri) u tal-2007 (2 Stati Membri).

UE-27 : Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

SOMMARJU EŻEKUTTIV

I. Fl-2010, kull ċittadin tal-UE-27 iġġenera medja ta’ madwar 500 kg ta’ skart muniċipali, li jekk ma jkunx miġbur, ittrattat u mormi kif suppost, jista’ jikkawża impatti ambjentali negattivi. Madankollu, l-immaniġġjar tajjeb tal-iskart jista’ jirriżulta f’titjib fl-użu tar-riżorsi peress li l-iskart muniċipali huwa sors ta’ materja prima. B’riżultat ta’ dan, l-UE introduċiet standards u miri komuni fil-forma ta’ direttivi, għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali u tikkofinanzja l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart f’reġjuni speċifiċi.

II. Il-verifika tal-Qorti ffukat fuq il-kofinanzjament mill-UE tal-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart muniċipali u eżaminat jekk il-finanzjament kienx effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart. Il-Qorti vvalutat direttament il-prestazzjoni tas-26 infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart ikkampjunati u eżaminat il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ fit-tmien reġjuni fejn kienu jinsabu l-infrastrutturi. Ir-rwol tal-Kummissjoni kien eżaminat ukoll.

III. Il-Qorti kkonkludiet li, għalkemm fi kważi r-reġjuni kollha magħżula ġie osservat xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, l-effettività tal-finanzjament minn miżuri strutturali għall-infrastrutturi tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali kienet imxekkla mill-implimentazzjoni fqira tal-miżuri ta’ appoġġ:

(a) Il-prestazzjoni ta’ infrastrutturi kofinanzjati kienet dipendenti ħafna fuq l-istrateġiji tal-ġbir tal-iskart. Fir-rigward tal-miżbliet, l-iskart ġie ddepożitat mingħajr trattament adegwat u inġenerali ma twarrbux ammonti finanzjarji suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara.

(b) Ir-rappurtar dwar il-kisba tal-miri tal-UE kien imxekkel mill-affidabbiltà tad-data, li jrendi diffiċli l-monitoraġġ mill-Kummissjoni. Għalkemm fi kważi r-reġjuni kollha ġie osservat xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, il-ġenerazzjoni ta’ skart per capita żdiedet f’sitta mit-tmien reġjuni vverifikati. Fiż-żewġ reġjuni li kkontribwixxew għall-kisba tal-miri tal-UE, l-iskart bijodegradabbli nġabar separatament u t-taxxi fuq ir-rimi f’miżbliet kienu implimentati b’mod aktar wiesa’ li rriżulta fi tnaqqis tad-dipendenza fuq ir-rimi f’miżbliet. L-iskart ġeneralment intrema f’miżbla mingħajr trattament adegwat.

(c) L-effettività tal-finanzjament mill-UE ma ġietx massimizzata minħabba fl-implimentazzjoni dgħajfa ta’ miżuri ta’ informazzjoni, amministrattivi u ekonomiċi li huma ta’ appoġġ. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ appoġġ ma kinitx kundizzjoni għal għotja mill-UE. Kienu nnutati dgħjufijiet ukoll fil-qafas regolatorju tal-UE dwar l-iskart u l-linji gwida tal-UE.

IV. Il-Qorti tirrakkomanda li:

(a) L-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart li jittrattaw l-iskart li jkun ġie ssegregat qabel f’ras il-għajn u jiżguraw li l-miżbliet jittrattaw l-iskart qabel ma jintrema u jkollhom sigurtà finanzjarja suffiċjenti biex tkopri l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara. Il-Kummissjoni għandha titlob l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri qabel ma jingħata appoġġ finanzjarju mill-UE.

(b) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu databases affidabbli dwar l-immaniġġjar tal-iskart u l-Kummissjoni għandha tittestja l-affidabbiltà tal-istatistika li tirċievi mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw li jorbtu l-appoġġ finanzjarju mill-UE mal-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart.

(c) L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri ta’ informazzjoni, amministrattivi u ekonomiċi biex jappoġġaw l-infrastrutturi kofinanzjati. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jagħtu aktar attenzjoni għall-parteċipazzjoni u l-konformità tal-pubbliku, jiffukaw fuq l-implimentazzjoni ta’ ġbir separat inkluż l-iskart bijodegradabbli meta dan ikun kosteffettiv u jimplimentaw taxxa fuq ir-rimi f’miżbliet kif ukoll inċentivi permezz ta’ tariffa biex iħeġġu l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart. Il-Kummissjoni għandha titlob l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri qabel ma jingħata appoġġ finanzjarju mill-UE; għandhom jiġu applikati rati ta’ assistenza mnaqqsa meta l-"prinċipju li min iniġġes iħallas" ma jiġix applikat.

(d) Il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-qafas regolatorju tal-UE dwar l-iskart u l-linji gwida tal-UE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tipproponi miri għall-prevenzjoni tal-iskart, tikkjarifika l-kunċett ta’ trattament qabel ir-rimi, tikkunsidra l-opportunità li tiżviluppa mal-Istati Membri standards tal-kwalità tal-UE għall-kompost u tipprovdi gwida xierqa u xxerred l-aħjar prassi fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tintuża sabiex issir stima tal-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara tal-miżbliet.

INTRODUZZJONI

IMMANIĠĠJAR TA’ SKART MUNIĊIPALI FL-UE

1. Is-soċjetà Ewropea saret aktar għanja matul dawn l-aħħar għaxar snin, b’livelli ogħla ta’ konsum u ta’ produzzjoni. Fl-2010, kull ċittadin Ewropew iġġenera medja ta’ 502 kg ta’ skart muniċipali, li jvarja minn 304 kg fil-Latvja għal 760 kg f’Ċipru (ara l-Figura 1).

2. L-iskart muniċipali, jekk ma jkunx miġbur, ittrattat u mormi kif suppost, huwa theddida għas-saħħa pubblika u jista’ jikkawża impatti ambjentali negattivi fuq l-arja (permezz ta’ gassijiet serra), il-ħamrija (permezz ta’ lissija minħabba dumping illegali jew miżbliet mhux ikkontrollati sew) u l-ilma (permezz ta’ ilma li jiġi f’kuntatt mal-iskart u li jidħol fl-akwiferi jew fl-ilma tal-wiċċ), kif ukoll problemi bl-irwejjaħ.

FIGURA 1

ĠENERAZZJONI TA’ SKART MUNIĊIPALI PER CAPITA FL-2010 SKONT L-ISTAT MEMBRU

+++++ TIFF +++++

Sors: L-Eurostat.

3. L-immaniġġjar tajjeb tal-iskart jista’ jirriżulta f’titjib fl-użu tar-riżorsi peress li l-iskart muniċipali jista’ jkun sors ta’ materja prima. Il-karti, il-kartonċin, il-metalli, il-ħġieġ u l-plastik jistgħu jiġu rriċiklati, u l-iskart bijodegradabbli jiġi trasformat f’kompost rikk fin-nutrijenti li jintuża fl-agrikoltura bħala materjal li jtejjeb il-ħamrija. Dak li jibqa’ jista’ jiġi inċinerat (irkupru tal-enerġija) jew mormi f’miżbla.

4. Fl-Anness 1 tingħata dijagramma tal-elementi prinċipali tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali. It-tipi ta’ infrastrutturi li ġejjin, flimkien mal-ġbir tal-iskart (separat jew mhux segregat f’ras il-għajn), jiffurmaw is-sistema tipika tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali:

(a) impjant għas-separazzjoni: faċilità intenzjonata għas-segregazzjoni ta’ materjali riċiklabbli bħal karti u kartonċin, ħġieġ, imballaġġ u metalli, permezz ta’ ċineg trasportaturi għas-separazzjoni manwali u/jew proċessi awtomatiċi bħall-fluss tal-arja jew separaturi ottiċi;

(b) impjanti tal-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika: faċilitajiet imfassla biex jittrattaw l-iskart bijodegradabbli. L-impjanti tal-ikkompostjar iwettqu proċess bijoloġiku aerobiku biex jikkonvertu l-iskart bijodegradabbli f’materjal granulari stabbli li jista’ jiġi applikat fuq l-art bħala materjal li jtejjeb il-ħamrija filwaqt li l-impjanti għad-diġestjoni anaerobika japplikaw sustanzi kimiċi biex jgħinu l-proċess ta’ dekompożizzjoni. Hawnhekk, fin-nuqqas ta’ arja, il-batterja taġixxi fuq skart bijodegradabbli biex tikkonvertih f’bijogass diġerit u rikk fil-metan li jintuża għall-produzzjoni tal-enerġija;

(c) impjant għat-trattament mekkaniku u bijoloġiku: faċilità li tikkombina s-separazzjoni ma’ forma ta’ trattament bijoloġiku bħall-ikkompostjar jew id-diġestjoni anaerobika. L-istadju ta’ trattament mekkaniku jissepara l-partijiet bijodegradabbli u nexfin tal-iskart u f’xi każijiet jissegrega l-materjal riċiklabbli. Imbagħad il-materjal bijodegradabbli jgħaddi minn trattament bijoloġiku;

(d) inċineratur: impjant intenzjonat biex jaħraq l-iskart bl-irkupru tal-enerġija jew mingħajru;

(e) miżbla: sit għar-rimi ta’ materjali tal-iskart li jiġu ddepożitati ġo jew fuq l-art.

5. Ir-rimi f’miżbliet jibqa’ l-għażla dominanti għall-immaniġġjar tal-iskart fil-parti l-kbira mill-Istati Membri tal-UE, anki jekk l-irkupru tal-enerġija u speċjalment ir-riċiklaġġ żdiedu fl-importanza fi snin reċenti (ara l-Figura 2).

6. Sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-iskart muniċipali fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika u biex jiġi promoss użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, l-UE introduċiet prinċipji ġenerali u standards u miri komuni fil-forma ta’ direttivi, għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali.

FIGURA 2

TRATTAMENT TA’ SKART MUNIĊIPALI FL-2010 SKONT L-ISTAT MEMBRU

+++++ TIFF +++++

Sors: L-Eurostat.

7. Il-qafas tal-politika tal-UE dwar l-iskart ġie stabbilit fid-direttiva tal- 15 ta’ Lulju 1975 [1]. Skont din id-direttiva, il-politika tal-UE dwar l-iskart hija bbażata fuq il-promozzjoni tal-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart. Jekk il-ġenerazzjoni tal-iskart ma tistax tiġi evitata, għandu jiġi rkuprat l-akbar ammont possibbli ta’ materjali, preferibbilment permezz tar-riċiklaġġ, bir-rimi f’miżbliet użat biss bħala l-aħħar għażla. Hija introduċiet ukoll il-"prinċipju li min iniġġes iħallas". Id-Direttiva dwar l-Iskart tal-2008 [2] kompliet tiżviluppa dawn il-prinċipji bl-istabbiliment ta’ piramida obbligatorja ta’ ġerarkija tal-iskart li tikkonsisti f’ħames passi (ara l-Figura 3).

8. Id-Direttiva dwar l-Iskart kienet ikkomplementata b’għadd ta’ direttivi speċifiċi għall-operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart (ir-rimi f’miżbliet [3] u l-incinerazzjoni [4]) jew għall-flussi speċifiċi ta’ skart, bħall-imballaġġ [5] jew it-tagħmir elettriku u elettroniku [6]. Dawn id-direttivi jistabbilixxu l-miri kwantitattivi li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri f’termini ta’ perċentwal tad-devjazzjoni ta’ skart bijodegradabbli mill-miżbliet, ir-riċiklaġġ u r-rati tal-irkupru tal-imballaġġ u l-ġbir separat ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. L-iskadenzi għall-konformità mal-miri ġew estiżi għal xi Stati Membri biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni tagħhom tal-bidu f’termini ta’ mmaniġġjar ta’ skart (ara t-Tabella 1).

FIGURA 3

PIRAMIDA TA’ ĠERARKIJA TAL-ISKART

+++++ TIFF +++++

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

9. L-effettività tal-politika dwar l-immaniġġjar tal-iskart tista’ tittejjeb permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ bħaż-żamma ta’ kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, it-tfassil mill-ġdid ta’ proċeduri amministrattivi jew l-istabbiliment ta’ inċentivi jew disinċentivi finanzjarji. Xi drabi dawn huma meħtieġa b’regolament, bħall-ħtieġa li l-konsumaturi jkunu informati b’mod adegwat, iżda f’każijiet oħra, dawn huma r-riżultat ta’ esperjenza miksuba fl-immaniġġjar ta’ skart muniċipali, bħall-implimentazzjoni ta’ taxxa fuq ir-rimi tal-iskart jew il-ġbir separat tal-iskart bijodegradabbli.

TABELLA 1

MIRI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU MILL-ISTATI MEMBRI

Sors: Id-direttivi tal-UE dwar l-iskart.

Direttivi | Miri |

Id-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet | Mira ġenerali: L-iskart muniċipali bijodegradabbli li jmur ġol-miżbliet irid jitnaqqas għal 75 %, 50 % u 35 % tal-ammont totali ta’ skart muniċipali bijodegradabbli prodott fl-1995, sa tmiem l-2006, l-2009 u l-2016 rispettivament. |

Mira speċifika għall-Portugall u r-Rumanija: L-iskadenzi huma tmiem l-2010, l-2013 u l-2020 rispettivament. |

Id-Direttiva dwar l-Imballaġġ | Mira ġenerali: Sa tmiem l-2008, għandu jiġi rkuprat minimu ta’ 60 % bil-piż ta’ skart mill-imballaġġ u bejn minimu ta’ 55 % u massimu ta’ 80 % għandu jiġi rriċiklat. Barra minn hekk, għandhom jintlaħqu l-miri li ġejjin għar-riċiklaġġ minimu għal materjali li jinsabu fl-iskart tal-imballaġ: 60 % bil-piż għall-ħġieġ, 60 % bil-piż għall-karti u l-kartonċin, 50 % bil-piż għall-metalli, 22,5 % bil-piż għall-plastik u 15 % bil-piż għall-injam. |

Mira speċifika għall-Portugall: Sa tmiem l-2005 l-ikupru ta’ skart mill-imballaġġ għandu jilħaq 50-65 %, u 25-45 % bil-piż tat-totalità ta’ materjali tal-imballaġġ li jinsabu fl-iskart mill-imballaġġ għandu jiġi rriċiklat (b’minimu ta’ 15 % bil-piż għal kull materjal tal-imballaġ). Il-mira ġenerali għall-2008 għandha tinkiseb sal-2011. |

Mira speċifika għar-Rumanija: Il-mira ġenerali għall-2008 għandha tintlaħaq sal-2013 b’miri intermedji. |

Id-Direttiva dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku | Sa tmiem l-2006 trid tinkiseb rata ta’ ġbir separat ta’ medja ta’ mill-inqas erba’ kilogrammi ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku għal kull abitant kull sena minn unitajiet domestiċi privati. |

Mira speċifika għar-Rumanija: Sa tmiem l-2006, l-2007 u l-2008 rispettivament trid tinkiseb rata ta’ ġbir separat ta’ medja ta’ mill-inqas tnejn, tlieta u erba’ kilogrammi ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku għal kull abitant kull sena minn unitajiet domestiċi privati. |

IL-KOFINANZJAMENT MILL-MIŻURI STRUTTURALI TAL-UE TAL-INFRASTRUTTURI GĦAL SKART SOLIDU MUNIĊIPALI

10. F’reġjuni speċifiċi, l-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ finanzjarju mill-UE għal infrastrutturi fil-qasam tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK). Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, EUR 4,6 biljun minn dawn il-fondi kienu assenjati għal infrastrutturi għal skart urban u industrijali. Għall-perjodu 2007-2013, il-kontribuzzjoni tal-UE għal infrastrutturi għall-iskart ser tiżdied għal EUR 6,2 biljun, li minnhom madwar 70 % ser ikunu fl-Istati Membri tal-UE-12. L-ammonti assenjati skont l-Istat Membru għaż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni jingħataw fl-Anness II.

11. L-infrastrutturi kofinanzjati huma implimentati taħt ġestjoni kondiviża, fejn il-Kummissjoni terfa’ r-responsabbiltà aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE [7]. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, minbarra l-approvazzjoni ta’ programmi operazzjonali, il-Kummissjoni approvat l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri għall-proġetti kollha tal-Fond ta’ Koeżjoni u għall-proġetti tal-FEŻR li l-ispiża totali tagħhom kienet aktar minn EUR 50 miljun (proġetti kbar). Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, minbarra l-approvazzjoni ta’ programmi, huma biss il-proġetti li jkollhom spiża ta’ aktar minn EUR 50 miljun li jridu jiġu approvati mill-Kummissjoni [8].

12. Żewġ Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni [9] għandhom rwol sinifikanti fil-qasam ta’ skart muniċipali.

(a) Id-DĠ għall-Ambjent huwa responsabbli mill-politika ambjentali tal-UE fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart. Huwa meħtieġ jissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata (bħalma hija l-kisba ta’ miri speċifiċi) u jiġi kkonsultat mid-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana meta jkun qed jeżamina l-kwalità tal-proposti għal programmi operazzjonali u proġetti kbar [10];

(b) Id-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana huwa responsabbli għall-baġit tal-UE fil-qasam tal-politika reġjonali, li taħtha jistgħu jiġu kofinanzjati l-proġetti ta’ infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart.

13. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, il-miżuri strutturali kkofinanzjaw prinċipalment it-tipi li ġejjin ta’ infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart: impjanti tas-separazzjoni (ara l-Istampa 1), impjanti tal-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika (ara l-Istampa 2), faċilitajiet tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku, sistemi ta’ ġbir separat u miżbliet (kemm il-kostruzzjoni ta’ dawk ġodda kif ukoll l-għeluq u r-riabilitazzjoni ta’ dawk qodma) (ara l-Istampa 3). Dawn it-tipi ta’ infrastrutturi huma mistennija jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart billi jiddevjaw l-iskart bijodegradabbli mill-miżbliet u jżidu r-rati ta’ riċiklaġġ (ara l-Kaxxa 1).

KAXXA 1

EŻEMPJI TA’ INFRASTRUTTURI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART KOFINANZJATI MILL-UE

Impjant għas-separazzjoni fil-Portugall (RESITEJO), b’kapaċità ta’ 9000 tunnellata kull sena, bil-għan tar-rekuperazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ u karti u ħġieġ issegregati preċedentement f’ras il-għajn fi grupp ta’ muniċipalitajiet. Il-materjali riċiklabbli, isseparati manwalment, inbigħu lill-operaturi tar-riċiklaġġ u l-iskart residwali ttieħed f’miżbla fil-viċinanza. L-ispiża tal-proġett eliġibbli għall-assistenza mill-UE kienet ta’ EUR 2,28 miljun, b’EUR 1,71 miljun ta’ kofinanzjament mill-FEŻR.

Fir-Rumanija, impjant għall-ikkompostjar (Râmnicu Vâlcea) kien intenzjonat għat-trattament ta’ skart bijodegradabbli miġbur separatament minn unitajiet domestiċi kif ukoll ta’ skart veġetali minn parkijiet muniċipali u t-trasformazzjoni tiegħu f’kompost. B’kapaċità li jitratta 14400 tunnellati ta’ skart kull sena, l-impjant kien maħsub biex jikkontribwixxi għad-devjazzjoni tal-iskart bijodegradabbli mill-miżbliet f’konfomità mal-miri tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet. L-infrastruttura kienet parti minn proġett integrat għall-immaniġġjar tal-iskart li sewa EUR 14,67 miljun li għalih l-assistenza mill-UE ammontat għal EUR 11 miljun.

Proġett fi Spanja (Alt Empordà) kien jikkonsisti mit-tkabbir ta’ miżbla b’kapaċità ta’ 1167603 m3 kif ukoll it-titjib taċ-ċelloli eżistenti f’termini ta’ ġbir u trattament ta’ gass u lissija sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali tas-sit. L-ispiża tal-proġett kienet ta’ EUR 5,71 miljun, li EUR 4,57 miljun minnhom ġew mill-Fond ta’ Koeżjoni.

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

AMBITU U APPROĊĊ TAL-VERIFIKA

14. L-objettiv prinċipali tal-verifika kien li jiġi vvalutat kemm huwa effettiv il-finanzjament tal-infrastrutturi għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali minn miżuri strutturali biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart.

15. Il-Qorti indirizzat it-tliet mistoqsijiet li ġejjin:

(a) L-infrastrutturi għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali rnexxew?

(b) L-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart inkisbu fil-livell reġjonali [11]?

(c) Ġew stabbiliti miżuri biex tiġi massimizzata l-effettività tal-finanzjament mill-UE?

16. Il-kriterji ta’ valutazzjoni użati għall-verifika huma spjegati aktar fir-rapport, taħt kull mistoqsija (ara l-paragrafi 20, 21, 35 u 45). Bħalma huwa normalment il-każ fil-verifika tal-prestazzjoni, huma jieħdu kont tal-eżempji tal-prattika tajba osservati fil-qasam (ara l-paragrafu 9).

17. Il-verifika twettqet fil-Kummissjoni Ewropea u fi tmien reġjuni f’erba’ Stati Membri (Spanja, l-Italja, il-Portugall u r-Rumanija). Il-kampjun tal-infrastrutturi vverifikati ffoka fuq l-Istati Membri u r-reġjuni li rċevew livell għoli ta’ appoġġ finanzjarju mill-UE għall-immaniġġjar tal-iskart matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013 u fejn numru suffiċjenti ta’ proġetti kkompletati kienu disponibbli fiż-żmien tal-verifika, sabiex l-effettività tagħhom setgħet tiġi vvalutata. L-Anness III fih lista tal-infrastrutturi vverifikati kif ukoll tal-programmi operazzjonali eżaminati.

18. Il-verifika kienet ibbażata fuq valutazzjoni:

(a) tal-prestazzjoni ta’ kampjun ta’ 26 infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart kofinanzjati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 [12]: ħames faċilitajiet għas-separazzjoni, seba’ impjanti tal-ikkompostjar jew id-diġestjoni anaerobika, seba’ impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku u seba’ miżbliet;

(b) tal-kisba tal-objettivi tal-UE fir-rigward ta’ skart solidu muniċipali fit-tmien reġjuni vverifikati;

(c) tal-implimentazzjoni fir-reġjuni kkampjunati ta’ miżuri ta’ appoġġ kif ukoll tar-rwol tal-Kummissjoni li timmassimizza l-effettività tal-finanzjament mill-UE.

19. Il-verifika twettqet bejn Jannar u Novembru 2011. Il-fajls tal-proġetti ġew eżaminati mill-Kummissjoni u fl-erba’ Stati Membri kkampjunati u saru intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-operaturi tal-infrastruttura. Matul il-verifika, saret żjara lill-infrastrutturi kollha għall-immaniġġjar tal-iskart fil-kampjun. Il-Qorti kienet assistita minn esperti indipendenti esterni intiżi fil-qasam tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali. Ġew stabbiliti kriterji tal-verifika bl-assistenza ta’ esperti esterni u dawn ġew diskussi mal-Kummissjoni fl-ippjanar tal-verifika.

OSSERVAZZJONIJIET

L-INFRASTRUTTURI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA’ SKART MUNIĊIPALI RNEXXEW?

20. Il-prestazzjoni tal-infrastrutturi kofinanzjati għandha tkun konformi mat-tfassil tekniku tagħhom, l-applikazzjoni għall-finanzjament u l-istandards ġeneralment aċċettati.

21. Skont id-Direttiva dwar l-Iskart, l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart għandhom jitfasslu u jiġu operati biex jiggarantixxu li l-iskart jiġi ttrattat u mormi mingħajr riskju għall-ilma, l-arja u l-ħamrija u mingħajr ma jikkawża problemi ta’ storbju jew irwejjaħ. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet teħtieġ l-istabbiliment ta’ sigurtà finanzjarja biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara għal perjodu ta’ mill-inqas 30 sena, peress li t-theddid ambjentali potenzjali jestendi għal wara l-fażi operazzjonali.

22. Il-Qorti eżaminat jekk:

(a) l-infrastrutturi kofinanzjati għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali kinux effettivi, f’termini tal-kisba tar-riżultati mistennija;

(b) l-operazzjoni tal-infrastrutturi kofinanzjati għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali kinitx ħolqot problemi ambjentali.

L-IMPJANTI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART KIENU EFFETTIVI SA GRADI DIFFERENTI IŻDA DAWK LI RĊEVEW SKART MHUX SEPARAT KELLHOM PRESTAZZJONI BAXXA

IMPJANTI TAS-SEPARAZZJONI

23. Il-ħames impjanti tas-separazzjoni eżaminati mill-Qorti, li kienu mfassla għar-rekuperazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ (u f’xi każijiet ta’ karti u ħġieġ) issegregat f’ras il-għajn mill-unitajiet domestiċi, ġeneralment kellhom prestazzjoni sodisfaċenti meta mqabbel mat-tfassil tekniku tagħhom u tal-istandards ġeneralment aċċettabbli f’termini tal-proporzjon ta’ materjal dieħel / materjal prodott (input / output) [13] u l-kwalità tal-materjali rkuprati:

(a) huma rkupraw bejn 50 % u 74 % tal-iskart mill-imballaġġ li rċevew;

(b) il-kwalità tal-materjali rkuprati normalment kienet konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tas-suq u għalhekk setgħu jinbigħu.

24. Madankollu, tlieta mill-ħames impjanti ta’ separazzjoni kienu qed joperaw f’bejn 106 % u 154 % tal-kapaċità tat-tfassil tagħhom wara sitta jew seba’ snin tal-operat minħabba fi dgħjufijiet fl-istadju tal-ippjanar tal-infrastrutturi. F’każ wieħed, aktar muniċipalitajiet milli kien ippjanat oriġinarjament kienu moqdija mill-impjant u f’żewġ każijiet il-kwantità ta’ skart miġbur separatament f’ras il-għajn kienet akbar milli previst. Meta l-impjanti jkunu mgħobbija żżejjed ikun hemm ir-riskju li l-proporzjon ta’ materjali rkuprati jitnaqqas kif ukoll li l-istandards tal-kwalità għal materjali rkuprati meħtieġa mill-kumpaniji ta’ riċiklaġġ, ma jintlaħqux.

IMPJANTI TAL-IKKOMPOSTJAR U D-DIĠESTJONI ANAEROBIKA

25. Il-prestazzjoni tas-seba’ impjanti tal-ikkompostjar jew d-diġestjoni anaerobika, intenzjonati għat-trattament tal-iskart bijodegradabbli bil-produzzjoni tal-kompost, kienet tvarja. Il-Qorti nnutat li:

(a) il-kwantità ta’ kompost prodott imqabbel mat-tunnellaġġ ta’ skart muniċipali dieħel fil-faċilitajiet kienet taħt il-mira tat-tfassil f’erbgħa mill-impjanti magħżula (il-proporzjon ta’ materjal dieħel/materjal prodott f’dawk l-impjanti varja minn 1 % għal 22 %) bir-riżultat li kwantitajiet sinifikanti ta’ skart residwali ntremew f’miżbla.

(a) f’żewġ impjanti, il-kwalità tal-kompost prodott kienet taħt l-objettivi stabbiliti fl-applikazzjonijiet, speċjalment meta dan irriżulta minn skart imħallat, minħabba fil-kontenut għoli ta’ metalli tqal, u għalhekk l-adegwatezza tiegħu għal użi oħra, bħall-agrikoltura, tnaqqset. Fit-tielet impjant l-operatur ittestja l-kontenut ta’ metalli tqal matul l-ewwel sena biss tal-operat u mhux fl-erba’ snin ta’ wara;

KAXXA 2

EŻEMPJU TA’ KIF IL-KOMPOST JISTA’ JIĠI KUMMERĊJALIZZAT B’SUĊĊESS

Impjant Portugiż tal-ikkompostjar (LIPOR), li jaqdi madwar miljun abitant, irċieva biss skart bijodegradabbli miġbur separatament, sew jekk skart tal-ikel u l-kċina kif ukoll skart veġetali. L-operatur tal-impjant, permezz ta’ sforzi bħall-iżvilupp ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, iffoka fuq is-separazzjoni u l-ġbir xierqa tal-iskart bijodegradabbli sabiex itejjeb il-kwalità tal-materja prima li tinbidel f’kompost. Fl-2010, l-impjant ipproduċa 10027 tunnellata ta’ kompost ta’ kwalità għolja, li ġie kkummerċjalizzat faċilment bi prezz medju ta’ EUR 71,8 għal kull tunnellata.

(c) kien diffiċli biex il-kompost li ġie prodott jinbigħ f’ħamsa mis-seba’ faċilitajiet ikkampjunati minħabba fin-nuqqas ta’ żvilupp tas-suq tal-kompost [14] u fil-kwalità baxxa tiegħu. Il-kompost eventwalment inbigħ għal inqas minn EUR 1 għal kull tunnellata. F’żewġ każijiet, ġew akkumulati stokkijiet minkejja li l-produzzjoni kienet sinifikattivament taħt dik immirata;

(d) żewġ impjanti kienu qed joperaw b’rata taħt 10 % tal-kapaċità tagħhom peress li l-parti l-kbira tal-iskart bijodegradabbli miġbur separatament ma setax jintuża billi kien imħallat ma’ tipi oħra ta’ skart u kellu jintrema direttament f’miżbla. Għall-kuntrarju, żewġ impjanti oħra kienu mgħobbija żżejjed peress li kienu qed joperaw b’rata ta’ 102 % u 119 % tal-kapaċità.

IMPJANTI TAT-TRATTAMENT MEKKANIKU U BIJOLOĠIKU

26. Sitt impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku vverifikati kienu operazzjonali; madankollu, is-seba’ wieħed, li jinsab fil-Puglia, li għalih ix-xogħlijiet kienu kkompletati fl-2003 ma kienx qed jopera fiż–żmien tal-verifika minħabba fi problemi sinifikanti fl-għoti tal-kuntratt għall-operat u fid-dewmien fil-kisba tal-permessi meħtieġa. Matul dan il-perjodu mill-2003, l-impjant kien inżamm taħt manutenzjoni konservattiva bi spiża ta’ EUR 3,5 miljun (jew 24 % tal-ispiża totali tal-investiment) sostnuta mill-Istat Membru.

27. Ħamsa mis-sitt impjanti operazzjonali tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku vverifikati, kienu intenzjonati biex jittrattaw skart imħallat (inkluż skart bijodegradabbli). Il-Qorti nnutat prestazzjoni baxxa ħafna f’termini ta’ materjali rkuprati u d-devjazzjoni tal-iskart mill-miżbliet. F’termini ta’ prestazzjoni dawn is-sitt impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi:

(a) impjant wieħed tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku kkontribwixxa b’mod ċar għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart u b’mod partikolari għad-devjazzjoni mill-miżbliet, anki jekk ma kisibx bis-sħiħ il-miri stabbiliti fit-tfassil tekniku tiegħu (ara l-Kaxxa 3);

(b) impjant ieħor tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku kellu livelli differenti ta’ prestazzjoni. Huwa rnexxielu jibgħat il-parti n-niexfa tal-iskart lil impjant estern għall-produzzjoni ta’ fjuwil derivat miż-żibel u inqas minn 50 % tal-iskart dieħel fl-impjant intrema f’miżbla. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ ammont żgħir ta’ rkupru ta’ metalli, ma sar l-ebda rkupru ieħor ta’ materjali, u l-iskart bijodegradabbli ma ġiex irriċiklat peress li l-materjal diġerit li rriżulta mill-proċess intrema f’miżbla;

(c) erba’ impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku ma naqqsux b’mod sinifikanti l-kwantità ta’ skart li ntrema f’miżbla (ara l-Kaxxa 4).

KAXXA 3

EŻEMPJU TA’ IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT MEKKANIKU U BIJOLOĠIKU KONFORMI MAL-ĠERARKIJA TAL-UE DWAR L-ISKART U D-DEVJAZZJONI TAL-ISKART MILL-MIŻBLIET

Impjant għat-trattament mekkaniku u bijoloġiku fi Spanja (Sant Adrià de Besòs) rċieva biss skart residwali, peress li imballaġġ, ħġieġ, karti u kartonċin u skart bijodegradabbli nġabru separatament qabel permezz ta’ kontenituri tal-iskart iddedikati disponibbli għall-popolazzjoni kollha taż-żona koperta mill-faċilità. L-impjant issepara l-porzjon niexef mill-bijoskart. Il-porzjon niexef li kien fadal, wara l-irkupru ta’ materjali adatti għall-bejgħ lil riproċessuri bħal ħġieġ, plastiks, metalli u karti u kartonċin, ġie inċinerat u l-enerġija rkuprata f’faċilità fi ħdan l-istess kumpless ta’ mmaniġġjar tal-iskart. Il-bijoskart ġie soġġett għal trattament anaerobiku għall-produzzjoni ta’ bijogass li mbagħad intuża bħala sors tal-enerġija. B’riżultat tal-proċess, fl-2010, il-materjali rkuprati ammontaw għal 8 % tal-iskart residwali dieħel fl-impjant meta mqabbel ma’ 10 % stabbilit fl-applikazzjoni, il-materjal bijodegradabbli għat-trattament bijoloġiku għal 20 % meta mqabbel ma’ 26,5 % ppjanat u l-iskart residwali għall-inċinerazzjoni għal 70 % meta mqabbel ma’ 63,5 %.

KAXXA 4

ERBA’ IMPJANTI TAT-TRATTAMENT MEKKANIKU U BIJOLOĠIKU LI MA KISBUX IL-MIRI TAGĦHOM U MA KKONTRIBWIXXEWX GĦAD-DEVJAZZJONI TAL-ISKART MILL-MIŻBLIET

Fi tliet faċilitajiet tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku Taljani (Villacidro, Olbia u Cerignola) l-operatur rema l-materjal kollu prodott mill-proċess f’miżbla: il-porzjon in-niexef b’ebda rkupru ta’ materjal kif ukoll il-materjal diġerit prodott, li b’kollox jammontaw għal 68 %, 82 % u 93 % tal-iskart dieħel fil-faċilitajiet rispettivi. Kien biss it-telf mill-proċessi (bħall-evaporazzjoni jew il-ġenerazzjoni ta’ lissija) li naqqas il-kwantità ta’ skart li ntrema f’miżbla. Fi tnejn mill-impjanti l-makkinarju kofinanzjat għall-produzzjoni ta’ fjuwil derivat miż-żibel ma ġiex operat f’każ wieħed u fl-ieħor, ġie żarmat minħabba fin-nuqqas ta’ xerrejja potenzjali għall-fjuwil. L-unità tas-separazzjoni mekkanika tat-tielet impjant ma kinitx qed tintuża sitt snin wara li l-impjant beda jiġi operat, peress li ma kinitx meħtieġa aktar, billi l-iskart bijodegradabbli nġabar separatament f’ras il-għajn.

Barra minn hekk, it-tliet impjanti kienu mgħobbija żżejjed u b’riżultat ta’ dan 13 %, 52 % u 65 % rispettivament tal-iskart li l-faċilitajiet irċevew ma ġiex ittrattat u ntrema direttament f’miżbla meta kellu kontenut għoli ta’ materjal bijodegradabbli, peress li l-iskart bijodegradabbli ma nġabarx separatament f’żewġ każijiet.

Ir-raba’ impjant f’dan il-grupp (Linares, Spanja) kien implimenta l-irkupru ta’ materjali u ma remiex il-kompost prodott f’miżbla, u dan imbagħad intuża f’xogħlijiet ċivili u fl-agrikoltura. Madankollu, il-miri tal-irkupru ma ntlaħqux: bejn 6 % u 9 % biss tal-iskart bijodegradabbli u 4 % ta’ materjali rikuperabbli ġew irkuprati meta mqabbla ma’ mira ta’ 25 %-28 % u 7 %-8 % rispettivament. B’riżultat ta’ dan 85 % tal-iskart dieħel fl-impjant ntrema f’miżbla meta kellu kontenut għoli ta’ materjal bijodegradabbli. Kien diffiċli biex il-kompost riżultanti prodott jinbigħ u madwar 50 % tal-produzzjoni totali tal-impjant kienet maħżuna fiż-żmien tal-verifika.

MIŻBLIET

28. Fir-rigward tas-seba’ miżbliet magħżula, il-Qorti nnutat li l-kwantità ta’ skart bijodegradabbli li ntrema f’miżbla kien ivarja minn 31 % għal 55 % tal-iskart totali li ntrema f’miżbla minħabba fin-nuqqas ta’ trattament effettiv ta’ skart ta’ dan it-tip:

(a) l-iskart intrema f’miżbla mingħajr kwalunkwe trattament f’ħamsa mis-seba’ miżbliet eżaminati. Anki jekk, fi tlieta minn dawn il-ħames miżbliet l-iskart bijodegradabbli nġabar separatament, f’żewġ każijiet aktar minn 90 % tal-iskart bijodegradabbli kien ikkontaminat bi skart mhux bijodegradabbli u b’riżultat ta’ dan intrema direttament f’miżbla;

(b) skart iddepożitat fiż-żewġ miżbliet magħżula li baqa’ ġie ttrattat f’impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku qabel ma ntrema. Madankollu, iż-żewġ faċilitajiet ta’ trattament ma kellhomx prestazzjoni sodisfaċenti. Wieħed mill-impjanti kien imgħobbi żżejjed (52 % tal-iskart riċevut intbagħat direttament għar-rimi f’miżbliet mingħajr trattament). It-tieni wieħed ma laħaqx il-mira tal-irkupru tal-iskart bijodegradabbli stabbilita fit-tfassil tekniku tiegħu u b’riżultat ta’ dan l-iskart intrema f’miżbla meta kellu kontenut għoli ta’ materja bijodegradabbli (ara l-Kaxxa 4).

KWAŻI L-INFRASTRUTTURI KOLLHA SSODISFAW IR-REKWIŻITI AMBJENTALI, IŻDA AKTAR MINN ŻEWĠ TERZI TAL-MIŻBLIET MA KELLHOMX IS-SIGURTÀ FINANZJARJA MEĦTIEĠA GĦALL-ISPEJJEŻ TAL-GĦELUQ U TAL-KURA TA’ WARA

29. Għal 25 mis-26 infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart magħżula, l-analiżi tad-data mill-Qorti indikat li ġeneralment l-impatti ambjentali fuq l-arja, l-ilma u l-ħamrija kienu sorveljati. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-proġetti kkonformaw mal-permessi rispettivi tagħhom. Impjant wieħed kien għadu mhux qed jopera fiż-żmien tal-verifika (ara l-paragrafu 26).

30. Madankollu, fiż-żmien tal-verifika, fi tnejn mis-seba’ miżbliet magħżula, gass li rriżulta mid-dekompożizzjoni tal-iskart bijodegradabbli ddepożitat ma ġiex miġbur u ttrattat jew maħruq, kif mitlub mid-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet (ara l-Kaxxa 5). Gass mill-miżbla mhux ikkontrollat jista’ jniġġes l-atmosfera, jaffettwa l-veġetazzjoni u jikkawża splużjonijiet.

31. Il-Qorti nnutat ukoll problemi f’terz mill-infrastrutturi fir-rigward tal-limiti applikabbli għall-emissjonijiet ta’ rwejjaħ imniżżlin fil-permessi ambjentali nazzjonali, mill-inqas matul ċerti perjodi tal-operat tagħhom. Nuqqas ta’ monitoraġġ fir-rigward ta’ rwejjaħ ġie nnutat f’terz ieħor mill-infrastrutturi magħżula. Tnejn mill-impjanti li naqsu milli jimmonitorjaw il-livelli ta’ rwejjaħ kienu fl-istess ħin qed jirċievu kofinanzjament mill-UE għal xogħlijiet komplementari sabiex jiġu ttrattati l-problemi ta’ rwejjaħ.

KAXXA 5

ŻEWĠ MIŻBLIET MA KELLHOMX ĠBIR TA’ GASS U TRATTAMENT JEW ĦRUQ

F’waħda mill-miżbliet fl-Italja (Cavallino), l-iskart kien qed jiġi ddepożitat għal tliet snin u fiż-żmien tal-verifika r-rata ta’ użu kienet madwar 70 %. Il-gass iġġenerat b’riżultat tad-dekompożizzjoni ta’ materjal bijodegradabbli kien qed jiġi rilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma jiġi ttrattat jew maħruq peress li l-kostruzzjoni tal-infrastruttura għall-ġbir tal-gass kienet għadha mhix ikkompletata.

F’miżbla fir-Rumanija (Piatra Neamt), kważi sentejn wara li nbeda l-operat, il-Qorti nnutat li ma kien hemm ebda sistema ta’ ġbir ta’ gass mill-miżbla stabbilita, taħt kostruzzjoni, jew li qed tiġi ppjanata.

Dawn iż-żewġ miżbliet irċevew ammont sinifikanti ta’ skart bijodegradabbli minħabba fin-nuqqas ta’ trattament jew ta’ trattament defiċjenti qabel ir-rimi, li għamel il-ġbir u t-trattament jew il-ħruq ta’ gass jerġa’ aktar rilevanti għas-salvagwardja tal-atmosfera.

32. Madankollu, nofs l-infrastrutturi li kellhom problemi bil-ġestjoni ta’ rwejjaħ ma biddlux il-proċessi operazzjonali tagħhom jew għamlu investimenti komplementari biex isolvu tali problemi (ara l-Kaxxa 6).

33. L-impatti potenzjali fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-operat ta’ miżbliet mhumiex limitati għall-perjodu operazzjonali tal-infrastruttura, peress li infiltrazzjonijiet potenzjali ta’ lissija u emissjonijiet ta’ gass mill-miżbla jdumu għal deċenni wara li r-rimi tal-iskart ikun intemm. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet teħtieġ li jitwarrbu ammonti biex ikopru l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara għal perjodu ta’ mill-inqas 30 sena. Madankollu, ħamsa mis-seba’ miżbliet magħżula ma kellhomx biżżejjed sigurtà finanzjarja għal dan il-għan. F’dawn il-każijiet, l-ammonti li fil-fatt ġew iddepożitati, irrispettivament mill-metodoloġija għall-kalkolu tagħhom, mhumiex biżżejjed biex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli finanzjament xieraq, ladarba l-miżbliet jieqfu milli joperaw, għall-prevenzjoni ta’ theddid fit-tul lill-ambjent bħat-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art bl-infiltrazzjoni ta’ lissija fil-ħamrija jew it-tniġġis tal-atmosfera bl-emissjonijiet ta’ gass mill-miżbla.

KAXXA 6

EŻEMPJI TA’ MODI KIF JITNAQQSU L-PROBLEMI TA’ RWEJJAĦ

F’żewġ impjanti tal-ikkompostjar / diġestjoni anaerobika (VALORSUL, il-Portugall u Gironés, Spanja) ġew innutati problemi ta’ rwejjaħ minn monitoraġġ indipendenti. Biex jittrattaw din is-sitwazzjoni l-operaturi implimentaw bidliet fil-proċess tal-operat, bħall-modifikazzjoni tal-iskeda u t-twaqqit tad-dawran tal-kompost, jew fil-manutenzjoni ta’, pereżempju, il-bijofiltri. F'wieħed mill-impjanti ġiet implimentata sistema ta’ rappurtar sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jibagħtu lmenti dwar irwejjaħ mhux pjaċevoli permezz ta’ SMS lill-operatur.

F’żewġ miżbliet fil-Portugall (RESIDOURO u Baixo Tâmega) ġew irreġistrati lmenti dwar problemi ta’ rwejjaħ fl-ewwel snin tal-operat. Ġew installati sistemi ta’ emissjoni ta’ deodorant li kienu attivati meta meħtieġ.

34. Il-Qorti nnutat ukoll differenzi sinifikanti fil-metodoloġiji stabbiliti fir-reġjuni għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ sigurtà finanzjarja, li rriżultaw f’ammonti differenti ħafna (li varjaw minn EUR 370000 għal EUR 4180000 għal miżbla b’kapaċità ta’ madwar 1,4 miljun m3). Dawn il-metodoloġiji ma jipprovdux assigurazzjoni sodisfaċenti li se jkun hemm finanzjament suffiċjenti biex ikopri l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara għal perjodu ta’ 30 sena. F’xi każijiet is-sigurtà finanzjarja ġiet determinata mill-ispiża tal-infrastruttura tal-miżbla filwaqt li f’oħrajn l-ammont ġie stabbilit b’kont meħud tal-kapaċità tal-miżbla, is-superfiċje tagħha jew it-tunnellati ddepożitati.

L-OBJETTIVI TAL-POLITIKA TAL-UE DWAR L-ISKART INKISBU FIL-LIVELL REĠJONALI?

35. Il-finanzjament minn miżuri strutturali għall-infrastrutturi ta’ skart muniċipali għandu jgħin lir-reġjuni benefiċjarji biex jilħqu l-objettivi tal-politika dwar l-iskart stabbiliti fid-direttivi tal-UE. B’mod partikolari, il-prevenzjoni ta’ skart muniċipali għandha tiġi mħeġġa, ir-reġjuni għandhom iżidu r-rata ta’ ġbir separat tagħhom sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri tal-UE11 għar-riċiklaġġ u l-irkupru, u d-dipendenza fuq ir-rimi finali f’miżbliet għandha titnaqqas.

36. Il-Qorti eżaminat jekk:

(a) is-sitwazzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ skart muniċipali kinitx qed titjieb fir-reġjuni kkampjunati;

(b) ir-reġjuni kinux żiedu r-rata ta’ ġbir separat tagħhom, kinux ikkontribwixxew għall-ilħuq tal-miri tal-UE għall-flussi speċifiċi ta’ skart u kinux naqqsu d-dipendenza tagħhom fuq ir-rimi f’miżbliet;

(c) il-miżbliet illegali kinux inqerdu u l-iskart kienx qed jiġi ttrattat minn qabel ma jintrema fil-miżbliet.

RAPPURTAR INKONSISTENTI TA’ DATA

37. B’segwitu għaż-żjarat tagħha fi tmien reġjuni fl-erba’ Stati Membri kkampujnati, il-Qorti nnutat xi inkonsistenzi fir-rigward tar-rappurtar tal-kisba tal-miri tal-UE. Id-data rrappurtata lill-Kummissjoni ma setgħetx dejjem tiġi rrikonċiljata maċ-ċifri disponibbli fl-Istati Membri. Inkonsistenzi bħal dawn jistgħu jagħmluha diffiċli biex il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miri tal-UE fir-rigward tal-iskart humiex fil-fatt qegħdin jinkisbu (ara l-Kaxxa 7). Il-Kummissjoni tiċċekkja l-konsistenza taċ-ċifri li tirċievi, iżda ma tivvalutax l-affidabbiltà tagħhom.

38. Barra minn dan, il-Kummissjoni ma tikkompilax informazzjoni dwar il-kontribut tar-reġjuni għall-kisba tal-miri tal-UE minkejja l-fatt li f’sitta mit-tmien reġjuni li saritilhom żjara, il-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart li jieħdu kont tal-miri tal-UE jitħejjew fil-livell reġjonali. Ir-rappurtar fil-livell nazzjonali jista’ jaħbi disparitajiet kbar fil-prestazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart ġewwa Stat Membru, kif kien il-każ għall-Andalucía u l-Puglia meta mqabbel mas-sitwazzjoni ġenerali fi Spanja u fl-Italja rispettivament.

KAXXA 7

EŻEMPJI TA’ KAŻIJIET FEJN MA KIENX POSSIBBLI LI D-DATA FL-ISTATI MEMBRI TIĠI RIKONĊILJATA MAD-DATA RRAPPURTATA LILL-KUMMISSJONI

Fi Spanja, fir-rigward tal-kisba tal-mira tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet, il-ministeru tal-Ambjent huwa responsabbli għall-konsolidazzjoni tad-data mir-reġjuni u r-rappurtar lill-Kummissjoni. L-Andalucía rrappurtat li l-kwantità ta’ skart bijodegradabbli li ntrema f’miżbla fl-2009 kienet 500000 tunnellata, filwaqt li abbażi ta’ data miksuba matul il-verifika l-Qorti stmat li l-kwantità kellha tkun madwar 1800000 tunnellata. B’riżultat ta’ dan, fl-2009 Spanja remiet f’miżbla 58 % tal-iskart bijodegradabbli prodott fl-1995 u mhux 47 % kif ġie rrappurtat lill-Kummissjoni u naqset milli tilħaq il-mira dwar ir-Rimi f’Miżbliet għas-sena, li kienet stabbilita għal 50 %.

Fil-Portugall, fejn ma kien hemm ebda data disponibbli fil-livell reġjonali dwar il-kisba tal-miri stabbiliti fid-direttivi tal-UE, id-data rrappurtata fil-livell nazzjonali lill-Kummissjoni wriet konformità mad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet għall-2006 kif ukoll mad-Direttiva dwar l-Imballaġġ għall-2005. Madankollu, id-data li nkisbet matul il-verifika indikat li l-mira tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet għall-2006 ma ntlaħqitx bi ftit ħafna u l-miri tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ għall-2005 ma ntlaħqux fir-rigward tar-riċiklaġġ ta’ imballaġġ tal-plastik (b’46,95 %).

IL-PRODUZZJONI TA’ SKART ŻDIEDET F’SITTA MIR-REĠJUNI KKAMPJUNATI

39. Għall-kuntrarju tax-xejra osservata għall-medja tal-UE-27, li turi li minkejja tkabbir ekonomiku kontinwu sal-2008, il-ġenerazzjoni ta’ skart muniċipali stabbilizzat għal madwar 520 kg/capita mis-sena 2000 sa issa, il-ġenerazzjoni ta’ skart per capita żdiedet f’sitta mir-reġjuni kkampjunati. Fiż-żewġ reġjuni li jibqa’, Sardinja u l-Katalunja, din stabbilizzat. Fl-2009, il-ġenerazzjoni ta’ skart per capita f’nofs ir-reġjuni kkampjunati kienet ogħla mill-medja tal-UE-27 kif ukoll tal-medja tal-Istat Membru rispettiv, filwaqt li dan ma kienx il-każ fis-sena 2000 għall-ebda wieħed mir-reġjuni kkampjunati.

KWART BISS TAR-REĠJUNI KKAMPJUNATI ŻIEDU B’MOD SINIFIKANTI R-RATA TAGĦHOM TA’ ĠBIR SEPARAT, NAQQSU D-DIPENDENZA TAGĦHOM FUQ IR-RIMI F’MIŻBLIET U KKONTRIBWIXXEW GĦALL-ILĦUQ TAL-MIRI TAL-UE

40. Tnejn biss mir-reġjuni magħżula, Sardinja u l-Katalunja, għamlu progress sinifikanti fil-ġbir separat u d-devjazzjoni mill-miżbliet. Il-Qorti nnutat żieda fir-rata ta’ ġbir separat għal Sardinja minn 2 % fis-sena 2000 għal 43 % fl-2009 u għall-Katalunja minn 13 % għal 38 % matul l-istess perjodu. Irriżulta wkoll tnaqqis fir-rimi ta’ skart muniċipali f’miżbla matul l-istess perjodu minn 74 % għal 23 % għal Sardinja u minn 64 % għal 39 % għall-Katalunja (ara l-Figura 4) [15].

41. F’dawn iż-żewġ reġjuni kien osservat tnaqqis fl-iskart li ntrema f’miżbla f’kilogrammi per capita, filwaqt li dan l-indikatur baqa’ kważi stabbli jew żdied fis-sitt reġjuni l-oħra kkampjunati (ara l-Figura 5).

FIGURA 4

EVOLUZZJONI TA’ ĠBIR SEPARAT TA’ SKART MUNIĊIPALI U RATI TA’ RIMI F’MIŻBLIET FIR-REĠJUNI KKAMPJUNATI BEJN L-2000 U L-2009 [16]

+++++ TIFF +++++

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi ta’ data disponibbli fil-livell tal-Kummissjoni u dak tal-Istati Membri.

FIGURA 5

SKART MORMI F’MIŻBLA PER CAPITA (KG) FIS-SENA 2000 U FL-2009 [17]

+++++ TIFF +++++

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi ta’ data disponibbli fil-livell tal-Kummissjoni u dak tal-Istati Membri.

42. L-istess reġjuni, Sardinja u l-Katalunja, huma l-uniċi li kkontribwixxew għall-kisba tal-miri tal-UE għal tipi speċifiċi ta’ skart muniċipali;

(a) f’termini ta’ devjazzjoni tal-iskart bijodegradabbli mill-miżbliet, kienu biss Sardinja u l-Katalunja li kkkontribwixxew għall-ilħuq tal-miri tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet. Iż-żewġ reġjuni l-oħra ma kkontribwixxewx għall-ilħuq tal-miri tal-UE; u għal erbgħa oħra l-iskadenza għall-kisba tal-mira kienet l-2010. Fiż-żmien tal-verifika ma kienx hemm data disponibbli għall-2010, iżda x-xejra fis-snin ta’ qabel l-2010 ma wrietx żieda fid-devjazzjoni tal-iskart bijodegradabbli [18] (ara t-Tabella 2);

(b) fir-rigward tal-miri tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ, is-sitwazzjoni nnutata fit-tmien reġjuni kienet tvarja b’mod sinifikanti. Il-Katalunja, Sardinja u l-Andalucía kkontribwixxew għall-kisba tal-miri tal-UE. Fil-ħames reġjuni l-oħra, ma twettaq l-ebda monitoraġġ speċifiku fil-livell reġjonali. Abbażi ta’ data miksuba fl-Istati Membri, il-Qorti stmat li ma kienx probabbli li dawn ir-reġjuni jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri tal-UE minħabba r-rata baxxa ta’ ġbir separat;

(c) ħamsa mit-tmien reġjuni kkampjunati [19] ma kkontribwixxewx għall-kisba tal-mira tal-UE għall-ġbir separat ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li kellha tinkiseb fl-2006 f’konformità mad-Direttiva dwar l-Iskart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku, anki jekk inġenerali ġiet innutata xejra pożittiva. Il-Katalunja kienet diġà kkontribwixxiet fl-2006 u Sardinja u l-Puglia fl-2009 u l-2010.

TABELLA 2

XEJRA TAR-RATA TA’ SKART BIJODEGRADABBLI MORMI F’MIŻBLA ABBAŻI TAL-AMMONT TOTALI TA’ SKART MUNIĊIPALI BIJODEGRADABBLI LI ĠIE PRODOTT FL-1995

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi ta’ data disponibbli fil-livell tal-Kummissjoni u dak tal-Istat Membru.

| 2006 | 2009 |

Reġjuni kkampunjati | Miksuba | Mira | Miksuba | Mira |

ES-Katalunja | 69 % | < 75 % | 45 % | < 50 % |

IT-Sardinja | 59 % | < 75 % | 36 % | < 50 % |

IT-Puglia | 84 % [2222] | < 75 % | 85 % | < 50 % |

ES-Andalucía | 87 % | < 75 % | 93 % | < 50 % |

il-Portugall [1111] | 79 % | MA | 78 % | < 75 % [5555] |

RO-Nord-Est | 56 % [3333] | MA | 69 % [3333] | < 75 % [5555] |

RO-Sud-Vest | 75 % [4444] | MA | 87 % | < 75 % [5555] |

MIŻBLIET ILLEGALI NQERDU F’NOFS IR-REĠJUNI IŻDA ĠENERALMENT L-ISKART NTREMA F’MIŻBLA MINGĦAJR EBDA TRATTAMENT PREĊEDENTI

43. Skont id-data pprovduta mir-reġjuni vverifikati, matul il-perjodu 2000-2009, il-miżbliet illegali kienu nqerdu jew in-numru tagħhom kien tnaqqas b’mod sinifikanti:

(a) f’erba’ reġjuni, skont id-data pprovduta mill-awtoritajiet rilevanti, l-ebda miżbla illegali ma kienet operazzjonali fiż-żmien tal-verifika;

(b) fl-erba’ reġjuni l-oħra, il-miżbliet illegali kienu għadhom qed jintużaw, speċjalment fiż-żewġ reġjuni magħżula fir-Rumanija fejn fl-2009, il-ġbir ta’ skart muniċipali kopra biss 54 % u 33 % tal-popolazzjoni. In-nuqqas ta’ ġbir ta’ skart muniċipali f’dawn iż-żewġ reġjuni kien evidenti l-aktar f’żoni rurali.

44. Fir-reġjuni vverifikati l-iskart muniċipali kien ġeneralment mormi f’miżbla mingħajr trattament xieraq, minkejja d-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet li jistipula li l-iskart iddepożitat fil-miżbliet għandu jiġi ttrattat biex titnaqqas il-kwantità ta’ skart jew perikli għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Il-Qorti nnutat dan li ġej:

(a) l-iskart muniċipali kien ġeneralment mormi f’miżbla mingħajr kwalunkwe trattament f’erbgħa mir-reġjuni kkampjunati [20]. Barra minn hekk, f’dawn ir-reġjuni l-ġbir separat tal-iskart bijodegradabbli nstab biss f’numru limitat ħafna ta’ muniċipalitajiet bir-riżultat li kien hemm livelli għoljin ta’ materja bijodegradabbli fl-iskart li ntrema f’miżbla;

(b) f’reġjun wieħed, it-trattament qabel ir-rimi kien ikopri skart iġġenerat minn madwar 40 % biss tal-popolazzjoni totali tar-reġjun. Madankollu, dan in-nuqqas ta’ trattament kien parzjalment immitigat bil-fatt li l-ġbir separat tal-iskart bijodegradabbli twettaq fil-parti l-kbira tar-reġjun;

(c) fit-tliet reġjuni li kien baqa’, kien hemm aktar impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku li wettqu t-trattament qabel ir-rimi iżda inġenerali dawn ma kisbux il-prestazzjoni mistennija (ara l-Kaxxa 8).

ĠEW STABBILITI MIŻURI BIEX TIĠI MASSIMIZZATA L-EFFETTIVITÀ TAL-FINANZJAMENT MILL-UE?

45. Sabiex tiġi massimizzata l-effettività tal-infrastrutturi kofinanzjati, miżuri ta’ informazzjoni, amministrattivi u ekonomiċi li huma ta’ appoġġ, bħal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, standards tal-kwalità u ġbir separat jew skemi ta’ "ħallas biex tarmi" u taxxi fuq ir-rimi f’miżbliet (ara l-paragrafu 9), għandhom jiġu stabbiliti sabiex jiġu mħeġġa l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart f’konformità mal-ġerarkija tal-UE dwar l-iskart (ara l-Figura 3). L-appoġġ finanzjarju tal-UE għandu jħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ bħal dawn. Għandhom jiġu implimentati qafas regolatorju u linji gwida xierqa.

KAXXA 8

EŻEMPJU TA’ REĠJUN FEJN IL-FAĊILITAJIET TA’ TRATTAMENT KIENU STABBILITI, IŻDA FEJN IL-PRESTAZZJONI TAGĦHOM MA KINITX SODISFAĊENTI

F’wieħed mir-reġjuni kkampjunati 22 mit-28 miżbla li kienu qed joperaw fiż-żmien tal-verifika rċevew skart ittrattat minn qabel minn impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku. Madankollu, dawn l-impjanti ma laħqux il-miri tal-prestazzjoni tagħhom. Bħala medja 76 % tal-iskart li dieħel fit-23 faċilità ta’ trattament disponibbli fir-reġjun intrema f’miżbla fl-2008 b’kontenut għoli ta’ materjal bijodegradabbli minkejja l-proċess ta’ trattament; fil-każ tal-impjant ivverifikat (Linares, Spanja) l-irkupru tal-iskart bijodegradabbli ammonta biss għal bejn 6 % u 9 % pjuttost milli l-mira ppjanata ta’ 25 % sa 28 %.

46. Il-Qorti eżaminat jekk:

(a) ġewx stabbiliti strumenti informattivi, amministrattivi u ekonomiċi fil-livell tal-Istati Membri u/jew dak reġjonali għall-appoġġ tal-infrastrutturi kofinanzjati għall-immaniġġjar tal-iskart u jekk il-Kummissjoni ħeġġitx l-implimentazzjoni tagħhom waqt l-approvazzjoni ta’ proġetti jew programmi operazzjonali;

(b) kienx probabbli li l-qafas regolatorju u l-linji gwida tal-UE jimmassimizzaw l-effettività tal-finanzjament mill-UE.

IL-LIVELL TA’ IMPLIMENTAZZJONI TA’ MIŻURI TA’ INFORMAZZJONI, AMMINISTRATTIVI U EKONOMIĊI LI HUMA TA’ APPOĠĠ VARJA B’MOD SINIFIKANTI FOST IR-REĠJUNI KKAMPJUNATI

MIŻURI INFORMATTIVI

47. Inġenerali fir-reġjuni fejn kienu jinsabu l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart ikkampjunati, kien hemm evidenza ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni komplementari bħal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku jew il-pubblikazzjoni ta’ linji gwida dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Il-Kaxxa 9 tiddeskrivi każ wieħed ta’ dan it-tip.

KAXXA 9

EŻEMPJU TAJJEB TA’ KIF L-IŻVILUPP TAS-SENSIBILIZZAZZJONI TAL-PUBBLIKU TISTA’ TIRRIŻULTA FI KWALITÀ TA’ PRESTAZZJONI AĦJAR MILL-INFRASTRUTTURI

Wieħed mill-impjanti tal-ikkompostjar fil-Portugall (Lipor) kien operat minn kumpanija li tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni tal-iskart (ġbir separat u trattament) lil tmien muniċipalitajiet li jirrappreżentaw madwar miljun abitant. Peress li l-kumpanija qieset li l-komunikazzjoni u l-livelli għoljin ta’ parteċipazzjoni huma fatturi ewlenin għas-suċċess tal-immaniġġjar tal-iskart, l-attivitajiet kollha tagħha kienu assoċjati ma’ sforzi għall-forniment ta’ informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-pubbliku. B’mod partikolari, il-kostruzzjoni tal-impjant għall-ikkompostjar kienet akkumpanjata minn kampanji ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni kif ukoll minn strateġija speċifika ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-kompost. Perjodikament twettqu stħarriġiet dwar is-Sodisfazzjon tal-Pubbliku, twaqqfet linja tat-telefon bla ħlas għall-forniment ta’ informazzjoni u ġew ppubblikati u distribwiti linji gwida dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Dawn l-isforzi kollha rriżultaw f’segregazzjoni sodisfaċenti f’ras il-għajn tal-iskart bijodegradabbli minn unitajiet domestiċi u negozji li ppermettiet il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ kompost ta’ kwalità għolja (ara l-Kaxxa 2).

48. Madankollu, il-Qorti nnutat dan li ġej:

(a) fl-ebda wiħed mir-reġjuni kkampjunati ma sar kejl tas-suċċess tal-kampanji ta’ informazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet responsabbli u ma kinux ġew definiti miri li setgħu jitkejlu mill-bidu nett;

(b) fiż-żewġ reġjuni magħżula fir-Rumanija, minkejja xi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, kważi l-iskart bijodegradabbli kollu miġbur separatament instab li kien ikkontaminat u kellu jintrema direttament f’miżbla minflok jiġi ttrattat fl-impjant għall-ikkompostjar.

MIŻURI AMMINISTRATTIVI

49. Kif mitlub mid-Direttiva dwar l-Iskart, it-tmien reġjuni implimentaw sistema ta’ ħruġ ta’ permessi għall-istabbilimenti li jwettqu trattament tal-iskart. Fiż-żmien tal-verifika, l-infrastrutturi kollha kienu soġġetti għal spezzjonijiet mill-awtoritajiet responsabbli. Madankollu, tali spezzjonijiet kienu limitati għall-valutazzjoni tal-impatti ambjentali potenzjali u ma koprewx l-aspett ta’ prestazzjoni tal-faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart (ara l-Kaxxa 6).

50. Rigward il-ġbir separat, il-Qorti nnutat diskrepanzi sinifikanti fl-implimentazzjoni tiegħu fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet moqdija mill-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart ivverifikati. Filwaqt li l-ġbir segregat ta’ skart mill-imballaġġ, karti u kartonċin u ħġieġ kien implimentat b’mod wiesa’, u kkontribwixxa għall-prestazzjoni tajba osservata fl-impjanti tas-separazzjoni vverifikati, il-ġbir separat tal-iskart bijodegradabbli kien sodisfaċenti f’żewġ reġjuni biss. Dawn ir-reġjuni kkontribwixxew għall-ilħuq tal-miri ta’ devjazzjoni tal-UE għall-iskart bijodegradabbli u rnexxielhom inaqqsu l-kilogrammi per capita li jintremew f’miżbla (ara l-paragrafi 41 sa 42). Għas-sitt reġjuni l-oħra l-ġbir separat tal-iskart bijodegradabbli kien ġeneralment jew mhux stabbilit jew ineffettiv. B’riżultat ta’ dan, l-impjanti tal-ikkompostjar li jittrattaw skart imħallat jew skart bijodegradabbli li ma kienx issegregat tajjeb f’ras il-għajn, kellhom prestazzjoni fqira.

51. Iċ-ċifri juru relazzjoni inversa bejn l-implimentazzjoni ta’ ġbir separat u l-perċentwal ta’ skart li jintrema f’miżbla (ara l-Figura 6).

52. Fir-rigward ta’ standards tal-kwalità għall-kompost, il-Qorti nnutat li, fiż-żmien tal-verifika, erba’ reġjuni ma kellhom ebda standard ta’ dan it-tip u għall-erba’ reġjuni l-oħra li fadal il-limiti ammissibbli tal-konċentrazzjoni ta’ metalli tqal fil-kompost kienu jvarjaw b’mod sinifikanti u kienu inqas stretti minn dawk li jinsabu fl-abbozz tal-linji gwida tal-UE. In-nuqqas ta’ standards tal-kwalità kkontribwixxa għad-difikultajiet li l-impjanti tal-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika ltaqgħu magħhom fil-bejgħ tal-kompost tagħhom.

FIGURA 6

RELAZZJONI INVERSA BEJN IL-ĠBIR SEPARAT U L-PERĊENTWAL TA’ SKART MORMI F’MIŻBLA [21]

+++++ TIFF +++++

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi ta’ data disponibbli fil-livell tal-Kummissjoni u dak tal-Istati Membri.

MIŻURI EKONOMIĊI

53. Abbażi tal-analiżi tat-tariffi għall-immaniġġjar tal-iskart li jimponu l-muniċipalitajiet fuq l-unitajiet domestiċi f’mill-inqas tliet muniċipalitajiet prinċipali moqdija minn kull infrastruttura fil-kampjun, il-Qorti nnutat dan li ġej:

(a) fil-każijiet kollha, it-tariffi kienu fissi [22] u mhux ibbażati fuq l-iskemi ta’ "ħallas biex tarmi" intenzjonati biex jitqies il-"prinċipju li min iniġġes iħallas" u għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart;

(b) xi muniċipalitajiet, minkejja li ma kellhomx skema ta’ "ħallas biex tarmi", introduċew elementi fit-tariffa biex iħeġġu r-riċiklaġġ (ara l-Kaxxa 10).

54. Taxxa fuq ir-rimi tal-iskart imposta fuq il-muniċipalitajiet [23] għal kull tunnellata ta’ skart li jintrema f’miżbla u/jew jiġi inċinerat b’żieda mat-tariffi normali għar-rimi f’miżbliet u/jew l-inċinerazzjoni hija inċentiv ekonomiku ieħor biex tipprova tinbidel l-imġiba. Ħamsa mit-tmien reġjuni kkampjunati introduċew taxxa ta’ dan it-tip fuq ir-rimi tal-iskart biex jippromwovu għażliet għall-immaniġġjar tal-iskart li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent. Iż-żewġ reġjuni bl-ogħla livell ta’ taxxa fuq ir-rimi f’miżbliet ippreżentaw l-aktar perċentwal baxx ta’ skart li kien qed jintrema fil-miżbliet fl-2009 (ara l-Figura 7) u l-aktar titjib sinifikanti matul il-perjodu 2000-2009. Sabiex jitħeġġeġ il-ġbir separat, żewġ reġjuni rabtu l-ammont tat-taxxa fuq ir-rimi tal-iskart mar-rata ta’ ġbir separat miksuba minn kull muniċipalità (ara l-Kaxxa 11).

KAXXA 10

EŻEMPJI TA’ TARIFFI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART B’ELEMENTI BIEX IĦEĠĠU R-RIĊIKLAĠĠ

Sabiex jitħeġġeġ ir-riċiklaġġ, xi muniċipalitajiet fil-Katalunja applikaw skontijiet għat-tariffa għall-immaniġġjar tal-iskart imħallsa minn unitajiet domestiċi bbażati fuq l-ikkompostjar li jsir id-dar, l-użu ta’ ċentri tal-ġbir jew il-parteċipazzjoni f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Ir-rata ta’ ġbir separat miksuba minn dawn il-muniċipalitajiet (39 %) kienet ogħla minn dik osservata fil-muniċipalitajiet li ma kinux qed japplikaw inċentivi ekonomiċi (29 %). Muniċipalitajiet oħra fil-Katalunja ħadu kont tal-proporzjoni ta’ skart mormi f’miżbla meta kienu qed jistabbilixxu t-tariffa li tibbenefika l-unitajiet domestiċi ta’ dawk il-muniċipalitajiet b’rati aktar baxxi ta’ rimi f’miżbliet.

FIGURA 7

TAXXA FUQ IR-RIMI TAL-ISKART U PERĊENTWAL TA’ SKART MUNIĊIPALI MORMI F’MIŻBLA FL-2009 [24]

+++++ TIFF +++++

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi ta’ data disponibbli fil-livell tal-Kummissjoni u dak tal-Istati Membri.

KAXXA 11

EŻEMPJU TAT-TAXXA FUQ IR-RIMI TAL-ISKART STABBILITA GĦALL-ISKART MORMI F’MIŻBLA JEW INĊINERAT ABBAŻI TAL-PERĊENTWAL TA’ ĠBIR SEPARAT MIKSUB MINN KULL MUNIĊIPALITÀ

Mill-2005 ‘l hawn, sabiex tippromwovi l-ġbir separat ta’ skart f’ras il-għajn, Sardinja adattat it-tariffa imposta għal skart mormi f’miżbla jew inċinerat, abbażi tar-rata ta’ ġbir separat miksuba minn kull muniċipalità. Pereżempju, fl-2010, jekk ir-rata ta’ ġbir separat laħqet livell ta’ bejn 50 u 60 % ġie applikat tnaqqis ta’ 20 % fit-taxxa. Jekk il-ġbir separat kien ogħla minn 60 % l-muniċipalitajiet ibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 40 % fit-taxxa. Madankollu, jekk il-ġbir separat kien taħt il-50 % (jew 40 % skont in-numru ta’ abitanti tal-muniċipalità) ġiet imposta penali ta’ EUR 5,16 addizzjonali għal kull tunnellata.

WAQT L-APPROVAZZJONI TA’ PROĠETTI JEW PROGRAMMI OPERAZZJONALI, IL-KUMMISSJONI MA ĦEĠĠITX L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ MIŻURI TA’ APPOĠĠ

55. Il-finanzjament minn miżuri strutturali ma influwezax l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ infomazzjoni, amministrattivi u ekonomiċi li huma ta’ appoġġ. Il-Kummissjoni kienet teħtieġ informazzjoni limitata dwar tali strumenti meta kienet qed tiddeċiedi dwar il-kofinanzjament tal-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart:

(a) għall-finanzjament mill-FEŻR, il-Qorti nnutat li 9 mill-10 programmi operazzjonali magħżula ma kienx fihom informazzjoni rigward miżuri amministrattivi speċifiċi u lanqas ma kien hemm ebda referenza għal taxxi fuq ir-rimi tal-iskart jew tipi ta’ tariffi għall-immaniġġjar tal-iskart imħallsa minn unitajiet domestiċi (rata fissa jew ibbażata fuq skemi ta’ "ħallas biex tarmi");

(b) anki jekk kull proġett tal-Fond ta’ Koeżjoni ġie vvalutat individwalment u approvat mill-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, il-Qorti nnutat li l-livell ta’ dettall dwar il-miżuri ta’ appoġġ mitluba mill-Kummissjoni mingħand l-Istati Membri, inġenerali ma żgurax l-eżistenza tagħhom qabel l-għoti ta’ finanzjament mill-UE.

56. Ir-rapporti ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri kkampjunati biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fid-direttivi tal-UE dwar l-iskart fihom xi informazzjoni dwar miżuri ta’ appoġġ ta’ dan it-tip (eż. informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-taxxa fuq ir-rimi f’miżbliet, spezzjonijiet, informazzjoni pubblika, eċċ.). Madankollu, il-Qorti ma nnutat ebda rabta bejn il-valutazzjoni tar-rapporti ta’ implimentazzjoni mid-DĠ Ambjent u l-finanzjament mill-UE tal-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart li huwa r-responsabbiltà tad-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana: l-Istati Membri li ma jirrappurtawx lill-Kummissjoni jew li jipprovdu rapporti mhux kompleti jibbenefikaw bl-istess mod mill-finanzjament minn miżuri strutturali għal infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart.

57. In-nuqqas ta’ rabta bejn il-finanzjament mill-UE u l-eżistenza ta’ strumenti ta’ appoġġ kien speċjalment sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-"prinċipju li min iniġġes iħallas", li huwa wieħed mill-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-politika tal-UE dwar l-ambjent [25]. Id-Direttiva dwar l-Iskart tal-1975 stabbilixxiet dan il-prinċipju [26] li mbagħad ġie inkluż f’diretttivi speċifiċi oħra dwar l-immaniġġjar tal-iskart, bħad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet [27]. Skont ir-regolamenti tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-linji gwida interni tal-Kummissjoni, l-appoġġ finanzjarju mill-UE għandu jqis l-implimentazzjoni tal-prinċipju permezz ta’ rati ta’ assistenza differenzjati [28].

58. Dan il-prinċipju ta’ rati ta’ assistenza differenzjati ġie żviluppat aktar mill-Kummissjoni matul il-perjodu 2000-2006 f’dokument Tekniku [29] li stabbilixxa li fejn il-finanzjament ta’ proġett jinkludi sistema ta’ imposti (bħal imposti b’rata fissa baxxa), li ma tkunx ibbażata fuq il-konsum reali ta’ riżorsi u ma tipprovdix il-mezzi finanzjarji meħtieġa għal manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura u lanqas ma tkopri l-ispejjeż operazzjonali u parti kbira mill-ispejjeż ta’ deprezzament, ir-rata ta’ assistenza għandha għaldaqstant titnaqqas. F’dawn il-każijiet, ir-rata ta’ assistenza proposta għandha normalment tkun kif imniżżla fil-kolonna 5 tal-Anness IV.

59. Il-Qorti nnutat li għalkemm għall-infrastrutturi magħżula, l-ispejjeż tal-operat u d-deprezzament ma kinux koperti mit-tariffa għall-immaniġġjar tal-iskart imposta fuq l-unitajiet domestiċi, il-Kummissjoni ma applikatx il-prinċipju ta’ rata ta’ assistenza differenzjata bit-tnaqqis tar-rata ta’ kofinanzjament. B’riżultat ta’ dan, fi kważi l-każijiet kollha r-rata ta’ kofinanzjament mogħtija kienet ogħla minn dik li kellha tapplika f’konformità mal-prinċipju ta’ rati ta’ assistenza differenzjati (ara l-Anness IV). Xi muniċipalitajiet ma imponew ebda tariffa għall-immaniġġjar tal-iskart fuq l-unitajiet domestiċi.

60. It-tariffi imposti mill-muniċipalitajiet fuq l-unitajiet domestiċi għall-immaniġġjar tal-iskart varjaw b’mod sinifikanti, ukoll ġewwa kull reġjun (ara t-Tabella 3). Id-differenzi, li f’xi każijiet laħqu sa 300 % ġewwa l-istess reġjun, ma setgħux jiġu spjegati biss bid-differenzi fil-medja tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi u l-livell tal-mezzi tagħhom jew fl-ispiża tal-immaniġġjar tal-iskart fost il-muniċipalitajiet ikkampjunati.

TABELLA 3

TARIFFI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART IMĦALLSA MINN UNITAJIET DOMESTIĊI FIL-MUNIĊIPALITAJIET IKKAMPJUNATI FL-2009 JEW L-2010

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi ta’ evidenza tal-verifika miksuba matul il-verifika.

Reġjun | L-inqas tariffa nnutata | L-ogħla tariffa nnutata | Differenza f’% |

ES-Katalunja | EUR 40,25 għal kull unità domestika | EUR 166,50 għal kull unità domestika | 314 % |

IT-Sardinja | EUR 1,02 għal kull m2 ta’ superfiċje | EUR 3,3 għal kull m2 ta’ superfiċje | 224 % |

IT-Puglia | EUR 1,57 għal kull m2 ta’ superfiċje | EUR 2,62 għal kull m2 ta’ superfiċje | 67 % |

ES - Andalucía | EUR 69,60 għal kull unità domestika | EUR 94,36 għal kull unità domestika | 36 % |

PT-Norte | EUR 0 | EUR 76,20 għal kull unità domestika | - |

PT-Lisboa Vale do Tejo | EUR 0 | EUR 70,38 għal kull unità domestika | - |

RO-Nord-Est | EUR 8,69 għal kull persuna (l-infrastrutturi kkampjunati kienu jaqdu muniċipalità waħda biss) | MA |

RO-Sud-Vest | EUR 16,2 għal kull persuna (l-infrastrutturi kkampjunati kienu jaqdu muniċipalità waħda biss) | MA |

KIENU NNUTATI DGĦJUFIJIET FIL-QAFAS REGOLATORJU TAL-UE DWAR L-ISKART U L-LINJI GWIDA TAL-UE

61. Il-qafas regolatorju tal-UE dwar l-iskart u l-linji gwida tal-UE jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi massimizzata l-effettività tal-finanzjament mill-UE. Il-Qorti nnutat dgħjufijiet f’dan il-qasam.

NUQQAS TA’ FFUKAR TAL-MIRI TAD-DIRETTIVI TAL-UE FUQ IL-PREVENZJONI TAL-ISKART

62. Il-ġerarkija tal-UE dwar l-iskart li tinsab fid-Direttiva dwar l-Iskart tindika l-prevenzjoni bħala l-ewwel għażla għall-immaniġġjar tal-iskart. Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali [30] inkluda l-objettiv ġenerali li jitnaqqsu b’mod sostanzjali l-ġenerazzjoni u r-rimi tal-iskart.

63. Madankollu, il-miri stabbiliti fid-direttivi tal-UE fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart huma relatati biss mar-riċiklaġġ, l-irkupru u d-devjazzjoni ta’ skart bijodegradabbli mill-miżbliet u ma jindirizzawx il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-iskart (ara l-paragrafu 39).

NUQQAS TA’ ĊAREZZA TAL-KUNĊETT TA’ TRATTAMENT QABEL IR-RIMI

64. Skont id-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet huwa biss skart li jkun ġie ttrattat li għandu jintrema f’miżbla. Madankollu, id-direttiva mhix ċara biżżejjed dwar fiex għandu jikkonsisti dan it-trattament u jekk it-trattament jeħtieġx tnaqqis fil-kwantità ta’ skart li jintrema f’miżbla jew tnaqqis fil-volum tiegħu biss [31].

65. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza rigward il-kunċett ta’ trattament qabel ir-rimi f’miżbla rriżulta fi strateġiji differenti fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali. Wieħed mir-reġjuni kkampjunati ffoka, pereżempju, fuq impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku, li ma kellhomx prestazzjoni sodisfaċenti fil-kisba ta’ tnaqqis ta’ skart mormi f’miżbla. F’żewġ reġjuni oħra, meta nkisbu livelli għoljin ta’ ġbir separat, l-iskart kien ikkunsidrat bħala ttrattat u seta’ jittieħed direttament fil-miżbla (ara l-paragrafi 28 u 44).

NUQQAS TA’ STANDARDS TAL-KWALITÀ TAL-UE GĦALL-KOMPOST

66. L-UE kkofinanzjat impjanti tal-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika fit-tmien reġjuni kkampunjati kollha. Madankollu, fiż-żmien tal-verifika erbgħa mir-reġjuni eżaminati ma kellhom ebda standards tal-kwalità għall-kompost. Fl-erba' reġjuni l-oħra, il-livelli ammissibbli tal-konċentrazzjoni ta’ metalli tqal kienu jvarjaw b’mod sinifikanti (ara l-paragrafu 52).

67. Il-fatt li standards tal-kwalità għall-kompost fil-livell nazzjonali/reġjonali jew ma kinux jeżistu jew jekk kienu jeżistu, kienu jvarjaw b’mod sinifikanti, xekkel l-iżvilupp ta’ suq tal-kompost, li għamilha diffiċli biex l-operaturi tal-impjanti jbigħu l-kompost li ġie prodott. Ma hemm ebda standards tal-kwalità tal-UE għall-kompost.

EBDA LINJA GWIDA TAL-UE GĦAS-SIGURTÀ FINANZJARJA GĦALL-ISPEJJEŻ TAL-GĦELUQ TAL-MIŻBLIET

68. Fir-rigward tas-sigurtà finanzjarja biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara, il-Qorti nnutat li kienu jeżistu differenzi sinifikanti fil-metodoloġiji applikati fil-kalkolu tagħha fis-sitt reġjuni fejn ġew ikkampjunati l-miżbliet, bir-riżultat li kien hemm ammonti li varjaw b’mod sinifikanti għal miżbla tal-istess kapaċità, li jindika li huwa possibbli li dawn ma jkunux dejjem suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż kollha għal perjodu ta’ 30 sena kif mitlub mid-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet. L-UE ma pprovdiet l-ebda linja gwida lill-Istati Membri dwar kif għandha ssir stima tal-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara u lanqas ma ppromwoviet kwalunkwe skambju ta’ esperjenzi fost l-Istati Membri f’dan il-qasam (ara l-paragrafi 33 u 34).

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

69. Fi kważi r-reġjuni kollha magħżula kien osservat xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, madankollu l-effettività tal-finanzjament minn miżuri strutturali għall-infrastrutturi għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali f’li jgħin lill-Istati Membri biex jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart kienet imxekkla mill-implimentazzjoni fqira tal-miżuri ta’ appoġġ u minn dgħjufijiet fir-regoli u l-linji gwida tal-UE. Fil-valutazzjoni ta’ programmi operazzjonali jew proġetti li għalihom hi kienet responsabbli, il-Kummissjoni ma ħeġġittx l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ. Is-suċċess tal-infrastrutturi kofinanzjati jiddependi fuq l-eżistenza ta’ ġbir separat effettiv f’ras il-għajn, li spiss ma kienx il-każ. Għalkemm ir-reġjuni kollha kkampjunati wrew xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, 25 % biss kisbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart, prinċipalment dawk li stabbilixxew miżuri ta’ appoġġ.

PRESTAZZJONI TAL-INFRASTRUTTURI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA’ SKART MUNIĊIPALI

70. Il-prestazzjoni tal-infrastrutturi kofinanzjati kienet dipendenti ħafna fuq l-istrateġiji tal-ġbir tal-iskart:

(a) l-impjanti tas-separazzjoni, intenzjonati biex jirkupraw skart mill-imballaġġ issegregat f’ras il-għajn minn unitajiet domestiċi, kellhom prestazzjoni sodisfaċenti (ara l-paragrafi 23 sa 24);

(b) inġenerali, l-impjanti tal-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika li kienu jittrattaw skart bijodegradabbli miġbur separatament (meta dan ma kienx ikkontaminat), kellhom prestazzjoni aħjar mill-impjanti li kienu jittrattaw skart li ma kienx isseparat fejn il-prestazzjoni ma kinitx sodisfaċenti (ara l-paragrafu 25);

(c) inġenerali, l-impjanti tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku li kienu jirċievu skart mhux isseparat f’ras il-għajn ma rnexxilhomx jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart peress li l-parti l-kbira tal-iskart li kien dieħel f’dawn l-impjanti ntrema f’miżbla (ara l-paragrafi 26 u 27).

71. L-iskart ġie ddepożitat wara trattament inadegwat jew mingħajr ebda trattament ta’ kwalunkwe tip fil-miżbliet kollha kkampjunati, bir-riżultat li kontenut għoli ta’ materjal bijodegradabbli ntrema f’miżbla (ara li paragrafu 28).

72. Kważi l-infrastrutturi kollha vverifikati ssodisfaw ir-rekwiżiti ambjentali. Madankollu, ħamsa mis-seba’ miżbliet magħżula ma stabbilixxewx sigurtà finanzjarja suffiċjenti biex tkopri l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara. Ġew osservati differenzi sinifikanti fil-metodoloġija użata biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ sigurtà finanzjarja meħtieġ. Fil-parti l-kbira tal-każijiet l-ammonti stabbiliti jkunu insuffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż assoċjati kollha (ara l-paragrafi 29 sa 34).

RAKKOMANDAZZJONI 1

(a) L-Istati Membri għandhom:

(i) jiffukaw fuq l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart li jittrattaw l-iskart li jkun ġie ssegregat qabel f’ras il-għajn (inkluż skart bijodegradabbli meta dan ikun kosteffettiv);

(ii) jiżguraw li l-iskart muniċipali ddepożitat fil-miżbliet ikun ġie ttrattat qabel ma jintrema;

(iii) jaċċertaw li l-miżbliet ikollhom sigurtà finanzjarja suffiċjenti biex l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara jkunu koperti għal perjodu ta’ mill-inqas 30 sena, u l-kalkolu tagħhom għandu jkun ibbażat fuq metodoloġija xierqa.

(b) Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni tal-UE soġġetta għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri.

L-OBJETTIVI TAL-POLITIKA TAL-UE DWAR L-ISKART FIL-LIVELL REĠJONALI

73. Il-Qorti nnutat dgħjufijiet sinifikanti fir-rigward tar-rappurtar mill-Istati Membri dwar il-kisba tal-miri tal-UE, bir-riżultat li l-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa fil-każijiet kollha jekk il-prestazzjoni li kienet qed tinkiseb mill-Istati Membri kinitx konformi mal-miri tal-UE fir-rigward tal-iskart. Il-Kummissjoni tiċċekkja l-konsistenza taċ-ċifri li tirċievi, iżda ma tivvalutax l-affidabbiltà tagħhom u ma tikkompilax informazzjoni dwar il-kisba tal-miri tal-UE fil-livell reġjonali (ara l-paragrafi 37 sa 38).

74. Għalkemm kważi fir-reġjuni kollha magħżula ġie osservat xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart:

(a) il-ġenerazzjoni ta’ skart per capita żdiedet f’sitta mit-tmien reġjuni kkampjunati minkejja li l-prevenzjoni hija fundamentali fil-ġerarkija ta’ azzjonijiet tal-UE għall-immaniġġjar tal-iskart (ara l-paragrafu 39);

(b) kwart biss tar-reġjuni kkampjunati żiedu b’mod sinifikanti r-rata tagħhom ta’ ġbir separat li rriżultat fi tnaqqis tad-dipendenza fuq ir-rimi f’miżbliet u kkontribwixxew għall-kisba tal-miri tal-UE (ara l-paragrafi 40 sa 42);

(c) l-iskart ġeneralment intrema f’miżbla mingħajr ma kien ġie ttrattat b’mod adegwat jew minghajr ebda trattament (ara l-paragrafu 44).

RAKKOMANDAZZJONI 2

(a) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu databases affidabbli dwar l-immaniġġjar tal-iskart, kemm biex jissorveljaw il-progress tagħhom lejn il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart kif ukoll biex isaħħu r-rappurtar tagħhom lill-Kummissjoni.

(b) Il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-data li tirċievi mill-Istati Membri għall-affidabbiltà.

(c) Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw li jorbtu l-appoġġ finanzjarju mill-UE mal-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart.

MIŻURI STABBILITI BIEX TIĠI MASSIMIZZATA L-EFFETTIVITÀ TAL-FINANZJAMENT MILL-UE

75. L-effettività tal-finanzjament mill-UE ma ġietx massimizzata minħabba fl-implimentazzjoni dgħajfa tal-miżuri ta’ appoġġ.

76. L-iżvilupp ta’ miżuri ta’ informazzjoni, amministrattivi u ekonomiċi li huma ta’ appoġġ varja b’mod sinifikanti fost ir-reġjuni kkampjunati:

(a) Livell għoli ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u r-rieda li jkun hemm parteċipazzjoni fl-iskemi tal-immaniġġjar tal-iskart dehru li kienu fatturi ewlenin għas-suċċess tal-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart, speċjalment fir-rigward tas-segregazzjoni tal-iskart f’ras il-għajn mill-unitajiet domestiċi. Fl-ebda wieħed mir-reġjuni kkampjunati ma tkejlu, mill-awtoritajiet responsabbli, ir-riżultati tal-miżuri ta’ informazzjoni li huma kienu stabbilixxew (ara l-paragrafi 47 sa 48).

(c) Kienu biss ir-reġjuni li kienu implimentaw ġbir separat f’ras il-għajn ta’ skart bijodegradabbli li kkontribwixxew għall-ilħuq tal-miri tal-UE fir-rigward ta’ devjazzjoni (ara l-paragrafi 50 sa 51).

(d) Erbgħa mit-tmien reġjuni kkampjunati ma kellhom ebda standard tal-kwalità għall-kompost u fl-erba' reġjuni l-oħra l-limitu aċċettabbli tal-konċentrazzjoni għal metalli tqal kien ivarja b’mod sinifikanti, u dan ikkontribwixxa għall-iżvilupp fqir ta’ suq għall-kompost prodott mill-impjanti tal-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika fil-kampjun (ara l-paragrafu 52).

(e) L-implimentazzjoni ta’ strumenti ekonomiċi permezz ta’ tariffi jew permezz ta’ taxxi fuq ir-rimi tal-iskart, uriet li għandha impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni tal-proġetti u r-reġjuni fl-immaniġġjar tal-iskart (ara l-paragrafi 53 sa 54).

(f) Il-Kummissjoni ma ħeġġitx l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ, speċjalment tal-"prinċipju li min iniġġes iħallas" peress li nstab li ma kinux ġew applikati rati ta’ assistenza differenzjati fil-proġetti kkampjunati (ara l-paragrafi 55 sa 60).

RAKKOMANDAZZJONI 3

(a) L-Istati Membri għandhom:

(i) jagħtu aktar attenzjoni għaż-żieda tas-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi skemi tal-immaniġġjar tal-iskart, speċjalment fir-rigward tas-segregazzjoni tal-iskart f’ras il-għajn minn unitajiet domestiċi. Ir-riżultati miksuba permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ strateġiji edukattivi għandhom jitkejlu b’mod sistematiku;

(ii) jiffokaw fuq l-implimentazzjoni ta’ ġbir separat, inkluż l-iskart bijodegradabbli meta dan ikun kosteffettiv, sabiex tiġi massimizzata l-prestazzjoni tal-infrastrutturi tal-immaniġġjar tal-iskart u sabiex isir progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart;

(iii) jintroduċu strumenti ekonomiċi fl-immaniġġjar tal-iskart għall-promozzjoni tal-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, b’mod partikolari permezz ta’ taxxa fuq ir-rimi tal-iskart, skemi ta’ "ħallas biex tarmi" u inċentivi oħra fit-tariffi mħallsa minn unitajiet domestiċi.

(b) Il-Kummissjoni għandha:

(i) tagħmel il-kontribuzzjoni tal-UE soġġetta għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri;

(ii) fir-rigward tal-"prinċipju li min iniġġes iħallas", meta tkun qed tapprova l-programmi operazzjonali, titlob mill-Istati Membri l-applikazzjoni ta’ rati ta’ assistenza mnaqqsa meta t-tariffi għall-immaniġġjar tal-iskart imħallsa minn unitajiet domestiċi ma jkunux ikopru l-ispejjeż operattivi u parti kbira tal-ispejjeż ta’ deprezzament tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali. Il-Kummissjoni għandha tapplika dan il-prinċipju hi stess meta tkun qed tapprova proġetti kbar.

77. Titjib fil-qafas regolatorju tal-UE u l-linji gwida tal-UE jista’ jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-effettività tal-finanzjament minn miżuri strutturali għall-infrastrutturi tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali. Il-Qorti nnutat li:

(a) nuqqas ta’ ffukar tal-miri tal-direttivi tal-UE dwar l-iskart fuq il-prevenzjoni tal-iskart minkejja li l-prevenzjoni hija l-ewwel għażla għall-immaniġġjar skont id-Direttiva dwar l-Iskart (ara l-paragrafi 62 sa 63);

(b) nuqqas ta’ ċarezza tal-kunċett ta’ trattament qabel ir-rimi, li rriżulta fi strateġiji differenti fil-livell nazzjonali u reġjonali (ara l-paragrafi 64 sa 65);

(c) nuqqas ta’ standards tal-kwalità tal-UE għall-kompost, minkejja n-nuqqas jew l-inkonsistenza tal-istandards disponibbli fil-livell tal-Istati Membri li xekkel l-iżvilupp ta’ suq tal-kompost (ara l-paragrafi 66 u 67);

(d) nuqqas ta’ gwida dwar il-metodoloġija li għandha tintuża biex jiġu vvalutati l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara tal-miżbliet (il-paragrafu 68).

RAKKOMANDAZZJONI 4

Il-Kummissjoni għandha:

(a) ttipproponi miri għall-prevenzjoni tal-iskart f’konformità mal-piramida ta’ ġerarkija tal-iskart tal-UE;

(b) tikkjarifika l-kunċett ta’ trattament qabel ir-rimi li jinsab fid-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet, biex tiżgura approċċ konsistenti mill-Istati Membri;

(c) tikkunsidra l-opportunità li tiżviluppa mal-Istati Membri standards tal-kwalità tal-UE għall-kompost sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ suq tal-kompost;

(d) tipprovdi gwida xierqa u xxerred l-aħjar prassi fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tintuża sabiex issir stima tal-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara tal-miżbliet li għandhom ikunu koperti mis-sigurtà finanzjarja.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Harald NOACK, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal- 24 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

+++++ TIFF +++++

Vítor Manuel da Silva Caldeira

President

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal- 15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠUL 194, 25.7.1975, p. 39), emendata fl-1991 bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat- 18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 78, 26.3.1991, p. 32) u sussegwentement ikkodifikata bid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2006 (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9) li ġiet imħassra bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

[2] Id-Direttiva 2008/98/KE.

[3] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas- 26 ta’ April tal-1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

[4] Id-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91) li tħassret bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

[5] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal- 20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10), emendata bid-Direttiva 2004/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Frar 2004 (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 26) u bid-Direttiva 2005/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Marzu 2005 (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 17).

[6] Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24), emendata bid-Direttiva 2003/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Diċembru 2003 (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 106) u bid-Direttiva 2008/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 65). Din id-Direttiva ġiet riformulata bid-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

[7] L-Artikolu 17(1) TUE u l-Artikolu 317 tat-TFUE.

[8] Mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 25 ta’ Ġunju 2010 l-ammont kien EUR 25 miljun fil-każ tal-ambjent.

[9] Direttorat Ġenerali ieħor, id-DĠ Estat, huwa responsabbli għall-koordinazzjoni tas-Sistema Statistika Ewropea u l-forniment ta’ statistika relevanti lil servizzi oħra tal-Kummissjoni. Id-DĠ huwa l-fornitur prinċipali tal-istatistika dwar l-iskart li l-utent prinċipali tagħha huwa id-DĠ Ambjent.

[10] Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 d-DĠ Ambjent ġie kkonsultat ukoll mid-DĠ Politika Reġjonali u Urbana fil-każ tal-applikazzjonijiet għall-proġetti tal-Fond ta’ Koeżjoni.

[11] Id-direttivi tal-UE dwar l-iskart stabbilixxew objettivi u miri fil-livell tal-Istati Membri. Madankollu, peress li inġenerali r-reġjuni huma responsabbli għall-istabbiliment ta’ pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart u peress li huma rċevew appoġġ finanzjarju mill-UE għal infrastrutturi fil-qasam tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali, il-kontribut tagħhom għall-kisba tal-objettivi u l-miri tal-UE ġie vvalutat fil-qafas ta’ din il-verifika.

[12] 15-il infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart ibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-Fond ta’ Koeżjoni (inklużi 5 faċilitajiet ex-ISPA varati fir-Rumanija meta l-pajjiż kien fil-proċess li jsir Stat Membru). L-għotja ġiet approvata mill-Kummissjoni. 11 kienu proġetti FEŻR li kienu jinsabu fil-programmi operazzjonali u li kienu approvati mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni responsabbli.

[13] Proporzjon li jindika l-proporzjoni tat-tunnellati ta’ skart ittrattat fl-impjant mqabbla mat-tunnellati ta’ materjali rkuprati.

[14] Suq tal-kompost adegwat ikun jimplika l-eżistenza ta’ standards tal-kwalità għall-kompost, l-indikazzjoni ta’ użi xierqa potenzjali u l-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni intenzjonati għall-promozzjoni tal-utilizzazzjoni tal-kompost.

[15] L-analiżi tar-riżultati miksuba mir-reġjun Sud-Vest fir-Rumanija hija influwenzata min-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-databases tal-immaniġġjar tal-iskart disponibbli fl-Istat Membru, speċjalment fir-rigward tar-rata ta’ ġbir separat.

[16] Għar-reġjun Nord-Est fir-Rumanija r-rata ta’ rimi f’miżbliet tkopri l-iskart miġbur għall-perjodu 2003-2009 u l-ġbir separat għall-perjodu 2004-2009; għal Andalucía r-rata ta’ ġbir separat tirreferi għall-perjodu 2002-2008 u għar-reġjun Sud-Vest ir-rata ta’ rimi tal-iskart miġbur f’miżbliet u r-rata ta’ ġbir separat jikkorrispondu għall-perjodu 2006-2009.

[17] Għar-reġjun RO-Nord-Est id-data tirreferi għall-2003 u l-2009 u għal RO-Sud-Vest għall-2007 u l-2009.

[18] Għall-Portugall kienet disponibbli biss data fil-livell nazzjonali.

[19] ES-Andalucía, RO-Nord-Est u RO-Sud-Vest. Rigward iż-żewġ reġjuni kkampjunati fil-Portugall, Lisboa e Vale do Tejo u Norte, ma kienx hemm data disponibbli fil-livell reġjonali. Madankollu, il-mira ma ntlaħqitx mill-Istat Membru kollu kemm hu.

[1111] Ebda ċifra disponibbli għaż-żewġ reġjuni, iżda fil-livell tal-Istat Membru biss.

[2222] Data għall-2008.

[3333] Għandu jiżdied skart muniċipali mhux miġbur li ammonta għal 35 % u 27 % tal-ġenerazzjoni totali ta’ skart muniċipali rispettivament.

[4444] Data għall-2007.

[5555] Mira għall-2010.

[20] Għandu jiġi nnutat li r-Rumanija ngħatat skadenza addizzjonali, sal-2017, biex tiżgura li l-miżbliet eżistenti kollha jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Miżbliet.

[21] Għal RO-Nord-Est u RO-Sud-Vest, ir-rata ta’ rimi f’miżbliet kienet ikkalkulata abbażi tal-iskart miġbur biss.

[22] It-tariffi ġew ikkalkulati abbażi tal-metri kwadri ta’ appartamenti jew djar, tal-għadd ta’ persuni f’kull unità domestika, tal-konsum tal-ilma tax-xorb jew ta’ taħlita ta’ dawn l-elementi, mingħajr ma ttieħed kont tal-kwantità ta’ skart iġġenerat minn kull unità domestika.

[23] Kif ukoll lil ċittadini privati fil-każ ta’ rimi f’miżbliet.

[24] Għal ES-Andalucía u IT-Puglia id-data tirreferi għall-2008. Għal RO-Nord-Est u RO-Sud-Vest proporzjon tal-iskart mormi f’miżbla ma jiħux kont ta’ skart mhux miġbur.

[25] L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata).

[26] L-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442/KEE, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 91/156/KEE, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/12/KE u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98/KE.

[27] L-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31/KE.

[28] L-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal- 21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali: "Il-kontribuzzjoni tal-Fondi għandha tiġi differenzjata permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġeż irid iħallas".L-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999: "Il-kontribuzzjoni mill-Fondi tista’ tiġi modulata bl-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġeż iħallas".L-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006: "Fil-kalkolu tan-nefqa eliġibbli fuq proġetti li jiġġeneraw dħul, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tieħu kont tal-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas".

[29] Il-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid 2000-2006: Dokument tekniku 1 - Application of the polluter pays principle - Differentiating the rates of Community assistance for Structural Funds, Cohesion Fund and ISPA infrastructure operations (Applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas - Differenzjar tar-rati ta’ assistenza Komunitarja għal operazzjonijiet relatati mal-infrastrutturi tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-ISPA) ( 6.12.1999).

[30] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sitt programm ta’ azzjoni ambjentali tal-Komunità Ewropea (COM/2001/0031 final).

[31] L-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 1999/31/KE jistipula li "bir-riduzzjoni tal-kwantitá tal-iskart jew il-perikli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent", filwaqt li l-Artikolu 2(h) jistipula li "sabiex jitnaqqas il-volum" jew in-"natura perikoluża, jitħaffef il-maniġġar tiegħu jew jitkabbar l-irkuprar".

--------------------------------------------------

ANNESS I

SISTEMA TAL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART MIS-SORS TAL-ISKART SAR-RIMI FINALI

+++++ TIFF +++++

Noti komplementari għad-dijagramma

Skont id-Direttiva dwar l-Iskart,

Prevenzjoni: tfisser miżuri meħuda qabel sustanza, materjal jew prodott ikunu saru skart, li jnaqqsu: il-kwantità tal-iskart, l-impatti negattivi tal-iskart iġġenerat fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem jew il-kontenut ta’ sustanzi ta’ ħsara f’materjali u prodotti.

Użu mill-ġdid: tfisser kull operazzjoni li biha l-prodotti jew il-komponenti li mhumiex skart jerġgħu jintużaw għall-istess skop li għalih kienu maħsubin.

Riċiklaġġ: tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali tal-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Dan jinkludi l-ipproċessar mill-ġdid ta’ materjal bijodegradabbli iżda ma jinkludix irkupru ta’ enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li għandhom jintużaw bħala fjuwils jew għal operazzjonijiet ta’ radam mill-ġdid.

Irkupru: tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’.

Rimi: tfisser kull operazzjoni li mhijiex irkupru anki meta l-operazzjoni għandha bħala konsegwenza sekondarja r-reklamazzjoni ta’ sustanzi jew enerġija.

--------------------------------------------------

ANNESS II

ASSISTENZA MILL-MIŻURI STRUTTURALI ASSENJATA GĦAL PROĠETTI TA’ MMANIĠĠJAR TAL-ISKART

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

PERJODU TA’ PROGRAMMAZZJONI 2000-2006 |

Stat Membru | FK (skart urban u industrijali) | FK (ambjent relatat mal-iskart) | FEŻR | TOTAL | % Fuq it-Total |

Spanja | 1393087080 | 75120816 | 220099852 | 1688307748 | 36,78 |

il-Greċja | 365649728 | 0 | 297647168 | 663296896 | 14,45 |

il-Portugall | 385910757 | 8908090 | 51652744 | 446471591 | 9,73 |

l-Italja | 0 | 0 | 313677576 | 313677576 | 6,83 |

l-Ungerija | 176848871 | 27958830 | 15167782 | 219975483 | 4,79 |

il-Ġermanja | 0 | 0 | 197557502 | 197557502 | 4,30 |

il-Polonja | 74031202 | 29438760 | 91424570 | 194894532 | 4,25 |

il-Litwanja | 90372374 | 16563950 | 1446008 | 108382332 | 2,36 |

ir-Rumanija | 0 | 107489325 | 0 | 107489325 | 2,34 |

Franza | 0 | 0 | 103931777 | 103931777 | 2,26 |

l-Irlanda | 6903275 | 0 | 80617000 | 87520275 | 1,91 |

is-Slovenja | 62572651 | 20331730 | 0 | 82904381 | 1,81 |

ir-Repubblika Ċeka | 47345000 | 0 | 16328485 | 63673485 | 1,39 |

il-Latvja | 32405111 | 22928732 | 7538163 | 62872006 | 1,37 |

Kooperazzjoni transkonfinali fl-UE | 0 | 0 | 56691788 | 56691788 | 1,24 |

il-Bulgarija | 0 | 51800193 | 0 | 51800193 | 1,13 |

Ċipru | 0 | 28722415 | 0 | 28722415 | 0,63 |

l-Estonja | 23096673 | 0 | 2389009 | 25485682 | 0,56 |

is-Slovakkja | 0 | 0 | 22870561 | 22870561 | 0,50 |

ir-Renju Unit | 0 | 0 | 16864095 | 16864095 | 0,37 |

Malta | 11723250 | 0 | 3166065 | 14889315 | 0,32 |

Kooperazzjoni interreġjonali fl-UE | 0 | 0 | 13985683 | 13985683 | 0,30 |

il-Finlandja | 0 | 0 | 6222300 | 6222300 | 0,14 |

il-Belġju | 0 | 0 | 5706707 | 5706707 | 0,12 |

il-Pajjiżi l-Baxxi | 0 | 0 | 5680360 | 5680360 | 0,12 |

id-Danimarka | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

il-Lussemburgu | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

l-Awstrija | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

l-Isvezja | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

TOTAL UE | 2669945972 | 389262841 | 1530665195 | 4589874008 | 100,00 |

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

PERJODU TA’ PROGRAMMAZZJONI 2007-2013 |

Stat Membru | Ammont assenjat mill-UE | % Fuq it-Total |

il-Polonja | 1311253636 | 21,01 |

ir-Rumanija | 792840872 | 12,71 |

ir-Repubblika Ċeka | 520258572 | 8,34 |

Spanja | 462015554 | 7,40 |

il-Greċja | 432176450 | 6,93 |

is-Slovakkja | 368600000 | 5,91 |

l-Ungerija | 366500000 | 5,87 |

l-Italja | 338072531 | 5,42 |

il-Bulgarija | 300521138 | 4,82 |

il-Litwanja | 278995046 | 4,47 |

il-Portugall | 224088076 | 3,59 |

is-Slovenja | 205568426 | 3,29 |

Franza | 134470000 | 2,16 |

il-Latvja | 129500000 | 2,08 |

Ċipru | 125495000 | 2,01 |

l-Estonja | 70302813 | 1,13 |

Malta | 55250000 | 0,89 |

il-Ġermanja | 47745110 | 0,77 |

Kooperazzjoni transkonfinali fl-UE | 47890793 | 0,77 |

ir-Renju Unit | 20230668 | 0,32 |

l-Irlanda | 3000000 | 0,05 |

il-Belġju | 2382219 | 0,04 |

il-Pajjiżi l-Baxxi | 2667500 | 0,04 |

TOTAL | 6239824404 | 100,00 |

--------------------------------------------------

ANNESS III

LISTA TA’ INFRASTRUTTURI MAGĦŻULA GĦALL-VERIFIKA

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Reġjun (Stat Membru) | Titolu tal-proġett | Tip ta’ infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart | Fond tal-UE |

Katalunja (Spanja) | Impjant għat-trattament mekkaniku u bijoloġiku (Sant Adrià de Besòs) | Trattament mekkaniku u bijoloġiku | Fond ta’ Koeżjoni |

Katalunja (Spanja) | Kostruzzjoni u adattament ta’ infrastrutturi tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali f’Katalunja (Proġett 17 – Tkabbir u adattament tal-miżbla f’Alt Empordà) | Miżbla | Fond ta’ Koeżjoni |

Katalunja (Spanja) | Kostruzzjoni u adattament ta’ infrastrutturi tal-immaniġġjar ta’ skart muniċipali f’Katalunja (Proġett 18 – Impjant għall-ikkompostjar f’Gironés) | Impjant għall-ikkompostjar | Fond ta’ Koeżjoni |

Sardinja (l-Italja) | Impjant għall-produzzjoni ta’ kompost ta’ kwalità (Serramanna) | Impjant għall-ikkompostjar | FEŻR (OP Sardegna) |

Sardinja (l-Italja) | Impjant għad-diġestjoni anaerobika (Villacidro) | Trattament mekkaniku u bijoloġiku | FEŻR (OP Sardegna) |

Sardinja (l-Italja) | Impjant għas-selezzjoni, l-istabbilizzazzjoni u l-produzzjoni ta’ fjuwil derivat miż-żibel (Olbia) | Trattament mekkaniku u bijoloġiku | FEŻR (OP Sardegna) |

Puglia (l-Italja) | Impjant għall-bijostabbilizzazzjoni u l-ikkompostjar f’Cerignola | Trattament mekkaniku u bijoloġiku | FEŻR (OP Puglia) |

Puglia (l-Italja) | Miżbla (Cavallino) | Miżbla | FEŻR (OP Puglia) |

Puglia (l-Italja) | Impjant għall-bijostabbilizzazzjoni (Cavallino) | Trattament mekkaniku u bijoloġiku | FEŻR (OP Puglia) |

Puglia (l-Italja) | Protezzjoni u riġenerazzjoni tal-ambjent permezz tal-iżvilupp taċ-ċiklu tal-immaniġġjar ta’ skart urban (Brindisi) | Mhux operattiv fiż-żmien tal-verifika | FEŻR (OP Puglia) |

Andalucía (Spanja) | Impjant għall-irkupru tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ fiċ-ċentru integrat għat-trattament ta’ skart solidu muniċipali Monte Marta - Cónica (Sevilla) | Impjanti tas-separazzjoni | Fond ta’ Koeżjoni |

Andalucía (Spanja) | Impjant għall-irkupru u l-ikkompostjar (Linares) | Trattament mekkaniku u bijoloġiku | Fond ta’ Koeżjoni |

Andalucía (Spanja) | Tagħmir, għeluq u kostruzzjoni ta’ ċellola ġdida f’miżbla għad-depożitar ta’ skart solidu muniċipali, Guadiel (Linares) | Miżbla | Fond ta’ Koeżjoni |

LVT (il-Portugall) | Impjant għas-separazzjoni, RESITEJO | Impjant għas-separazzjoni | FEŻR (OP LVT) |

LVT (il-Portugall) | Kostruzzjoni ta’ impjant għall-irkupru organiku (VALORSUL) | Impjant għad-diġestjoni anaerobika | Fond ta’ Koeżjoni |

Norte (il-Portugall) | Sistema multimuniċipali għall-irkupru u t-trattament ta’ skart solidu muniċipali (Vale do Douro Sul, RESIDOURO) | Impjant għas-separazzjoni | FEŻR (OP Norte) |

Norte (il-Portugall) | Sistema multimuniċipali għall-irkupru u t-trattament ta’ skart solidu muniċipali (Vale do Douro Sul, RESIDOURO) | Miżbla | FEŻR (OP Norte) |

Norte (il-Portugall) | Riabilitazzjoni ambjentali tal-impjant għat-trattament ta’ skart solidu muniċipali (Vale do Ave) | Impjant għall-ikkompostjar | FEŻR (OP Norte) |

Norte (il-Portugall) | Immaniġġjar integrat ta’ skart solidu minn LIPOR – impjant għall-irkupru organiku | Impjant għall-ikkompostjar | Fond ta’ Koeżjoni |

Norte (il-Portugall) | Sistema multimuniċipali għall-irkupru u t-trattament ta’ skart solidu muniċipali (Baixo Tâmega) | Impjant għas-separazzjoni | Fond ta’ Koeżjoni |

Norte (il-Portugall) | Sistema multimuniċipali għall-irkupru u t-trattament ta’ skart solidu muniċipali (Baixo Tâmega) | Miżbla | Fond ta’ Koeżjoni |

Nord-Est (ir-Rumanija) | Programm tal-immaniġġjar tal-iskart f‘Piatra Neamt | Impjant għall-ikkompostjar | Fond ta’ Koeżjoni (ex ISPA) |

Nord-Est (ir-Rumanija) | Programm tal-immaniġġjar tal-iskart f‘Piatra Neamt | Impjant għas-separazzjoni | Fond ta’ Koeżjoni (ex ISPA) |

Nord-Est (ir-Rumanija) | Programm tal-immaniġġjar tal-iskart f‘Piatra Neamt | Miżbla | Fond ta’ Koeżjoni (ex ISPA) |

Sud-Vest (ir-Rumanija) | Sistema integrata għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali (Râmnicu Vâlcea) | Impjant għall-ikkompostjar | Fond ta’ Koeżjoni (ex ISPA) |

Sud-Vest (ir-Rumanija) | Sistema integrata għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali (Râmnicu Vâlcea) | Miżbla | Fond ta’ Koeżjoni (ex ISPA) |

Programmi operazzjonali komplementari tal-FEŻR eżaminati li għalihom ebda infrastruttura ma ġiet ivverifikata

Katalunja (Spanja) | Dokument ta’ Pprogrammar Uniku Cataluña 2000-2006 |

Andalucía (Spanja) | Programm Operazzjonali Andalucía 2000-2006 |

Castilla La Mancha (Spanja) | Programm Operazzjonali Castilla la Mancha 2000-2006 |

Comunidad de Madrid (Spanja) | Dokument ta’ Pprogrammar Uniku Comunidad de Madrid 2000-2006 |

Madeira (il-Portugall) | Programm Operazzjonali Madeira 2000-2006 |

Sicilia (l-Italja) | Programm Operazzjonali Sicilia 2000-2006 |

--------------------------------------------------

ANNESS IV

RATI TA’ ASSISTENZA MOGĦTIJA META MQABBLA MAR-RATI LI JIEĦDU KONT TAL-LIVELL TA' KOPERTURA TAL-ISPEJJEŻ OPERATTIVI MINN UNITAJIET DOMESTIĊI

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi ta’ data disponibbli fil-livell tal-Kummissjoni u dak tal-Istati Membri.

Infrastruttura | Kopertura tal-ispejjeż totali mit-tariffi | Kopertura tal-ispejjeż operattivi mit-tariffi | Rata ta’ assistenza applikata | Rati ta’ assistenza proposti li għandhom jiġu applikati [3] | Sena ta’ referenza |

ES-CA1 | 40 % | 42 % | 80 % | 50 % | 2010 |

ES-CA2 | 56 % | 59 % | 80 % | 50 % | 2010 |

ES-CA3 | 76 % | 80 % | 80 % | 50 % | 2010 |

IT-SA1 | 78 % | 84 % | 50 % | 40 % | 2009 |

IT-SA2 | 77 % | 83 % | 50 % | 40 % | 2009 |

IT-SA3 | 78 % | 84 % | 50 % | 40 % | 2009 |

IT-PU1 | 96 % | 100 % | 50 % | 40 % | 2009 |

IT-PU2 u 3 | 85 % | 91 % | 50 % | 40 % | 2009 |

IT-PU4 | MA. Il-proġett ma kienx qed jopera fiż-żmien taż-żjara tal-verifika. |

ES-AN1 | MA. L-ispejjeż tal-operat u d-deprezzament tal-impjant għas-separazzjoni huma koperti minn kumpanji li introduċew l-imballaġġ fis-suq. |

ES-AN2 u 3 | 83 % | 88 % | 80 % | 50 % | 2009 |

PT-LVT1 | 55 % | 66 % | 75 % | 50 % | 2010 |

PT-LVT2 [1] | 0 % | 0 % | 50 % | 50 % | 2010 |

PT-NO1 u 2 | 27 % | 33 % | 75 % | 50 % | 2010 |

PT-NO3 | 73 % | 88 % | 75 % | 50 % | 2010 |

PT-NO4 | 68 % | 82 % | 50 % | 50 % | 2010 |

PT-NO5 u 6 | 24 % | 29 % | 85 % | 50 % | 2010 |

RO-PN1, 2 u 3 | Ebda informazzjoni | 73 % | 75 % | 50 % | 2010 |

RO-RV1 u 2 | Ebda informazzjoni | 89 % [2] | 75 % | 50 % | 2010 |

[1] L-informazzjoni li saret disponibbli lill-Qorti kienet għal tnejn biss mit-tliet muniċipalitajiet li għalihom din intalbet.

[2] Mhux inklużi l-ispejjeż operattivi tal-miżbla u tal-impjant għall-ikkompostjar.

[3] Ibbażat fuq id-Dokument tekniku 1 – Application of the Polluter Pays Principle - Differentiating the rates of Community assistance for Structural Funds, Cohesion Fund and ISPA infrastructure operations (Applikazzjoni tal-Prinċipju li Min Iniġġes Iħallas – Differenzjar tar-rati ta’ assistenza Komunitarja għal operazzjonijiet relatati mal-infrastrutturi tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-ISPA) ( 6.12.1999). Dan id-dokument tekniku jipproponi r-rati ta’ assistenza li għandhom jiġu applikati.

--------------------------------------------------