Ir-Rapport Speċjali Nru 16/2012 “L-effettività tal-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja bħala sistema transizzjonali li tappoġġa lill-bdiewa fl-Istati Membri ġodda”
ABBREVJAZZJONIJIET CATS : Clearance Audit Trail System (Sistema ta’ Sekwenza tat-Tranżazzjonijiet ta’ Approvazzjoni, database li tiġbor l-informazzjoni relatata mal-pagamenti ta’ fondi agrikoli Ewropej) CNDP : Pagamenti Diretti Nazzjonali Komplementari EAU : Erja Agrikola Utilizzata Eurostat : L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea FAEG : Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija KAAT : Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba KAT : Kundizzjoni Agrikola Tajba LFA : Żona żvantaġġata LPIS : Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba’ PAK : Politika Agrikola Komuni SIAK : Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll SMR : Rekwiżiti Statutorji tal-Ġestjoni SPU : Skema ta’ Pagament Uniku SPUE : Skema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja WTO : Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ GLOSSARJU Aġenda 2000 : Din ir-riforma poġġiet lill-PAK fuq żewġ pilastri ewlenin li l-baġit tal-Komunità jiffinanzja permezz ta’ żewġ fondi Agrikoli Ewropej. L-ewwel pilastru (il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)) jipprovdi għal miżuri tas-suq u appoġġ għad-dħul fil-forma ta’ pagamenti diretti. It-tieni pilastru (il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)) jikkofinanzja miżuri ta’ żvilupp rurali f’oqsma bħalma huma l-agriambjent, il-promozzjoni tal-kwalità tal-ikel, l-istandards tekniċi ogħla u t-trattament xieraq tal-annimali. Att ta’ Adeżjoni : L-Att li fih it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom pajjiż isir Stat Membru tal-UE. Dħul intraprenditorjali agrikolu : Dħul iġġenerat mill-attivitajiet tal-biedja li jintuża biex jikkumpensa fatturi tal-produzzjoni proprja (xogħol u/jew intrapriża, kapital proprju u art li hija proprjetà ta’ sid). Dan jikkorrispondi għad-dħul tal-fattur wara li jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mas-self ta’ kapital u l-ingaġġ ta’ ħaddiema. Dħul tal-fattur agrikolu : Jindika l-valur nett miżjud ta’ attivitajiet agrikoli (kif ukoll attivitajiet mhux agrikoli inseparabbli, attivitajiet sekondarji) skont il-kost tal-fattur. Dan huwa kkalkulat billi jitnaqqsu l-valur tal-konsum intermedju, il-konsum tal-kapital fiss u t-taxxi tal-produzzjoni mill-valur tal-prodott agrikolu skont il-prezzijiet bażiċi u billi jiżdied il-valur ta’ sussidji (oħra) fuq il-produzzjoni. L-unitajiet domestiċi ta’ sikwit jirċievu dħul minn sorsi oħra (attivitajiet mhux agrikoli, salarji, benefiċċji soċjali, dħul minn proprjetà) tant li b’hekk id-dħul agrikolu ma jkunx neċessarjament identiku mad-dħul reali ta’ unitajiet domestiċi agrikoli. Diżakkoppjar : Il-proċess ta’ separazzjoni ta’ pagamenti ta’ għajnuna diretta mill-produzzjoni agrikola. Kontroll tas-Saħħa : Ir-reviżjoni tal-2008 tar-riforma 2003 tal-PAK. L-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni għal aktar diżakkoppjar ta’ għajnuniet diretti u flessibbiltà addizzjonali għall-SPU, trasferimenti ogħla ta’ nfiq għal miżuri tal-iżvilupp rurali, modifiki għas-sistema ta’ intervent, żieda fil-kwoti tal-ħalib u miżuri speċifiċi oħra tas-settur. Riforma 2003 : Ir-riforma tal-PAK ("ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu") li mmirat li tnaqqas l-appoġġ tal-prezzijiet u tikkumpensa għal dan it-tnaqqis permezz ta’ għajnuna diretta għad-dħul u hekk tkompli l-proċess li kien inbeda fl-1992 (ir-riforma MacSharry), u li ġie kkonfermat fl-1999 (ir-riforma tal-Aġenda 2000). Ir-riforma 2003 introduċiet id-diżakkoppjar tal-għajnuna u l-kundizzjonalità filwaqt li rrinforzat l-assistenza għall-iżvilupp rurali. SPUE : Skema simplifikata ta’ appoġġ għad-dħul transizzjonali għal bdiewa fl-Istati Membri ġodda. Stati Membri fl-SPUE : L-Istati Membri ġodda li għażlu li jintroduċu l-SPUE minflok l-iskemi ta’ għajnuna applikati fl-UE-15: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Stati Membri ġodda : Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja. Tkabbir tal-UE : Il-proċess ta’ espansjoni tal-Unjoni Ewropea permezz tal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda. UE -15 : Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit. SOMMARJU EŻEKUTTIV I. L-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja (SPUE) hija sistema ta’ appoġġ għad-dħul simplifikata mmirata għall-bdiewa fl-Istati Membri ġodda. L-iskema ġiet introdotta mill-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja. L-iskema tat lok lill-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jimplimentaw għajnuna diretta lil bdiewa sakemm l-Istati Membri kkonċernati jaqilbu għall-iskema ta’ appoġġ li hi skedata li tibda tiġi implimentata fl-UE għal kollox mill- 1 ta’ Jannar 2014. Il-pagamenti SPUE ammontaw għal madwar EUR 5 biljun fis-sena finanzjarja 2011. II. Taħt l-SPUE, il-bdiewa ma għandhomx obbligu li jipproduċu prodotti jew li japplikaw fatturi tal-produzzjoni. Għandhom għalhekk iżommu l-art tagħhom f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) u jirrispettaw l-istandards bażiċi fir-rigward tal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali. III. Il-verifika tal-Qorti tal-implimentazzjoni tal-SPUE ffukat fuq li ġej: - l-implimentazzjoni tal-elementi prinċipali tal-iskema, inkluża d-definizzjoni tal-benefiċjarji u d-definizzjoni ta’ art eliġibbli; - il-kontribut tal-iskema bl-objettiv li jkun appoġġat id-dħul tal-bdiewa fl-Istati Membri ġodda; - it-tħejjija tat-tranżizzjoni għal sistema ta’ pagamenti diretti ġdida komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE. IV. Fir-rapport tagħha dwar l-SPU [1] il-Qorti nnutat l-inadegwatezza tad-definizzjoni tal-"bdiewa" u l-pagament ta’ għajnuna lill-benefiċjarji li mhumiex involuti fil-biedja jew li huma involuti marġinalment biss. Il-verifika attwali tippermetti t-teħid tal-istess konklużjonijiet fir-rigward tal-SPUE. Barra minn hekk, f’xi uħud minn dawn l-Istati Membri kkonċernati, l-għajnuna SPUE kienet ukoll legalment imħallsa lil (u appoġġat id-dħul ta’) entitajiet pubbliċi li jġestu l-art tal-Istat u mhux involuti fil-biedja b’mod ieħor. V. L-Istati Membri ma identifikawx preċiżament l-erjas eliġibbli u l-pagamenti saru b’relazzjoni mal-ħbula mhux utilizzati jew art immirata għal attivitajiet mhux agrikoli. Din is-sitwazzjoni għandha impatt ukoll fuq l-ammont imħallas lil kull bidwi individwali u ddgħajjef ir-rabta bejn il-pagament u l-erja eliġibbli. VI. Il-pagamenti SPUE kkontribwew b’mod sinifikanti għaż-żieda fid-dħul tal-bdiewa fl-Istati Membri kkonċernati u bħalissa huma s-sors prinċipali tad-dħul nett għal bosta bdiewa. Madankollu, f’termini tad-distribuzzjoni tagħha, l-għajnuna SPUE hija essenzjalment ibbażata fuq l-erja ta’ ħbula agrikoli li jinsabu fid-dispożizzjoni tal-bdiewa mingħajr ma jitqiesu la l-karatteristiċi reġjonali speċifiċi ta’ attivitajiet tal-biedja, u lanqas il-kontribut tal-bdiewa għall-produzzjoni tal-beni pubbliċi. Barra minn hekk, l-istruttura doppja tas-settur agrikolu f’ħafna mill-Istati Membri ġodda (li tvarja minn azjendi agrikoli kbar fuq naħa waħda għal għadd kbir ta’ azjendi żgħar tal-familji fuq in-naħa l-oħra) flimkien man-natura tal-iskema bbażata fuq is-superfiċje twassal għal konċentrazzjoni qawwija tal-pagamenti għal għadd żgħir ta’ benefiċjarji kbar filwaqt li l-maġġoranza tal-bdiewa jirċievu ammonti żgħar wisq ta’ għajnuna. VII. M'hemmx għażla li ssir distinzjoni tal-pagamenti SPUE fi ħdan Stat Membru sabiex jitqies il-potenzjal agrikolu tar-reġjuni jew il-kriterji ambjentali. Mill-2010, madankollu, l-Istati Membri jistgħu jużaw parti mill-pakkett nazzjonali SPUE għal għajnuna speċifika għall-bdiewa li jkunu jinsabu f’erjas ekonomikament vulnerabbli jew sensittivi mil-lat ambjentali, jew għal tipi ekonomikament vulnerabbli ta’ biedja. Madankollu, hu kmieni wisq biex issir valutazzjoni tal-impatt ta’ din l-għażla fuq id-distribuzzjoni tal-għajnuna SPUE. VIII. Il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri kien stabbilit bi skop li jħeġġeġ ir-ristrutturar neċessarju tas-settur agrikolu u li jevita milli joħloq disparitajiet konsiderevoli fuq id-dħul u distorsjonijiet soċjali fis-soċjetajiet rurali affettwati. Madankollu, dgħufijiet strutturali persistenti fl-ekonomija agrikola tal-Istati Membri fl-SPUE jistgħu jħallu impatt fuq l-effettività u l-effiċjenza fuq perjodu twil tal-pagamenti diretti. Sal-lum il-Kummissjoni għadha ma analizzatx l-effetti tal-għajnuna SPUE fuq ir-ristrutturar tas-settur tal-biedja. IX. L-effettività tal-SPUE biex ikun appoġġat id-dħul tal-azjendi agrikoli hi mnaqqsa fejn l-għajnuna hija "kapitalizzata" f’art jew prezzijiet għall-kiri tal-art. Il-Kummissjoni s’issa għadha ma analizzatx dawn l-effetti fl-Istati Membri li saritilhom żjara imma hemm evidenza li l-pagamenti SPUE huma kkorrelatati ma’ żieda fil-prezzijiet tal-art jew tal-kiri tal-art. X. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li japplikaw l-SPUE ma ħejjewx għall-introduzzjoni ta’ skema bbażata fuq id-drittijiet li se tiġi wara l-SPUE. L-esperjenza tal-introduzzjoni tal-SPU fl-Istati Membri tal-UE-15 fl-2005 uriet li l-implimentazzjoni ta’ skema bħal din wasslet għal dewmien sinifikanti fil-pagamenti lill-bdiewa. XI. Il-Qorti tirrakkomanda li: - L-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa għandu jkun immirat lejn il-bidwi attiv li jwettaq attivitajiet konkreti u regolari. B’mod partikolari, l-entitajiet pubbliċi li jġestu l-art tal-Istat u dawk li mhumiex involuti fil-biedja għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-għajnuna SPUE. - L-eliġibbiltà tal-art għall-għajnuna għandha tkun imfissra b’mod ċar u limitata għal ħbula li l-istandards KAAT jesiġu li fuqhom iridu jitwettqu attivitajiet agrikoli konkreti u regolari. Fl-eventwalità tal-introduzzjoni ta’ skema bbażata fuq id-drittijiet, id-drittijiet għal pagamenti għandhom ikunu allokati biss għal ħbula bħal dawn. - Għandha ssir distribuzzjoni iktar ibbilanċjata ta’ għajnuna bejn il-bdiewa jew billi l-pagamenti individwali li huma ogħla jiġu limitati jew billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-azjendi agrikoli fir-reġjuni differenti. - Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-firxa li għaliha l-effettività u l-effiċjenza tal-pagamenti diretti hija avversament milquta minn dgħufijiet strutturali u prezzijiet tal-art. Abbażi ta’ analiżi bħal din, il-Kummissjoni għandha tqis miżuri komplementari li għandhom l-għan li jirristrutturaw is-settur tal-biedja u li jagħmluh iktar kompetittiv. - Il-Kummissjoni għandha tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri u għandha timmonitorja iktar mill-qrib it-tħejjijiet tagħhom għall-introduzzjoni ta’ skema futura bbażata fuq id-drittijiet. B’mod partikolari, għandha tgħin lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-bdiewa. INTRODUZZJONI SFOND 1. Meta r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ssieħbu mal-Unjoni Ewropea (UE) fl- 1 ta’ Mejju 2004, il-qofol tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kien jikkonsisti mill-pagamenti diretti akkoppjati lill-bdiewa bbażati fuq erjas ta’ raba’ u għadd ta’ annimali (bovini, ovini u kaprini). Fl-2002, il-Kunsill kien iddeċieda li pagamenti diretti bħal dawn ser ikunu disponibbli għall-bdiewa fl-Istati Membri ġodda. Skont il-prinċipji li kienu fis-seħħ dak iż-żmien fl-Istati Membri tal-UE (UE-15), il-Kunsill stabbilixxa limitu massimu baġitarju għal kull Stat Membru ġdid. Dan huwa l-ammont massimu ffinanzjat mill-baġit tal-UE li jista’ jintefaq kull sena fuq il-pagamenti diretti. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li l-pagamenti diretti għandhom jiżdiedu progressivament sal-2013 sabiex ikunu komparabbli mal-livell ta’ appoġġ mogħti fl-UE-15. 2. Madankollu, l-istruttura tas-settur agrikolu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ġodda kienet sostanzjalment differenti minn dik li ddominat fl-Istati Membri tal-UE-15. Din kienet ikkaratterizzata minn struttura doppja b’azjendi agrikoli kbar fuq naħa waħda u għadd kbir ta’ azjendi żgħar tal-familji fuq in-naħa l-oħra. Ġeneralment, il-produttività tas-settur kienet baxxa. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-amministrazzjonijiet nazzjonali ma kellhomx esperjenza tal-ġestjoni ta’ sistema ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa. 3. Għal din ir-raġuni, l-Att ta’ Adeżjoni ffirmat mal-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 offrielhom, bħala alternattiva għall-pagamenti diretti akkoppjati, l-għażla li jimplimentaw, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, sistema simplifikata ta’ appoġġ għad-dħul: l-"Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja" (SPUE). Dan l-Att jipprovdi li, għal kull Stat Membru ġdid, il-Kummissjoni għandha tiffissa pakkett finanzjarju annwali għan-nefqa SPUE fi ħdan il-limiti massimi baġitarji nazzjonali stabbiliti mill-Kunsill. L-istess għażla kienet offruta wkoll lill-Bulgarija u lir-Rumanija meta dawn issieħbu mal-UE fl-2007. 4. B’mod parallel mal-proċess tat-tkabbir tal-UE, il-Kunsill adotta r-riforma 2003 tal-PAK. Din ir-riforma: (a) introduċiet Skema ta’ Pagament Uniku (SPU) li tieħu post il-biċċa l-kbira tal-pagamenti diretti eżistenti fejn l-għajnuna kienet "diżakkoppjata" minn kwalunkwe obbligu ta’ produzzjoni; (b) żborżat l-ammont sħiħ ta’ pagamenti diretti taħt il-kundizzjoni li l-bdiewa jkunu rrispettaw l-obbligi tal-"kundizzjonalità" [2]; u (c) stabbiliet mekkaniżmu obbligatorju biex jitnaqqsu l-pagamenti diretti kollha li jaqbżu l-EUR 5000 kull sena kalendarja u għal kull azjenda agrikola b’perċentwal fiss ("modulazzjoni"). 5. Il-Kunsill iddeċieda fl-2004 li l-prinċipji adottati fir-riforma 2003 se jkunu applikabbli fl-Istati Membri ġodda, bl-eċċezzjoni tal-element tal-"modulazzjoni" (għal-lanqas sakemm il-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri ġodda jkun daqs dak applikabbli fl-UE-15). Madankollu, inżammet l-għażla li tiġi implimentata l-SPUE [3]. 6. Fl-2004, Malta u s-Slovenja biss għażlu li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-pagamenti diretti li kienu fis-seħħ dak iż-żmien u, sussegwentament, fl-2007, l-SPU li kienet daħlet fis-seħħ fl-UE-15 mill-2005. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u, fl-2007, il-Bulgarija u r-Rumanija ddeċidew li jimplimentaw l-SPUE. 7. Mill-bidu, l-SPUE kienet għalhekk inħolqot bħala tranżizzjoni lejn is-sistema ta’ pagamenti diretti li kienet fis-seħħ fl-UE b’mod globali (l-SPU mill-2005). Inizjalment, il-perjodu ta’ tranżizzjoni kellu jintemm mhux iktar tard mill-2009. Madankollu, fi ħdan il-qafas tal-"Kontroll tas-Saħħa" tal-PAK fl-2008, il-Kunsill estenda dan il-perjodu sa tmiem l-2013. Għalhekk, is-sistema ta’ pagamenti diretti li qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill li se tiġi adottata bħala parti mill-PAK ġdida li għandha tiġi implimentata mill-2014 se tieħu post l-SPUE minn dakinhar [4]. ELEMENTI PRINĊIPALI TAL-SPUE 8. L-SPUE hija skema simplifikata ta’ appoġġ għad-dħul immirata lejn il-bdiewa u hi bbażata fuq l-erja ta’ art eliġibbli għad-dispożizzjoni tagħhom [5]. F’kull Stat Membru, l-għajnuna tikkonsisti minn ammont annwali għal kull ettaru ta’ art eliġibbli. Il-bdiewa jippreżentaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti dikjarazzjoni annwali li tinkludi l-ħbula agrikoli kollha. Il-bdiewa ma għandhom ebda obbligu li jipproduċu jew li jħaddmu fatturi tal-produzzjoni, imma għandhom iżommu l-ħbula f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) [6]. 9. F’kull Stat Membru l-livell ta’ pagament uniku għal kull ettaru hu kkalkulat billi l-pakkett finanzjarju annwali jiġi diviż skont l-erja agrikola ta’ kull Stat Membru ġdid. Meta f’sena partikolari dawn il-pagamenti jeċċedu l-pakkett finanzjarju annwali, l-ammont nazzjonali għal kull ettaru applikabbli jitnaqqas proporzjonalment billi jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ tnaqqis. Dan jiżgura li l-pagamenti ma jaqbżux il-pakketti nazzjonali adottati fl-Atti ta’ Adeżjoni. 10. Għall-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 l-erja agrikola tfisser dik il-parti tal-"erja agrikola utilizzata" (EAU) li kienet miżmuma f’"kundizzjoni agrikola tajba" (GAT) fit- 30 ta’ Ġunju 2003 [7]. L-iffissar ta’ dik id-data eskluda mill-benefiċċju tal-SPUE art li ma kinitx utilizzata dak iż-żmien anke meta l-bdiewa reġgħu bdew jikkultivaw dik l-art fis-snin ta’ wara. Fil-Bulgarija u r-Rumanija madankollu, l-ebda limitu ta’ data bħal dan ma ġie ffissat tant li l-bdiewa jistgħu jibbenefikaw mill-pagamenti SPUE fir-rigward ta’ art li qabel kienet abbandunata u li jerġgħu jibdew jikkultivaw wara l-adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri fl-UE. 11. L-"erja agrikola utilizzata" hija kunċett tal-istatistika użat mill-Eurostat [8]. Tinkludi l-erja totali użata bħala raba’, bur permanenti, uċuħ tar-raba’ permanenti u ġonna kulinari. 12. Hemm stabbilit paragun bejn l-SPUE u l-SPU fl-Anness I. GĦAŻLA BIEX JINGĦATAW PAGAMENTI DIRETTI NAZZJONALI KOMPLEMENTARI 13. Qabel ma ssieħbu mal-UE, xi Stati Membri kienu diġà taw pagamenti diretti lill-bdiewa tagħhom li kieku kienu jkunu inkompatibbli mal-prinċipji tas-suq komuni tal-UE. Sabiex jiġi evitat tnaqqis possibbli fil-livell ta’ appoġġ li jirċievu l-bdiewa wara l-adeżjoni ta’ pajjiżhom fl-UE, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jagħtu mill-baġit nazzjonali, pagamenti diretti komplementari (CNDP), b’żieda mal-għajnuna SPUE, sabiex jikkumpensaw l-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti tal-UE [9]. Dawn għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni u t-total tal-appoġġ dirett li jista’ jingħata lill-bdiewa ma jistax jeċċedi l-livell ta’ appoġġ dirett li jkunu intitolati għalih fl-UE-15. Is-CNDPs qegħdin jinqatgħu gradwalment sabiex jikkoinċidu maż-żieda annwali tal-pagamenti SPUE. AMBITU, OBJETTIVI U APPROĊĊ TAL-VERIFIKA 14. Il-Qorti vverifikat l-implimentazzjoni tal-SPUE mis-sena finanzjarja 2005 fil-qafas tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni (DAS) annwali. Dawn il-verifiki kienu madankollu limitati għal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti u l-funzjonament tas-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. Il-Qorti ppubblikat ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki fir-Rapporti Annwali rispettivi tagħha. 15. L-SPUE hija t-tieni l-ikbar skema ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u s-sors prinċipali tal-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa fl-Istati Membri ġodda. In-nefqa annwali żdiedet matul is-snin minn EUR 1,4 biljun fis-sena finanzjarja 2005 għal madwar EUR 5 biljun fl-2011. L-għajnuna hija skedata li tilħaq sa madwar EUR 7,5 biljun sas-sena finanzjarja 2014. 16. Il-verifika saret fl-2011 u inkludiet żjarat lill-Kummissjoni Ewropea u lil ħames Stati Membri li kienu introduċew l-SPUE fl-2004 (l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja) jew fl-2007 (il-Bulgarija u r-Rumanija) kif ukoll analiżi dokumentarja u eżami tal-istudji u l-evalwazzjonijiet. Fl-2011, l-Istati Membri fejn saret żjara ħallsu madwar EUR 4 biljun f’għajnuna SPUE li tirrappreżenta madwar 80 % tan-nefqa totali li saret taħt l-iskema f’dik is-sena finanzjarja [10]. 17. Dan ir-rapport jiffoka fuq dan li ġej: - l-implimentazzjoni tal-elementi prinċipali tal-iskema, inkluża d-definizzjoni tal-benefiċjarji u d-definizzjoni ta’ art eliġibbli; - il-kontribut tal-iskema bl-objettiv li jkun appoġġat id-dħul tal-bdiewa fl-Istati Membri ġodda; - it-tħejjija tat-tranżizzjoni għal sistema ta’ pagamenti diretti ġdida komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE. OSSERVAZZJONIJIET PAGAMENTI LI SARU LIL BENEFIĊJARJI LI KIENU BISS MARĠINALMENT INVOLUTI FIL-BIEDJA 18. Kif issemma iktar ’il fuq, il-pagamenti SPUE huma intenzjonati biex jappoġġaw id-dħul tal-bdiewa [11]. Huma mfassla biex ikunu konsistenti mal-objettivi kumplessivi tal-PAK li timmira li "tkabbar il-produzzjoni agrikola" u "li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar (tkabbar) il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura" [12]. DEFINIZZJONIJIET TA’ "BIDWI" U "ATTIVITÀ AGRIKOLA" 19. Skont ir-regolament [13] id-definizzjoni ta’ bidwi hi persuna jew grupp ta’ persuni ingaġġati f’"attività agrikola". "Attività agrikola" tikkonsisti mill-"produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, il-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skopijiet ta’ biedja, jew iż-żamma tal-art f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba". 20. Il-Qorti diġà osservat li d-definizzjoni ta’ "bdiewa" bħala persuni jew entitajiet li għandhom art eliġibbli għad-dispożizzjoni tagħhom u huma ingaġġati f’"attività agrikola" mhijiex preċiża [14]. Il-Qorti sabet li l-Ungerija u r-Rumanija kienu taw spjegazzjoni aktar ċara ta’ dawn it-termini fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom. L-Ungerija ddeċidiet li l-għajnuna SPUE għandha titħallas biss lill-utenti tal-art. Fir-Rumanija r-regoli nazzjonali jeskludu b’mod espliċitu mill-pagamenti SPUE persuni li jagħtu biss dritt għall-użu tal-art jew għal art mikrija. Fil-prattika madakollu hu rari li jsir kontroll ta’ dan u, fiż-żewġ Stati Membri, il-Qorti sabet li saru pagamenti tal-għajnuna SPUE lil sidien ta’ art li ma kellhomx attività agrikola proprja fuq l-art inkwistjoni filwaqt li l-bdiewa li kienu qed jużawha fil-verità ma kellhomx aċċess għall-għajnuna SPUE. 21. Kif ġara fil-każ tal-SPU, il-Qorti identifikat ukoll benefiċjarji tal-għajnuna SPUE li kienu marġinalment involuti fil-biedja. Każijiet inkwistjoni jinkludu kumpaniji ta’ proprjetà immobbli, ajruporti (il-Polonja u r-Rumanija), intrapriżi tal-forestrija, assoċjazzjonijiet tal-kaċċa, klabbs tas-sajd jew klabbs tal-iski (l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja). Il-Kummissjoni u l-Istati Membri fejn saret żjara ma għandhomx dettalji la dwar l-għadd preċiż ta’ każijiet bħal dawn u lanqas dwar l-impatt finanzjarju tagħhom. Bħala rappreżentazzjoni ta’ dawn il-każijiet, il-Qorti sabet li fil-Polonja, għas-sena ta’ applikazzjoni 2010, 1345 assoċjazzjoni tal-kaċċa kienu legalment irċevew għajnuna SPUE li tammonta għal EUR 2,54 miljun relatata ma’ 19000 ettaru ta’ art agrikola. Bl-istess mod, fl-Ungerija, 337 assoċjazzjoni tal-kaċċa rċevew iktar minn EUR 1 miljun f’għajnuna SPUE relatata ma’ 7000 ettaru ta’ art agrikola. 22. Il-Qorti identifikat ukoll, fl-Istati Membri fejn saret żjara, grupp speċifiku ta’ benefiċjarji SPUE li jikkonsistu minn entitajiet pubbliċi li jamministraw art tal-Istat skont il-leġiżlazzjonijiet rispettivi. Dawn l-entitajiet ma jwettqux attivitajiet agrikoli jew inkella jwettqu dawk marġinali biss. F’każijiet bħal dawn, il-pagamenti SPUE primarjament jiffinanzjaw funzjoni pubblika li taqa’ taħt dawn l-entitajiet iktar milli appoġġ għad-dħul tal-bdiewa. 23. Il-Kontroll tas-Saħħa 2008 tal-PAK ta lok lill-Istati Membri sabiex ifissru l-kriterji li jeskludu lil benefiċjarji bħal dawk imsemmijin hawn fuq mill-benefiċċju tal-pagamenti SPUE. Madankollu, sal-lum l-ebda Stat Membru li saritlu żjara matul il-verifika ma ħa xi vantaġġ minn din l-għażla u, bħala riżultat, is-sitwazzjoni deskritta hawn fuq għadha prevalenti. ART UŻATA GĦAL ATTIVITAJIET MHUX AGRIKOLI 24. Id-dispożizzjonijiet li huma applikabbli għall-SPU ma jippermettux li pagamenti li jsiru b’relazzjoni ma’ art mhux użata b’mod predominanti għall-agrikoltura [15]. Regoli bħal dawn ma jeżistux għall-SPUE. Fl-Ungerija, l-awtoritajiet għamlu pagamenti SPUE b’relazzjoni ma’ bur permanenti li huwa proprjetà tal-Istat u li hu assenjat għal taħriġ militari imma li għalih l-awtoritajiet nazzjonali ma setgħux jiċċaraw jekk kienx użat esklussivament għat-taħriġ jew użat anke parzjalment għal skopijiet agrikoli (ir-ragħa tan-nagħaġ). Il-Qorti stmat li fl-2010 tħallsu EUR 4,25 miljun b’relazzjoni ma’ 25000 ettaru ta’ terreni militari [16]. KAXXA NRU 1 ENTITAJIET TAL-ISTAT LI JIRĊIEVU GĦAJNUNA SPUE GĦAL QADI TA’ FUNZJONIJIET PUBBLIĊI BISS SKONT IL-LEĠIŻLAZZJONI NAZZJONALI Fil-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Ungerija, il-meded kbar ta’ art huma l-proprjetà tal-Istat. Pereżempju, fil-Polonja, l-Aġenzija tal-Proprjetà Agrikola li tamministra madwar żewġ miljun ettaru li jappartjenu lit-Teżor tal-Istat hi l-ikbar amministratur individwali ta’ art agrikola. L-awtoritajiet ta’ amministrazzjoni mhumiex jaħdmu l-art tagħhom stess imma jikruha lil bdiewa li normalment għandhom dritt jikklejmjaw għajnuna SPUE b’relazzjoni mal-ħbula ta’ art li huma jaħdmu. Dawn l-Istati Membri ma kellhomx politika uniformi vis-à-vis entitajiet bħal dawn: filwaqt li fis-Slovakkja u fir-Rumanija ma jibbenefikawx mill-għajnuna SPUE, fil-Polonja, l-uffiċċji tal-kontei tal-Aġenzija tal-Proprjetà Agrikola jirċievu għajnuna SPUE ta’ EUR 1 miljun kull sena li tkun relatata ma’ art li għaliha ma jkunx instab kerrej. L-uffiċċji tal-kontei kienu fdaw lil fornituri tas-servizzi bil-manutenzjoni tal-art sabiex ikun imħares il-valur agrikolu tagħha abbażi ta’ spejjeż għal kull ettaru ferm inqas mill-għajnuna SPUE annwali. Din hija madankollu funzjoni li l-awtoritajiet għandhom jeżerċitaw xorta waħda, għax il-leġiżlazzjoni nazzjonali tobbligahom iżommu l-valur tal-proprjetà pubblika. Fl-Ungerija, l-Istat hu l-ikbar benefiċjarju individwali tal-SPUE [17]. Din it-tip ta’ għajnuna titħallas, pereżempju, f’relazzjoni ma’ parks nazzjonali li huma ffinanzjati mill-baġit ċentrali tal-Istat bil-għan ewlieni li jinżammu r-riżervi naturali. Każijiet oħra ta’ utenti tal-art istituzzjonali li l-għan prinċipali tagħhom mhuwiex il-biedja jinkludu kumpaniji tal-ġestjoni tal-ilma u muniċipalitajiet. L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx ħarsa ġenerali safejn il-pagamenti jmorru għand entitajiet bħal dawn. Madankollu, il-Qorti tistma li 300000 ettaru setgħu kienu kkonċernati li għalihom fl-2010 l-awtoritajiet nazzjonali ħallsu madwar EUR 50 miljun f’għajnuna SPUE. Fir-Rumanija fejn il-muniċipalitajiet għandhom proprjetà ta’ madwar 1,6 miljun ettaru ta’ art agrikola, li minnha, madwar 1,5 miljun ettaru huma bur, il-Qorti sabet li fl-2010 iktar minn 1000 muniċipalità u awtorità lokali kienu rċevew EUR 23,5 miljun f’għajnuna SPUE relatata ma’ madwar 340000 ettaru ta’ art pubblika. Din hija art li l-bdiewa lokali jużaw l-iktar b’mod kondiviż, pereżempju sabiex jirgħu l-bhejjem tagħhom jew għall-ħsad u li fuqha s-sidien pubbliċi bħala regola ma għandhomx attività agrikola proprja. L-awtoritajiet Rumeni dan l-aħħar ħadu miżuri sabiex jidderieġu aħjar il-pagamenti lejn il-bdiewa. Madankollu, dawn il-miżuri huma biss parzjalment effettivi u bosta bdiewa li jużaw l-art xorta għadhom esklużi mill-pagamenti SPUE. Il-Qorti sabet każijiet simili fil-Bulgarija fejn il-muniċipalitajiet kienu ħolqu entitajiet legali li jirċievu l-għajnuna SPUE b’relazzjoni mal-art pubblika li l-bdiewa lokali jużaw biex jirgħu l-annimali tagħhom. F’każijiet bħal dawn l-attivitajiet tal-entitajiet kienu limitati għall-proviżjoni tal-ilma għall-bhejjem jew okkażjonalment għall-impjegar ta ħaddiema sabiex inaddfu l-art mis-siġriet iż-żgħar. Minħabba ż-żieda skedata fil-pagamenti SPUE għal kull ettaru l-ammonti annwali mħallsa lil dawn l-entitajiet se jiżdiedu sal-2013 jew, fil-Bulgarija u r-Rumanija, sal-2016. Fil-każijiet kollha msemmijin hawn fuq l-għajnuna ma tissostanzjax id-dħul ta’ bidwi imma tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ amministrazzjoni pubblika. ERJAS TOTALI ELIĠIBBLI GĦALL-GĦAJNUNA SPUE MA KINUX IDENTIFIKATI B’MOD AFFIDABBLI U L-ISTATI MEMBRI LI SARITILHOM ŻJARA TAW DEFINIZZJONI DIFFERENTI TAL-ELIĠIBBILTÀ TAL-ĦBULA IL-BIĊĊA L-KBIRA TAL-ISTATI MEMBRI KONĊERNATI MA JISTGĦUX JIDDETERMINAW PREĊIŻAMENT L-ERJA AGRIKOLA ELIĠIBBLI GĦALL-SPUE 25. Filwaqt li l-limiti massimi baġitarji nazzjonali disponibbli għal pagamenti diretti kienu stabbiliti mill-Kunsill, id-determinazzjoni preċiża tal-erjas li huma fil-verità eliġibbli għall-għajnuna SPUE [18] tħalliet f’idejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati. 26. Kif issemma hawn fuq, l-Att ta’ Adeżjoni u r-Regolamenti tal-Kunsill sussegwenti pprovdew li l-erja agrikola eliġibbli għandha tkun dik il-parti tal-"erja agrikola utilizzata" (EAU) li kienet f’"kundizzjoni agrikola tajba" (KAT) fit- 30 ta’ Ġunju 2003, kemm jekk kienet jew ma kinitx fil-produzzjoni f’dik id-data. 27. Fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija din ir-referenza storika madankollu ma tapplikax, għalhekk l-erja agrikola eliġibbli hija dik il-parti tal-EAU li tinsab f’KAT matul is-sena ta’ applikazzjoni inkwistjoni. 28. Il-kriterju EAU jeskludi mill-benefiċċju tal-għajnuna SPUE erjas mhux agrikoli bħal imsaġar jew ġonna għar-rikreazzjoni imma wkoll erjas li ma għadhomx jinħadmu għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew oħrajn (inkluż meta erjas bħal dawn jistgħu jerġgħu jibdew jiġu kkultivati bl-użu ta’ riżorsi normalment disponibbli f’impriża agrikola). Il-Qorti tinnota li r-regoli kif inhuma stabbiliti sal-lum huma inkoerenti minħabba li l-bdiewa li jridu jerġgħu jibdew jikkultivaw il-ħbula fl-Istati Membri fl-SPUE li ssieħbu mal-UE fl-2004 huma esklużi mill-għajnuna SPUE fir-rigward ta’ ħbula bħal dawn filwaqt li fil-Bulgarija u r-Rumanija l-bdiewa rċevew għajnuna SPUE anke meta jaħdmu art li kienet abbandunata. 29. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tagħtix definizzjoni ulterjuri ta’ "kundizzjoni agrikola tajba" (KAT). Meta kienet qed issir il-verifika l-Bulgarija biss kienet adottat standards espliċiti li jiddefinixxu l-KAT. 30. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet adottati fl-Atti ta’ Adeżjoni ħtieġu li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jidentifikaw fiżikament l-erja agrikola eliġibbli, bosta Stati Membri li saritilhom żjara kellhom madankollu diffikultajiet biex jidentifikaw b’mod affidabbli din l-erja. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-KAT u minħabba li s-sistemi ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ (LPIS) ma kinux disponibbli jew ma kinux żviluppati biżżejjed, l-Istati Membri użaw metodi differenti biex jistabbilixxu l-erja agrikola rispettiva tagħhom. 31. Fil-Polonja, l-erja agrikola eliġibbli aċċettata mill-Kummissjoni kienet determinata abbażi tal-informazzjoni globali dwar l-użu tal-art fl-istħarriġ 2002 dwar l-azjendi agrikoli u kkumplementata minn informazzjoni dwar "art mistrieħa" li kienet mistennija tintuża għall-agrikoltura ladarba l-bdiewa jsiru konxji li se jirċievu pagamenti SPUE. B’kuntrast, l-erjas inklużi fl-LPIS kienu stabbiliti abbażi tal-informazzjoni tar-reġistru tal-artijiet li kien fih erjas ferm ikbar imma li għalihom ma kienx hemm informazzjoni disponibbli dwar il-kundizzjoni tagħhom fl-2003 [19]. 32. Fl-Ungerija, l-erja agrikola eliġibbli aċċettata mill-Kummissjoni kienet determinata abbażi tal-informazzjoni dwar l-użu tal-art qabel l-adeżjoni u l-istħarriġ 2002 dwar l-azjendi agrikoli, eskluża stima ta’ art meqjusa mhux adegwata għall-agrikoltura. L-LPIS min-naħa l-oħra hija bbażata għal kollox fuq l-interpretazzjoni tal-immaġnijiet mill-ajru. 33. L-eżempji ta’ hawn fuq juru wkoll li l-LPIS li tirreġistra erjas eliġibbli għall-għajnuna SPUE u li l-Istati Membri ġodda jużaw għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna [20], tinkludi erjas agrikoli li kultant ikunu sinifikament ikbar mill-erja agrikola determinata u aċċettata mill-Kummissjoni fi żmien l-adeżjoni. Dan kien għadu l-każ fl-2010 kif jidher fit-Tabella. 34. Il-Kummissjoni għadha ma talbitx lill-Istati Membri janalizzaw dan it-tip ta’ diskrepanzi. Għalhekk, il-Qorti ma tistax tikkonferma jekk l-erjas irreġistrati bħala eliġibbli għall-pagamenti SPUE kinux fil-verità determinati bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Atti ta’ Adeżjoni u l-leġiżlazzjoni tal-UE sussegwenti [21]. 35. Din l-inċertezza fl-erja eliġibbli għall-għajnuna SPUE għandha żewġ tipi ta’ konsegwenzi: (a) minħabba li l-pakketti finanzjarji allokati għal kull Stat Membru huma ffissati għall-perjodu finanzjarju, l-ammont medju għal kull ettaru tnaqqas bi proporzjon meta l-erjas totali ddikjarati mill-bdiewa kienu jeċċedu l-erja agrikola approvata mill-Kummissjoni; (b) l-ammont medju tal-għajnuna SPUE għal kull ettaru ġie miżjud fejn l-erja agrikola approvata mill-Kummissjoni kienet iżgħar mill-erja agrikola reali kif iddefinita fl-LPIS. TABELLA PARAGUN BEJN ERJA AGRIKOLA UTILIZZATA, ERJA AGRIKOLA APPROVATA MILL-KUMMISSJONI U ERJAS ELIĠIBBLI GĦALL-SPUE GĦAS-SENA TA’ APPLIKAZZJONI 2010 Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi tad-data mill-Uffiċċji nazzjonali tal-Istatistika u l-Aġenziji tal-Pagamenti (2011). (f’ettari) | | Il-Bulgarija | L-Ungerija | Il-Polonja | Ir-Rumanija | Is-Slovakkja | Art Agrikola Utilizzata (UAA) 2010 skont l-Uffiċċji tal-Istatistika | 3620000 | 5343000 | 15534000 | 13298000 | 1921000 | Erja agrikola approvata mill-Kummissjoni (Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009) | 3492000 | 4829000 | 14137000 | 8716000 | 1865000 | Erja totali eliġibbli taħt l-SPUE rreġistrata fl-LPIS | 3707125 | 5681781 | 18245374 | 13015446 | 2083248 | REVIŻJONIJIET TAL-ERJAS AGRIKOLI ELIĠIBBLI MA KINUX DEJJEM IBBAŻATI FUQ KRITERJI VERIFIKABBLI 36. Il-Kummissjoni tista’ tapprova reviżjonijiet għall-erja agrikola eliġibbli ta’ Stat Membru meta jirriżulta li dik stabbilita inizjalment hija żbaljata. Aġġustamenti bħal dawn jistgħu jsiru bil-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat iddefinixxa l-kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji [22]. 37. Mill-2004, il-Kummissjoni approvat talbiet għal reviżjoni ta’ erjas agrikoli għall-Bulgarija, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja. Fil-każ tal-Bulgarija, il-Polonja u s-Slovakkja r-reviżjoni rriżultat fi tnaqqis tal-erja agrikola u b’hekk f’rata ogħla ta’ għajnuna SPUE għal kull ettaru. Dan ippermetta lil dawn l-Istati Membri sabiex jużaw bis-sħiħ il-pakketti finanzjarji annwali rispettivi tagħhom. L-Ungerija talbet żieda fl-erja agrikola, minħabba li l-awtoritajiet irċevew applikazzjonijiet għal għajnuna għal erjas li kienu ferm ikbar milli mistenni. Dan irriżulta fi tnaqqis tal-pagamenti SPUE lill-bdiewa kollha sabiex tiġi evitata l-eventwalità li jkun hemm eċċess fil-pakkett finanzjarju annwali. 38. Il-Qorti sabet li, filwaqt li fil-Bulgarija r-reviżjoni tal-erja agrikola parzjalment irriżultat mill-identifikazzjoni ta’ art ineliġibbli, fl-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja r-reviżjoni ma kinitx ibbażata fuq kriterji verifikabbli għajr għall-fatt li l-awtoritajiet kienu rċevew applikazzjonijiet għal għajnuna għal inqas jew għal iktar art agrikola milli mistenni. Sa mill-2005 l-Kummissjoni kienet diġà infurmat lill-awtoritajiet Slovakki li l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna rċevuti f’sena u kwalunkwe żieda antiċipata ma kinitx kriterju biżżejjed oġġettiv biex tiġi modifikata l-erja agrikola skont l-SPUE. Madankollu, għall-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja, il-Kummissjoni eventwalment aċċettat it-talbiet għal reviżjoni mingħajr analiżi ulterjuri [23]. PAGAMENTI SPUE ISIRU B’RELAZZJONI MA’ ART AGRIKOLA MHUX UTILIZZATA JEW ABBANDUNATA 39. Karatteristika partikolari ta’ bosta Stati Membri fl-SPUE hija l-eżistenza ta’ erjas ta’ art agrikola mhux utilizzata jew abbandunata. Din hija primarjament minħabba l-bidliet soċjali u ekonomiċi li seħħew wara l-1990. L-ebda għajnuna SPUE ma għandha titħallas b’relazzjoni ma’ art bħal din. 40. Kif issemma iktar ‘il fuq, l-Istati Membri kellhom diffikultajiet biex jidentifikaw dik il-parti ta’ EAU li kienet f’KAT fit- 30 ta’ Ġunju 2003. Il-verifiki mwettqa mill-Qorti fil-qafas tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali kienu sabu li ħafna drabi l-LPIS ma kellhiex livell ta’ kwalità biżżejjed u ma kinitx ġiet aġġornata b’mod regolari. 41. Il-Qorti sabet li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu l-almu tagħhom biex itejbu l-LPIS. Pereżempju, fl-Ungerija, l-awtoritajiet bejn l-2008 u l-2010 ikklassifikaw madwar 891000 ettaru bħala ineliġibbli għall-pagamenti SPUE, minħabba li kienu identifikaw il-ħbula korrispondenti bħala li ġew abbandunati jew li ma kinux iktar xierqa għal attività agrikola. Għall-Bulgarija u r-Rumanija l-Kummissjoni stabbiliet pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi li ma kinux implimentati bis-sħiħ għall-perjodu vverifikat (sena ta’ applikazzjoni 2010) imma li kienu diġà wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-erja inizjalment eliġibbli. Fis-Slovakkja l-awtoritajiet kienu identifikaw madwar 100000 ettaru ta’ bur permanenti (madwar wieħed minn ħamsa tal-bur permanenti totali) fejn kellhom dubji dwar jekk humiex qed jintużaw għal kollox għal attivitajiet agrikoli u kkunsidraw inaqqsu l-pagamenti SPUE għal kull ettaru sabiex jieħdu kont tal-partijiet mhux utilizzati tal-ħbula. 42. Minkejja dawn l-isforzi, l-LPIS ta’ xi Stati Membri għadha tinkludi erjas ta’ art abbandunata u mhux utilizzata. KAXXA NRU 2 PAGAMENT TAL-GĦAJNUNA SPUE B’RELAZZJONI MA’ ART MHUX UTILIZZATA Fir-Rumanija, fejn l-erjas agrikoli ddikjarati għall-SPUE żdiedu mill-2007 ‘l hawn, il-ħbula kienu meqjusa eliġibbli anke meta ma twettqet l-ebda attività agrikola (Stampa nru 1). L-awtoritajiet għadhom ma tawx definizzjoni ta’ kundizzjonijiet ċari u mingħajr ambigwità li skonthom art abbandunata li l-bdiewa għandhom il-ħsieb li jerġgħu jibdew jikkultivaw issir eliġibbli. +++++ TIFF +++++ Fil-Bulgarija, l-awtoritajiet jitolbu bħala kundizzjoni minima għall-eliġibbiltà li l-annimali jirgħu fil-bur permanenti jew li dan ikun maħsud għall-anqas darba fis-sena. Fil-prattika madankollu l-awtoritajiet jaċċettaw bis-sħiħ ħbula li jkollhom attività limitata ħafna jew mingħajr ebda attività agrikola (eż. ħbula li jintużaw biss biex l-annimali tal-azjendi agrikoli jew dawk slavaġ jaqsmu minnhom). Il-Qorti sabet ukoll eżempji tal-pagamenti SPUE b’relazzjoni ma’ ħbula fejn ma hemm ebda evidenza li qatt saret xi attività agrikola (Stampa nru 2). +++++ TIFF +++++ Fil-Polonja, ir-rekwiżiti KAAT jirrikjedu attività regolari fuq ir-raba’. Madankollu l-Qorti sabet li l-għajnuna SPUE kienet imħallsa b’relazzjoni ma’ raba’ mhux utilizzat muri fl-Istampa nru 3. Fost il-benefiċjarji li saritilhom żjara l-Qorti ltaqgħet ħafna drabi ma’ sitwazzjonijiet simili. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-benefiċjarji SPUE rċevew pagament sħiħ jew huma soġġetti biss għal tnaqqis moderat ħafna saħansitra anke fejn l-awtoritajiet sabu li huma ma kinux użaw l-art tagħhom għal bosta snin. +++++ TIFF +++++ Fl-Ungerija, apparti l-obbligu li jaqtgħu l-ħaxix ħażin, il-bdiewa mhumiex mitluba jwettqu ebda attività agrikola biex il-ħbula tagħhom ikunu eliġibbli. Il-Qorti ltaqgħet ma’ każijiet fejn il-bdiewa krew erjas kbar ta’ bur seminaturali u rċevew pagamenti ta’ għajnuna SPUE mingħajr ma qatt użaw l-art għall-biedja. Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ kwalunkwe attività agrikola jolqot b’mod avvers il-valur ambjentali ta’ dak it-tip ta’ art (Stampa nru 4). +++++ TIFF +++++ 43. Il-valutazzjoni ta’ jekk ħabel ta’ art huwiex eliġibbli jew le għal pagamenti SPUE tiddependi minn jekk l-Istati Membri jkunux taw definizzjoni ulterjuri u jekk din hijiex ċara ta’ kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà u l-istandards minimi ta’ attività agrikola, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux jistabbilixxu l-istatus tal-ħabel b’mod affidabbli fit- 30 ta’ Ġunju 2003, u kemm jikkontrollaw is-sitwazzjoni mill-qrib. Abbażi ta’ dawn il-fatturi l-Qorti osservat firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet li rriżultaw fi trattament inugwali ta’ bdiewa madwar l-Istati Membri fejn saret żjara. IL-PAGAMENTI SPUE JIKKONTRIBWIXXU B’MOD SINIFIKANTI GĦAD-DĦUL TAL-BDIEWA IMMA L-IKTAR LI JIBBENEFIKAW MINN DAN L-APPOĠĠ HUMA AZJENDI AGRIKOLI IKBAR B’MOD ĠENERALI L-PAGAMENTI SPUE JAPPOĠĠAW ID-DĦUL TAL-AZJENDI AGRIKOLI FL-ISTATI MEMBRI ĠODDA ... 44. L-għan tal-SPUE hu li tappoġġa d-dħul tal-bdiewa imma dak l-objettiv għadu ma ngħatax definizzjoni ulterjuri f’termini tal-livell mixtieq ta’ għajnuna jew tad-distribuzzjoni tagħha. 45. Mill-2004 sal-2010 (snin finanzjarji 2005 sal-2011), il-bdiewa fl-Istati Membri ġodda rċevew bejn wieħed u ieħor EUR 21,5 biljun f’pagamenti SPUE [24]. Fl-2010 kien hemm 3 miljun benefiċjarju u l-medja tal-pagament SPUE għal kull azjenda agrikola ammonta għal EUR 1668 [25]. L-Istati Membri kollha li japplikaw l-SPUE użaw il-biċċa l-kbira tal-pakketti finanzjarji rispettivi tagħhom. B’mod ġenerali, l-SPUE għalhekk ikkontribwixxiet biex iżżid id-dħul tal-bdiewa [26]. 46. L-iktar analiżi riċenti li għamlet il-Kummissjoni dwar id-dħul tal-bdiewa tikkonkludi li, minkejja tnaqqis drastiku fl-2009 li huwa spjegat bil-kriżi ekonomika attwali, id-dħul tal-bdiewa fl-UE-12 (jiġifieri l-Istati Membri li japplikaw l-SPUE kif ukoll Malta u s-Slovenja) baqa’ ogħla mhux ħażin mil-livell li kienu laħqu qabel l-adeżjoni. B’mod ġenerali, id-dħul għal kull unità ta’ ħidma annwali żdied b’34 % mill-2004 għall-2009 [27]. Din iż-żieda hi spjegata mill-prezzijiet ogħla prevalenti fis-suq uniku u t-tkabbir tas-sostenn pubbliku għas-settur tal-azjendi agrikoli. 47. Il-pagamenti SPUE jistgħu jitqiesu bħala l-iktar element importanti tad-dħul nett tal-bdiewa f’dawn l-Istati Membri kif jidher fil-Graff nru 1. 48. Madankollu, l-evoluzzjoni tad-dħul tal-azjendi agrikoli tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li fil-Polonja hemm evoluzzjoni pożittiva ġenerali, fl-Ungerija u s-Slovakkja saħansitra bl-introduzzjoni tal-pagamenti SPUE kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-valur nett miżjud tal-produzzjoni agrikola. GRAFF NRU 1 EVOLUZZJONI TAL-PAGAMENTI SPUE, SUSSIDJI OĦRA U DĦUL INTRAPRENDITORJALI AGRIKOLU GĦALL-ISTATI MEMBRI KOLLHA FL-SPUE (VALURI BIL-PREZZIJIET ATTWALI) +++++ TIFF +++++ Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi tal-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura (Eurostat). ... IMMA L-IMPATT TAGĦHOM IVARJA SKONT ID-DAQS TAL-AZJENDA AGRIKOLA, IT-TIP TA’ AZJENDA AGRIKOLA U L-ISTAT MEMBRU 49. Il-Qorti tinnota li, fl-Istati Membri kollha fl-SPUE li saritilhom żjara, in-natura [28] ta’ skema bbażata fuq l-erja flimkien mal-istruttura doppja tas-settur tal-azjendi agrikoli rriżultaw f’konċentrazzjoni partikolarment b’saħħitha tal-pagamenti fuq azjendi agrikoli ikbar filwaqt li l-għajnuna mħallsa lil azjendi agrikoli iżgħar kienet kultant baxxa wisq [29]. Għadd sinifikanti tal-bdiewa ma jirċevux għajnuna SPUE għalkollox, minħabba li l-erja eliġibbli tal-azjenda tagħhom hija żgħira wisq. Din il-konċentrazzjoni hija partikolarment evidenti fil-Bulgarija fejn fl-2010 2 % tal-azjendi agrikoli rċevew iktar minn nofs il-pakkett nazzjonali tal-SPUE. 50. Hemm kontradizzjoni inerenti fit-tfassil tal-għajnuna SPUE li minn naħa waħda hija maħsuba bħala appoġġ għal dħul individwali u l-fatt li d-distribuzzjoni tagħha ma tqisx iċ-ċirkostanzi speċifiċi tar-riċevitur. 51. B’mod ġenerali, fl-2010 98 % tal-benefiċjarji SPUE rċevew inqas minn EUR 10000 li jirrappreżentaw 49 % tal-valur totali tal-pagamenti. Għall-kuntrarju, 0,2 % tal-benefiċjarji rċevew ’il fuq minn EUR 100000 li jirrappreżentaw 24 % tal-valur totali tal-pagamenti. 52. Kuntrarju għall-SPU, il-qafas legali li jirregola l-SPUE ma jipprovdix għal għażla li tiddistingwi l-pagamenti fi ħdan Stat Membru biex jitqies aħjar il-potenzjal agrikolu tar-reġjuni jew tal-kriterji ambjentali. Dan jagħmel l-SPUE skema sempliċi, faċli biex tiġi implimentata imma ma jippermettix li l-pagamenti jkunu maħsuba għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni. 53. Fl-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja, il-Qorti sabet li l-benefiċjarji setgħu jrendu qligħ tajjeb mill-pagamenti SPUE meta jikru jew ibigħu art agrikola mingħajr ma jkunu attivi fil-biedja, minħabba li ma għandhomx għalfejn iwettqu attività partikolari fuq l-art. F’każijiet bħal dawn il-pagamenti SPUE ma jikkontribwixxux għall-objettiv tat-Trattat li tkabbar il-produzzjoni agrikola [30]. 54. L-impatt tal-għajnuna SPUE dwar id-dħul tal-azjendi agrikoli jvarja wkoll b’mod sinifikanti bejn it-tipi ta’ azjendi agrikoli. B’mod partikolari, bl-adeżjoni fl-UE, il-produzzjoni tal-annimali sofriet tnaqqis konsiderevoli f’ħafna Stati Membri ġodda filwaqt li bosta nissiela tal-annimali ma kellhom ebda aċċess jew wieħed limitat ħafna għall-għajnuna SPUE, minħabba li ma kellhom ebda art agrikola jew kienet żgħira wisq. 55. Bl-għażla li għandhom li jħallsu pagamenti diretti nazzjonali komplementari, l-Istati Membri ġodda jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, fl-2009, fi ħdan il-qafas tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK, il-Kunsill fetaħ għall-Istati Membri l-għażla li jużaw parti mill-pakkett nazzjonali SPUE sabiex jindirizzaw żvantaġġi speċifiċi li jolqtu ċerti bdiewa eżempju f’erjas ekonomikament vulnerabbli jew ambjentalment sensittivi, jew għal tipi ta’ biedja ekonomikament vulnerabbli [31]. L-Istati Membri ġodda kollha li saritilhom żjara għamlu użu minn din l-għażla b’mod jew ieħor. Madankollu, billi din il-possibbiltà saret disponibbli biss mill-2010, għad m’hemm ebda evalwazzjoni tal-impatt tagħha fuq id-distribuzzjoni tad-dħul tal-bdiewa. GRAFF NRU 2 DISTRIBUZZJONI TA’ APPOĠĠ GĦAD-DĦUL MILL-SPUE FL-2010 (F’EUR) +++++ TIFF +++++ Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi tad-data dwar il-pagamenti tal-Kummissjoni Ewropea (CATS). L-EFFETTI TAL-PAGAMENTI SPUE FUQ IR-RISTRUTTURAR U Ż-ŻIEDA FL-EFFIĊJENZA TAL-AZJENDI AGRIKOLI GĦADHOM MA ĠEWX IVVALUTATI 56. Il-livell tal-pagamenti SPUE għal kull ettaru fl-Istati Membri ġodda kien stabbilit bl-għan li ma jostakolax ir-ristrutturar neċessarju tas-settur agrikolu u li ma joħloqx disparitajiet konsiderevoli fid-dħul u distorsjonijiet soċjali fis-soċjetajiet rurali. Il-Kummissjoni indikat li l-introduzzjoni ta’ pagamenti diretti f’livell baxx jikkontribwixxu għall-istabilizzazzjoni tad-dħul agrikolu mingħajr ma jkun kompromess il-proċess tar-ristrutturar [32]. 57. Madankollu, il-Kummissjoni għadha ma analizzatx l-effetti tal-għajnuna SPUE dwar ir-ristrutturar kif ukoll dwar il-produttività u l-profittabiltà tal-azjendi agrikoli fl-Istati Membri ġodda. DGĦUFIJIET STRUTTURALI GĦADHOM JOLQTU D-DĦUL TAL-AZJENDI AGRIKOLI B’MOD AVVERS 58. Diversi studji kif ukoll is-sejbiet tal-Qorti nfisha jindikaw li l-fatturi strutturali bħal sjieda ta’ art frammentata, livell baxx teknoloġiku tal-azjendi agrikoli, kapaċitajiet insuffiċjenti ta’ ħżin, faċilitajiet sottożviluppati għall-ipproċessar tal-ikel, nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa jew aċċess diffiċli għall-finanzjament jolqtu b’mod avvers l-impatt mistenni tal-għajnuna SPUE fuq il-modernizzazzjoni u l-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli [33]. FATTURI OĦRA LI JNAQQSU L-EFFETTIVITÀ TAL-PAGAMENTI SPUE 59. L-effettività tal-SPUE biex ikun appoġġat id-dħul tal-azjendi agrikoli tista’ titnaqqas fejn l-għajnuna hija "kapitalizzata" fil-prezzijiet tal-art jew tal-kera tal-art. Dan ifisser li l-bdiewa jkollhom iħallsu prezzijiet ogħla għall-art jew miżati ogħla għall-kiri sempliċiment għax jirċievu l-appoġġ SPUE. Dan inaqqas l-effettività tal-appoġġ u jista’ jolqot fin-negattiv il-profittabiltà tal-azjendi agrikoli [34]. 60. Erjas kbar ta’ art agrikola huma mikrija fil-Bulgarija, l-Ungerija, is-Slovakkja u, f’xi reġjuni, fil-Polonja u r-Rumanija [35]. Il-Kummissjoni s’issa għadha ma stmatx speċifikament l-impatt li kellha l-introduzzjoni tal-SPUE fuq l-art jew fuq il-prezzijiet għall-kiri tal-art fl-Istati Membri ġodda. Studji disponibbli jindikaw madankollu impatt sinifikanti mil-lat ta’ statistika tal-pagamenti SPUE fuq il-kirjiet tal-art [36], anke jekk is-swieq tal-art agrikola għadhom ma jiffunzjonawx għal kollox fl-Istati Membri ġodda kollha. L-effetti sħaħ tal-pagamenti SPUE fuq il-prezzijiet tal-art u tal-kiri tal-art għalhekk jista’ jkun ma jkunux viżibbli għal kollox [37]. KAXXA NRU 3 IMPATT TAL-PAGAMENTI SPUE FUQ IL-KUNDIZZJONIJIET U L-PREZZIJIET TAL-KIRJIET Fil-Polonja u l-Ungerija l-Qorti osservat żieda partikolarment qawwija fil-prezzijiet tal-kirjiet għall-art tal-Istat ta’ valur agrikolu baxx bħalma huwa bur marġinali. Qabel l-2004 in-nissiela tan-nagħaġ li tradizzjonalment jużaw din l-art ma kienu ħallsu l-ebda miżati ta’ kirjiet jew inkella kienu ħallsu miżati baxxi ħafna imma bl-introduzzjoni tal-SPUE, id-domanda għal din l-art żdiedet. Dan mhuwiex spjegat skont is-sitwazzjoni fis-swieq agrikoli imma bil-fatt li l-pagamenti SPUE huma proporzjonati mal-erja allura jiggarantixxu livell għoli ta’ għajnuna b’relazzjoni mal-valur produttiv baxx tal-art. L-awtoritajiet bdew jorganizzaw sejħiet għal offerti pubbliċi biex jingħataw kuntratti ta’ kirjiet li jirriżultaw f’miżati ta’ kirjiet sinifikament ogħla li laqtu lill-bdiewa kollha li jaħdmu fuq din it-tip ta’ art. Fl-Ungerija u r-Rumanija, il-Qorti identifikat kuntratti tal-kiri fejn il-kirja kienet espressa direttament bħala perċentwal tal-SPUE u/jew pagamenti diretti nazzjonali komplementari u għalhekk kienet qed togħla proporzjonalment mal-evoluzzjoni ta’ dawn il-pagamenti. Il-kirjiet jistgħu pereżempju jipprovdu għal pagament ta’ prezz fiss għal kull ettaru flimkien ma’ 100 % tal-ammont SPUE. Il-Qorti osservat ukoll li, fl-Ungerija, il-bdiewa bil-kera setgħu jiffirmaw jew iġeddu kuntratti ta’ kiri ta’ art biss bil-kundizzjoni li huma jittrasferixxu d-drittijiet għal pagament li jiġu allokati lilhom fil-każ ta’ introduzzjoni futura ta’ skema ġdida ta’ appoġġ, mingħajr ħlas, lil sid l-art. NUQQAS TA’ TĦEJJIJA GĦAL SKEMA TA’ APPOĠĠ IBBAŻATA FUQ DRITTIJIET GĦAL PAGAMENT 61. Inizjalment, l-SPUE kienet maħsuba tibqa’ fis-seħħ biss sakemm l-Istati Membri ġodda jkunu f’pożizzjoni li jġestu b’mod effettiv pagamenti diretti bħal kif kienu jeżistu fl-UE-15 sa mhux iktar tard mill-2009 [38]. Fl-2006, il-Kunsill ġedded it-terminu possibbli tal-SPUE sa tmiem l-2010 [39]. Madankollu, fi ħdan il-Kontroll tas-Saħħa 2008 tal-PAK, il-Kunsill kompla jestendi l-perjodu tranżitorju biex tiġi introdotta l-SPU sa tmiem l-2013. Dan ippermetta lill-Istati Membri jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ skema sempliċi imma ma ħeġġiġhomx iħejju sistema bbażata fuq id-drittijiet. 62. Mill-Istati Membri li saritilhom żjara matul il-verifika, l-Ungerija biss ħadet passi konkreti sabiex tissostitwixxi l-SPUE mal-SPU mill-2009 ‘il quddiem. Madankollu wara deċiżjoni li ħadet il-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża l-mudell ta’ implimentazzjoni nazzjonali speċifiku ma setax jidħol fis-seħħ. Minn dakinhar ‘l hawn l-awtoritajiet nazzjonali ma ħadu ebda inizjattiva oħra biex jintroduċu l-SPU. 63. F’Ottubru 2011, il-Kummissjoni pproponiet Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli ġodda għall-pagamenti diretti lill-bdiewa [40]. Skont din il-proposta, l-SPUE kif ukoll l-SPU jistgħu jiġu sostitwiti bi skema ta’ pagament bażiku mill-2014. Din l-iskema se tibqa’ tkun ibbażata fuq id-drittijiet għal pagamenti. Kieku l-bdiewa jkollu jkollhom is-sjieda tad-drittijiet għal pagamenti kif ukoll jiddikjaraw ettari eliġibbli fid-dispożizzjoni tagħhom sabiex jirċievu l-pagamenti. Skont is-sistema ta’ ġestjoni kondiviża, l-amministrazzjonijiet nazzjonali kieku jkunu mitluba jallokaw id-drittijiet għal pagamenti lill-bdiewa fl-2014 u jiġġestuhom fis-snin sussegwenti. 64. Il-Qorti sabet li, s’issa, għarfien ta’ sistemi bbażati fuq id-drittijiet għal pagamenti diretti kien tassew baxx kemm fl-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll fost il-bdiewa. La l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali ma ħejjew b’mod attiv lill-amministrazzjonijiet u lill-bdiewa biex jibdlu għal sistema bbażata fuq id-drittijiet. Fi żmien il-verifika, fl-2011, l-awtoritajiet Pollakki kienu bdew biss fuq livell ċentrali jsiru xi ftit familjari mal-għajnuna bbażata fuq id-drittijiet (bħalissa l-SPU) imma ma ħadu l-ebda pass lejn identifikazzjoni sistematika tar-rekwiżiti tekniċi tal-ġestjoni ta’ skema bħal din wara l-2013. L-awtoritajiet Bulgari kienu qed iħejju stima tal-impatt ta’ bidla għall-SPU dwar l-amministrazzjoni u l-bdiewa. Fir-Rumanija f’Marzu 2012 l-awtoritajiet kienu ingaġġaw f’diskussjonijiet bilaterali ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u wettqu konsultazzjoni mal-bdiewa. Fis-Slovakkja mill-2009, l-awtoritajiet kienu analizzaw biss l-effetti finanzjarji tal-bidla għall-SPU imma ddeċidew li jkomplu bl-SPUE sal-2013. 65. Meta l-SPU kienet introdotta fl-Istati Membri tal-UE-15, l-amministrazzjonijiet nazzjonali kellhom għall-anqas 20 xahar biex iħejju t-tranżizzjoni minn għajnuna akkoppjata għall-iskema l-ġdida. Madankollu, fir-Rapport Annwali tas-snin 2006 u 2007 l-Qorti osservat dgħufijiet fl-implimentazzjoni tas-sistema bbażata fuq id-drittijiet li kienu kultant irriżultaw f’dewmien sinifikanti tal-pagamenti lill-bdiewa [41]. Il-Qorti għalhekk tara li hemm riskju li tħejjija insuffiċjenti għall-introduzzjoni ta’ għajnuna bbażata fuq id-drittijiet tirriżulta f’diffikultajiet simili fl-Istati Membri fl-SPUE. KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET 66. L-SPUE hija skema sempliċi biex tiġi amministrata li ppermettiet lill-Istati Membri ġodda li daħlu fl-UE fl-2004 u fl-2007 li jħallsu appoġġ għad-dħul tal-bdiewa tagħhom. Il-fatt li hija diżakkoppjata mill-produzzjoni agrikola hija antiċipat ukoll l-objettivi tar-riforma 2003 tal-PAK li kienu li tissaħħaħ l-orjentazzjoni tas-suq tal-bdiewa filwaqt li jsiru pagamenti bil-kundizzjoni li jkunu rrispettati r-rekwiżiti tal-kundizzjonalità. 67. Id-disinn u l-implimentazzjoni dettaljata tal-SPUE mill-Istati Membri rriżultaw madankollu f’għadd ta’ fatturi dubjużi rigward il-benefiċjarju intenzjonat tal-għajnuna, l-identifikazzjoni tal-erjas eliġibbli u d-distribuzzjoni tal-appoġġ madwar il-popolazzjoni tal-biedja. Bħal fil-każ tal-SPU, id-distribuzzjoni tal-għajnuna fost il-bdiewa hija bbażata fuq l-erja tal-azjendi u ma tirriflettix la l-karatteristiċi reġjonali speċifiċi tal-attività tal-biedja, u lanqas il-kontribut tal-bdiewa għall-produzzjoni tal-beni pubbliċi. L-impatt tal-SPUE fuq ir-ristruttar ta’ settur agrikolu għadu ma ġiex evalwat u d-dgħufijiet strutturali persistenti għadhom jolqtu b’mod negattiv id-dħul ta’ bosta bdiewa. Finalment, l-Istati Membri li bħalissa qegħdin japplikaw l-SPUE s’issa kienu għadhom mhumiex imħejjija għall-introduzzjoni ta’ skema ta’ appoġġ għad-dħul ibbażat fuq id-drittijiet wara l-2013. Għalhekk, jista’ jkun li l-Kunsill u l-Parlament jkunu jixtiequ jqisu jekk fatturi bħal dawn għandhomx jiġu analizzati skont il-linji stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet hawn taħt, fil-kuntest tat-tħejjija tar-riforma li ġejja tal-PAK. BENEFIĊJARJI, ART ELIĠIBBLI U ATTIVITAJIET AGRIKOLI 68. Fir-rapport tagħha dwar l-SPU l-Qorti nnotat l-inadegwatezza tad-definizzjoni tal-"bdiewa" u l-pagament tal-għajnuna lill-benefiċjarji li mhumiex involuti fil-biedja jew li huma biss marġinalment involuti. Il-verifika attwali tippermetti t-teħid tal-istess konklużjonijiet fir-rigward tal-SPUE. Barra minn hekk, f’xi wħud minn dawn l-Istati Membri, l-għajnuna SPUE kienet ukoll legalment imħallsa lil (u appoġġat id-dħul ta’) entitajiet pubbliċi li jġestu l-art tal-Istat u mhux involuti fil-biedja mod ieħor. 69. L-Istati Membri fl-SPUE ma identifikawx preċiżament l-erjas eliġibbli u l-pagamenti saru b’relazzjoni mal-ħbula mhux utilizzati jew mal-art intenzjonata għal attivitajiet mhux agrikoli. RAKKOMANDAZZJONI 1 Il-Qorti tenniet ir-rakkomandazzjoni tagħha li l-appoġġ għad-dħul għandu jkun dirett lejn il-bidwi attiv li jwettaq attivitajiet konkreti u regolari. B’mod partikolari, entitajiet pubbliċi li jġestu art tal-Istat u mhux involuti fil-biedja b’mod ieħor għandhom ikunu esklużi mill-appoġġ għad-dħul SPUE. RAKKOMANDAZZJONI 2 L-eliġibbiltà tal-art għall-għajnuna għandha tkun imfissra b’mod ċar u limitata għal ħbula li l-istandards KAAT jesiġu li fuqhom iridu jitwettqu attivitajiet agrikoli konkreti u regolari. Fl-eventwalità li tiġi introdotta skema ta’ għajnuna bbażata fuq id-drittijiet, id-drittijiet għal pagamenti għandhom ikunu allokati biss lil ħbula bħal dawn. DISTRIBUZZJONI TAL-GĦAJNUNA SPUE 70. Id-distribuzzjoni tal-għajnuna SPUE hija essenzjalment ibbażata fuq l-erja tal-ħbula agrikoli li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa mingħajr ma jitqiesu la l-karatteristiċi reġjonali speċifiċi ta’ attivitajiet tal-biedja, u lanqas il-kontribut tal-bdiewa għall-produzzjoni tal-beni pubbliċi. 71. Minħabba l-istruttura doppja tal-agrikoltura fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ġodda, il-maġġoranza kbira tal-bdiewa jirċievu biss ammonti żgħar ħafna ta’ għajnuna filwaqt li għadd żgħir ta’ benefiċjarji kbar jassorbu l-biċċa l-kbira tal-għajnuna. RAKKOMANDAZZJONI 3 Għandha ssir distribuzzjoni iktar ibbilanċjata ta’ għajnuna bejn il-bdiewa jew billi jiġu limitati pagamenti individwali ogħla jew billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-azjendi agrikoli fir-reġjuni differenti. RWOL TAL-GĦAJNUNA SPUE FIR-RISTRUTTURAR TAS-SETTURI AGRIKOLI 72. Mill-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda fl-2004 u fl-2007 l-livell ta’ appoġġ ilu jiżdied kull sena u se jibqa’ jagħmel hekk sal-2013 jew l-2016 rispettivament. Madankollu, s’issa għadu mhux magħruf l-impatt tal-livell attwali ta’ għajnuna u żidiet futuri fuq ir-ristrutturar tas-settur tal-biedja u l-effiċjenza tal-azjendi agrikoli. DGĦUFIJIET STRUTTURALI LI JOLQTU D-DĦUL TAL-AZJENDI AGRIKOLI 73. Dgħufijiet strutturali persistenti fl-ekonomija agrikola tal-Istati Membri fl-SPUE jistgħu jħallu impatt fuq l-effettività u l-effiċjenza fuq perjodu twil tal-pagamenti diretti. KAPITALIZZAZZJONI TA’ PARTIJIET TAL-GĦAJNUNA FIL-PREZZIJIET TAL-ART U L-KIRI TAL-ART 74. Minħabba l-fatt li hija strettament relatata mal-erja għad-dispożizzjoni ta’ bidwi, l-għajnuna SPUE tista’ twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-art u l-kiri tal-art u għalhekk tnaqqas l-effettività tal-għajnuna. RAKKOMANDAZZJONI 4 Il-Kummissjoni għandha tanalizza safejn l-effettività u l-effiċjenza tal-pagamenti diretti huma milquta b’mod avvers minn dgħufijiet strutturali u prezzijiet tal-art. Abbażi ta’ analiżi bħal din il-Kummissjoni għandha tqis miżuri komplementari li għandhom l-għan li jirristrutturaw is-settur tal-azjendi agrikoli u li jagħmluh iktar kompetittiv. KARATTRU TRANSIZZJONALI TAL-SPUE U T-TĦEJJIJA GĦALL-INTRODUZZJONI TAL-GĦAJNUNA BBAŻATA FUQ ID-DRITTIJIET 75. L-SPUE hija mfissra bħala sistema tranżizzjonali li għandha tiġi sostitwita minn skema ġdida bbażata fuq id-drittijiet. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li japplikaw l-SPUE ma ħejjewx għall-introduzzjoni ta’ skema ta’ dan it-tip. L-esperjenza mill-introduzzjoni tal-SPU fl-Istati Membri tal-UE-15 turi li l-implimentazzjoni tal-għajnuna bbażata fuq id-drittijiet rriżultat f’dewmien sinifikanti fil-pagamenti lill-bdiewa. RAKKOMANDAZZJONI 5 Il-Kummissjoni għandha tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri u għandha timmonitorja iktar mill-qrib it-tħejjijiet tagħhom għall-introduzzjoni ta’ skema futura bbażata fuq id-drittijiet. B’mod partikolari, għandha tgħin lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-bdiewa. Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Ioannis SARMAS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal- 10 ta’ Ottubru 2012. Għall-Qorti tal-Awdituri +++++ TIFF +++++ Vítor Manuel da Silva Caldeira President [1] Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2011 dwar l-Iskema ta’ Pagament Uniku (SPU): Kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati biex titjieb il-ġestjoni finanzjarja soda tagħha (http.//eca.europa.eu). [2] Dan ifisser li l-pagamenti lill-bdiewa jingħataw bil-kundizzjoni li jkunu ġew irrispettati l-istandards bażiċi għall-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali fl-azjendi agrikoli tagħhom magħrufa bħala rekwiżiti statutorji tal-ġestjoni (SMR) u li jżommu l-art tagħhom f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT). [3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281/KE tat- 22 ta’ Marzu 2004 li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tar-riforma tal-politika agrikola komuni (ĠU L 93, 30.3.2004, p. 1). [4] COM(2011) 625 finali/2 tad- 19 ta’ Ottubru 2011: Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lil bdiewa skont l-iskemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni. [5] L-Artikolu 1(c) u l-Artikolu 124(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad- 19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16). [6] L-Artikolu 124(4) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [7] L-Artikolu 124(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [8] Dan il-kunċett huwa definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1200/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar stħarriġ ta’ strutturi tal-farms [azjendi agrikoli] (ĠU L 329, 15.12.2009, p. 1). [9] L-Artikolu 132 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [10] Ara l-Anness II. [11] L-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [12] L-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:"1.L-għan tal-politika agrikola komuni għandu jkun:(a)li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta' produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta' produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol;(b)li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta' għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar (tkabbar) il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura;(c)li tagħmel is-swieq stabbli;(d)li tiggarantixxi d-disponibilità tal-provvisti;(e)li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur.2.Fit-tfassil tal-politika agrikola komuni u l-metodi speċjali li tista’ tinvolvi, kunsiderazzjoni xierqa għandha tingħata lil dan li ġej:(a)il-karattru partikolari tal-attivita agrikola, li joħroġ mill-istruttura soċjali agrikola u mid-disparità strutturali u naturali ta' bejn id-diversi reġjuni agrikoli;(b)il-bżonn li jsiru gradwalment il-bidliet xierqa;(c)il-fatt li fl-Istati Membri l-agrikoltura tikkostitwixxi settur marbut mill-qrib mal-bqija tal-ekonomija." [13] L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [14] Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2011. [15] L-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [16] Il-firxa preċiża ta’ dawn iż-żoni militari li għaliha tħallset għajnuna SPUE ma kinitx magħrufa mal-aġenzija nazzjonali tal-pagamenti. [17] B’relazzjoni mas-sena ta’ applikazzjoni 2010, l-entitajiet tal-Istat irċevew direttament madwar EUR 13,8 miljun għal kważi 82000 ettaru ta’ art li minnha aktar minn 27000 kienet ġiet iddikjarata mill-10 parks nazzjonali li għalihom tħallsu EUR 4,3 miljun f’għajnuna SPUE lit-teżor tal-Istat. [18] L-erjas agrikoli li fir-rigward tagħhom tista' tiġi klejmjata għajnuna SPUE huma mniżżla fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta' appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27). Għas-snin ta' applikazzjoni qabel l-2010 l-erjas kienu mniżżla fl-Anness XXI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004 tad-29 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskemi ta’ appoġġ li hemm provvediment għalihom fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art imwarrba [art imserrħa] għall-produzzjoni ta’ materja prima (ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1). [19] Ara t-Tabella. [20] L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat- 30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65). [21] L-Artikolu 124(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [22] L-Artikolu 124(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [23] Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2007 (ĠU L 222, 28.8.2007, p. 10), Nru 316/2009 (ĠU L 100, 18.4.2009, p. 3) it-tnejn jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 1973/2004 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 387/2010 (ĠU L 114, 7.5.2010, p. 1) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1121/2009 li jintroduċi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009. [24] Għall-ammonti mħallsa għal kull sena finanzjarja u kull Stat Membru ara l-Anness II. [25] Ara l-Anness III. [26] Sabiex jiġi mkejjel il-livell kumplessiv tal-appoġġ għad-dħul dirett għas-settur tal-azjendi agrikoli, għandhom jiġu miżjuda l-pagamenti diretti nazzjonali komplementari (CNDP). Skont il-Kummissjoni dawn ammontaw għal EUR 13,4 biljun fl-istess perjodu. [27] Id-dokument tal-Kummissjoni "Developments in the income situation of the EU agricultural sector" ("Żviluppi fis-sitwazzjoni tad-dħul tas-settur agrikolu tal-UE", Brussell 2010, http://ec.europa.eu/agriculture/rica/pdf/hc0301_income.pdf. Dan id-dħul jitkejjel għal kull unità ta’ xogħol annwali (AWU) li, f’termini ssimplifikati, jikkorrispondi għal persuna waħda impjegata fuq bażi full-time f’azjenda agrikola. [28] Ara l-paragrafu 8. [29] Għad-distribuzzjoni tal-għajnuna SPUE ara l-Anness III. [30] L-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. [31] L-Artikolu 68(1) u l-Artikolu 131 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. [32] SEC(2002) 95 finali tat- 30 ta’ Jannar 2002: Tkabbir u Agrikoltura: Integrazzjoni b’suċċess tal-Istati Membri ġodda fil-PAK (paragrafu 4.2). [33] Għall-Ungerija ara pereżempju Udovecz, G., Popp, J., Potori, N., Hungarian Agriculture under pressure for adjustment, Budapest, 2007. Fl-2009 ir-riżultati tal-analiżi 2007 kienu kkonfermati (Strategic dilemmas of Hungarian Agriculture and its chances on the market, Budapest, 2009) u jaċċennaw il-problemi strutturali eżistenti u kompetittività dgħajfa tas-settur agrikolu Ungeriż. Għas-Slovakkja ara Božik, M. et al., Economics of sustainable development in agriculture, food sector and rural areas in Slovak Republic, Bratislava, 2009. Fir-Rumanija, fejn l-evalwazzjonijiet dettaljati tas-sitwazzjoni tal-agrikoltura mhumiex disponibbli, l-awtoritajiet nazzjonali semmew is-sjieda ta’ art frammentata li toħloq diffikultajiet fl-amalgamazzjoni tal-ħbula għal unitajiet ikbar tal-produzzjoni u problemi strutturali fil-katina tal-ikel, pereżempju faċilitajiet sottożviluppati għall-ipproċessar tal-ikel jew għan-negozjanti tal-ikel li jistrieħu inqas u inqas fuq il-produzzjoni domestika, bħala fatturi li joħolqu diffikultajiet għal bosta bdiewa biex jirrealizzaw dħul ogħla mill-attivitajiet agrikoli. [34] Il-Qorti kienet diġà nnutat f’verifika oħra li jistgħu jiġu osservati effetti simili wara l-introduzzjoni tal-Iskema ta’ Pagament Uniku fl-UE-15, b’mod partikolari fil-mudell reġjonali: Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2011. [35] Fis-Slovakkja, fl-2009, 82 % tal-EAU kienet mikrija b’kuntrast għar-Rumanija fejn l-aħħar figuri disponibbli (2007) juru li din ir-rata hi biss ta’ 17 %. [36] L-Istitut tar-Riċerka għall-Ekonomija Agrikola (RIAE) Ungeriż ikkalkula li minħabba r-rata għolja ta’ art mikrija, is-sidien tal-art jibbenefikaw b’mod sinifikanti wkoll mill-appoġġ u jassorbu 31 % tal-għajnuna; Kovacs, G. et al., The efficiency of agricultural subsidies, Budapest, 2008. Dan hu konsistenti ma' studju ieħor li kopra r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja u s-Slovakkja; Ciaian, P., Kancs, D., The capitalisation of Area Payments into Farmland Rents: Theory and Evidence from the New EU Member States, Brussell, 2009. [37] Għad hemm restrizzjonijiet nazzjonali għall-kiri jew l-akkwist ta’ art agrikola (fl-Ungerija, is-Slovakkja, il-Polonja u r-Rumanija), kuntratti tal-kera kultant ikunu għal żmien twil ħafna (is-Slovakkja) tant li l-effetti tal-adeżjoni fl-UE għad mhumiex riflessi bis-sħiħ fil-prezzijiet tal-art u tal-kera. [38] L-Artikolu 143b(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad- 29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, 21.10.2003, p.1). [39] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2006 tad- 19 ta’ Diċembru 2006 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 384, 29.12.2006 p. 8). [40] COM(2011) 625 finali/2 tad- 19 ta’ Ottubru 2011. [41] Ara r-Rapporti Annwali li jikkonċernaw is-sena finanzjarja 2006, paragrafi 5.33 sa 5.38, is-sena finanzjarja 2007, il-paragrafi 5.14, 5.21 sa 5.25. -------------------------------------------------- ANNESS I PARAGUN BEJN L-SPUE U L-ISKEMA TA’ PAGAMENT UNIKU (SPU) Kemm l-SPU u kemm l-SPUE huma mfassla biex jipprovdu appoġġ għad-dħul tal-bdiewa. Fiż-żewġ każijiet l-erjas tal-art agrikola li fuqha hu bbażat l-pagament għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-bdiewa f’data speċifika f’kull sena ta’ applikazzjoni u għandha tkun miżmuma f’KAAT (kif imfisser fir-Regolament (KE) Nru 73/2009). Madankollu, hemm żewġ differenzi prinċipali bejn l-SPU u l-SPUE: (a) Drittijiet għal pagamenti Skont l-SPU, l-għajnuna hija determinata permezz ta’ żewġ settijiet ta’ rekwiżiti (i) l-għadd ta’ ettari eliġibbli li wieħed ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu u (ii) il-valur tad-drittijiet għal pagamenti. Id-drittijiet għal pagamenti jagħtu d-dritt għal ammont fiss ta’ għajnuna għal kull ettaru. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-valur ta’ kull dritt għal pagament jirrifletti l-valur tal-għajnuna diretta mogħtija matul perjodu ta’ referenza storika. Id-drittijiet għal pagamenti jistgħu jiġu negozjati indipendentament mill-art. B’kuntrast, l-għajnuna SPUE hija determinata bħala pagament ta’ rata fissa għal kull ettaru kkalkulata kull sena billi jiġi diviż il-pakkett finanzjarju nazzjonali bl-erja agrikola utilizzata fl-Istat Membru kkonċernat u m'hemmx drittijiet għal pagamenti. (b) Definizzjoni ta’ art agrikola eliġibbli: KAT u KAAT Taħt l-SPU, il-pagamenti jsiru f’relazzjoni ma’ kwalunkwe erja agrikola ta’ azjenda li hija użata għal attività agrikola (li tinkludi ż-żamma tagħha f’KAAT). F’kuntrast, skont l-SPUE, l-erja agrikola eliġibbli hija dik li hi fil-verità utilizzata u li kienet f’kundizzjoni agrikola tajba (KAT) fit- 30 ta’ Ġunju 2003. Ma ngħatatx definizzjoni ulterjuri tal-kunċett ta’ KAT fir-regolament. Għal finijiet prattiċi kollha dan kien użat biss fi żmien l-adeżjoni bħala mod ta’ esklużjoni mill-ħbula EAU li kienu abbandunati f’Ġunju 2003 u biex jimpedixxi lill-bdiewa milli jikklejmjaw għajnuna b’relazzjoni ma’ art bħal din li huma jkunu reġgħu bdew jikkultivaw wara dik id-data. Dan hu għalhekk sempliċiment kunċett storiku li ma għadu jaqdi ebda għan prattiku għajr għaż-żewġ eċċezzjonijiet imsemmijin hawn taħt. Fil-każijiet tal-Bulgarija u r-Rumanija, l-Att ta’ Adeżjoni ma semmiex il-limiti ta’ żmien tat- 30 ta’ Ġunju 2003 u, fil-prinċipju, il-KAT għandha tkun osservata kull sena. L-istandards KAT ingħataw definizzjoni fil-Bulgarija biss. Fir-Rumanija, l-awtoritajiet ma tawx definizzjoni tal-KAT bil-konsegwenza li l-erjas li ma ġewx utilizzati ma kinux esklużi mill-erja agrikola. Għall-finijiet prattiċi kollha, il-KAAT issa hija l-kunċett pertinenti minħabba li l-bdiewa għandhom jirrispettaw l-obbligi KAAT sabiex ikunu intitolati għal pagament sħiħ ta’ għajnuna SPU jew tal-SPUE. -------------------------------------------------- ANNESS II APPOĠĠ GĦAD-DĦUL IMĦALLAS SKONT L-SPUE FIS-SNIN FINANZJARJI MILL-2005 SAL-2011 Sors: Rapporti Annwali FAEG dwar is-Snin Finanzjarji 2005-2011. (f'EUR miljun) | Sena Finanzjarja | Il-Bulgarija | Ir-Repubblika Ċeka | L-Estonja | Ċipru | Il-Latvja | Il-Litwanja | L-Ungerija | Il-Polonja | Ir-Rumanija | Is-Slovakkja | TOTAL | 2005 | 0,0 | 212,4 | 21,2 | 7,9 | 25,1 | 81,8 | 316,0 | 702,0 | 0,0 | 82,8 | 1449,2 | 2006 | 0,0 | 255,5 | 27,8 | 13,6 | 38,4 | 103,3 | 373,4 | 807,1 | 0,0 | 102,2 | 1721,3 | 2007 | 0,0 | 309,6 | 35,1 | 16,9 | 48,4 | 128,2 | 445,4 | 977,3 | 0,0 | 122,0 | 2082,9 | 2008 | 166,3 | 354,7 | 40,5 | 19,4 | 55,5 | 146,3 | 508,3 | 1123,9 | 420,1 | 139,5 | 2974,5 | 2009 | 208,5 | 437,3 | 50,6 | 24,6 | 69,5 | 183,5 | 639,4 | 1401,6 | 528,8 | 179,7 | 3723,5 | 2010 | 272,1 | 517,0 | 60,6 | 28,7 | 83,6 | 220,1 | 771,1 | 1671,6 | 611,0 | 225,2 | 4461,0 | 2011 | 289,7 | 580,6 | 70,5 | 29,9 | 95,1 | 261,1 | 831,7 | 1962,5 | 698,5 | 264,8 | 5084,4 | TOTAL | 936,6 | 2667,1 | 306,3 | 141,0 | 415,6 | 1124,3 | 3885,3 | 8646,0 | 2258,4 | 1116,2 | 21496,8 | -------------------------------------------------- ANNESS III DISTRIBUZZJONI TAL-APPOĠĠ GĦAD-DĦUL SKONT L-SPUE (SENA TA’ APPLIKAZZJONI 2010) Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri abbażi tad-data dwar il-pagamenti tal-Kummissjoni Ewropea (CATS). Pagament annwali tal-appoġġ SPUE (f’EUR) | Għadd ta’ benefiċjarji | Il-Bulgarija | Ir-Repubblika Ċeka | L-Estonja | Ċipru | Il-Latvja | Il-Litwanja | L-Ungerija | Il-Polonja | Ir-Rumanija | Is-Slovakkja | < 500 | 1761219 | 63377 | 3822 | 5662 | 22373 | 33144 | 92613 | 58940 | 520945 | 954443 | 5900 | ≥ 500 and < 5000 | 1164925 | 21359 | 12724 | 8167 | 8779 | 29128 | 68918 | 94003 | 801055 | 114179 | 6613 | ≥ 5000 and < 10000 | 62135 | 2608 | 3174 | 908 | 598 | 1522 | 4773 | 11170 | 30515 | 6055 | 812 | ≥ 10000 and < 50000 | 46706 | 2952 | 3776 | 1101 | 420 | 1174 | 3348 | 11469 | 13450 | 7699 | 1317 | ≥ 50000 and < 100000 | 6060 | 862 | 818 | 164 | 17 | 132 | 259 | 1031 | 1267 | 1125 | 385 | ≥ 100000 and < 300000 | 4396 | 529 | 1170 | 90 | 4 | 45 | 145 | 771 | 566 | 440 | 636 | ≥ 300000 and < 500000 | 746 | 26 | 303 | 6 | 0 | 2 | 10 | 184 | 56 | 30 | 129 | ≥ 500000 | 287 | 15 | 105 | 0 | 0 | 0 | 2 | 77 | 20 | 21 | 47 | TOTAL | 3046474 | 91728 | 25892 | 16098 | 32191 | 65147 | 170068 | 177645 | 1367874 | 1083992 | 15839 | --------------------------------------------------