52012PC0792

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda /* COM/2012/0792 final - 2012/0367 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fuq talba tal-Irlanda, fis-7 ta' Diċembru 2010 il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Irlanda, (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE) f'appoġġ għal programm qawwi ta' riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja, u b'hekk l-ekonomija tkun tista' tirritorna għal tkabbir sostenibbli, u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-UE.

F'konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u b'kooperazzjoni mal-BĊE, wettqet it-tmien analiżi tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll tal-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-prospettiva ekonomika riveduta, kif ukoll l-informazzjoni li waslet sadanittant, tipproponi li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li jsostnu l-assistenza kif spjegat hawn taħt. Il-Kummissjoni tara l-bidliet proposti għall-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika bħala meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-programm u jiżguraw l-għanijiet tal-programm.

2012/0367 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Wara t-talba mill-Irlanda, il-Kunsill taha assistenza finanzjarja (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE[2]) bħala appoġġ għall-programm qawwi ta' riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid, u b'hekk l-ekonomija tkun tista' tirritorna għal it-tkabbir sostenibbli, u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

(2)       F’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), wettqet it-tmien analiżi tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula.

(3)       Inkiseb progress sinifikanti fir-rigward tal-għanijiet tal-programm għad-diżingranar bankarju. B'mod speċifiku, żewġ banek domestiċi diġà laħqu jew qiegħdin fi stadju avvanzat sew biex jilħqu l-mira ta' proporzjon ta' self mad-depożitu (LDR) ta' 122.5%, oriġinarjament prevista li tintlaħaq sa tmiem l-2013. Il-bank domestiku li jifdal lesta xi ċessjonijiet ta' assi mhux ewlenin u r-rekwiżiti ta' diżingranar tal-programm tiegħu se jiġu vvalutati mill-ġdid wara deċiżjoni dwar il-pjan tar-ristrutturar tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea.

(4)       Fid-dawl tal-progress sostanzjali, modifika tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-programm għad-diżingranr tal-banek lejn miri nominali ta' ċessjoni ta' assi mhux ewlenin u monitoraġġ avvanzat imfassal biex jiżgura li l-banek itejbu l-proporzjonijiet ta’ ffinanzjar stabbli nett (NSFRs) u l-proporzjonijiet ta' kopertura tal-likwidità (LCRs) ikunu qed jikkontribwixxu biex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni żejda fl-ipprezzar tad-depożiti tal-banek u biex jippreparawhom għall-konformità mar-rekwiżiti ta' likwidità ta' Basel III.

(5)       Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u konsiderazzjonijiet, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandu jiġi emendat kif ġej:

(1) fil-paragrafu 8, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

"(c) id-diżingranar tal-banek domestiċi lejn il-miri nominali għaċ-ċessjonijiet tal-assi mhux ewlenin u l-amortizzament stabbiliti taħt il-PLAR tal-2011, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ valutazzjonijiet kontinwi tal-pjanijiet ta’ ristrutturar tal-banek, u l-monitoraġġ tal-progress tal-banek lejn ir-rekwiżiti rilevanti ta' Basel III dwar il-likwidità u l-proporzjonijiet ta’ ffinanzjar stabbli nett skont il-qafas ta' monitoraġġ miftiehem taħt il-programm.";

(2) il-paragrafu 10 jinbidel b’dan li ġej:

"10. L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, skont l-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta' Ftehim:

(a) It-tlestija tat-testijiet tal-istress tal-banek, allinjati mal-eżerċizzju tal-ABE, li tibni fuq ir-riżultati tal-PCAR tal-2011 u l-Programm tal-Miżuri Finanzjarji tal-2012. It-test tal-istress għandu jkun rigoruż u jkompli jkun ibbażat fuq previżjonijiet b'saħħithom ta’ self b'telf u livell għoli ta’ trasparenza. Il-pubblikazzjoni tar-riżultati għandha tkun allinjata mal-perjodu ta’ żmien tal-eżerċiżżju li jmiss tal-ABE.

(b) id-diżingranar tal-banek domestiċi lejn il-miri nominali ta' tmiem l-2013 għaċ-ċessjonijiet ta' assi mhux ewlenin u l-amortizzament stabbiliti skont il-PLAR tal-2011, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ valutazzjonijiet kontinwi tal-pjanijiet ta’ ristrutturar tal-banek, u l-monitoraġġ tal-progress tal-banek lejn ir-rekwiżiti rilevanti ta' Basel III dwar il-likwidità u l-proporzjonijiet ta’ ffinanzjar stabbli nett skont il-qafas ta' monitoraġġ miftiehem taħt il-programm.".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

[2]               ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.