52012PC0763

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi /* COM/2012/0763 final - 2012/0354 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

L-Artikolu 397 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[1] (“id-Direttiva tal-VAT”) jgħid li, “Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta din id-Direttiva”.

Fuq dik il-bażi, il-Kunsill adotta Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011[2] (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT”), li jistabbilixxi regoli dwar kif għandhom jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT u li jnaqqax fil-liġi għadd ta’ linji gwida li qabel fuqhom il-Kumitat tal-VAT mill-1977 ’l hawn.

Partijiet kbar mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT għandhom x’jaqsmu ma’ bidliet fir-regoli dwar il-forniment tas-servizzi li ġew introdotti fl-2008 (permezz tal-“pakkett tal-VAT”[3]). Xi wħud minn dawn il-bidliet jeħtieġ li jiġu ċċarati aktar, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw lis-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi fornuti lil persuni mhux taxxabbli, li mill-2015 ’il quddiem isiru taxxabbli fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti. Il-fornituri ta’ tali servizzi jkollhom jidentifikaw u jagħtu kont għall-VAT f'dak l-Istat Membru.

Diġà ttieħdu miżuri biex jiġu implimentati l-iskemi speċjali għal dawk il-fornituri li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru tat-tassazzjoni[4]. Jeħtieġ li jittieħdu aktar miżuri sabiex jiġi żgurat li r-regoli li jirregolaw il-post tal-forniment ta’ dawn is-servizzi jiġu applikati b'mod uniformi. Huwa essenzjali li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT jiġi emendat sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar kif għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-VAT.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun, u ċertament sa tmiem l-2013, sabiex lin-negozji u lill-Istati Membri jingħatalhom biżżejjed żmien biex jippreparaw għall-bidliet.

Din il-proposta u d-definizzjonijiet li fiha ma jipprekludux dak li se joħroġ mid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsin tal-VAT għal prodotti u servizzi fuq l-internet.

Il-kuntest ġenerali

Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi, b’mod ġenerali, jiġu intaxxati fil-post fejn ikun stabbilit jew residenti l-klijent[5]. Fejn il-fornitur ikun stabbilit fl-UE u l-klijent ikun persuna mhux taxxabbli, madankollu, il-forniment bħalissa jiġi intaxxat fil-post fejn ikun stabbilit il-fornitur.

Mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem, is-servizzi kollha tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi se jkunu taxxabbli fil-post fejn ikun residenti l-klijent (sakemm ma tkunx tapplika r-regola dwar l-użu u tgawdija effettivi), anke jekk il-klijent ikun persuna mhux taxxabbli. Fil-każ ta’ persuni mhux taxxabbli, il-fornituri tal-UE u mhux tal-UE se jkollhom jidentifikaw fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti. Jekk ma jkunx hemm numru tal-identifikazzjoni tal-VAT (li normalment huwa riżervat għall-persuni taxxabbli) biex jiggiwdah, il-fornitur se jkollu, sa ċertu punt, jiddependi fuq l-informazzjoni li jagħtih il-klijent.

Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u jiġu evitati t-tassazzjoni doppja jew in-nontassazzjoni, il-fornituri jeħtieġu regoli ċari u li jorbtu dwar kif għandhom jagħmlu dan.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Sabiex jiġu identifikati l-oqsma fejn huma meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri u n-negozji ġew ikkonsultati b’mod estensiv matul seminar tal-Fiscalis. Ġew ukoll skambjati l-fehmiet waqt laqgħa ta' grupp ta’ esperti li kien jikkonsisti f'rappreżentanti tal-Istati Membri, imsejjaħ il-Grupp ta' Ħidma Nru 1, u man-negozji f'laqgħa ad hoc tal-esperti.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta' għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-miżuri kkonċernati huma ta' natura purament teknika u sempliċiment qed jistipulaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li diġà ġew adottati mill-Kunsill. Għalhekk, m'hemmx bżonn ta' valutazzjoni tal-impatt.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE. L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu għal kollox mill-Istati Membri.

Minkejja li l-Istati Membri huma responsabbli għat-traspożizzjoni tad-dritt tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa essenzjali li r-regoli li jirregolaw il-post tal-forniment tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi jiġu applikati b’mod uniformi sabiex tiġi evitata applikazzjoni diverġenti tar-regoli li twassal għat-tassazzjoni doppja jew għan-nontassazzjoni.

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, hija biss azzjoni min-naħa tal-UE li tista' tiżgura trattament ugwali għan-negozji u għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

L-emendi attwali huma meħtiġin biex ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 jiġi adattat għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-VAT li se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem.

Id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma relatati mad-Direttiva 2008/8/KE li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi, b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha.

Il-proposta, għalhekk, hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

4.           TAGĦRIF IEĦOR

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

Il-miżuri implimentattivi proposti għandhom x’jaqsmu mat-tipi ta’ servizzi li ġejjin:

· servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi

· servizzi li għandhom rabta ma’ proprjetà immobbli

· distribuzzjoni ta’ biljetti li jippermettu d-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, u ta’ divertiment, u għal avvenimenti simili.

Il-proposti għal kull wieħed minn dawn is-servizzi huma kif ġej.

Servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi

Mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem, in-negozji tal-UE (u mhux tal-UE) se jkunu jridu jistabbilixxu l-post li għalih ikun jappartjeni l-klijent (persuna mhux-taxxabbli) tagħhom sabiex jiżguraw li ssir tassazzjoni korretta ta’ dawn is-servizzi. Sabiex jiġi żgurat li, fil-livell tal-UE, it-tranżizzjoni sseħħ mingħajr problemi u b’mod ikkordinat, il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri għall-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda. Dan wara konsultazzjonijiet fil-fond u mill-qrib man-negozji u mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri mhux se jbiddlu r-regoli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi stabbiliti permezz tad-Direttiva tal-VAT, iżda se jiċċaraw kif dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati fil-prattika.

L-Artikoli 6a u 6b, flimkien mat-tibdiliet proposti għall-Artikolu 7 u għall-Anness II, ifittxu li jiċċaraw in-natura tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi. Kull wieħed minn dawn is-servizzi għandu jiġi ddefinit sabiex jiġu stabbiliti l-limiti tar-regoli l-ġodda. Għaldaqstant, qed tiġi inkluża definizzjoni ta’ ‘servizzi tax-xandir’, flimkien ma’ eżempji li juru liema servizzi huma koperti u liema mhumiex. Sabiex ikun hemm iċ-ċertezza legali, qed tingħata preferenza lill-kwalifikazzjoni tas-servizzi f'termini pożittivi. Il-lista eżistenti ta’ eżempji ta' servizzi elettroniċi ġiet adattata u tfasslu listi simili għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u tax-xandir. Il-listi la huma definittivi u lanqas eżawrijenti.

L-Artikolu 9a jiċċara t-trattament tas-servizzi tax-xandir u dawk elettroniċi meta jiġu forniti permezz tan-network tat-telekomunikazzjoni jew permezz ta’ interfaċċja jew portal bħal suq għall-applikazzjonijiet li jappartjenu għal intermedjarju (jew parti terza li tintervjeni fil-forniment). IL-preżunzjoni hi li fl-għoti ta’ dawk is-servizzi l-intermedjarju jaġixxi fl-interess tal-fornitur iżda f'ismu stess. Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, l-intermedjarju se jitqies bħala li rċieva u forna dawk is-servizzi. Fejn il-forniment isir lil persuna mhux taxxabbli, l-intermedjarju jkollu jagħti kont għall-VAT fl-Istat Membru tal-klijent tiegħu.

L-Artikolu 13a jispeċifika li, bħal persuna taxxabbli, persuna ġuridika mhux taxxabbli hija stabbilita fil-post fejn ikun stabbilit in-negozju tagħha jew fejn tkun stabbilita b’mod fiss.

L-Artikolu 18 jittratta l-istejtus tal-klijent. L-artikolu jippermetti li fornitur jittratta ma’ klijent li ma jagħtihx in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tiegħu bħala persuna mhux taxxabbli, iżda dan biss jekk il-fornitur ma jkollux tagħrif li jissuġġerixxi mod ieħor. Fejn il-post tat-tassazzjoni jkun jiddependi fuq jekk il-klijent ikunx persuna taxxabbli jew persuna mhux taxxabbli, ir-riskju li wieħed joqgħod biss fuq in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT huwa li l-forniment jista’ jiġi spostat jekk klijent taxxabbli jagħżel li ma jagħtix in-numru. Ma jeżisti l-ebda riskju bħal dan fir-rigward tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi, li fi kwalunkwe ċirkustanza se jkunu taxxabbli fil-post tal-klijent. Il-paragrafu 2 il-ġdid jiċċara li, għal tali servizzi, il-fornitur jista’ jqis lil kwalunkwe klijent li ma jagħtihx numru tal-identifikazzjoni tal-VAT bħala persuna mhux taxxabbli. Dan se jippermetti lill-fornitur jiddetermina immedjetament u b’ċertezza jekk il-ħlas tal-VAT ikunx jaqa’ fuq il-fornitur (kif inhu l-każ għall-forniment lil persuna mhux taxxabbli, jew lil persuna taxxabbli fl-istess Stat Membru) jew jekk il-klijent ikollux jagħti kont għat-taxxa (minħabba li l-forniment ikun għal persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor). Madankollu, din il-valutazzjoni inizjali jkollha tiġi rriveduta u kkoreġuta jekk, aktar tard, il-klijent jagħti n-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tiegħu.

L-Artikolu 24 jittratta sitwazzjonijiet fejn il-klijent ikun stabbilit jew residenti f’aktar minn pajjiż wieħed. L-għan hu li jiġu evitati kunflitti dwar il-ġuriżdizzjoni bejn l-Istati Membri. Il-paragrafu 3 l-ġdid jiċċara x'għandu jitqies biex jiġi ddeterminat il-post li l-aktar li jiżgura li ssir it-tassazzjoni fil-post fejn fil-fatt iseħħ il-konsum.

Is-Subtaqsima 3a tipprovdi għal preżunzjonijiet mhux konfutabbli fejn ikun impossibbli jew kważi impossibbli għall-fornitur li jistabbilixxi l-kapaċità ta’ klijent jew li jkun jaf fejn il-klijent ikun fil-fatt stabbilit, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

L-Artikolu 24a jittratta l-każijiet fejn fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew dawk elettroniċi jipprovdi dawk is-servizzi lil klijent f’ċerti postijiet. F'każijiet bħal kabina telefonika jew internet café, il-fornitur ma jkunx jaf min ikun il-klijent jew jista’ jsibha prattikament impossibbli li jiċċekkja għal liema post fil-fatt ikun jappartjeni dak il-klijent. Minħabba li l-preżenza fiżika tal-persuna li tirċievi s-servizz hija neċessarja biex jingħatalha s-servizz, il-preżunzjoni hi l-klijent ikun jappartjeni għal dak il-pajjiż.

L-Artikolu 24b jittratta mal-każijiet fejn isir użu minn kredits imħallsin minn qabel u maħżunin fuq kard tas-SIM biex wieħed jirċievi s-servizzi. Minħabba li ġeneralment meta jinbiegħu tali kards ma jinġabrux dettalji personali, il-fornitur, li mhux neċessarjament ikun qed iforni lill-klijent bil-kard, ma jkunx jaf min ikun dak il-klijent. Il-pajjiż li minnu tkun inħarġet il-kard tas-SIM għandu importanza ewlenija biex jiġi stabbilit fejn ikun jinsab il-klijent. Minħabba li l-kard tas-SIM spiss tintuża f’dak il-pajjiż, għal dik il-fini l-preżunzjoni hi li anki l-klijent ikun jappartjeni għal dak il-pajjiż.

Is-subtaqsima 3b tipprovdi għal preżunzjonijiet konfutabbli fejn ikun diffiċli, iżda mhux impossibbli, li l-fornitur ikun jaf fejn fil-fatt ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti. Fejn il-fornitur ikollu l-informazzjoni li tkun tindika li l-klijent ikun jappartjeni għal xi mkien ieħor, il-preżunzjonijiet ma japplikawx.

L-Artikolu 24c jittratta mal-każijiet fejn is-servizzi jingħataw lill-klijent permezz ta’ linja fissa tat-telefown li tkun ikkumnikata ma’ binja residenzjali. Minħabba li dan se jkun ukoll il-post fejn is-servizz ikun se jintuża, il-preżunzjoni hi li l-klijent ikun jappartjeni għal hemmhekk.

L-Artikolu 24d jkopri l-każijiet fejn il-klijent jagħmel użu minn kard tas-SIM bil-kuntratt biex jirċievi s-servizzi. Bħal fil-każ tal-kredits imħallsin minn qabel, il-preżunzjoni hi li l-klijent ikun jappartjeni għall-pajjiż minn fejn tkun inħarġet il-kartd tas-SIM. Minħabba li fil-każ ta' servizzi rċevuti permezz tal-użu ta’ kard tas-SIM bil-kuntratt, il-fornitur ikun jaf il-klijent min ikun, jeħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata.

L-Artikolu 24e jindika li wieħed jista’ jissoponi li klijent li jkun jeħtieġ apparat jew kard apposta biex jirċievi s-servizzi jkun jappartjeni għal fejn ikun installat l-apparat jew fejn tintbagħat il-kard biex tintuża. Il-preżunzjoni ma tapplikax f’każijiet fejn l-apparat jinbiegħ mingħajr l-installazzjoni jew fejn il-kard apposta tinbiegħ iżda ma tintbagħatx lill-klijent.

L-Artikolu 24f ikopri l-każijiet l-oħrajn kollha fejn il-preżunzjoni hi li l-klijent ikun jappartjeni għall-post kif stabbilit mill-fornitur permezz ta’ biżżejjed evidenza. Din il-preżunzjoni tgħodd sal-punt li l-fornitur ma jkollux evidenza kontradittorja.

Is-subtaqsima 3c tiffoka fuq l-evidenza li għandha tintuża għall-identifikazzjoni tal-post fejn ikun il-klijent.

L-Artikolu 24g jistabbilixxi lista tal-informazzjoni li tista’ tintuża bħala evidenza mill-fornitur biex jidentifika fejn ikun jappartjeni klijent mhux taxxabbli. Minħabba li m’hemmx numru tal-VAT biex wieħed jimxi fuqu, il-fornitur irid ikun jaf x’informazzjoni oħra jista’ juża għal dan il-għan. Minkejja li mhix eżawrijenti, il-lista tindika liema hija l-aktar informazzjoni rilevanti biex tintuża bħala evidenza. Biex tkun proporzjonata, l-evidenza użata trid tkun biżżejjed biex jiġi ddeterminat b'ċertezza relattiva fejn ikun jappartjeni l-klijent, iżda l-oneru tal-prova m'għandux ikun eċċessiv. L-aħjar mod kif dan il-għan jintlaħaq huwa billi jiġi stabbilit livell komuni ta’ evidenza. Li wieħed joqgħod fuq biċċa evidenza waħda biss mhux xieraq, minħabba li jħalli wisq post għal differenzi fl-applikazzjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ biċċtejn evidenza distinti u konverġenti.

Servizzi b’rabta mal-proprjetà immobbli

L-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-VAT jgħid li l-post tal-forniment ta' servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli jkun il-post fejn tkun tinsab il-proprjetà. Ġew inklużi miżuri sabiex jiġi ċċarat il-kamp tal-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni fuq il-bażi ta’ linji gwida li ntlaħaq qbil dwarhom fil-Kumitat tal-VAT.

L-Artikolu 13b jipprovdi definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi proprjetà immobbli. Il-kunċett ta’ proprjetà immobbli huwa idea komuni, indipendenti mid-dritt nazzjonali. Hemm bżonn ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar il-post tal-forniment. Id-definizzjoni hija bbażata l-aktar fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 31a jispeċifika li, fil-każ tas-servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli, jeħtieġ li l-konnessjoni tkun diretta biżżejjed (il-paragrafu 1). F’din il-kategorija jaqgħu s-servizzi derivati minn proprjetà immobbli jekk il-proprjetà tkun element kostitwent tas-servizz u tkun ċentrali u essenzjali għas-servizzi pprovduti, bħall-għoti ta' permessi tas-sajd; u s-servizzi mogħtijin lil proprjetà immobbli jew maħsubin għaliha, li jkollhom bħala l-objettiv tagħhom l-alterazzjoni legali jew fiżika ta' dik il-proprjetà, bħalma huma s-servizzi tal-periti jew tal-aġenti immobiljari. Jingħataw eżempji biex jintwera liema servizzi huma marbutin ma’ proprjetà immobbli (il-paragrafu 2), u liema m’humiex (il-paragrafu 3).

L-Artikolu 31b jgħid li l-kiri ta’ apparat, bil-persunal jew mingħajru, lil klijent biex isir xogħol fuq proprjetà immobbli jitqies bħala servizz b’rabta ma’ proprjetà immobbli biss jekk il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għat-twettiq tax-xogħol. Fejn it-tagħmir jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijent flimkien ma’ biżżejjed persunal biex iħaddmu, il-preżunzjoni hi li l-fornitur ikun assuma tali responsabbiltà. F'dan il-każ, is-servizz irid jiġi intaxxat fil-pajjiż fejn tkun tinsab dik il-proprjetà immobbli.

L-Artikolu 31c jispeċifika li, għall-finijiet tal-VAT, is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi pprovduti mil-lukandi jew minn stabbilimenti simili lill-klijenti tagħhom b’rabta mal-akkomodazzjoni, se jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-forniment tal-akkomodazzjoni nnifisha. Skont kif jintalab il-ħlas għal dawk is-servizzi, ikunu jagħmlu parti minn forniment wieħed ta' akkomodazzjoni (fil-każ ta’ prezzijiet li jinkludu kollox) jew jitqiesu bħala servizzi anċillari għall-forniment tal-akkomodazzjoni.

Distribuzzjoni ta’ biljetti li jippermettu d-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta' divertiment jew għal attivitajiet simili

Id-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal attivitajiet simili għadu taxxabbli fil-post fejn isir l-avveniment. Fejn id-dħul għal tali avvenimenti jiġi permess lil persuna taxxabbli, il-forniment ikun kopert mill-Artikolu 53 tad-Direttiva tal-VAT. L-Artikolu 54 tad-Direttiva tal-VAT ikopri l-għoti tal-permess tad-dħul għal avvenimenti bħal dawn lil persuna mhux taxxabbli.

L-Artikolu 33a jikkonferma li t-trattament tat-taxxa ma jiġix influwenzat mill-mod kif tkun organizzata d-distribuzzjoni tal-biljetti għal avvenimenti bħal dawn. Fiċ-ċirkostanzi kollha, il-forniment tal-biljetti jrid jiġi intaxxat fil-post fejn isir l-avveniment.

Miżuri tranżitorji

Skont l-Artikolu 63 tad-Direttiva tal-VAT, l-avveniment li jagħti post għal ħlas iseħħ u l-VAT tiġi imposta meta jiġu pprovduti l-oġġetti jew is-servizzi. Madanakollu, jekk ħlas isir akkont skont l-Artikolu 65 tad-Direttiva tal-VAT jew jekk l-Istati Membri jkunu għamlu użu mill-possibbiltà li jagħti l-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT, il-VAT tista’ tiġi imposta qabel isir il-forniment jew ftit wara.

Fil-każ tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi fornuti madwar l-1 ta’ Jannar 2015, jiġifieri ż-żmien meta jsiru applikabbli r-regoli l-ġodda dwar il-post tal-forniment, il-kundizzjonijiet marbutin mal-forniment jew differenzi li jista’ jkun hemm fl-applikazzjoni bejn Stat Membru u ieħor jistgħu jirriżultaw f'tassazzjoni doppja jew f’nontassazzjoni. Biex dan ma jiġrix, l-Artikolu 2 tal-proposta jagħmilha ċara li, irrispettivament minn meta l-VAT issir dovuta, il-mument deċiżiv biex jiġi ddeterminat il-post tal-forniment huwa meta s-servizzi jiġu fornuti jew, fil-każ ta’ fornimenti kontinwi li jagħtu post għal dikjarazzjonijiet suċċessivi tal-kontijiet jew ħlasijiet suċċessivi, kull darba li jsir forniment. Dan ifisser meta jseħħ, fi kwalunwe wieħed mill-Istati Membri, l-avveniment li jagħti post għal ħlas. Dawk il-miżuri huma neċessarji biex jiġi żgurat li jkun hemm tranżizzjoni bla skossi għar-regoli li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015.

2012/0354 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[6], u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Id-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/8/KE[7], tgħid li mill-1 ta’ Jannar 2015 is-servizzi kollha tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi fornuti lil persuna mhux taxxabbli jridu jiġu intaxxati fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-klijent jew fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, irrispettivament minn fejn tkun stabbilita l-persuna taxxabbli li tforni dawn is-servizzi. Il-biċċa l-kbira tas-servizzi l-oħrajn ipprovduti lil persuna mhux taxxabbli jibqgħu jiġu intaxxati fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur.

(2)       Sabiex jiġi ddeterminat liema servizzi jridu jiġu intaxxati fl-Istat Membru tal-klijent, huwa essenzjali li jiġu ddefiniti s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi. B'mod partikolari, jeħtieġ li l-kunċett ta' servizzi tax-xandir jiġi ċċarat fuq il-bażi tad-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva)[8].

(3)       Sabiex l-affarijiet jiġu ċċarati, it-tranżazzjonijiet identifikati bħala servizzi elettroniċi ġew elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011, għalkemm din il-lista la hi definittiva u lanqas eżawrijenti. Il-lista għandha tiġi aġġornata, u għandhom jitfasslu listi simili għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u tax-xandir.

(4)       Fejn is-servizzi tax-xandir u dawk elettroniċi ma jkunux fornuti direttament lil klijent iżda permezz ta’ netwerks tat-telekomunikazzjoni jew permezz ta’ interfaċċa jew portal li jkunu jappartjenu għal persuna taxxabbli oħra, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat min ikun qed jagħmel il-forniment lill-klijent.

(5)       Sabiex jiġi żgurat li jkun  hemm applikazzjoni uniformi tar-regoli li jirregolaw il-post tal-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat fejn għandu jitqies li tkun stabbilita persuna ġuridika mhux taxxabbli.

(6)       Bil-ħsieb li jiġi ddeterminat min ikun responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) fuq il-forniment tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi, u b'mod li jagħti kas tal-fatt li l-post tat-tassazzjoni huwa l-istess irrispettivament minn jekk il-klijent ikunx persuna taxxabbli jew persuna mhux taxxabbli, il-fornitur għandu jkun kapaċi jiddetermina l-istejtus ta' klijent sempliċiment fuq il-bażi ta’ jekk il-klijent jikkomunikax in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT individwali tiegħu. Skont ir-regoli ġenerali, dan l-istejtus irid jiġi emendat jekk, aktar tard, il-klijent jagħmel komunikazzjoni f’dak is-sens.

(7)       Meta persuna mhux taxxabbli tkun stabbilita f'aktar minn pajjiż wieħed, jew inkella jkollha l-indirizz permanenti tagħha f'pajjiż iżda normalment tkun toqgħod f'ieħor, għandha tingħata prijorità lill-post li jkun jiżgura bl-aħjar mod li ssir it-tassazzjoni fil-post fejn fil-fatt isir il-konsum. Sabiex jiġu evitati kunflitti dwar il-ġuriżdizzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jiġi speċifikat il-post fejn fil-fatt isir il-konsum.

(8)       Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiċċaraw kif jiġu intaxxati s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi fornuti lil persuna mhux taxxabbli li jkun prattikament impossibli li wieħed jiddetermina l-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħha jew inkella dan ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b'ċertezza.

(9)       Minħabba li l-mod kif jiġu intaxxati s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi fornuti lil persuna mhux taxxabbli jiddependi fuq fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat x’evidenza għandu jkun mitlub jakkwista l-fornitur sabiex jiġi identifikat il-post tal-klijent.

(10)     Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trattament uniformi tal-fornimenti tas-servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli, jeħtieġ li jiġi ddefinit il-kunċett ta' ‘proprjetà immobbli’. Il-qrubija meħtieġa biex ikun hemm konnessjoni ma’ proprjetà immobbli għandha tiġi speċifikata u għandhom jiġu elenkati wkoll eżempji ta’ tranżazzjonijiet identifikati bħala servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli, mingħajr ma l-lista tkun definittiva jew eżawrijenti.

(11)     Huwa wkoll meħtieġ li jiġi ċċarat kif inhuma intaxxati s-servizzi li permezz tagħhom jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-klijent tagħmir bil-ħsieb li jsir xogħol fuq proprjetà immobbli.

(12)     Għal raġunijiet ta’ prattiċità, għandu jiġi ċċarat li s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi pprovduti minn persuna taxxabbli li taġixxi f'isimha stess b’rabta mal-forniment ta’ akkomodazzjoni fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b'funzjoni simili għandhom, għall-finijiet tal-VAT, jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-forniment tal-akkomodazzjoni nnifisha. Iż-żewġ tranżazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala forniment wieħed fil-każ ta’ prezz li jkun jinkludi kollox. Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi li għalihom jintalab ħlas għalih mingħand il-klijent għandhom jiġu ttrattati bħala forniment anċillari għall-akkomodazzjoni.

(13)     Skont id-Direttiva 2006/112/KE, id-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal attivitajiet simili jrid, fiċ-ċirkostanzi kollha, jiġi intaxxat fil-post fejn fil-fatt isir l-avveniment. Għandu jiġi speċifikat li dan japplika wkoll fejn il-biljetti għal avvenimenti bħal dawn ma jinbigħux direttament mill-organizzatur iżda jiġu ddistribwiti permezz ta’ intermedjarji.

(14)     Skont id-Direttiva 2006/112/KE, il-VAT tista’ tiġi imposta qabel ma jsir il-forniment tal-oġġetti jew tas-servizzi, jew ftit wara. Fir-rigward tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi fornuti matul il-perjodu tat-tranżizzjoni għar-regoli l-ġodda dwar il-post tal-forniment, il-kundizzjonijiet marbutin mal-forniment jew mad-differenzi fl-applikazzjoni bejn Stat Membru u ieħor tista’ tirriżulta f'tassazzjoni doppja jew f’nontassazzjoni. Sabiex jiġi evitat li jiġri dan, huwa neċessarju li jsiru dispożizzjonijiet tranżitorji.

(15)     Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jista’ jkun xieraq li l-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi li jillimitaw ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[9] sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi msemmijin fl-Artikolu 13(1)(e) ta’ din id-Direttiva fejn tali miżuri jkunu meħtieġa u proporzjonati fid-dawl tar-riskju ta’ frodi u evażjoni tat-taxxa fl-Istati Membri u tal-ħtieġa li jiġi ggarantit il-ġbir kif suppost tal-VAT koperta minn dan ir-Regolament.

(16)     Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 għandu b'hekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)        Jiddaħħlu l-Artikoli 6a u 6b li ġejjin:

“Artikolu 6a

1. Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/112/KE jkopru, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)     servizzi tat-telefown b’linja fissa u ċellulari għat-trażmissjoni u l-iswiċċjar tal-vuċi, tad-dejta u tal-vidjo, inklużi servizzi tat-telefown b’komponent tal-vidjo, magħrufa wkoll bħala servizzi tal-vidjofown;

(b)     servizzi tat-telefown ipprovduti permezz tal-internet, inkluż s-servizzi tal-vuċi fuq protokoll tal-internet (Voice over Internet Protocol, VoIP);

(c)     servizzi tal-messaġġi bil-vuċi, tal-avviż ta’ telefonata oħra, tat-trasferiment tat-telefonati, tal-identifikazzjoni ta’ min ikun qed iċempel, tat-telefonati bejn tlieta u servizzi oħrajn tal-immaniġġjar tat-telefonati;

(d)     servizzi tal-ippejġjar;

(e)     servizzi tal-audiotext;

(f)      servizzi tal-feks, tat-telegrafu u tat-teleks;

(g)     servizzi ta’ assistenza bit-telefown li permezz tagħhom tingħata għajnuna fil-każ ta’ problemi li l-klijenti jistgħu jkollhom bin-netwerk tar-radju jew tat-televiżjoni tagħhom, bl-internet jew b’netwerk elettroniku simili;

(h)     aċċess għall-internet, inkluża l-World Wide Web;

(i)      konnessjonijiet privati tan-networks li jgħaqqdu t-telekomunikazzjoni flimkien għall-użu esklużiv tal-klijent;

(j)      kontenut awdjo u awdjoviżiv permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni li la jkun ipprovdut minn fornitur tas-servizzi tal-midja u lanqas jaqa’ taħt ir-responsabbiltà editorjali tiegħu;

(k)     iċ-ċessjoni suċċessiva tal-output awdjo u awdjoviżiv ta’ fornitur tas-servizzi tal-midja permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni minn xi ħadd li mhux il-fornitur tas-servizzi tal-midja.

2. Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/112/KE ma jkoprux dawn li ġejjin:

(a)     servizzi pprovduti elettronikament;

(b)     servizzi tax-xandir;

(c)     servizzi ta’ assistenza bit-telefown minbarra dawk koperti mill-punt (g) tal-paragrafu 1.

Artikolu 6b

1. Servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni (minn hawn ’il quddiem “servizzi tax-xandir”) jinkludu servizzi li jikkonsistu f’kontenut awdjo u awdjoviżiv bħal programmi pprovduti lill-pubbliku ġenerali permezz tan-netwerks tal-komunikazzjoni mill-fornitur tas-servizzi tal-midja u taħt ir-responsabbiltà editorjali tiegħu biex jinstemgħu u jidhru fl-istess ħin fuq il-bażi ta' skeda ta’ programmi.

2. Il-paragrafu 1 ikopri, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)     programmi tar-radju jew tat-televiżjoni trażmessi jew trażmessi mill-ġdid fuq netwerk tar-radju jew tat-televiżjoni;

(b)     programmi tar-radju jew tat-televiżjoni ddistribwiti permezz tal-internet jew ta’ netwerk elettroniku simili (IP streaming) jekk jixxandru dirett jew fl-istess ħin li jiġu trażmessi jew trażmessi mill-ġdid fuq netwerk tar-radju jew tat-televiżjoni.

3. Il-paragrafu 1 ma jkoprix dawn li ġejjin:

(a)     servizzi tat-telekomunikazzjoni;

(b)     servizzi pprovduti elettronikament;

(c)     servizzi anċillari bħall-forniment ta’ informazzjoni dwar programmi partikolari on demand;

(d)     trasferiment ta’ jeddijiet għax-xandir jew għat-trażmissjoni;

(e)     kiri ta’ tagħmir jew faċilitajiet tekniċi biex jintużaw għall-forniment ta’ xandira.”

(2)        Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)        il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

“L-ewwel paragrafu ma jkoprix dawn li ġejjin:

(b)        il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)    servizzi tax-xandir;”

(c)        il-punt (n) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(n)    servizzi ta’ assistenza bit-telefown minbarra dawk koperti mill-punt (g) tal-Artikolu 6a(1);”

(d)        il-punti (q), (r) u (s) jitħassru;

(e)        jiżdiedu l-punti (t) u (u) li ġejjin:

“(t)    il-forniment minn fuq l-internet ta’ biljetti għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta' divertiment jew għal attivitajiet simili;

(u)     l-ibbukkjar minn fuq l-internet ta’ akkomodazzjoni f'lukanda u attivitajiet simili.”

(3)        Fil-Kapitolu IV “ Tranżazzjonijiet taxxabbli”, jiżdied l-Artikolu 9a li ġej:

“Artikolu 9a

Fejn is-servizzi tax-xandir jew elettroniċi ta’ fornitur tas-servizzi jkunu fornuti permezz tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni, permezz ta’ interfaċċja jew ta’ portal bħal suq għal applikazzjonijiet li jappartjenu għal intermedjarju jew għal parti terza li jintervjenu fil-forniment, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112/KE l-intermedjarju jew il-parti terza jitqiesu bħala li jkunu qed jaġixxu f'isimhom stess iżda fl-interess tal-fornitur tas-servizzi sakemm, f'relazzjoni mal-konsumatur finali, dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx indikat espliċitament bħala l-fornitur.

(4)        Fit-Taqsima 1, ‘Kunċetti’, tal-Kapitolu V, ‘Il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli’, jiżdiedu l-Artikoli 13a u 13b li ġejjin:

“Artikolu 13a

Il-post fejn tkun stabbilita persuna ġuridika mhux taxxabbli, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(2) u fl-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2006/112/KE, ikun il-post fejn dik il-persuna ġuridika mhux taxxabbli tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha kif definit fl-Artikolu 10 jew fejn ikollha stabbiliment fiss kif definit fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13b

Għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE, dawn li ġejjin jitqiesu bħala ‘proprjetà immobbli’:

(a)     kwalunkwe parti speċifika tad-dinja, fuq jew taħt il-wiċċ tagħha, li fuqha jistgħu jinħolqu titolu u pussess;

(b)     kwalunkwe binja jew struttura mwaħħlin b’mod permanenti mal-art jew ġo fiha, fuq jew taħt il-livell tal-baħar, li ma jistgħux jiġu żmuntati jew imċaqilqin faċilment;

(c)     kwalunkwe element li jifforma parti integrali minn binja jew minn struttura u li mingħajru l-binja jew l-istruttura ma jkunux kompluti, bħal bibien, twieqi, soqfa, turġien u liftijiet;

(d)     Kwalunkwe ħaġa, tagħmir jew magna installati permanentement f'binja jew fi struttura li ma jkunux jistgħu jiġu mċaqilqin mingħajr ma l-binja jew l-istruttura jinqerdu jew isirilhom tibdil.”

(5)        Fl-Artikolu 18(2), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Madankollu, irrispettivament minn informazzjoni li turi l-kuntrarju, il-fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi jista’ jikkunsidra lil klijent stabbilit fil-Komunità bħala persuna mhux taxxabbli dment li dak il-klijent ma jkunx ikkomunika n-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT individwali tiegħu lill-fornitur.”

(6)        Fl-Artikolu 24, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

‘3. Sabiex jiġi ddeterminat il-post li jiżgura l-aħjar li ssir it-tassazzjoni fil-post fejn fil-fatt isir il-konsum skont it-tifsira tal-paragrafi 1 u 2, jingħata kas, b’mod partikulari, ta’ dawn li ġejjin:

(a)     fil-każ tal-kiri ta’ mezz tat-trasport, ħlief meta l-kiri jkun għal perijodu qasir, il-post fejn il-mezz tat-trasport jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-klijent jew ta’ parti terza li taġixxi fl-interess tiegħu, sakemm ma jkunx hemm evidenza li l-mezz tat-trasport ikun se jintuża xi mkien ieħor;

(b)     fil-każ ta’ servizzi apparti l-kiri ta’ mezzi tat-trasport, il-post tan-negozju fil-każ ta’ persuna ġuridika mhux taxxabbli jew l-indirizz permanenti fil-każ ta' persuna fiżika, sakemm ma jkunx hemm evidenza li s-servizz ikun fil-fatt użat fil-post fejn dik il-persuna s-soltu tkun toqgħod.”

(7)        Fit-Taqsima 4, ‘Il-post tal-forniment tas-servizzi’, tal-Kapitolu V, ‘Il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli’, jiddaħħlu s-subtaqsimiet 3a, 3b u 3c li ġejjin:

“Subtaqsima 3a

Preżunzjonijiet mhux konfutabbli fir-rigward tal-post fejn ikun stabbilit il-klijent

Artikolu 24a

1. Fejn fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi jipprovdi dawk is-servizzi f'post bħal kabina jew kjosk tat-telefown, hot spot tal-wi-fi, internet café, ristorant jew loġġa ta’ lukanda fejn il-klijent irid ikun preżenti fiżikament biex jirċievi s-servizz, il-preżunzjoni tkun li, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 44, 58 u 59a tad-Direttiva 2006/112/KE, il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti f’dak il-post u li s-servizz fil-fatt jiġi użat u l-benefiċċji tiegħu jitgawdew hemmhekk. Din il-preżunzjoni ma tista’ tiġi kkonfutata bl-ebda mezz, la de jure u lanqas de facto.

2. Jekk il-post imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun abbord bastiment, inġenju tal-ajru jew tren li joperaw trasport tal-passiġġieri fil-Komunità skont l-Artikoli 37 u 57 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-pajjiż tal-post ikun dak tat-tluq tal-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri.

Artikolu 24b

Fil-każ ta’ kredits imħallsin minn qabel u maħżunin fuq karta tas-SIM jintużaw minn klijent għal servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi, il-preżunzjoni tkun li, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 44, 58 u 59a tad-Direttiva 2006/112/KE, il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti fil-pajjiż identifikat permezz tal-kodiċi ċellulari nazzjonali (mobile country code, MCC) ta' dik il-kard tas-SIM u li s-servizz fil-fatt jintuża hemmhekk u l-benefiċċji tiegħu jitgawdew hemmhekk. Din il-preżunzjoni ma tista’ tiġi kkonfutata bl-ebda mezz, la de jure u lanqas de facto.

Subtaqsima 3b

Preżunzjonijiet konfutabbli fir-rigward tal-post fejn ikun stabbilit il-klijent

Artikolu 24c

Fil-każ ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi fornuti lil persuna mhux taxxabbli permezz ta’ linja fissa residenzjali tat-telefown, il-preżunzjoni tkun li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti fil-post fejn tkun installata l-linja fissa. Din il-preżunzjoni tapplika dment li l-fornitur ma jkollux informazzjoni li tindika li l-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti band'oħra.

Artikolu 24d

Fil-każ ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi fornuti lil persuna mhux taxxabbli permezz tan-netwerks ċellulari u l-ħlas ikun bil-kuntratt, il-preżunzjoni tkun li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew ikun normalment residenti fil-pajjiż identifikat mill-kodiċi ċellulari nazzjonali tal-kard tas-SIM li tintuża biex jiġu rċevuti dawk is-servizzi. Din il-preżunzjoni tapplika dment li l-fornitur ma jkollux informazzjoni li tindika li l-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti band'oħra.

Artikolu 24e

Fil-każ ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi, fornuti lil persuna mhux taxxabbli, li jkunu jikkonsistu fit-trażmissjoni ta’ sinjali li għalihom ikun meħtieġ l-użu ta' tagħmir jew ta’ kard apposta, il-preżunzjoni tkun li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti fil-post fejn ikun installat it-tagħmir jew, jekk dak il-post ma jkunx magħruf, il-post fejn tintbagħat il-kard apposta bil-ħsieb li tintuża hemmhekk. Din il-preżunzjoni tapplika dment li l-fornitur ma jkollux informazzjoni li tindika li l-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti band'oħra.

Artikolu 24f

Fejn is-servizzi jiġu fornuti lil persuna mhux taxxabbli f’ċirkostanzi li mhumiex dawk imsemmijin fl-Artikoli 24a, 24b u 24c, 24d u 24e ta’ dan ir-Regolament, il-preżunzjoni tkun li, għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(2) u tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti fil-post identifikat bħala tali skont l-Artikolu 24g ta' dan ir-Regolament.

Subtaqsima 3c

Evidenza għall-identifikazzjoni tal-post fejn ikun stabbilit il-klijent

Artikolu 24g

1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-post tal-forniment stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(2) u fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, dawn li ġejjin, b’mod partikulari, iservu bħala evidenza:

(a)     id-dettalji tal-klijent, bħall-indirizz fejn jintbagħat il-kont lill-klijent;

(b)     l-indirizz tal-protokoll tal-internet (IP) tat-tagħmir użat mill-klijent jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni;

(c)     id-dettalji bankarji, bħall-post fejn il-kont bankarju użat għall-ħlas u l-indirizz fejn il-bank jibgħat il-kontijiet lill-klijent ikunu miżmumin minn dak il-bank;

(d)     il-kodiċi ċellulari nazzjonali (Mobile Country Code, MCC) tal-identità internazzjonali tal-abbonati tas-Servizzi tat-Telefonija Ċellulari (International Mobile Subscriber Identity, IMSI) maħżun fuq il-kard tal-modulu tal-identità tal-abbonat (Subscriber Identity Module, SIM) użata mill-klijent;

(e)     Il-post fejn ikun hemm il-linja tat-telefown residenzjali fissa li permezz tagħha jingħata s-servizz lill-klijent;

(f)      fir-rigward ta’ klijent li jkun qed ibigħ prodotti minn fuq l-internet jew minn fuq netwerk elettroniku simili, il-post minn fejn jibdew it-trasport jew id-dispaċċ tal-oġġetti mibjugħin minn dak il-klijent;

(g)     fir-rigward ta’ klijent li jkun qed jixtri prodotti minn fuq l-internet jew minn fuq netwerk elettroniku simili, il-post fejn jintemmu t-trasport jew id-dispaċċ tal-oġġetti mixtrijin minn dak il-klijent;

(h)     id-dettalji tar-reġistrazzjoni tal-mezz tat-trasport mikri mill-klijent, jekk ir-reġistrazzjoni ta’ dak il-mezz ta’ trasport tkun mitluba fil-post fejn jintuża, u informazzjoni oħra simili;

(i)      informazzjoni oħra li tkun rilevanti kummerċjalment, miksuba mill-fornitur.

2. Biex jiġi identifikat il-post fejn il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti jew normalment jkun residenti, ikunu meħtiġin biċċtejn evidenza separati dment li l-evidenza ma tkunx kontradittorja.”

(8)        Fit-Taqsima 4, ‘Il-post tal-forniment tas-servizzi’, tal-Kapitolu V, ‘Il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli’, tiddaħħal is-subtaqsima 6a li ġejja:

“Subtaqsima 6a

Forniment ta’ servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli

Artikolu 31a

1. Is-servizzi marbutin ma’ proprjetà immobbli, kif imsemmi fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/112/KE, jinkludu biss dawk is-servizzi li jkollhom biżżejjed konnessjoni diretta ma’ dik il-proprjetà. Is-servizzi jitqiesu bħala li jkollhom biżżejjed konnessjoni diretta ma’ proprjetà immobbli fil-każijiet li ġejjin:

(a)     fejn ikunu dderivati minn proprjetà immobbli u dik il-proprjetà tkun tifforma element kostitwenti tas-servizz u tkun ċentrali u essenzjali għas-servizzi pprovduti;

(b)     fejn dawn jingħataw lil proprjetà immobbli, jew ikunu maħsubin għaliha, u jkollhom bħala objettiv tagħhom bdil legali jew fiżiku ta' dik il-proprjetà.

2. Il-paragrafu 1 ikopri, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)     it-tħejjija ta’ pjanijiet għal binja jew għal parti minn binja li jkunu maħsubin għal biċċa art partikulari, irrispettivament minn jekk il-binja tkunx ittellgħet jew le;

(b)     Il-forniment ta' servizzi ta’ superviżjoni jew ta’ sigurtà fuq il-post;

(c)     il-bini ta’ binja fuq l-art kif ukoll ix-xogħol tal-bini u tat-twaqqigħ li jsir fuq binja jew fuq partijiet minn binja;

(d)     il-bini ta’ strutturi permanenti fuq l-art kif ukoll ix-xogħol ta’ bini u ta’ twaqqigħ li jsir fuq strutturi permanenti bħal sistemi tal-katusi għall-gass, għall-ilma, għad-dranaġġ u oħrajn bħalhom;

(e)     ix-xogħol fuq l-art, inklużi s-servizzi agrikoli bħax-xogħol tar-raba', iż-żrigħ, it-tisqija u l-iffertilizzar;

(f)      it-twettiq ta’ servej u ta’ valutazzjoni tar-riskju u tal-integrità tal-proprjetà immobbli;

(g)     il-valutazzjoni tal-proprjetà immobbli, inkluż fejn servizz bħal dan ikun meħtieġ għall-finijiet tal-assigurazzjoni, biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ proprjetà bħala kollateral għal selfa jew biex jiġu vvalutati r-riskju u d-danni f’każ ta’ tilwim;

(h)     il-kiri ta’ proprjetà immobbli minbarra dik koperta mill-punt (c) tal-paragrafu 3, inkluża l-ħażna ta’ prodotti li għalihom tkun assenjata parti speċifika tal-proprjetà għall-użu esklużiv tal-klijent;

(i)      il-provvediment ta’ akkomodazzjoni fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b'funzjoni simili, bħal kampijiet jew siti tal-vaganzi żviluppati biex jintużaw bħala siti għall-ikkampjar, inkluż il-jedd li wieħed jibqa’ f’post speċifiku li jirriżulta mill-konverżjoni tal-jeddijiet għat-tgawdija tat-timeshare u jeddijiet oħra bħal dawn;

(j)      iċ-ċessjoni u t-trażmissjoni ta’ jeddijiet minbarra dawk koperti mill-punti (h) u (i) biex wieħed juża proprjetà immobbli kollha kemm hi jew partijiet minnha, inkluża l-liċenzja biex wieħed juża parti minn proprjetà, bħal pereżempju l-għoti ta' jeddijiet għas-sajd u għall-kaċċa jew ta’ aċċess għal swali fejn wieħed jistenna fl-ajruporti, jew għall-użu ta’ infrastruttura li għalih jintalab ħlas, bħal pont jew mina;

(k)     il-manutenzjoni, ir-rinnovament u t-tiswija ta' binja jew ta’ partijiet minn binja, inkluż xogħol bħal tindif, tqegħid tal-madum, kisi tal-ħitan bil-karta u kisi tal-qiegħa tal-kmamar bil-parkè;

(l)      il-manutenzjoni, ir-rinnovazzjoni u t-tiswija ta’ strutturi permanenti bħal sistemi tal-katusi għall-gass, għall-ilma, għad-dranaġġ u oħrajn bħalhom;

(m)    l-installazzjoni jew l-immuntar ta’ magni jew tagħmir li, malli jiġu installati jew immuntati, jikkwalifikaw bħala proprjetà immobbli;

(n)     il-manutenzjoni u t-tiswija, l-ispezzjoni u s-sorveljanza ta’ magni jew tagħmir jekk dawk il-magni jew dak it-tagħmir ikunu jikkwalifikaw bħala proprjetà immobbli;

(o)     il-ġestjoni tal-proprjetà minbarra l-ġestjoni tal-portafolli ta’ investimenti fil-proprjetà immobbli koperti mill-punt (h) tal-paragrafu 3, li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ proprjetà immobbli kummerċjali, industrijali jew residenzjali minn sid il-proprjetà jew fl-interess tiegħu;

(p)     intermedjazzjoni fil-bejgħ, fil-postazzjoni jew fil-kiri ta’ proprjetà immobbli u f'ċerti interessi fi proprjetà immobbli jew jeddijiet in rem ittrattati bħala proprjetà tanġibbli, minbarra l-intermedjazzjoni koperta mill-punt (d) tal-paragrafu 3;

(q)     servizzi legali relatati maċ-ċessjoni jew trasferiment ta’ titolu fuq proprjetà immobbli u fuq ċerti interessi fi proprjetà immobbli jew jeddijiet in rem ittrattati bħala proprjetà tanġibbli, bħal xogħol notarili, jew it-tfassil ta' kuntratt biex tinbiegħ jew tiġi akkwistata tali proprjetà, anke jekk it-tranżazzjoni sottostanti li tirriżulta fit-tibdil legali tal-proprjetà ma titwassalx sal-aħħar.

3. Il-paragrafu 1 ma jkoprix dawn li ġejjin:

(a)     it-tħejjija ta’ pjanijiet għal binja jew partijiet minn binja jekk din ma tkunx maħsuba għal biċċa art partikulari;

(b)     il-ħażna ta’ merkanzija fi proprjetà immobbli jekk l-ebda parti speċifika mill-proprjetà immobbli ma tkun assenjata għall-użu esklużiv tal-klijent;

(c)     il-forniment ta’ reklamar, anke jekk dan ikun jinvolvi l-użu ta’ proprjetà immobbli;

(d)     l-intermedjazzjoni fl-għoti ta’ akkomodazzjoni f'lukanda jew akkomodazzjoni f’setturi b'funzjoni simili, bħal kampijiet jew siti tal-vaganzi żviluppati biex jintużaw bħala siti tal-ikkampjar, jekk l-intermedjarju jkun qed jaġixxu f'isem u fl-interess ta’ persuna oħra;

(e)     is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi, sakemm ma jkunux koperti bl-Artikolu 31c;

(f)      il-provvediment ta’ post fejn wieħed jarma f'fiera jew f’siti fejn isiru l-wirjiet flimkien ma' servizzi oħrajn relatati li jippermettu lill-esibitur ipoġġi l-affarijiet għall-wiri, bħall-iddisinjar tal-istend, it-trasport u l-ħażna tal-affarijiet, il-forniment ta' magni, it-tqegħid ta’ kejbils, l-assigurazzjoni u r-reklamar;

(g)     l-installazzjoni jew l-immuntar, il-manutenzjoni u t-tiswija, l-ispezzjoni jew is-superviżjoni ta’ magni jew tagħmir li mhumiex, jew ma jsirux, parti mill-propjetà immobbli;

(h)     il-ġestjoni tal-portafolli ta’ investimenti fil-proprjetà immobbli;

(i)      is-servizzi legali minbarra dawk koperti mill-punt (q) tal-paragrafu 2, marbutin ma’ kuntratti, inklużi pariri li jingħataw dwar it-termini ta’ kuntratt biex tiġi ttrasferita proprjetà immobbli, jew biex jitwettaq tali kuntratt, jew biex tingħata prova tal-eżistenza ta' kuntratt bħal dan, fejn tali servizzi ma jkunux speċifiċi għal trasferiment ta’ titolu fuq proprjetà immobbli.

Artikolu 31b

Fejn jitpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ klijent tagħmir bil-ħsieb li jsir xogħol fuq proprjetà immobbli, dik it-tranżazzjoni tkun forniment ta’ servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli biss jekk il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għat-twettiq tax-xogħol.

Fornitur li jipprovdi lill-klijent b'tagħmir flimkien ma' biżżejjed ħaddiema għat-tħaddim tiegħu bil-ħsieb li jsir ix-xogħol jiġi meqjus bħala li jkun ħa fuqu r-responsabiltà għat-twettiq ta’ dak ix-xogħol. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata bi kwalunkwe mezz, de facto jew de jure, sabiex jiġi stabbilit min ikun qed jassumi r-responsabbiltà għat-twettiq tax-xogħol.

Artikolu 31c

Il-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi, ipprovduti minn persuna taxxabbli li taġixxi f'isimha stess, flimkien ma’ akkomodazzjoni fis-settur tal-lukandi jew f'setturi b'funzjoni simili, bħal kampijiet jew siti tal-vaganzi żviluppati biex jintużaw bħala siti tal-ikkampjar, jitqiesu bħala parti minn tranżazzjoni waħda li tikkonsisti fil-provvediment tal-akkomodazzjoni, jew bħala anċillari għall-forniment tal-akkomodazzjoni, skont jekk jintalabx ħlas għaliha bħala parti mill-akkommodazzjoni jew separatament.”

(9)        Fis-Subtaqsima 7, ‘Forniment ta’ servizzi kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, u servizzi simili’, tat-Taqsima 4, ‘Il-post tal-forniment tas-servizzi (Artikoli 43 sa 59 tad-Direttiva 2006/112/KE)’ tal-Kapitolu 5, ‘Il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli’, jiżdied l-Artikolu 33a li ġej:

“Artikolu 33a

Il-forniment ta’ biljetti li jagħtu aċċess għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal avveniment simili minn intermedjarju li jaġixxi f'ismu stess iżda fl-interess tal-organizzatur, jew minn persuna taxxabbli, minbarra l-organizzatur, li taġixxi fl-interess tagħha stess, ikun kopert bl-Artikolu 53 u bl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.”

(10)      Fil-punt (4), ‘Punt 4 tal-Anness II għad-Direttiva 2006/112/KE:’ tal-Anness I, jiżdiedu l-punti (f) u (g) li ġejjin:

‘(f)     il-qbid ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni ddistribwiti permezz ta’ netwerk tar-radju jew tat-televiżjoni, permezz tal-internet jew permezz ta’ netwerk elettroniku simili biex wieħed jisma’ jew jara l-programmi meta jrid u meta jagħmel talba individwali l-klijent fuq il-bażi ta’ katalgu ta' programmi magħżulin mill-fornitur tas-servizzi tal-midja, bħal programmi televiżivi jew video on demand;

(g)     il-qbid ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni permezz tal-internet jew ta’ netwerk elettroniku simili (IP streaming), sakemm il-programmi ma jkunux jixxandru simultanjament fuq netwerks tradizzjonali tar-radju u tat-televiżjoni.”

Artikolu 2

Fil-każ tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, jew dawk elettroniċi pprovduti minn fornitur stabbilit fil-Komunità lil persuna mhux taxxabbli li tkun stabbilita, ikollha l-indirizz permanenti tagħha jew normalment tkun residenti hemm, japplika dan li ġej:

(a)          jekk is-servizzi jiġu fornuti jew il-forniment tas-servizzi jkun tlesta qabel l-1 ta' Jannar 2015, il-post tal-forniment ikun il-post fejn ikun stabbilit il-fornitur, kif previst fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112/KE, irrispettivament minn meta l-VAT issir dovuta;

(b)          jekk is-servizzi jiġu fornuti jew il-forniment tas-servizzi jkun tlesta fl-1 ta' Jannar 2015 jew aktar tard, il-post tal-forniment jiddependi mill-post fejn ikun stabbilit il-klijent, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti, anki jekk il-VAT tkun saret dovuta qabel dik id-data.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[2]               Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (riformulat) (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).

[3]               Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11).

[4]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 967/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li huma fornituri ta’ servizzi ta' telekomunikazzjoni, ta’ servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli (ĠU L 290, 20.10.2012, p. 1) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 tat-13 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, dwar skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jfornu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli (ĠU L 249, 14.9.2012, p. 3).

[5]               Imsejjaħ ukoll il-post li għalih jappartjeni l-klijent.

[6]               ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[7]               ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11.

[8]               ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

[9]               Edizzjoni Speċjali tal-ĠU bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 015, pp. 355 - 374.