Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" /* COM/2012/0710 final - 2012/0337 (COD) */
Error! Not a valid link. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (Environment
Action Programmes - EAPs) iggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali
tal-UE sa mill-bidu tas-snin 70. F'konformità mat-Trattat, l-EAPs huma
adottati taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Is-Sitt
EAP skada f'Lulju tal-2012; il-Kummissjoni Ewropea, b’reazzjoni
għad-domanda mill-partijiet interessati, inklużi l-Kunsill u
l-Parlament Ewropew, qed tipproponi programm li jieħu postu. Il-kuntest ta' din il-proposta għandu erba'
aspetti. L-ewwel nett, minkejja l-progress f’xi oqsma, għad hemm sfidi
ambjentali kbar, kif ukoll opportunitajiet biex l-ambjent isir aktar reżistenti
għar-riskji sistemiċi u l-bidla. It-tieni,
l-UE adottat l-Istrateġija Ewropa 2020 għal Tkabbir
Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv, li tiggwida l-iżvilupp
tal-politika għall-perjodu sal-2020. It-tielet, filwaqt li ħafna
Stati Membri qed ibatu biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika,
il-ħtieġa ta' riformi strutturali toffri opportunitajiet ġodda
għall-UE biex timxi lejn ekonomija ekoloġika inklussiva.
Fl-aħħar nett, Rio+20 enfasizza l-importanza tad-dimensjoni globali. Dan l-EAP għandu l-għan li
jsaħħaħ il-kontribut tal-politika ambjentali
għat-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u
b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta’ karbonju li fiha l-kapital naturali huwa
protett u mtejjeb, u li jitħarsu s-saħħa u l-benesseri
taċ-ċittadini. Il-programm jipprovdi qafas globali
għall-politika ambjentali sal-2020, li jidentifika disa' għanijiet
prijoritarji li għandhom jintlaħqu mill-UE u mill-Istati Membri
tagħha. Ir-responsabbiltà li jintlaħqu l-miri u
l-għanijiet relatati mal-ambjent u l-klima hija kondiviża bejn l-UE u
l-Istati Membri tagħha. Il-programm għandu jiġi implimentat
fil-livell xieraq, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. 2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Fit-tħejjija ta’ din il-proposta,
il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt li tqis il-fehmiet espressi
mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, kif ukoll minn firxa wiesgħa ta'
partijiet interessati. Il-Kummissjoni serrħet ukoll fuq għadd ta'
studji u evalwazzjonijiet. Il-valutazzjoni sabet li l-proposta se
żżid il-valur f'diversi modi: billi tipprovdi qafas strateġiku
għal politika ambjentali fl-UE; billi tiżgura l-komplementarjetà u
l-koerenza; billi tiżgura l-prevedibbiltà u kundizzjonijiet indaqs; billi
tistimula l-azzjoni fil-livelli kollha ta' governanza. Il-fehmiet espressi
mill-maġġoranza tal-partijiet interessati jappoġġaw dawn
is-sejbiet u l-miri proposti tal-programm. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Din il-proposta għal Deċiżjoni
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ġdid ta’
Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 hija bbażata fuq l-Artikolu 192(3)
tat-TFUE. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-programm f’din il-proposta għal
Deċiżjoni ġiet żviluppata b’konformità mal-proposta
tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 tal-UE. 2012/0337 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni
Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti
tal-pjaneta tagħna" (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(3)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1] Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[2], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġislattiva ordinarja, Billi: (1) L-Unjoni stabbiliet
għaliha nnfisha l-għan li ssir ekonomija intelliġenti,
sostenibbli u inklussiva sal-2020 b'sett ta' politiki u azzjonijiet lejn
ekonomija b'livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti
fir-riżorsi[3].
(2) Programmi ta' azzjoni
ambjentali suċċessivi pprovdew il-qafas għall-azzjoni tal-Unjoni
fil-qasam tal-ambjent sa mill-1973. (3) Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni
Ambjentali tal-Komunità (is-sitt EAP) intemm f’Lulju tal-2012, iżda bosta
miżuri u azzjonijiet imnedija fil-qafas tal-programm għadhom qed
jiġu implimentati. (4) Il-valutazzjoni finali
tas-Sitt EAP ikkonkludiet li l-programm wassal benefiċċji
għall-ambjent u pprovda direzzjoni strateġika globali
għall-politika ambjentali. Minkejja dawn il-kisbiet, xejriet insostenibbli
għadhom jippersistu fl-erba’ oqsma prijoritarji identifikati fis-Sitt EAP:
it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-ambjent u s-saħħa, u
l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ġestjoni tal-iskart. (5) Il-valutazzjoni finali
enfasizzat xi nuqqasijiet tas-sitt EAP li għandhom ikunu indirizzati
fil-programm il-ġdid. (6) Xejriet sistemiċi
globali u l-isfidi relatati mad-dinamika tal-popolazzjoni, mal-urbanizzazzjoni,
il-mard u l-pandemiji, il-bidla teknoloġika dejjem aktar
mgħaġġla u t-tkabbir ekonomiku insostenibbli jżidu
mal-kumplessità tal-indirizzar tal-isfidi ambjentali u l-kisba ta' żvilupp
sostenibbli fit-tul. L-iżgurar tal-prosperità fit-tul tal-Unjoni
jesiġi li tittieħed aktar azzjoni sabiex jiġu indirizzati dawn
l-isfidi. (7) Huwa essenzjali li l-għanijiet
prijoritarji tal-Unjoni għall-2020 jiġu stabbiliti, fid-dawl ta'
viżjoni fit-tul għall-2050. Il-programm il-ġdid għandu
jissejjes fuq inizjattivi ta' politika fl-istrateġija Ewropa 2020[4], inkluż il-pakkett dwar
il-klima u l-enerġija tal-UE[5],
il-Pjan Direzzjonali lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju fl-2050[6], l-Istrateġija tal-UE
għall-Bijodiversità sal-2020[7],
il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti
tar-Riżorsi[8]
u l-Inizjattiva Ewlenija ta' Unjoni tal-Innovazzjoni[9]. (8) Il-programm għandu
jgħin biex jintlaħqu l-miri ambjentali li l-Unjoni diġà qablet
dwarhom. (9) L-Unjon qablet li jinkiseb
tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (greenhouse gas - GHG) tal-UE ta'
mill-inqas 20 % sal-2020 (30 %, bil-kundizzjoni li pajjiżi
żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom favur tnaqqis komparabbli
tal-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu
b'mod xieraq skont ir-responsabbiltajiet tagħhom u l-kapaċitajiet
rispettivi); jiġi żgurat li 20 % tal-konsum tal-enerġija
jiġi minn enerġija rinnovabbli sal-2020; u tnaqqis ta’ 20 %
fl-użu tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-livelli
pproġettati, li għandu jinkiseb permezz tat-titjib fl-effiċjenza
enerġetika[10]; (10) L-Unjoni qablet li
jitrażżnu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi
tal-ekosistema fl-UE sal-2020, u, sa fejn huwa possibbli, jiġu restawrati
filwaqt li jiżdied il-kontribut tal-UE sabiex jiġi evitat it-telf
tal-bijodiversità globali[11]. (11) L-Unjoni qablet li jinkiseb
status tajjeb għall-ilmijiet kollha tal-Unjoni, inkluż l-ilma
ħelu (xmajjar u lagi, ilma ta' taħt l-art), l-ilmijiet
tranżizzjonali (estwarji/delti) u l-ilmijiet kostali f'distanza ta' mil
nawtiku mill-kosta sal-2015[12]; (12) L-Unjoni qablet li jinkiseb
status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet kollha tal-baħar tal-Unjoni sal-2020[13]; (13) L-Unjoni qablet li jinkisbu
livelli ta’ kwalità tal-arja li ma jagħtux lok għal impatti negattivi
sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u għal riskji
għalihom[14]; (14) L-Unjoni qablet li, sal-2020,
is-sustanzi kimiċi jintużaw u jiġu prodotti f'modi li jwasslu
għall-minimizzazzjoni tal-effetti negattivi sinifikanti fuq
is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent[15]; (15) L-Unjoni qablet li jiġu
protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew
it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni
tal-iskart, u billi jitnaqqas l-impatt kumplessiv mill-użu
tar-riżorsi filwaqt li tiġi mtejba l-effiċjenza ta' tali
użu, bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart
li ġejja: prevenzjoni, tħejjija għall-użu mill-ġdid,
riċiklar, irkupru ieħor, rimi[16];
(16) L-Unjoni qablet li tirsisti
favur diżakkoppjar sħiħ tat-tkabbir ekonomiku u d-degradazzjoni
ambjentali[17]; (17) L-Unjoni qablet li tirsisti
biex tinkiseb dinja li fiha d-degradazzjoni tal-art ma tibqax problema
fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli[18]. (18) Il-politika ambjentali
tal-Unjoni hija bbażata b'mod partikolari fuq il-prinċipju ta' min
iniġġes iħallas, il-prinċipju tal-prekawzjoni u l-azzjoni
ta’ prevenzjoni, u l-prinċipju ta' rettifika mis-sors stess
tat-tniġġis. (19) Azzjoni biex jitwettqu
l-għanijiet prijoritarji għandha tittieħed fil-livelli
differenti ta' governanza, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. (20) L-involviment ta’ atturi mhux
governattivi huwa importanti biex jiżgura s-suċċess tal-programm
u l-ksib tal-għanijiet prijoritarji tiegħu.. (21) It-telf tal-bijodiversità u
d-degradazzjoni tal-ekosistemi fl-Unjoni għandhom implikazzjonijiet
importanti għall-ambjent u huma ta' spiża għas-soċjetà
kollha, b'mod partikolari għall-atturi ekonomiċi f'setturi li
jiddependu direttament fuq is-servizzi tal-ekosistema. (22) Hemm lok sinifikanti sabiex
jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tittejjeb l-effiċjenza
fir-riżorsi fl-Unjoni. Dan se jtaffi l-pressjonijiet fuq l-ambjent u
jwassal għal iktar kompetittività u għal sorsi ġodda ta’ tkabbir
u ta' impjiegi permezz tal-iffrankar tal-ispejjeż minħabba
effiċjenza mtejba, il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet u
l-ġestjoni aħjar tar-riżorsi tul iċ-ċiklu kollu ta’
ħajjithom. (23) Il-problemi u l-impatti
ambjentali jkomplu joħolqu riskji sinifikanti għas-saħħa u
l-benesseri tal-bniedem, filwaqt li miżuri li jtejbu l-istat tal-ambjent
jistgħu jkunu ta' benefiċċju. (24) L-implimentazzjoni
sħiħa u uniformi tal-acquis ambjentali mal-Unjoni kollha hija
investiment sod għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, kif
ukoll għall-ekonomija. (25) Il-politika ambjentali
tal-Unjoni għandha tkompli tissejjes fuq bażi ta' evidenza soda. (26) L-għanijiet ambjentali
għandhom ikunu appoġġati minn investimenti xierqa. (27) L-integrazzjoni ambjentali
hija essenzjali biex tnaqqas il-pressjonijiet fuq l-ambjent li jirriżultaw
minn politiki u attivitajiet ta' setturi oħra u biex jintlaħqu l-miri
relatati mal-ambjent u l-klima. (28) L-Unjoni għandha popolazzjoni
b'densità għolja, u aktar minn 70 % taċ-ċittadini
jgħixu f'żoni urbani u periurbani u jaffrontaw sfidi ambjentali
speċifiċi u relatati mal-klima. (29) Ħafna mill-isfidi
ambjentali huma fil-livell globali u jistgħu jiġu indirizzati
bis-sħiħ biss permezz ta’ approċċ globali komprensiv,
filwaqt li sfidi ambjentali oħrajn għandhom dimensjoni reġjonali
qawwija, li tesiġi kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien. (30) Bħala parti mis-segwitu
għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli
tal-2012 (Summit Rio+20), il-programm ġenerali ġdid ta' azzjoni
għandu jappoġġa proċessi internazzjonali u reġjonali
li għandhom l-għan li jittrasformaw l-ekonomija globali f'ekonomija
ekoloġika inklussiva fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis
tal-faqar. (31) Permezz ta' taħlita
xierqa ta’ strumenti ta’ politika, in-negozji u l-konsumaturi jkunu
jistgħu jtejbu l-fehim tagħhom tal-impatt tal-attivitajiet
tagħhom fuq l-ambjent u jimmaniġġjaw l-impatt. Dawn l-istrumenti
ta’ politika jinkludu inċentivi ekonomiċi, strumenti bbażati fuq
is-suq, rekwiżiti ta’ informazzjoni kif ukoll għodod u miżuri
volontarji li jikkomplementaw l-oqfsa leġiżlattivi u jinvolvu
l-partijiet interessati f’livelli differenti. (32) Il-miżuri, l-azzjonijiet
u l-miri kollha stabbiliti fil-programm ġenerali ġdid ta’ azzjoni
ambjentali għandhom jitwettqu skont il-prinċipji
tar-regolamentazzjoni intelliġenti[19]
u soġġetti għal valutazzjoni komprensiva tal-impatt, fejn
xieraq. (33) Il-progress lejn il-kisba
tal-għanijiet tal-programm ġenerali ġdid ta’ azzjoni ambjentali
għandu jiġi mmonitorjat, ivvalutat u evalwat abbażi ta’
indikaturi miftiehma. ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Programm ġenerali ta' azzjoni tal-Unjoni
fil-qasam tal-ambjent għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2020
(“il-programm”) huwa adottat kif deskritt f'dan l-Anness. Artikolu 2 1. Fit-twettiq tal-programm, l-Unjoni
għandha jkollha l-għanijiet li ġejjin: (a)
li tipproteġi, tikkonserva u
ssaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni; (b)
li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi,
ekoloġika u kompetittiva, b'livelli baxxi ta' karbonju; (c)
li jitħarsu ċ-ċittadini tal-Unjoni
minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u
l-benesseri (d)
li jiġu massimizzati l-benefiċċji
tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni; (e)
li tittejjeb il-bażi ta' evidenza
għall-politika ambjentali (f)
li jiġi assigurat l-investiment
għall-politika ambjentali u dik dwar l-klima u jiġu stabbiliti
l-prezzijiet korretti; (g)
li titjieb l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza
tal-politika (h)
li tissaħħaħ is-sostenibbiltà
tal-ibliet tal-Unjoni; (i)
li tiżdied l-effettività tal-Unjoni
fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali globali u reġjonali. 2. Dan il-programm għandu jkun
ibbażat b'mod partikolari fuq il-prinċipju ta' min iniġġes
iħallas, il-prinċipju tal-prekawzjoni u l-azzjoni preventiva, kif
ukoll il-prinċipju ta' rettifika tat-tniġġis mis-sors. 3. Il-miżuri, l-azzjonijiet u l-miri
kollha stabbiliti fil-programm ġenerali ġdid ta’ azzjoni ambjentali
għandhom jiġu implimentati skont il-prinċipji
tar-regolamentazzjoni intelliġenti[20] u soġġetti għal valutazzjoni komprensiva tal-impatt fejn
xieraq. Artikolu 3 1. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma
responsabbli għat-twettiq tal-għanijiet prijoritarji stabbiliti f'dan
il-programm. Huma għandhom isegwu approċċ koerenti għall-indirizzar
tal-isfidi identifikati. L-azzjoni għandha tittieħed
b'kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fil-livell
l-aktar adatt biex jinkisbu l-għanijiet prijoritarji u l-eżiti
relatati stabbiliti f'dan il-programm. 2. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli
kollha għandhom jaħdmu man-negozji u l-imsieħba soċjali,
mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini individwali
fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tagħha
f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS "Ngħixu tajjeb, fil-limiti
tal-pjaneta tagħna" Programm għalL-Azzjoni sal-2020 1. Matul l-aħħar 40
sena, ġiet stabbilita firxa wiesgħa ta' leġiżlazzjoni
ambjentali, li rriżultat fl-iktar standards moderni u komprensivi
fid-dinja. Din għenet fl-indirizzar ta' wħud mill-aktar kwistjonijiet
ambjentali ta' tħassib għaċ-ċittadini u n-negozji
fl-Unjoni. 2. L-emissjonijiet tas-sustanzi
li jniġġsu fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija tnaqqsu b'mod
konsiderevoli f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, kif naqsu wkoll
l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) f'dawn l-aħħar snin.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi ġiet
modernizzata u ġie ristrett l-użu ta' ħafna sustanzi
tossiċi jew perikolużi bħal ċomb, kadmju u merkurju fi
prodotti li jinsabu fil-biċċa kbira tad-djar. Iċ-ċittadini
tal-UE jibbenefikaw minn kwalità ta' ilma li hija fosta l-aqwa fid-dinja, u
aktar minn 18 % tat-territorju tal-UE u 4% tal-ibħra tagħha
ngħataw id-deżinjazzjoni ta’ żoni ta' protezzjoni tan-natura. 3. Il-politika ambjentali
tal-Unjoni stimolat l-innovazzjoni u l-investiment fi prodotti u servizzi
ambjentali, u b'hekk inħolqu l-opportunitajiet ta' impjiegi u ta’
esportazzjoni[21].
It-tkabbir suċċessiv tal-UE wassal standards għoljin ta’
protezzjoni ambjentali lil parti kbira tal-kontinent Ewropew, u l-isforzi
tal-Unjoni kkontribwixxew lejn impenn internazzjonali akbar
għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, u
għal sforzi globali ta’ suċċess sabiex jiġi eliminati
sustanzi li jnaqqsu l-ożonu kif u l-fjuwils biċ-ċomb. 4. Sar ukoll progress
konsiderevoli fl-integrazzjoni tal-għanijiet ambjentali f'politiki u
attivitajiet oħra tal-Unjoni. Sa mill-2003, il-Politika Agrikola Komuni
(PAK) riformata rabtet il-ħlasijiet diretti ma' rekwiżiti
għall-bdiewa biex iżommu l-art f'kundizzjoni agrikola u ambjentali
tajba u biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti. Il-ġlieda
kontra t-tibdil fil-klima saret parti integrali tal-politika tal-enerġija
u qed isir progress fl-integrazzjoni ta' tħassib dwar l-effiċjenza
fir-riżorsi, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza enerġetika
f'setturi ewlenin oħra, bħat-trasport u l-bini. 5. Madankollu, ħafna
xejriet ambjentali fl-UE jibqgħu preokkupanti, mhux l-inqas minħabba
l-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni ambjentali
eżistenti tal-UE. 17 % biss tal-ispeċijiet u l-ħabitats
vvalutati skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats[22] jinsabu fi stat tajjeb, u
d-degradazzjoni u telf tal-kapital naturali qed jipperikolaw l-isforzi biex
jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-bijodiversità u
għat-tibdil fil-klima. Dan għandu spejjeż assoċjati
għoljin li għadhom ma ġewx ivvalutati kif suppost fis-sistema
ekonomika jew soċjali tagħna. Tletin fil-mija tat-territorju tal-UE
huwa fframmentat ħafna, li jaffettwa l-konnettività u s-saħħa
tal-ekosistemi u l-abbiltà tagħhom li jipprovdu servizzi kif ukoll
ħabitats vijabbli għall-ispeċijiet. Għalkemm diġà sar
progress fl-UE biex it-tkabbir jiġi diżakkoppjat mill-emissjonijiet
tal-GHG, mill-użu tar-riżorsi u mill-impatti ambjentali, l-użu
tar-riżorsi għadu fil-biċċa l-kbira insostenibbli u
ineffiċjenti, u għad hemm ħafna xi jsir fir-rigward
tal-ġestjoni tal-iskart. Bħala riżultat, in-negozji tal-UE mhux
qed jibbenefikaw mill-opportunitajiet sinifikanti li toffri l-effiċjenza
fir-riżorsi mil-lat tal-kompetittività, tat-tnaqqis fl-ispejjeż,
tal-produttività mtejba, u tas-sigurtà tal-provvista. Il-kwalità tal-ilma u
l-livelli tat-tniġġis tal-arja għadhom problematiċi
f'ħafna partijiet tal-Ewropa, u ċ-ċittadini tal-UE għadhom
esposti għal sustanzi perikolużi, li potenzjalment jipperikolaw
saħħithom u l-benesseri tagħhom. L-użu insostenibbli
tal-art qiegħed inaqqas il-ħamrija fertili, u dan iħalli impatti
fuq is-sigurtà tal-ikel u fuq il-kisba tal-miri tal-bijodiversità.
Id-degradazzjoni tal-ħamrija, fil-biċċa l-kbira, tibqa' mhux
ikkontrollata. 6. Bidla ambjentali fl-UE qed
tirriżulta dejjem aktar mill-iżviluppi li jseħħu fil-livell
globali, inklużi id-demografija, ix-xejriet tal-kummerċ u tal-konsum,
kif ukoll il-progress teknoloġiku rapidu. Dawn jistgħu joffru
opportunitajiet sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri
tas-soċjetà, iżda joħolqu sfidi u inċertezzi għall-ekonomija
u s-soċjetà tal-UE u qed jikkawżaw degradazzjoni ambjentali madwar
id-dinja[23]. 7. Flimkien mas-sistemi
ħalja attwali ta' produzzjoni u ta' konsum fl-ekonomija dinjija,
id-domanda globali dejjem tikber għal oġġetti u servizzi u
t-tnaqqis tar-riżorsi qed iżidu l-prezz tal-materja prima,
tal-minerali u tal-enerġija essenzjali, u b'hekk jiġi
ġġenerat aktar tniġġis u skart, jiżdiedu
l-emissjonijiet globali ta' GHG u jiġu xprunati d-degradazzjoni tal-art,
id-deforestazzjoni u t-telf tal-bijodiversità. Kważi żewġ terzi
tal-ekosistemi tad-dinja qed jiddeterjoraw[24]
u hemm evidenza li l-limiti planetarji għall-bijodiversità, it-tibdil
fil-klima u ċ-ċiklu tan-nitroġenu diġà ġew issuperati[25]. X'aktarx se jkun hemm
diskrepanza globali ta' 40 % fl-ilma sal-2030 sakemm ma jkunx hemm
progress sinifikanti fit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi. Hemm
ukoll ir-riskju li t-tibdil fil-klima se jkompli jkabbar dawn il-problemi, bi
spejjeż għolja. Fl-2011, id-diżastri dovuti parzjalment
għat-tibdil fil-klima rriżultaw f’telf ekonomiku globali ta' aktar
minn 300 biljun Euro. L-OECD wissiet li bid-degradazzjoni u t-telf kontinwi
tal-kapital naturali hemm ir-riskju li dawn iwasslu għal bidliet
irriversibbli li jistgħu jipperikolaw żewġ sekli ta' titjib
fl-istandards ta' għajxien u jinvolvu spejjeż sinifikanti[26]. 8. L-indirizzar ta' wħud
minn dawn il-kwistjonijiet kumplessi jesiġi li nisfruttaw il-potenzjal
sħiħ tat-teknoloġija ambjentali eżistenti u jiġi
żgurat l-iżvilupp u l-adozzjoni kontinwi, min-naħa tal-industrija,
tal-aqwa tekniki disponibbli u tal-innovazzjonijiet emerġenti. Avvanzi
rapidi f'oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija li jippromettu huma wkoll
meħtieġa. Dan għandu jkun possibbli permezz ta' spinta
fir-riċerka u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għal
investimenti relatati mar-riċerka privata. Fl-istess ħin,
għandna bżonn fehim aħjar tar-riskji potenzjali
għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem assoċjati
mat-teknoloġiji ġodda, u għandna bżonn nivvalutawhom u
nimmaniġġjawhom aħjar. Din hija prekundizzjoni
għall-aċċettazzjoni pubblika ta' teknoloġiji ġodda,
kif ukoll għall-ħila tal-UE li tiddentifika u tirreaġixxi
għal riski potenzjali assoċjati ma' żviluppi
teknoloġiċi b'mod effettiv u f'waqthom. 9. Biex ngħixu tajjeb
fil-futur, għandha tittieħed azzjoni urġenti, ikkoordinata issa
biex intejbu r-reżistenza ekoloġika u nimmassimizzaw
il-benefiċċji li l-politika ambjentali tista' tipprovdi
għall-ekonomija u s-soċjetà, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti
ekoloġiċi tal-pjaneta. Dan il-programm jirrifletti l-impenn tal-UE li
tittrasforma ruħha f'ekonomija ekoloġika inklussiva li tiżgura
t-tkabbir u l-iżvilupp, tħares is-saħħa u l-benesseri
tal-bniedem, tipprovdi impjiegi diċenti, tnaqqas l-inugwaljanzi u tinvesti
fil-kapital naturali u tippreservah. 10. Il-viżjoni 2050 li
ġejja hija maħsuba biex tgħin fil-gwida tal-azzjoni sal-2020 u
wara: Fl-2050, ngħixu tajjeb, fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta.
Il-prosperità tagħna u ambjent b'saħħtu jirriżultaw minn
ekonomija innovattiva, ċirkolari fejn ma jinħela xejn u fejn
ir-riżorsi naturali huma mmaniġġjati f'modi li jsaħħu
r-reżistenza tas-soċjetà tagħna. It-tkabbir tagħna
b'livelli baxxi ta' karbonju ilu li ġie diżakkoppjat mill-użu
tar-riżorsi, u b'hekk nbeda r-ritmu għal ekonomija sostenibbli
globali. 11. Din it-trasformazzjoni
tesiġi l-integrazzjoni sħiħa ta' kwistjonijiet ambjentali
f'politiki oħra, bħall-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura,
is-sajd, l-ekonomija u l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni,
ix-xogħol u l-politika soċjali sabiex toħloq approċċ
koerenti u kkoordinat. L-azzjoni fi ħdan l-UE għandha tiġi
kkomplementata wkoll minn azzjoni globali u kooperazzjoni msaħħa
mal-pajjiżi ġirien sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni. 12. L-UE tat bidu għal din
it-trasformazzjoni b'strateġiji integrati, fit-tul biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità[27], ittejjeb l-effiċjenza
fir-riżorsi[28]
u tħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju[29]. Barra minn hekk
il-Kummissjoni integrat it-tħassib u l-għanijiet ambjentali
f’inizjattivi reċenti meħuda f'oqsma ta' politika ewlenin oħra,
inklużi l-enerġija[30]
u t-trasport[31],
u ppruvat iżid il-benefiċċji ambjentali permezz ta’ riformi
tal-politiki tal-UE għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-sajd u
l-koeżjoni, billi bniet fuq is-suċċessi li kien hemm sa llum. 13. L-UE saret firmatarja
għal bosta impenji ambjentali miftiehma internazzjonalment, inklużi
dawk li saru fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp
Sostenibbli (Rio+20)[32]
fejn din immarkat l-appoġġ tagħha għal ekonomija
ekoloġika inklussiva bħala parti ċentrali minn strateġija
usa’ għall-iżvilupp sostenibbli. 14. Dan il-programm jikkomplementa
dawn l-isforzi billi jiddefinixxi għanijiet prijoritarji biex l-UE
tiksibhom tul il-perjodu sal-2020. 15. F'ħafna każijiet,
il-ħtieġa ta’ azzjoni sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet se tkun
primarjament fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, f'konformità
mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F'oħrajn, se jkunu
meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE. Peress li
l-politika ambjentali hija qasam ta' kompetenza kondiviża fl-UE,
wieħed mill-għanijiet ta' dan il-programm huwa li joħloq sjieda
komuni ta' miri u għanijiet kondiviżi u l-iżgurar ta'
kundizzjonijiet indaqs għan-negozji u għall-awtoritajiet
pubbliċi. Permezz ta' miri u għanijiet ċari, dawk li jfasslu
l-politika u partijiet interessati oħrajn, inklużi r-reġjuni u
l-ibliet, in-negozji u l-imsieħba soċjali, u ċittadini
individwali, jingħataw sens ta' direzzjoni u qafas prevedibbli għal
azzjoni. Prijoritajiet tematiċi Għan prijoritarju 1: Jiġi
protett, ippreservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-UE 16. Il-prosperità ekonomika u
l-benesseri tal-UE huma msejsa fuq il-kapital naturali tagħha, li jinkludi
l-ekosistemi li jipprovdu oġġetti u servizzi essenzjali, minn
ħamrija fertili u foresti multifunzjonali sa art u ibħra produttivi,
minn ilma ħelu u arja nadifa sad-dakkir, il-kontroll
tal-għargħar u r-regolazzjoni tal-klima u l-protezzjoni kontra
d-diżastri naturali. Ġabra sostanzjali ta' leġiżlazzjoni
tal-UE għandha l-għan li tipproteġi, tippreserva u
ssaħħaħ il-kapital naturali, u tinkludi d-Direttiva ta' Qafas
dwar l-Ilma (WFD)[33],
id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MSFD)[34], id-Direttiva dwar il-Kwalità
tal-Arja u dawk relatati[35]
u d-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar[36]. Il-leġiżlazzjoni li
tindirizza t-tibdil fil-klima, is-sustanzi kimiċi, l-emissjonijiet
industrijali u l-iskart itaffu l-pressjonijiet fuq il-bijodiversità,
inklużi l-ekosistemi, l-ispeċijiet u l-ħabitats. 17. Madankollu, valutazzjonijiet
reċenti juru li għadha qed tintilef il-bijodiversità fl-UE u li
l-biċċa l-kbira tal-ekosistemi huma serjament degradati[37]. L-Istrateġija
tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020[38]
tistabbilixxi miri u azzjonijiet meħtieġa biex
ireġġgħu lura dawn ix-xejriet negattivi u biex isaħħu
s-servizzi tal-ekosistemi. Din għandha tiġi implimentata
bis-sħiħ biex tippermetti lill-UE li tilħaq il-mira ewlenija
tagħha għall-bijodiversità għall-2020. Billi l-istrateġija
tinkludi miżuri inkorporati biex itejbu l-implimentazzjoni tad-Direttivi
dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, inkluż in-netwerk Natura 2000, li
tintlaħaq il-mira kumplessiva se tesiġi implimentazzjoni
sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti kollha mmirata lejn
il-protezzjoni tal-kapital naturali. 18. Minkejja l-isforzi
konsiderevoli li saru sal-lum, ir-rekwiżit skont il-WFD biex jinkiseb
‘status ekoloġiku tajjeb’ sal-2015 x'aktarx li se jintlaħaq biss
għal madwar 53 % tal-massa tal-ilma tal-wiċċ fl-UE[39]. Hemm ukoll ir-riskju li
l-mira tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima li jinkiseb
‘status ambjentali tajjeb” sal-2020 tista' ma tintlaħaqx, inter alia
minħabba sajd żejjed kontinwu u l-preżenza ta' skart
fl-ibħra tal-Ewropa. Filwaqt li l-politiki tal-UE dwar l-arja u dwar
l-emissjonijiet industrijali għenu biex inaqqsu ħafna forom ta'
tniġġis, l-ekosistemi għadhom ibatu minn depożiti
eċċessivi ta' nitroġenu u minn tniġġis tal-ożonu
assoċjati mal-emissjonijiet mit-trasport, mill-agrikoltura intensiva u
mill-ġenerazzjoni tal-enerġija. 19. Il-protezzjoni,
il-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali tal-UE
għalhekk jesiġu wkoll indirizzar tal-problemi mis-sors permezz, inter
alia, ta' integrazzjoni aħjar tal-għanijiet għall-kapital
naturali f'politiki oħra, l-iżgurar li l-politiki jkunu koerenti u li
jiġu pprovduti l-kobenefiċċji. L-elementi
ekoloġiċi stabbiliti fil-proposti ta' riforma tal-Kummissjoni,
partikolarment għall-politika tal-UE dwar l-agrikoltura, is-sajd u
l-koeżjoni, appoġġati mill-proposti għal approċċ
aktar ekoloġiku għall-baġit tal-UE skont il-Qafas Finanzjarju
Pluriennali 2014-2020 (QFP) huma mfassla biex jappoġġaw dawn
l-għanijiet. Pereżempju, l-ekosistemi akkwatiċi f’żoni
rurali għandhom jibbenefikaw mir-rabta tal-pagamenti lill-impriżi
agrikoli mal-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-WFD kif stabbilit
fil-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAK[40]. PAK iktar ekoloġika se
tippromwovi wkoll il-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju
għall-ambjent tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’,
il-protezzjoni ta' bwar permanenti, u l-istabbiliment u ż-żamma ta’
żoni ta’ art għall-biedja u ta' foresti ekoloġikament
importanti. 20. Fil-każ tal-ambjent
tal-baħar, filwaqt li s-settur marittimu joffri opportunitajiet
ekonomiċi, mill-oqsma tas-sajd, tat-tbaħħir u tal-akkwakultura
sal-materja prima u l-enerġija lil hinn mill-kosta u
l-bijoteknoloġija tal-baħar, għandha tingħata attenzjoni
sabiex jiġi żgurat li l-isfruttar tagħhom ikun kompatibbli
mal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar
u tal-kosta. 21. Approċċi
bbażati fuq l-ekosistema għall-mitigazzjoni u l-adattament
għat-tibdil fil-klima li jibbenefikaw minnhom ukoll il-bijodiversità u
l-forniment ta' servizzi oħra tal-ekosistema għandhom jintużaw
b'mod aktar estensiv bħala parti mill-politika tal-UE dwar it-tibdil
fil-klima, filwaqt li għanijiet ambjentali oħra
bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ilma
għandhom jitqiesu bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet dwar
l-enerġija rinnovabbli. Fl-aħħar nett, il-miżuri biex
jindirizzaw it-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet tas-CO2 relatati
mat-trasport jeħtieġ li jkunu applikati[41]. 22. Id-degradazzjoni,
il-frammentazzjoni u l-użu insostenibbli tal-art fl-UE qed jipperikolaw
l-provvista ta’ bosta servizzi ewlenin tal-ekosistema, jheddu l-bijodiversità u
jżidu l-vunlerabbiltà tal-Ewropa għat-tibdil fil-klima u
d-diżastri naturali. Qed jixprunaw ukoll id-degradazzjoni
tal-ħamrija. Aktar minn 25 % tat-territorju tal-UE huwa affettwat
mill-erożjoni tal-ħamrija permezz tal-ilma, li tista' tipperikola
l-funzjonijiet tal-ħamrija u taffettwa l-kwalità tal-ilma ħelu.
Il-kontaminazzjoni u l-impermeabbiltà tal-ħamrija huma wkoll problemi
persistenti. Huwa maħsub li aktar minn nofs miljun sit madwar l-UE kollha
huma kkontaminati u sakemm jiġu identifikati u vvalutati, dawn se jkomplu
jirrappreżentaw riskji ambjentali u għas-saħħa
potenzjalment serji. Kull sena jittieħdu aktar minn 1 000 km² ta' art
għall-bini ta' djar, għall-industrija, għat-trasport jew
għal finijiet ta' rikreazzjoni. Dawn il-bidliet fit-tul huma diffiċli
jew jiswew ħafna flus biex jitreġġgħu lura, u kważi
dejjem jinvolvu kompromessi bejn id-diversi ħtiġijiet soċjali,
ekonomiċi u ambjentali. Id-Deċiżjonijiet tal-Istati Membri
tal-ippjanar li huma relatati mal-użu tal-art għandhom ikunu aktar
sostenibbli. 23. Sabiex jitnaqqsu
il-pressjonijiet l-aktar sinifikanti ikkawżati mill-bniedem fuq l-art, fuq
il-ħamrija u fuq ekosistemi oħrajn fl-Ewropa, se tittieħed
azzjoni li tiżgura li d-deċiżjonijiet relatati mal-użu
tal-art fil-livelli rilevanti kollha jqisu b'mod xieraq kemm l-impatti
ambjentali kif ukoll dawk ekonomiċi u soċjali. L-eżitu tas-Summit
Rio+20 talab għal "dinja fejn id-degradazzjoni tal-art ma tibqax
problema". L-UE u l-Istati Membri għandhom jirriflettu fuq kif tali
impenn jista' jsir operazzjonali bl-aħjar mod fi ħdan il-kompetenzi
rispettivi tagħhom u kif jindirizzaw kwistjonijiet dwar il-kwalità
tal-ħamrija f’qafas legali vinkolanti[42]. Se jkunu
stipulati wkoll miri għall-użu sostenibbli tal-art u
tal-ħamrija. 24. Għalkemm ir-rilaxxi
tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ambjent tal-UE naqsu b’mod konsiderevoli
matul dawn l-aħħar 20 sena, rilaxxi eċċessivi ta’ nutrijenti għadhom
jaffettwaw il-kwalità tal-arja u l-ilma u għadhom ikollhom impatt negattiv
fuq l-ekosistemi, u b'hekk jikkawżaw problemi sinifikanti
għas-saħħa tal-bniedem. B'mod partikolari, ir-rilaxx tal-ammonju
minħabba ġestjoni ineffiċjenti tal-fertilizzanti u trattament
inadegwat tal-ilma mormi jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod
urġenti biex jinkiseb tnaqqis aktar sinifikanti fir-rilaxxi ta'
nutrijenti. Huma meħtieġa wkoll sforzi ulterjuri biex jiġi
mmaniġġjat iċ-ċiklu tan-nutrijenti b'mod iktar kosteffettiv
u effiċjenti fir-riżorsi, u biex tittejjeb l-effiċjenza
fl-użu tal-fertilizzanti. Dan jesiġi titjib fl-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE sabiex jiġu indirizzati dawn
l-isfidi, l-istandards isiru aktar stretti fejn meħtieġ u
ċ-ċiklu tan-nutrijenti jiġi ttratat bħala parti minn
approċċ aktar ħolistiku li jgħaqqad flimkien u jintegra
l-politiki eżistenti tal-UE li għandhom rwol fit-trattament ta' rilaxxi
eċċessivi ta’ nutrijenti u l-ewtrofikazzjoni. 25. Azzjoni meħuda skont
l-Istrateġija għall-Bijodiversità biex jiġu restawrati 15 %
tal-ekosistemi degradati u biex jiġi estiż l-użu ta'
infrastruttura ekoloġika se tgħin biex tingħeleb
il-frammentazzjoni tal-art. Se ssaħħaħ iktar il-kapital naturali
u żżid ir-reżistenza tal-ekosistemi, u tista' toffri
alternattivi kosteffettivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u
l-adattament għalih kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
Sadanittant, l-isforzi tal-Istati Membri biex ikunu mmappjati u vvalutati l-ekosistemi
u s-servizzi tagħhom, u l-inizjattiva ta' “ebda telf nett” ippjanata
għall-2015 se jikkontribwixxu għaż-żamma tal-istokk
tal-kapital naturali fuq bosta livelli. L-integrazzjoni tal-valur ekonomiku
tas-servizzi tal-ekosistema fis-sistemi tal-kontabbiltà u tar-rappurtar
fil-livell tal-UE u dak nazzjonali sal-2020 se tirriżulta f'ġestjoni
aħjar tal-kapital naturali tal-UE. 26. Sabiex jipproteġi,
jippreserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, il-programm
għandu jiżgura li sal-2020: (a)
Jitrażżnu t-telf tal-bijodiversità u
d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi u jinżammu u
jissaħħu l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom. (b)
Jitnaqqsu b’mod konsiderevoli l-impatti
tal-pressjonijiet fuq l-ilma ħelu, l-ilmijiet tranżizzjonali u dawk
kostali sabiex jinkiseb, jinżamm jew jissaħħaħ l-istatus
tajjeb kif iddefinit fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma. (c)
Jitnaqqsu l-impatti ta' pressjonijiet fuq
l-ilmijiet tal-baħar sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali
tajjeb kif meħtieġ mid-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima. (d)
Jitnaqqsu aktar l-impatti tat-tniġġis
tal-arja fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità. (e)
L-art tkun mmaniġġjata b'mod sostenibbli
fl-UE, il-ħamrija tkun protetta b'mod adegwat u r-rimedjar tas-siti
kkontaminati tkun fi stadju avvanzat. (f)
Iċ-ċiklu tan-nutrijenti (nitroġenu u
fosfru) ikun immaniġġjat b'mod aktar sostenibbli u effiċjenti
fir-riżorsi. (g)
Jiġu protetti l-foresti u s-servizzi pprovduti
minnhom u titjieb ir-reżistenza tagħhom għat-tibdil fil-klima u
għan-nirien. Dan ifisser, b'mod partikolari: (a)
L-implimentazzjoni sħiħa
tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità. (b)
L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan sabiex
jiġu Salvagwardjati r-Riżorsi tal-Ilma tal-UE. (c)
It-tisħiħ tal-isforzi, inter alia,
sabiex jiġi żgurat li jinkisbu stokkijiet tajbin tal-ħut mhux
aktar tard mill-2020, li jseħħ l-ewwel nett billi l-prattika tas-sajd
tinġieb sal-livelli massimi ta' rendiment sostenibbli mill-2015, jew sa
livelli aktar baxxi, fiż-żoni tas-sajd kollha madwar l-UE, u billi
tiġi stabbilita mira kwantitattiva ta' tnaqqis madwar l-UE kollha
għall-iskart tal-baħar. (d)
Sforzi msaħħa sabiex tinkiseb konformità
sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u biex
jiġu ddefiniti miri u azzjonijiet strateġiċi għal wara l-2020. (e)
It-tisħiħ tal-isforzi sabiex tonqos
l-erożjoni tal-ħamrija u tiżdied il-materja organika
tal-ħamrija, jiġu rrimedjati s-siti kkontaminati u
tissaħħaħ l-integrazzjoni ta’ aspetti tal-użu tal-art
f'teħid tad-deċiżjonijiet ikkoordinat li jinvolvi l-livelli rilevanti
kollha ta’ ggvernar, appoġġata minn l-adozzjoni ta’ miri dwar
il-ħamrija u dwar l-art bħala riżorsa u ta' għanijiet ta'
ppjanar għall-ħamrija u l-art. (f)
It-teħid ta’ passi ulterjuri biex jitnaqqsu
l-emissjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosfru, inklużi dawk minn ilma
tad-drenaġġ urban u industrijali u mill-użu ta’ fertilizzanti. (g)
L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta'
Strateġija ġdida tal-UE dwar il-Foresti li tindirizza d-domandi u
l-benefiċċji multipli relatati mal-foresti u tikkontribwixxi
għal approċċ aktar strateġiku li jipproteġi u
jsaħħaħ il-foresti. Għan prijoritarju 2: Biex l-UE
ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva,
b'livelli baxx ta' karbonju 27. L-Inizjattiva Ewlenija
"Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi"
tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandha l-għan li
tappoġġa l-bidla lejn ekonomija li hija effiċjenti fil-mod kif
tuża r-riżorsi kollha, li jkollha diżakkoppjar sħiħ
tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u tal-enerġija u
l-impatti ambjentali tiegħu, li tnaqqas l-emissjonijiet ta' GHG, li
ttejjeb il-kompetittività permezz tal-effiċjenza u l-innovazzjoni u
tippromwovi iktar sigurtà tal-enerġija. Il-Pjan Direzzjonali għal
Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi[43] u l-Pjan Direzzjonali
għal ekonomija kompetittiva b’livell baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju[44] huma komponenti ewlenin
tal-Inizjattiva, li jistabbilixxu l-qafas għal azzjonijiet futuri biex
jinkisbu dawn l-għanijiet. 28. L-innovazzjoni biex tittejjeb
l-effiċjenza fir-riżorsi hija meħtieġa fl-ekonomija kollha
biex b’hekk titjieb il-kompetittività fil-kuntest ta' prezzijiet
tar-riżorsi dejjem ogħla, ta’ skarsezza u ta’ limiti fil-provvista.
Is-settur tan-negozju huwa l-katalizzatur ewlieni tal-innovazzjoni,
inkluża l-ekoinnovazzjoni. Madankollu, is-swieq mhux se jipprovdu
r-riżultati waħedhom. Azzjoni fil-livell tal-gvern, dak tal-Unjoni u
dak tal-Istati Membri, hija essenzjali biex tipprovdi l-aħjar
kundizzjonijiet ta' qafas għall-ekoinnovazzjoni, u b'hekk jiġi
stimulat l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli teknoloġiċi jew tan-negozju
għall-isfidi ambjentali[45]. 29. Dan ir-rekwiżit ewlieni
biex tiġi indirizzata l-isfida ambjentali għandu wkoll
benefiċċji soċjoekonomiċi importanti. Tkabbir potenzjali
fl-impjiegi li jirriżulta mit-trasformazzjoni għal ekonomija
b'livelli baxxi ta' karbonju u effiċjenti fir-riżorsi huwa kruċjali
biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi[46]. Matul dawn l-aħħar
snin, l-impjieg fis-setturi ta’ teknoloġiji ambjentali u tas-servizzi
fl-UE kienu qed jikbru b'madwar 3 % fis-sena [47]. Is-suq globali
għall-ekoindustriji huwa stmat li jiswa mill-inqas triljun euro, u huwa
mistenni li kważi jirdoppja matul l-10 snin li ġejjin. Kumpaniji
Ewropej diġà qiegħdin fuq quddiem fil-livell globali
fir-riċiklaġġ u fl-effiċjenza enerġetika u
għandhom jiġu mħeġġa li jibbenifikaw minn dan
it-tkabbir fid-domanda globali, bl-appoġġ mill-Pjan ta' Azzjoni
għall-Ekoinnovazjoni[48].
Pereżempju, is-settur Ewropew tas-sorsi rinnovabbli waħdu huwa
mistenni li jiġġenera iktar minn 400,000 impjieg ġdid sal-2020. [49] 30. L-implimentazzjoni
sħiħa tal-Pakkett tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija hija
essenzjali sabiex jintlaħqu l-istadji ewlenin identifikati għall-2020
u biex sal-2050 tinbena ekonomija kompetittiva b'livelli baxxi ta' karbonju.
Billi bħalissa l-UE qed iżżomm ir-ritmu mixtieq biex sal-2020
tnaqqas l-emissjonijiet domestiċi tal-GHG b'20 % taħt il-livelli
tal-1990, li tintlaħaq il-mira ta' 20 % fl-effiċjenza
enerġetika se tesiġi titjib ħafna aktar mgħaġġel
fl-effiċjenza. Dan hu importanti wkoll fid-dawl ta' domanda dejjem tikber
għall-enerġija u tad-dibattitu kontinwu dwar il-kunflitti bejn
l-użu tal-art għall-ikel u għall-bijoenerġija. F'dan
ir-rigward, id-Direttiva ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika
mistennija li tagħmel kontribut sinifikanti. 31. Jeħtieġ li s-setturi
kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet
tal-GHG sabiex l-UE twettaq is-sehem ġust tagħha fl-isforzi globali.
L-UE teħtieġ li taqbel dwar il-passi li jmiss fir-rigward tal-qafas
tagħha dwar il-klima u l-enerġija għal wara l-2020 sabiex
tħejji ruħha għan-negozjati internazzjonali dwar ftehim
legalment vinkolanti ġdid, iżda wkoll biex tipprovdi lill-Istati
Membri u lill-industrija qafas ċar biex jagħmlu l-investimenti
meħtieġa fuq medda ta' żmien medja Għalhekk l-UE
teħtieġ li tqis l-alternattivi ta’ politika biex twettaq it-tnaqqis stabbilit
fil-Pjan Direzzjonali għal Ekonomija b'Livelli Baxxi ta' Karbonju
għall-perjodu ta’ wara l-2020. Il-Pjan direzzjonali dwar l-Enerġija sal-2050 u
l-White Paper dwar it-trasport jeħtieġ li jkunu msejsa fuq oqfsa ta'
politika b'saħħithom. Minbarra dan, jeħtieġ li l-Istati
Membri jiżviluppaw u jistabbilixxu strateġiji ta' żvilupp
fit-tul, kosteffettivi u b'livelli baxxi ta' karbonju mmirati biex jiksbu
l-għan tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' GHG bi 80 % sa 95 %
sa nofs is-seklu, meta mqabbel mal-1990, bħala parti minn sforz biex
tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura medja għal taħt
iż-2°C. Is-Sistema tal-UE tan-Negozjar
tal-Emissjonijiet tkompli tkun pillastru ċentrali tal-politika tal-UE dwar
il-klima għal wara l-2020. 32. L-adozzjoni, min-naħa
tal-industrija, tal-aqwa tekniki disponibbli skont id-Direttiva dwar
l-Emissjonijiet Industrijali se twassal għal xejriet imtejba fl-użu
tar-riżorsi u emissjonijiet imnaqqsa għal aktar minn 50 000
stallazzjoni industrijali ewlenija tal-UE;b’hekk tkun qed tagħti kontribut
sinifikanti biex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji
innovattivi, ikun hemm approċċ aktar ekoloġiku lejn l-ekonomija
u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-industrija aktar fit-tul. 33. Se jittieħdu wkoll
miżuri biex titjieb aktar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u
s-servizzi fis-suq tal-UE matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja
tagħhom permezz ta’ miżuri biex tiżdied il-provvista ta’ prodotti u ta’ servizzi
sostenibbli mil-lat ambjentali u biex tiġi stimulata bidla sinifikanti
fid-domanda tal-konsumatur għal dawn il-prodotti. Dan se jinkiseb
bl-użu ta’ taħlita bbilanċjata ta’ inċentivi għall-konsumaturi u
għan-negozji, inklużi l-SMEs, ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u
ta’ regolamenti sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-operazzjonijiet u l-prodotti
tagħhom. Il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prodotti
bħad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u dwar it-Tikketta Enerġetika u
r-Regolament dwar l-Ekotikketta se jiġu analizzati bl-għan li titjieb
il-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti
matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u b'hekk jiġi
żgurat qafas aktar koerenti għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli
fl-UE[50]. 34. Peress li 80 %
tal-impatti ambjentali kollha relatati mal-prodotti huma determinati matul
il-fażi tad-disinn tagħhom, il-qafas tal-politika tal-UE għandu
jiżgura li l-prodotti prijoritarji mqiegħda fis-suq tal-UE huma
“ekodisinjati” bil-ħsieb li jottimizzaw l-effiċjenza fir-riżorsi
u l-materjal, billi jindirizzaw, inter alia, ir-riċiklabbiltà,
il-kontenut riċiklat u d-durabbiltà. Għandu jkun possibbli li dawn
ir-rekwiżiti jiġu implimentati u li jkunu jistgħu jiġu
infurzati. L-isforzi se jkunu intensifikati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali
biex jitneħħa x-xkiel għall-ekoinnovazzjoni[51] u jiġi sfruttat
il-potenzjal sħiħ tal-ekoindustriji tal-Ewropa, u b'hekk jiġu
ġġenerati benefiċċji għall-impjiegi
ekoloġiċi u għat-tkabbir. 35. Jiġi stabbilit qafas
għal azzjoni li jtejjeb aspetti tal-effiċjenza fir-riżorsi li
jmorru lil hinn mill-emissjonijiet tal-GHG u l-enerġija, jiġu stabbiliti
miri biex jitnaqqas l-impatt ambjentali kumplessiv tal-konsum, b'mod
partikolari fis-setturi tal-ikel, tad-djar u tal-mobbiltà[52]. Flimkien, dawn
jirrappreżentaw kważi 80 % tal-impatti ambjentali tal-konsum.
L-eżitu ta' Rio+20 irrikonoxxa l-ħtieġa li jitnaqqas b’mod
sinifikanti t-telf u l-ħela ta' wara l-ħsad u oħrajn mill-ikel
kif ukoll l-iskart tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel. 36. Minbarra r-rekwiżiti
obbligatorji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku għal ċerti
kategoriji ta' prodotti[53],
il-biċċa kbira tal-Istati Membri adottaw pjanijiet ta' azzjoni
volontarji u bosta ffissaw miri għal gruppi ta' prodotti
speċifiċi. Madankollu, hemm lok konsiderevoli għal
amministrazzjonijiet fil-livelli kollha biex ikomplu jnaqqsu l-impatt ambjentali
tagħhom permezz tad-deċiżjonijiet ta' xiri tagħhom.
L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jieħdu passi ulterjuri biex
jilħqu l-mira ta’ applikazzjoni tal-kriterji tal-akkwist ekoloġiku
għal mill-inqas 50 % tal-offerti pubbliċi. Il-Kummissjoni se
tivvaluta l-possibbiltà li tiġi introdotta aktar leġiżlazzjoni
speċifika għas-setturi biex jiġu stabbiliti regoli obbligatorji
għall-akkwist pubbliku ekoloġiku għal aktar kategoriji ta'
prodotti. 37. Hemm ukoll potenzjal
konsiderevoli għal titjib fil-ġestjoni tal-iskart fl-UE sabiex ikun
hemm użu aħjar tar-riżorsi, jinfetħu swieq ġodda,
jinħolqu impjiegi ġodda u tonqos id-dipendenza fuq l-importazzjoni
ta' materja prima, filwaqt li jkun hemm inqas impatti fuq l-ambjent[54]. Kull sena fl-UE, huma
prodotti 2,7 biljun tunnellati ta' skart, li minnhom 98 miljun tunnellata
huma skart perikoluż. Bħala medja, 40 % biss mill-iskart solidu
jintuża mill-ġdid jew jiġi rriċiklat. Il-bqija jintrema
fil-miżbliet jew jinħaraq. F’xi Stati Membri, aktar minn 70 %
tal-iskart huwa rriċiklat, li juri kif l-iskart jista' jintuża
bħala waħda mir-riżorsi ewlenin tal-UE. Fl-istess ħin,
ħafna Stati Membri jarmu fil-miżbliet aktar minn 75 %
mill-iskart muniċipali tagħhom. 38. It-trasformazzjoni tal-iskart
f’riżorsa, kif mitlub fil-Pjan Direzzjonali għall-Użu Effiċjenti
tar-Riżorsi, tesiġi l-implimentazzjoni sħiħa
tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart mal-UE kollha kemm hi, fuq
il-bażi tal-applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-iskart u
l-iżgurar li jkunu koperti t-tipi differenti ta’ skart[55]. Sforzi addizzjonali huma
meħtieġa biex: tonqos il-ġenerazzjoni per capita tal-iskart
f'termini assoluti, jiġi limitat l-irkupru tal-enerġija
għall-materjali mhux riċiklabbli, jiġi eliminat gradwalment
ir-rimi fil-miżbliet, jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, u
jiġu żviluppati swieq ta' materja prima sekondarja. Jeħtieġ
li l-iskart perikoluż ikun immaniġġjat b’mod li jitnaqqsu
l-effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent,
kif ġie miftiehem waqt is-Summit ta' Rio+20. Biex dan jinkiseb, strumenti bbażati
fuq is-suq li jiffavorixxu l-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ u
l-użu mill-ġdid għandhom jiġu applikati ħafna iktar
sistematikament madwar l-UE. Attivitajiet ta’ riċiklaġġ li
jiffaċċjaw ostakli fis-suq intern tal-UE għandhom
jitneħħew u l-miri li jeżistu għall-prevenzjoni, l-użu
mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u t-tneħħija
tar-rimi fil-miżbliet, għandhom jiġu riveduti biex jersqu lejn “
ekonomija ċirkolari ”, b’utilizzazzjoni f’kaskata ta’ riżorsi u bi
kważi l-ebda skart residwu. 39. L-effiċjenza fir-riżorsi
fis-settur tal-ilma se tiġi indirizzata wkoll bħala prijorità sabiex
tgħin fil-kisba ta' status tajjeb tal-ilma. Minkejja li l-perjodi ta’ nixfa u l-iskarsezza
tal-ilma jaffetwaw dejjem aktar partijiet tal-Ewropa, huwa stmat li 20-40 %
tal-ilma disponibbli tal-Ewropa għadu qed jinħela, pereżempju,
permezz ta' tnixxijiet fis-sistema ta’ distribuzzjoni. Skont l-immudellar
disponibbli, għad hemm lok konsiderevoli biex tiġi mtejba
l-effiċjenza fl-ilma tal-UE. Barra minn hekk, id-domanda dejjem tikber u l-impatti
tat-tibdil fil-klima huma mistennija li jżidu l-pressjoni fuq
ir-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa b'mod sinifikanti. F'dan l-isfond, sal-2020
l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni sabiex
jiżguraw li l-estrazzjoni tal-ilma tirrispetta l-limiti tar-riżorsi
rinnovabbli tal-ilma disponibbli, inkluż billi titjieb l-effiċjenza
fl-ilma permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi tas-suq bħall-ipprezzar
tal-ilma li jirrifletti l-valur reali tal-ilma[56].
Il-progress se jiġi ffaċilitat billi jiġu aċċellerati
l-wiri u l-adozzjoni ta' teknoloġiji, ta’ sistemi u ta’ mudelli
tan-negozju innovattivi msejsa fuq il-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni
tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma. 40. Qafas ta' politika fit-tul u
prevedibbli f'dawn l-oqsma kollha jgħin biex jistimola l-livell ta’ investimenti u
l-azzjoni meħtieġa biex jiġu żviluppati bis-sħiħ
swieq għal teknoloġiji aktar ekoloġiċi u jiġu promossi
soluzzjonijiet kummerċjali sostenibbli. Indikaturi u miri
tal-effiċjenza fir-riżorsi huma meħtieġa biex jipprovdu
l-gwida meħtieġa għal dawk li jieħdu
d-deċiżjonijiet fl-oqsma pubbliċi u privati
għat-trasformazzjoni tal-ekonomija. Dawn se jsiru parti integrali ta' dan
il-programm ladarba jkun miftiehem fil-livell tal-Unjoni. 41. Sabiex l-UE ssir ekonomija
effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika, kompetittiva u b'livelli
baxxi ta' karbonju, il-programm għandu jiżgura li sal-2020: (a)
L-UE tkun laħqet l-miri tagħha
għall-2020 dwar il-klima u l-enerġija u tkun qed taħdem sabiex
sal-2050 jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' GHG bi 80-95% meta mqabbla mal-1990,
bħala parti minn sforz globali li tiġi limitata ż-żieda
fit-temperatura medja għal taħt iż-2°C. (b)
L-impatt ambjentali kumplessiv tal-industrija
tal-UE fis-setturi industrijali ewlenin kollha jitnaqqas b’mod konsiderevoli u
tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi. (c)
L-impatt ambjentali kumplessiv tal-produzzjoni u
l-konsum, jintaqqas b’mod partikolari fis-setturi tal-ikel, tad-djar u
tal-mobbiltà. (d)
L-iskart ikun immaniġġjat b'mod sikur
bħala riżorsa, l-iskart iġġenerat jitnaqqas b’mod assolut,
l-irkupru tal-enerġija jkun limitat għal materjali mhux
riċiklabbli u r-rimi fil-miżbliet ta’ materjali riċiklabbli u
kompostabbli jkun effettivament eliminat. (e)
L-istress fuq l-ilma fl-UE jkun evitat jew imnaqqas
b'mod sinifikanti. Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pakkett dwar
il-Klima u l-Enerġija u ftehim dwar il-qafas ta' politika dwar il-klima u
l-enerġija tal-UE għall-perjodu ta’ wara l-2020. (b)
L-applikazzjoni ta’ “L-Aqwa Tekniki Disponibbli ”
issir ġeneralizzata u l-isforzi li jippromwovu l-adozzjoni ta'
teknoloġiji, proċessi u servizzi innovattivi u emerġenti
jissaħħu. (c)
Tingħata spinta lill-isforzi pubbliċi u
privati meħtieġa fir-riċerka u l-innovazzjoni
għall-implimentazzjoni gradwali ta’ teknoloġiji, sistemi u mudelli
innovattivi li se jħaffu u jnaqqsu l-ispiża ta' transizzjoni lejn
ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. (d)
Jiġi stabbilit qafas aktar koerenti
għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli. Tiġi analizzata
l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti bl-għan li jitjiebu
l-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti
matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Jiġu ffissati miri
għat-tnaqqis tal-impatt kumplessiv tal-konsum. (e)
L-implimentazzjoni sħiħa
tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Din se tinkludi
l-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart u l-użu effettiv ta'
strumenti bbażati fuq is-suq u miżuri biex jiżguraw li r-rimi
fil-miżbliet huwa effettivament eliminat gradwalment, l-irkupru
tal-enerġija jkun limitat għal materjali mhux riċiklabbli, l-iskart
riċiklat ikun użat bħala sors ewlieni affidabbli ta' materja
prima għall-UE, l-iskart perikoluż ikun immaniġġjat b'mod
sikur u l-ġenerazzjoni tiegħu ikun imnaqqas, il-ġarr illegali
tal-iskart bil-baħar ikun eliminat u jkunu tneħħew l-ostakli
għas-suq intern fl-UE għall-attivitajiet ta' riċiklaġġ
li jirrispettaw l-ambjent (f)
It-titjib tal-effiċjenza fl-ilma billi jkunu
ffissati miri fil-livell tal-baċiri tax-xmajjar u jintużaw
mekkaniżmi tas-suq, bħall-ipprezzar tal-ilma. Għan prijoritarju 3:
Jitħarsu ċ-ċittadini tal-UE minn pressjonijiet relatati
mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri 42. Il-leġiżlazzjoni
ambjentali tal-UE pprovdiet benefiċċji sinifikanti
għas-saħħa u l-benesseri tal-pubbliku. Madankollu, l-ilma,
it-tniġġis tal-arja u s-sostanzi kimiċi jibqgħu fost
il-kwistjonijiet ambjentali ewlenin ta' tħassib fost il-pubbliku
ġenerali fl-UE[57].
Skont stima tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) aġenti
li jikkawżaw stress ambjentali huma responsabbli għal bejn 15 u 20 %
tal-imwiet kollha f'53 pajjiż Ewropew[58]. Skont l-OECD, sal-2050
it-tniġġis tal-arja urbana qiegħed fil-proċess li jsir
il-kawża ambjentali prinċipali ta' mwiet madwar id-dinja. 43. Parti sostanzjali
mill-popolazzjoni tal-UE tibqa’ esposta għal livelli ta' tniġġis
tal-arja ogħla mill-istandards irrakkommandati mill-WHO[59]. L-azzjoni hija
speċjalment meħtieġa f'oqsma fejn in-nies, partikolarment gruppi
tas-soċjetà sensittivi jew vulnerabbli, u l-ekosistemi huma esposti
għal livelli għolja ta' sustanzi li jniġġsu, bħal
fl-ibliet jew fil-bini. 44. L-aċċess għal
ilma ta' kwalità sodisfaċenti għadha problematika f'għadd ta'
żoni rurali fl-UE, filwaqt li l-iżgurar tal-kwalità tajba
tal-ilmijiet għall-għawm tal-Ewropa jiffavorixxi kemm is-saħħa
tal-bniedem kif ukoll l-industrija tat-turiżmu tal-UE. Il-konsegwenzi
negattivi tal-għargħar għas-saħħa tal-bniedem u
għall-attività ekonomika qed ikunu esperjenzati aktar ta’ spiss,
parzjalment minħabba tibdil fiċ-ċiklu idroloġiku u fl-użu
tal-art. 45. In-nuqqas ta' implimentazzjoni
sħiħa tal-politika eżistenti qiegħed iżomm lill-UE
milli tikseb standards adegwati tal-kwalità tal-arja u tal-ilma. L-UE se
taġġorna l-miri skont l-aktar xjenza reċenti u se tipprova b’mod
aktar attiv li tiżgura sinerġiji ma’ għanijiet oħra ta'
politika f'oqsma bħat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-ambjent
tal-baħar u tal-art. Pereżempju, it-tnaqqis ta' ċerti sustanzi
li jniġġsu l-arja jista’ jagħti kontribut importanti
għall-mitigazzjoni tal-klima. Aktar ħidma f'din id-direzzjoni se
tiġi ggwidata permezz ta' analiżi komprensiva
tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u l-Pjan
għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa. 46. L-indirizzar
tat-tniġġis mis-sors jibqa’ prijorità u l-implimentazzjoni
tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali se tkompli tnaqqas
l-emissjonijiet minn setturi industrijali ewlenin. Il-kisba tal-miri stabbiliti
fil-Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport se twassal
ukoll għal mobbiltà aktar sostenibbli fl-UE, u b'hekk jiġi indirizzat
sors ewlieni ta' storbju u tat-tniġġis tal-arja lokali. 47. Huwa stmat li madwar 40 %
tal-popolazzjoni tgħix f'żoni urbani b'livelli ta' storbju bil-lejl
li jaqbżu l-livelli rrakkomandati mill-WHO. 48. Il-leġiżlazzjoni
orizzontali dwar is-sustanzi kimiċi (REACH u r-Regolamenti dwar
il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar u l-Imballaġġ) tipprovdi
protezzjoni referenzjali għas-saħħa tal-bniedem u
għall-ambjent u tippromwovi l-adozzjoni ta' metodi emerġenti li ma
jinvolvux l-ittestjar fuq l-annimali. Madankollu, għad hemm
inċertezza dwar l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq
l-ambjent mill-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi differenti
(taħlitiet), minn nanomaterjali, minn sustanzi kimiċi li jfixklu
s-sistema endrokinali (ormoni) u sustanzi kimiċi fi prodotti. F'dawn
l-aħħar snin, tfaċċat aktar informazzjoni dwar
il-ħtieġa ta' azzjoni biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi,
speċjalment jekk l-UE trid tilħaq il-mira miftiehma fis-Summit Dinji
dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fl-2002, u affermata mill-ġdid
fis-Summit Rio+20, li tkun ġiet żgurata "il-minimizzazzjoi
tal-effetti negattivi sinifikanti ta' sustanzi kimiċi fuq
is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent sal-2020 u r-reazzjoni għal
kwistjonijiet u sfidi ġodda u emerġenti b'mod effettiv,
effiċjenti, koerenti u kkoordinat. L-UE se tiżviluppa u timplimenta
aktar approċċi li jindirizzaw l-effetti kkombinati ta' sustanzi
kimiċi u kwistjonijiet ta' tħassib dwar is-sikurezza relatati
mas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u tistabbilixxi approċċ
komprensiv sabiex ikunu minimizzati l-effetti negattivi ta' sustanzi
perikolużi, inklużi sustanzi kimiċi fi prodotti,
appoġġat minn bażi ta' għarfien komprensiva dwar
l-esponiment u t-tossiċità kimiċi. Is-sikurezza u l-ġestjoni
sostenibbli ta' nanomaterjali se jkun żgurat, bħala parti minn
approċċ komprensiv li jinvolvi l-valutazzjoni u l-ġestjoni
tar-riskju, l-informazzjoni u l-monitoraġġ. Flimkien dawn
l-approċċi se jżidu l-bażi tal-għarfien kimiku u
jipprovdu qafas prevedibbli li jixpruna l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet
aktar sostenibbli. 49. Sadanittant, is-suq dejjem
jikber għal prodotti, sustanzi kimiċi u materjali b'bażi
bijoloġika jistgħu joffru vantaġġi bħal inqas
emissjonijiet tal-GHG u opportunitajiet ġodda tas-suq, iżda
għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li
ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti ikun
sostenibbli u ma jżidx il-kompetizzjoni għall-art jew iżid
il-livelli tal-emissjonijiet. 50. It-tibdil fil-klima se jkompli
jaggrava l-problemi ambjentali billi jikkawża perjodi twal ta' nixfa u
sħana kbira, għargħar, maltempati u nirien forestali, u forom
ġodda jew aktar virulenti ta' mard tal-bnedmin, tal-annimali jew
tal-pjanti. Għanda tittieħed azzjoni ddedikata sabiex jiġi
żgurat li l-UE tkun ippreparata b'mod adegwat biex taffronta
l-pressjonijiet u l-bidliet li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, b'hekk
tissaħħaħ ir-reżistenza ambjentali, ekonomika u dik tas-soċjetà
tagħha. Billi ħafna setturi huma u se jkunu dejjem aktar
suġġetti għall-impatti tat-tibdil fil-klima,
il-konsiderazzjonijiet ta' adattament u ta’ ġestjoni tar-riskju
tad-diżastru għandhom ikunu integrati aktar fil-politiki tal-UE. 51. Barra minn hekk,
il-miżuri biex tissaħħaħ ir-reżistenza ekoloġika
u dik għall-klima, bħar-restawr tal-ekosistemi u l-infrastruttura
ekoloġika, jistgħu jkollhom benefiċċji
soċjoekonomiċi importanti, inkluż dak għas-saħħa
pubblika. Is-sinerġiji u l-kompromessi potenzjali bejn l-għanijiet
għall-klima u dawk ambjentali oħra, bħall-kwalità tal-arja, jesiġu
li jkunu mmaniġġjati b’mod adegwat. Pereżempju, tibdil
fil-fjuwils b'reazzjoni għal kunsiderazzjonijiet dwar il-klima jew
is-sigurtà tal-provvista jista’ jwassal għal żidiet sustanzjali
fl-emissjonijiet ta' materja partikulata u l-emissjonijiet perikolużi. 52. Sabiex jitħarsu
iċ-ċittadini tal-UE minn pressjonijiet u minn riskji
għas-saħħa u l-benesseri relatati mal-ambjent, il-programm
għandu jiżgura li sal-2020: (a)
Il-kwalità tal-arja fl-UE tkun tjiebet b'mod
konsiderevoli (b)
It-tniġġis mill-istorbju fl-UE ikun naqas
b'mod konsiderevoli. (c)
Iċ-ċittadini madwar l-UE jibbenefikaw
minn standards għoljin għal ilma sikur għax-xorb u
għall-għawm. (d)
L-effetti kkombinati ta’ sustanzi kimiċi u
kwistjonijiet ta' tħassib dwar is-sikurezza relatati ma sustanzi li
jfixklu s-sistema endokrinali jkunu indirizzati b’mod effettiv, u r-riskji
għall-ambjent u għas-saħħa assoċjati mal-użu ta'
sustanzi perikolużi, inklużi sustanzi kimiċi fi prodotti, ikunu
vvalutati u minimizzati. (e)
Tħassib dwar is-sikurezza relatat
man-nanomaterjali jiġi effettivament indirizzat bħala parti minn
approċċ koerenti mal-leġiżlazzjoni differenti. (f)
Isir progress deċiżiv fl-adattament
għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
L-implimentazzjoni ta' politika aġġornata
tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, allinjata mal-aħħar għarfien
xjentifiku, u miżuri kontra t-tniġġis tal-arja mis-sors. (b)
L-implimentazzjoni tal-politika aġġornata
tal-UE dwar l-istorbju allinjata mal-aħħar għarfien xjentifiku,
u ma’ miżuri biex jitnaqqas l-istorbju mis-sors. (c)
Li tingħata spinta lill-isforzi biex tiġi
implimentata d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, partikolarment
għall-fornituri ż-żgħar tal-ilma tax-xorb, u d-Direttiva
dwar l-Ilma għall-Għawm. (d)
L-iżvilupp ta' Strateġija tal-UE
għal ambjent mhux tossiku, appoġġjata minn bażi
tal-għarfien komprensiva dwar l-esponiment u t-tossiċità kimika u li
twassal għall-innovazzjoni ta' sostituti sostenibbli. (e)
Ftehim dwar u implimentazzjoni ta' Strateġija
tal-UE ta’ adattament
għall-klima, inkluża l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet dwar
l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskju ta'
diżastru fl-inizjattivi ta’
politika u fis-setturi ewlenin tal-UE. QAFAS TA'
APPOĠĠ 53. Il-ksib ta' dawn
l-għanijiet tematiċi prijoritarji se jesiġu qafas ta'
appoġġ għal azzjoni effettiva. Se jittieħdu miżuri li
jtejbu l-erba’ pilastri ewlenin ta' dan il-qafas ta' appoġġ: tijib fil-mod
kif il-liġijiet ambjentali tal-UE jkunu implimentati fl-oqsma kollha;
tisħiħ tal-bażi ta’
evidenza xjentifika għall-politika ambjentali;
l-assigurazzjoni tal-investimenti u l-ħolqien ta’ inċentivi
meħtieġa biex jiġi protett l-ambjent; u fl-aħħar,
titjib tal-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza tal-politika kemm fi ħdan
il-politika ambjentali kif ukoll ma' politiki oħra. Dawn il-miżuri
orizzontali se jiffavorixxu l-politika ambjentali tal-UE lil hinn mill-ambitu u
t-terminu ta' żmien ta' dan il-programm. Għan prijoritarju 4: Jiġu
massimizzati l-benefiċċji ta' leġiżlazzjoni ambjentali
tal-UE 54. It-tliet benefiċċji
li joħroġu mill-iżgurar li l-leġiżlazzjoni ambjentali
tal-UE tkun effettivement implimentata huma: li jiġu pprovduti
kundizzjonijiet indaqs għall-atturi ekonomiċi li joperaw fis-Suq
Uniku, li tiġi stimolata l-innovazzjoni, u li jiġu promossi
l-vantaġġi għall-kumpaniji Ewropej li jidħlu l-ewwel fis-suq
f'bosta setturi. B'kuntrast ma' dan, l-ispejjeż assoċjati man-nuqqas
ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, huma għoljin u
ġeneralment stmati għal madwar EUR 50 biljun fis-sena,
inklużi spejjeż relatati ma’ każijiet ta’ ksur[60]. Fl-2009 biss kien hemm 451 każ
ta’ ksur
relatati mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Il-Kummissjoni
tirċievi wkoll bosta lmenti direttament miċ-ċittadini tal-UE, li
ħafna minnhom jistgħu jiġu indirizzati aħjar fil-livell
tal-Istati Membri jew fil-livell lokali. 55. It-titjib tal-implimentazzjoni
tal-acquis ambjentali tal-UE fil-livell tal-Istati Membri għalhekk
se jingħata l-ogħla prijorità fis-snin li ġejjin. Hemm
differenzi sinifikanti fl-implimentazzjoni bejn u fi ħdan l-Istati Membri.
Jeħtieġ li dawk involuti fl-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u
lokali jkollhom l-għarfien u l-ħila li jtejbu t-twassil
tal-benefiċċji minn din il-leġiżlazzjoni. 56. L-għadd għoli ta'
każijiet ta' ksur, ilmenti u petizzjonijiet fil-qasam tal-ambjent juri
l-ħtieġa ta' sistema, effettiva u li taħdem, ta' kontrolli u
verifiki fil-livell nazzjonali biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta'
problemi ta’ implimentazzjoni u biex dawn jiġu solvuti, flimkien ma’ miżuri li jevitaw
li dawn fil-fatt jinqalgħu. F'dan ir-rigward, l-isforzi għall-perjodu
sal-2020 se jiffukaw biex it-titjib jinkiseb f’erba' oqsma ewlenin. 57. L-ewwel nett, il-mod kif
jinġabar u jiġi disseminat l-għarfien dwar l-implimentazzjoni se
jittejjeb biex jgħin lill-pubbliku ġenerali u l-professjonisti
ambjentali jifhmu bis-sħiħ kif l-amministrazzjonijiet nazzjonali u
lokali jdaħħlu fis-seħħ l-impenji tal-Unjoni[61]. L-isfidi tal-implimentazzjoni
speċifiċi għal Stat Membru individwali se jkunu identifikati
għall-assistenza, b'mod simili għall-approċċ imfassal li
ġie segwit fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Pereżempju,
il-ftehimiet ta' sħubija għall-implimentazzjoni li jinvolvu
l-Kummissjoni u l-Istati Membri individwali se jitfasslu, billi jiġu
indirizzati kwistjonijiet bħal mnejn jista' jinsab appoġġ
finanzjarju għall-implimentazzjoni u bħal sistemi ta' informazzjoni
aħjar biex il-progress jiġi segwit. 58. It-tieni, l-UE se testendi
r-rekwiżiti dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza għal ġabra
usa' ta' liġi ambjentali tal-UE, filwaqt li dawn ikunu kkomplementati
b’kapaċità fil-livell tal-UE li tista' tindirizza sitwazzjonijiet fejn
hemm raġuni valida għal tħassib. 59. It-tielet, se jittejjeb il-mod
li bih l-ilmenti dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE ikunu
mmaniġġjati u rrimedjati fil-livell nazzjonali. 60. Ir-raba',
iċ-ċittadini tal-UE se jiksbu aċċess aħjar
għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali kif ukoll protezzjoni
legali effettiva, f’konformità mat-trattati internazzjonali u
mal-iżviluppi li rriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat
ta' Liżbona u mill-każistika reċenti tal-Qorti Ewropea
tal-Ġustizzja. Riżoluzzjoni mhux ġudizzjarja ta' kunflitti se
tkun promossa wkoll bħala alternattiva għal-litigazzjoni. 61. L-istandard ġenerali ta'
governanza ambjentali fl-UE kollha kemm hi se jittejjeb aktar permezz
tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE bejn il-professjonisti
li jaħdmu fil-protezzjoni ambjentali (bħal avukati tal-gvern,
spetturi, prosekuturi, ombudsmen u mħallfin) u billi jkunu mħeġġa
jaqsmu l-prattiki tajbin. 62. Minbarra li tgħin
l-Istati Membri jtejbu l-konformità[62],
il-Kummissjoni se tkompli tagħmel il-parti tagħha sabiex jiġi
żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun adattata skont l-għanijiet u
tirrifletti l-aħħar xjenza. Bħala regola ġenerali, obbligi
legali se jiġu inkorporati fir-Regolamenti li jkunu ċari u
preċiżi biżżejjed, li għandhom effetti diretti u li
jitkejlu u li jwasslu għal inqas inkonsistenzi fl-implimentazzjoni.
Il-Kummissjoni se żżid l-użu ta’ tabelli ta’ valutazzjoni u
mezzi oħrajn ta’ traċċar pubbliku tal-progress tal-Istati Membri
fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjonijiet speċifiċi. 63. Sabiex jiġu massimizzati
l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE,
il-programm għandu jiżgura li sal-2020: (a)
Iċ-ċittadini tal-UE jkollhom
aċċess għal tagħrif ċar li juri kif qed tiġi
implimentata l-liġi ambjentali tal-UE. (b)
L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni
ambjentali speċifika tkun imtejba. (c)
It-tisħiħ tal-ħarsien tal-liġi
ambjentali tal-UE fil-livelli amministrattivi kollha u jkunu ggarantiti
kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern. (d)
It-tisħiħ tal-fiduċja
taċ-ċittadini fil-liġi ambjentali tal-UE. (e)
L-iffaċilitar tal-prinċipju ta’
protezzjoni legali effettiva għaċ-ċittadini u
għall-organizzazzjonijiet tagħhom. Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
Li jiġu stabbiliti sistemi fil-livell nazzjonali
li attivament ixerrdu l-informazzjoni dwar kif qed tiġi implimentata
l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, flimkien ma' ħarsa
ġenerali fil-livell tal-UE tal-prestazzjoni tal-Istati Membri individwali. (b)
Li jitfasslu ftehimiet ta' sħubija
għall-implimentazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. (c)
Li jiġu estiżi kriterji vinkolanti
għall-ispezzjonijiet u għas-sorveljanza effettivi tal-Istati Membri
għall-ġabra usa' tal-liġi ambjentali tal-UE, u li tiġi
żviluppata kapaċità komplementari fil-livell tal-UE li tindirizza
sitwazzjonijiet fejn hemm raġuni valida għal tħassib,
appoġġjata minn appoġġ għal netwerks ta'
professjonisti. (d)
Li jiġu stabbiliti mekkaniżmi konsistenti
u effettivi fil-livell nazzjonali biex jiġu ttrattati lmenti dwar
l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE. (e)
Li jiġi żgurat li
d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċess
għall-ġustizzja jirriflettu l-ġurisprudenza tal-Qorti
tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u li tiġi promossa s-soluzzjoni ta’
tilwim mhux ġudizzjarja bħala mezz biex jinstabu soluzzjonijiet
amikevoli għal kunflitti fil-qasam ambjentali. Għan prijoritarju 5: Tittejjeb
il-bażi ta' evidenza għall-politika ambjentali 64. L-evidenza għall-politika
ambjentali tal-UE hija bbażata fuq il-monitoraġġ , id-dejta,
l-indikaturi u l-valutazzjonijiet ambjentali marbuta mal-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll mar-riċerka xjentifika
formali u ma’ inizjattivi tax-"xjenza taċ-ċittadini". Kien
hemm progress konsiderevoli fit-tisħiħ ta' din il-bażi ta'
evidenza, fis-sensibilizzazzjoni u fit-titjib tal-fiduċja ta' dawk li
jfasslu l-politika u tal-pubbliku fl-approċċ għall-politika
ibbażat fuq il-provi, biex b'hekk isir faċli għalihom biex
jifhmu l-isfidi kumplessi, ambjentali u tas-soċjetà. 65. Jttieħdu passi fil-livell
tal-UE u dak internazzjonali biex tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni
bejn ix-xjenza u l-politika għall-ambjent, bħal permezz
tal-ħatra ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin, kif diġà sar
mill-Kummissjoni u minn xi Stati Membri. 66. Madankollu, il-pass
tal-iżviluppi attwali u l-inċertezzi dwar ix-xejriet futuri probabbli
jesiġu passi ulterjuri sabiex tinżamm u tissaħħaħ din
il-bażi ta' evidenza sabiex tiżgura li l-politika fl-UE tkompli
tibbaża ruħha fuq fehim sod tal-istat tal-ambjent, l-alternattivi
possibbli ta’ reazzjoni u l-konsegwenzi tagħhom. 67. Matul l-aħħar
għexieren ta' snin, kien hemm titjib fil-mod kif tinġabar u
tintuża l-informazzjoni u l-istatistika ambjentali, fil-livell tal-UE u
fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll globalment. Madankollu, il-ġbir u
l-kwalità tad-dejta jibqgħu varjabbli u l-abbundanza ta' sorsi
jistgħu jagħmlu l-aċċess diffiċli. Huwa għalhekk
meħtieġ investiment kontinwu sabiex ikun żgurat li dejta u
indikaturi kredibbli, komparabbli u assigurati mil-lat tal-kwalità jkunu
disponibbli u aċċessibbli għal dawk involuti fid-definizzjoni u
fl-implimentazzjoni tal-politika. Sistemi ta' informazzjoni ambjentali jridu
jkunu ddisinjati biex jippermettu li tkun inkorporata faċilment
informazzjoni ġdida dwar temi emerġenti. 68. L-implimentazzjoni ulterjuri
tal-prinċipju tas-Sistema Komuni ta' Informazzjoni Ambjentali [63] ta' “ipproduċi darba,
uża ta’ spiss” u l-approċċi u l-istandards komuni dwar l-akkwist
u l-ġbir tal-informazzjoni spazjali bis-sistemi INSPIRE[64] u GMES[65] se jgħinu biex tiġi
evitata r-ripetizzjoni tal-isforzi u jiġu eliminati piżijiet
amministrattivi żejda fuq l-awtoritajiet pubbliċi, kif se
jagħmlu wkoll l-isforzi biex jiġu razzjonalizzati l-obbligi ta'
rapportar skont il-leġiżlazzjonijiet differenti. L-informazzjoni
miġbura biex jiġu vvalutati l-impatti ambjentali ta' pjanijiet,
programmi u proġetti strateġiċi (eż. permezz ta’
Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali jew Valutazzjonijiet
Strateġiċi tal-Impatt) għandha tkun iktar aċċessibbli
għall-pubbliku min-naħa tal-Istati Membri. 69. Għad hemm diskrepanzi
sinifikanti fl-għarfien, uħud minnhom rilevanti
għall-għanijiet prijoritarji ta' dan il-programm. L-investiment
f’aktar riċerka biex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi huwa
għalhekk essenzjali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi
u n-negozji jkollhom bażi soda li fuqha jittieħdu
d-deċiżjonijiet li jirriflettu bis-sħiħ
l-benefiċċji u l-prezz soċjali, ekonomiku u ambjentali. Huma
erba' d-diskrepanzi li jispikkaw: –
Riċerka avvanzata biex jiġu indirizzati
d-diskrepanzi fid-dejta u l-għarfien u għodod ta' mmudellar adegwati
huma meħtieġa biex jiġu mifhuma aktar kwistjonijiet kumplessi
marbuta mat-tibdil ambjentali, bħat-tibdil fil-klima u l-impatti
tad-diżastri, l-implikazzjonijiet tat-telf tal-ispeċijiet
għas-servizzi tal-ekosistemi, il-limiti ambjentali u punti
ekoloġiċi kritiċi. Filwaqt li l-evidenza disponibbli
tiġġustifika bis-sħiħ azzjoni ta' prekawzjoni f'dawn
l-oqsma, aktar riċerka dwar il-limiti tal-pjaneta, riskji sistemiċi u
l-ħila tas-soċjetà tagħna li taffrontahom se tappoġġja
l-iżvilupp tal-aktar reazzjonijiet xierqa. Dan ikun jinkludi investiment
fl-indirizzar ta' diskrepanzi fid-dejta u l-għarfien, fl-immappjar u
l-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, fil-fehim tar-rwol
tal-bijodiversità meta jkunu msejsa fuqhom u kif dawn jadattaw għat-tibdil
fil-klima. –
It-tranżizzjoni għal ekonomija
ekoloġika inklussiva tesiġi kunsiderazzjoni xierqa tal-interazzjoni
bejn fatturi soċjoekonomiċi u ambjentali. Titjib fil-fehim
tagħna tax-xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, ta' kif l-ispejjeż
ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jitqiesu b'mod aktar
preċiż, ta' kif il-bidliet fl-imġiba tal-individwu u
tas-soċjetà jikkontribwixxu għal eżiti ambjentali partikolari u
ta' kif l-ambjent tal-Ewropa huwa affettwat minn megatendenzi globali - dan
kollu jista' jgħin biex ikun hemm immirar aħjar tal-inizjattivi ta'
politika favur titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi u biex jittaffu
l-pressjonijiet fuq l-ambjent. –
Għad hemm inċertezzi dwar
l-implikazzjonijiet għas-saħħa tal-bniedem u dawk ambjentali ta'
sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, ta’ taħlitiet u sustanzi
kimiċi fi prodotti u ta’ nanomaterjali. L-indirizzar ta' dawn
id-diskrepanzi jista' jħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet u
jippermetti żvilupp aktar tal-acquis dwar is-sustanzi kimiċi
sabiex ikunu mmirati aħjar l-oqsma ta’ tħassib, filwaqt li jkun
stimolat l-użu aktar sostenibbli ta' sustanzi kimiċi. Permezz ta'
fehim imtejjeb tal-fatturi ambjentali li jaffettwaw is-saħħa
tal-bniedem ikun possibbli li jittieħdu azzjonijiet ta' politika
preventiva. –
L-iżgurar li s-setturi kollha jikkontribwixxu
għall-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima
jesiġi ħarsa ġenerali ċara tal-kejl,
tal-monitoraġġ u tal-ġbir tad-dejta tal-GHG, li bħalissa
mhijiex kompluta għal setturi ewlenin, bħall-agrikoltura. L-Orizzont 2020 se jipprovdi l-opportunità li
jkunu ffukati l-isforzi ta' riċerka u li jkun implimentat il-potenzjal
tal-innovazzjoni tal-Ewropa billi jinġabru flimkien ir-riżorsi u
l-għarfien bejn l-oqsma u d-dixxiplini differenti fi ħdan l-UE kif
ukoll internazzjonalment. 70. Kwistjonijiet ġodda u
emerġenti li jirriżultaw minn żviluppi teknoloġiċi
aktar mgħaġġla minn dawk tal-politika, bħan-nanomaterjali,
sorsi mhux konvenzjonali tal-enerġija, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju
u l-mewġ elettromanjetiku, joħolqu sfidi għall-ġestjoni
tar-riskju u jistgħu jagħtu lok għal interessi,
ħtiġijiet u aspettattivi kunfliġġenti. Dan imbagħad
jista' jwassal għal tħassib pubbliku akbar u ostilità lejn
teknoloġiji ġodda. Għalhekk teżisti l-ħtieġa li jiġi
żgurat dibattitu tas-soċjetà, espliċitu u usa' dwar ir-riskji
ambjentali u l-kompromessi possibbli li aħna lesti li naċċettaw
fid-dawl ta' informazzjoni li ġieli ma tkunx kompluta jew tkun
inċerta, dwar riskji emerġenti u kif dawn għandhom jiġu
indirizzati. Approċċ sistematiku għall-ġestjoni tar-riskju
ambjentali se jtejjeb il-ħila tal-UE li tiddentifika u taġixxi fuq
l-iżviluppi teknoloġiċi f'waqthom, filwaqt li sserraħ ras
il-pubbliku. 71. Sabiex titjieb il-bażi
ta' evidenza għall-politika ambjentali, il-programm għandu
jiżgura li sal-2020: (a)
Dawk li jfasslu l-politika u n-negozji jkollhom
bażi aħjar biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki
ambjentali u dwar il-klima, inkluż il-kejl tal-ispejjeż u
l-benefiċċji. (b)
Il-fehim tagħna dwar riskji emerġenti għall-ambjent
u għall-klima u l-kapaċità tagħna li nivvalutawhom u
nimmaniġjawhom jitjiebu ferm. (c)
Ir-relazzjoni bejn il-politika ambjentali u
x-xjenza tkun imsaħħa. Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
Koordinazzjoni u ffukar tal-isforzi ta'
riċerka fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri fl-indirizzar ta'
diskrepanzi ewlenin fl-għarfien ambjentali, inklużi r-riskji ta'
punti irriversibbli mil-lat ambjentali. (b)
Adozzjoni ta' approċċ sistematiku
għall-ġestjoni tar-riskju. (c)
Simplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni u mmodernizzar
tal-ġbir, tal-ġestjoni u tal-kondiviżjoni tad-dejta u
l-informazzjoni ambjentali u dwar it-tibdil fil-klima. Għan prijoritarju 6: Jiġi
assigurat l-investiment għall-politiki ambjentali u dwar l-klima u jkollna
l-prezzijiet korretti 72. L-isforzi meħtieġa
biex jinkisbu l-għanijiet stipulati hawn fuq se jeħtieġu
investiment adegwat minn sorsi pubbliċi u privati. Fl-istess ħin,
filwaqt li ħafna pajjiżi qed ibatu biex ilaħħqu
mal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-ħtieġa ta' riformi
ekonomiċi u ta' tnaqqis tad-dejn pubbliku joffru opportunitajiet
ġodda li jimxu malajr lejn ekonomija aktar effiċjenti
fir-riżorsi, b'livelli baxxi tal-karbonju. 73. Li jiġi attirat
l-investiment f’ċerti oqsma attwalment huwa diffiċli minħabba
n-nuqqas ta’ sinjali tal-prezzijiet mis-suq, jew minħabba distorsjonijiet
fis-sinjali tal-prezzijiet li jirriżultaw minn nuqqas ta' kunsiderazzjoni
xierqa tal-ispejjeż ambjentali jew minn sussidji pubbliċi għal
attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent. 74. L-Unjoni u l-Istati Membri se
jkollhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet adatti biex jiżguraw li
esternalitajiet ambjentali jkunu indirizzati b’mod xieraq u li s-sinjali
tas-suq adatti jintbagħtu lis-settur privat, b'kunsiderazzjoni xierqa ta'
kwalunkwe impatt soċjali negattiv. Dan ikun jinvolvi l-applikazzjoni
tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas b’mod aktar
sistematiku, permezz tal-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu
ħsara lill-ambjent u billi t-tassazzjoni tiġi ttrasferita minn fuq
ix-xogħol u għal fuq it-tniġġis. Minħabba li
r-riżorsi naturali qed isiru dejjem aktar skarsi, ir-renta u l-profitti
ekonomiċi assoċjati mas-sjieda tagħhom jew mal-użu
esklussiv jistgħu jiżdiedu. L-intervent pubbliku biex jiżgura li
tali renti ma jkunux eċċessivi u li jitiqesu l-esternalitajiet se jwassal
għal użu aktar effiċjenti ta' dawn ir-riżorsi u se
jgħin biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq, u jiġi
ġġenerat ukoll dħul pubbliku. Il-prijoritajiet ambjentali u
tal-klima se jkunu indirizzati fil-qafas tas-Semestru Ewropew fejn dawn huma rilevanti
għall-prospetti ta' tkabbir sostenibbli ta’ Stati Membri individwali li
għalihom huma indirizzati r-rakkomandazzjonijiet skont il-pajjiż.
Strumenti oħra bbażati fuq is-suq, bħal ħlasijiet għal
servizzi tal-ekosistemi, għandhom jintużaw b'mod aktar estensiv
fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex jinċentivaw l-involviment
tas-settur privat u l-ġestjoni sostenibbli tal-kapital naturali. 75. Is-settur privat għandu
jitħeġġeġ ukoll biex jaħtaf l-opportunitajiet offruti
fil-qafas finanzjarju l-ġdid tal-UE sabiex iżidu l-involviment
tagħhom fl-isforzi għall-ksib tal-għanijiet ambjentali u
tal-klima, speċjalment fir-rigward ta' attivitajiet ta' ekoinnovazzjoni u
tal-adozzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda, b'iffukar partikolari fuq
l-SMEs. L-inizjattivi pubbliċi-privati għall-ekoinnovazzjoni
għandhom jiġu promossi bis-Sħubijiet Ewropej
għall-Innovazzjoni, bħas-Sħubija għall-innovazzjoni dwar
l-Ilma[66].
Permezz tal-qafas ġdid għall-Istrumenti Finanzjarji Innovattivi,
l-aċċess mis-settur privat għal finanzjament ta' investimenti fl-ambjent
– partikolarment il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima – għandu jkun
iffaċilitat. L-intrapriżi Ewropej għandhom jiġu
mħeġġa aktar biex jippubblikaw informazzjoni ambjentali
bħala parti mir-rapportar finanzjarju tagħhom, lil hinn mil-livell
meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.[67] 76. Fil-proposti tagħha
għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 tal-UE, il-Kummissjoni
tjiebet l-integrazzjoni tal-għanijiet ambjentali u tal-klima fl-istrumenti
ta’ finanzjament kollha tal-UE biex jiġu pprovduti opportunitajiet
lill-Istati Membri biex jiksbu l-għanijiet relatati. Ipproponiet ukoll li
tiżdied in-nefqa relatata mal-klima għal mill-anqas 20 %
tal-baġit kollu. F'oqsma ewlenin tal-politika bħall-agrikoltura,
il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-inċentivi
għall-bdiewa biex jipprovdu prodotti u servizzi pubbliċi tajbin
għall-ambjent, flimkien ma' kundizzjonalitajiet relatati mal-ambjent. Jekk
jiġu aċċettati dawn il-proposti, il-politiki tal-UE jkunu
koperti b'riżorsi finanzjarji koerenti għall-implimentazzjoni, u se
jkunu disponibbli fondi addizzjonali għall-ambjent u t-tibdil fil-klima,
biex b'hekk dawn wasslu b'mod effettiv għal benefiċċji konkreti
u koerenti fil-livelli lokali u reġjonali. 77. Minbarra din l-integrazzjoni,
l-inklużjoni ta’ “proġetti integrati” fil-Programm LIFE se
tippermetti biex il-fondi li jiġu kkombinati u allinjati aħjar
mal-prijoritajiet tal-‘ politika b'mod aktar strateġiku u kosteffettiv
bħala appoġġ għall-miżuri ambjentali u għal dawk
relatati mal-klima. 78. Il-kapital miżjud
ipprovdut lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala parti mill-Patt
għat-Tkabbir u l-Impjiegi tal-2012 jipprovdi sors addizzjonali ta'
investiment[68]. 79. L-esperjenza miksuba
fil-perjodu ta' pprogrammar tal-2007-2013 turi li għalkemm hemm fondi
sinifikanti disponibbli għall-ambjent, l-utilizzazzjoni fil-livelli
nazzjonali u reġjonali fl-ewwel snin kienet żbilanċjata
ħafna, bir-riskju potenzjali li tipperikola l-kisba tal-għanijiet u
tal-miri miftiehma. Biex tiġi evitata ripetizzjoni ta' din l-esperjenza,
l-Istati Membri għandhom jintegraw l-għanijiet ambjentali u tal-klima
fl-istrateġiji ta' finanzjament tagħhom u fil-programmi
għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,
għall-iżvilupp rurali u għall-politika marittima, għandhom jagħtu
prijorità lill-utilizzazzjoni bikrija tal-finanzjament għall-ambjent u
t-tibdil fil-klima u għandhom isaħħu l-kapaċità tal-korpi
ta' implimentazzjoni li jwasslu investimenti kosteffettivi u sostenibbli sabiex
jiżguraw l-appoġġ finanzjarju adegwat u meħtieġ
għal investimenti f’dawn l-oqsma. 80. Barra minn hekk, kien
diffiċli li tiġi ttraċċata n-nefqa relatata
mal-bijodiversità u l-klima. Biex jiġi vvalutat il-progress lejn dawn
l-għanijiet, sistema ta' traċċar u ta’ rapportar għandha
tkun stabbilita abbażi ta' metodoloġija stabbilita mill-OECD
("L-Indikaturi ta’ Rio"). Dan huwa importanti għall-isforz
ġenerali tal-UE relatat mal-ftehimiet multilaterali dwar it-tibdil
fil-klima u l-bijodiversità. F’dan il-kuntest, l-UE se tikkontribwixxi
għall-proċess intergovernattiv li ġie mniedi f'Rio+20 li
jivvaluta l-ħtiġijiet ta’ finanzjament u jipproponi alternattivi
għal strateġija effettiva ta' finanzjament tal-iżvilupp
sostenibbli. 81. Għandha tkompli
l-ħidma biex jiġu żviluppati indikaturi li jimmonitorjaw il-progress
ekonomiku li jikkomplementaw u jmorru lil hinn mill-PDG. Li jinkiseb
investiment trasparenti u sostenibbli jiddependi fuq valutazzjoni xierqa ta'
prodotti ambjentali. Sforzi ulterjuri biex jitkejjel il-valur tal-ekosistemi
tagħna u l-prezz tal-qerda tagħhom, flimkien ma' inċentivi
korrispondenti, se jkunu meħtieġa biex jgħarrfu
d-deċiżjonijiet ta' politika u investiment. Il-ħidma biex
tiġi żviluppata sistema ta' kontijiet ambjentali, inklużi kontijiet
fiżiċi u monetarji għall-kapital naturali u għas-servizzi
tal-ekosistemi, se jeħtieġu li jiġu intensifikati. Dan
jappoġġa l-eżitu ta' Rio+20, li jirrikonoxxi l-ħtieġa
ta' miżuri usa' ta' progress biex jitkejlu l-benesseri u s-sostenibbiltà
biex jikkomplementaw il-prodott domestiku gross. 82. Sabiex jinkiseb investiment
għall-politiki ambjentali u dwar il-klima u biex nistabbilixxu
l-prezzijiet korretti, il-programm għandu jiżgura li sal-2020: (a)
L-għanijiet tal-politiki ambjentali u dwar
il-klima jinkisbu b’mod kosteffettiv u jkunu appoġġati minn finanzjament
adegwat. (b)
Jiżdied il-finanzjament tas-settur privat
għal nefqa relatata mal-ambjent u l-klima. Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
L-eliminazzjoni progressiva ta' sussidji li
jagħmlu ħsara lill-ambjent, jiżdied l-użu ta' strumenti
bbażati fuq is-suq, inkluża t-tassazzjoni, l-ipprezzar u tariffi, u
l-espansjoni tas-swieq għal prodotti u servizzi ambjentali,
b'konsiderazzjoni xierqa ta' kwalunkwe impatt soċjali negattiv. (b)
L-iffaċilitar tal-aċċess għal
strumenti finanzjarji innovattivi u l-finanzjament għall-ekoinnovazzjoni. (c)
Riflessjoni xierqa tal-prijoritajiet ambjentali u
għall-klima f'politiki li jappoġġaw il-koeżjoni ekonomika,
soċjali u territorjali. (d)
Sforzi ddedikati biex jiżguraw l-użu
sħiħ u effiċjenti tal-finanzjament disponibbli tal-Unjoni
għall-azzjoni ambjentali, inkluż billi jitjieb sostanzjalment l-utilizzazzjoni
bikrija tiegħu fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni
għall-2014-2020 u jiġi allokat 20 % tal-baġit
għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament permezz
tal-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika u jkun marbut ma' parametri ta'
referenza, iffissar tal-miri, monitoraġġ u rapportar ċari. (e)
L-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' sistema ta'
rapportar u traċċar tan-nefqa relatata mal-ambjent fil-baġit
tal-UE, partikolarment dik fuq it-tibdil fil-klima u l-biodiversità, sal-2014. (f)
L-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet relatati
mal-ambjent u l-klima fil-proċess tas-Semestru Ewropew, fejn din hija
rilevanti għall-prospetti tal-Istati Membri għat-tkabbir sostenibbli
u xierqa għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont
il-pajjiż. (g)
L-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' indikaturi
alternattivi li jikkomplementaw u jmorru lil hinn mill-PDG biex jimmonitorjaw
kemm ikun sostenibbli l-progress tagħna u tissokta l-ħidma biex
jiġu integrati indikaturi ekonomiċi ma' indikaturi ambjentali u
soċjali, inkluża l-kontabbiltà tal-kapital naturali. Għan prijoritarju 7: Titjieb
l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza politika 83. Għalkemm l-integrazzjoni
tat-tħassib dwar il-protezzjoni ambjentali f'politiki u attivitajiet
oħrajn tal-UE ilha rewiżit tat-Trattat sa mill-1997, l-istat
ġenerali tal-ambjent tal-Ewropa jindika li l-progress sal-lum, filwaqt li,
f'xi oqsma, huwa ta' min ifaħħru, dan ma kienx biżżejjed
biex jitreġġgħu lura x-xejriet negattivi kollha. Il-kisba ta'
bosta għanijiet prijoritarji ta' dan il-programm se tesiġi
integrazzjoni saħansitra aktar effettiva tal-konsiderazzjonijiet
ambjentali u dawk dwar il-klima f'politiki oħra, kif ukoll
approċċi aktar koerenti, konġunti li jwasslu għal
benefiċċji multipli. Dan għandu jgħin biex jiġi
żgurat li kompromessi diffiċli jkunu mmaniġġjati fi stadju
bikri, minflok fil-fażi tal-implimentazzjoni, u li l-impatti inevitabbli
jkunu jistgħu jiġu mnaqssa b'mod aktar effettiv. Id-Direttiva dwar
il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika[69]
u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali[70], meta jiġu applikati kif
suppost, huma għodod effettivi biex jiġi żgurat li
r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali huma integrati fi pjanijiet u
programmi kif ukoll fi proġetti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali,
li huma ġeneralment responsabbli għal deċiżjonijiet dwar
l-użu tal-art u taż-żoni tal-baħar, għandhom rwol
partikolarment importanti fil-valutazzjoni tal-impatti ambjentali u l-protezzjoni,
il-perservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali, sabiex tinkiseb
reżistenza akbar għall-impatti tat-tibdil fil-klima u
għad-diżastri naturali. 84. L-espansjoni prevista
tan-netwerks tat-trasport u tal-enerġija, inkluż l-infrastruttura lil
hinn mill-kosta, se teħtieġ li tkun kompatibbli mal-protezzjoni
tan-natura u l-ħtiġijiet u l-obbligi ta’ adattament għall-klima.
L-inkorporazzjoni ta' infrastruttura ekoloġika fi pjanijiet u programmi
relatati jistgħu jgħinu biex tingħeleb il-frammentazzjoni
tal-ħabitats u tiġi ppreservata jew restawrata il-konnettività
ekoloġika, tissaħħaħ ir-reżistenza tal-ekosistemi u
b’hekk jiġi żgurat forniment kontinwu tas-servizzi tal-ekosistemi,
inkluż is-sekwestru tal-karbonju u l-adattament għall-klima, filwaqt
li tipprovdi ambjenti aħjar u spazji ta’ rikreazzjoni għan-nies. 85. Dan il-programm jinkludi
għadd ta' għanijiet prijoritarji mfassla biex itejbu l-integrazzjoni.
Fil-proposti tagħha għall-PAK, il-PKS, in-Netwerks Trans-Ewropej
(TENs) u r-riformi tal-politika ta' Koeżjoni, il-Kummissjoni inkludiet
miżuri li jappoġġaw aktar l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà
ambjentali. Sabiex jirnexxi dan il-programm, dawn il-politiki għandhom
jikkontribwixxu aktar għall-ksib tal-miri u l-għanijiet relatati
mal-ambjent. Bl-istess mod, l-isforzi primarjament maħsuba biex jinkiseb it-titjib
ambjentali għandhom ikunu mfassla sabiex iwasslu għal
kobenefiċċji għal politiki oħra kull meta jkun possibbli.
Pereżempju, l-isforzi biex jiġu restawrati l-ekosistemi jistgħu
jkunu mmirati biex jiffavorixxu l-ħabitats u l-ispeċijiet u biex
jiġi sekwestrat id-dijossidu tal-karbonju, filwaqt li jittejjeb
il-forniment ta' servizzi tal-ekosistemi vitali għal ħafna setturi
ekonomiċi, bħall-pollinazzjoni jew il-purifikazzjoni tal-ilma
għall-agrikoltura, u jinħolqu impjiegi ekoloġiċi. 86. Sabiex titjieb l-integrazzjoni
ambjentali u l-koerenza tal-politika, il-programm għandu jiżgura li
sal-2020: (a)
Politiki settorjali fil-livell tal-UE u
tal-Istat Membru jkunu żviluppati u implimentati b'mod li
jappoġġa l-miri u l-għanijiet rilevanti relatati mal-ambjent u l-klima. Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
l-integrazzjoni ta' kundizzjonalitajiet u
inċentivi ambjentali u dawk relatati mal-klima f'inizjattivi ta' politika,
inklużi analiżi u riformi tal-politika eżistenti, kif ukoll
inizjattivi ġodda, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; (b)
it-twettiq ta’ valutazzjonijiet ex-ante
sistematiċi tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta'
inizjattivi ta' politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġu
żgurati il-koerenza u l-effettività tagħhom. NILĦQU L-ISFIDI LOKALI, REĠJONALI U GLOBALI Għan prijoritarju 8:
Tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-UE 87. L-UE għandha densità
għolja tal-popolazzjoni u sal-2020, 80 % tal-popolazzjoni tal-UE
x’aktarx se tgħix f'żoni urbani u periurbani. Il-kwalità
tal-ħajja se tkun influwenzata direttament mill-istat tal-ambjent urban.
L-impatti ambjentali tal-ibliet jinfirxu wkoll lil hinn ferm mil-limiti
fiżiċi tagħhom, billi dawn jiddependu ħafna fuq
reġjuni periurbani u rurali biex jissodisfaw id-domanda għall-ikel,
l-enerġija, l-ispazju u r-riżorsi, u biex jakkomodaw l-iskart. 88. Il-biċċa l-kbira
tal-ilbliet jaffrontaw sett prinċipali komuni ta' problemi ambjentali,
inkluża l-kwalità ħażina tal-arja, il-livelli għolja ta'
storbju, l-emissjonijiet tal-GHG, l-iskarsezza tal-ilma, l-għargħar u
l-maltempati, siti kontaminati, żoni industrijali abbandunati u l-iskart.
Fl-istess ħin, l-ibliet tal-UE huma dawk li jistabbilixxu l-istandards
fis-sostenibbiltà urbana għall-oħrajn u ta' spiss jintroduċu soluzzjonijiet
innovattivi għall-isfidi ambjentali[71].
Għadd dejjem jiżdied ta’ bliet Ewropej qed ipoġġu
s-sostenibbiltà ambjentali fil-qalba ta' strateġiji ta' żvilupp urban
tagħhom. 89. Iċ-ċittadini tal-UE,
kemm jekk huma urbani u kif ukoll dawk rurali, jibbenefikaw minn firxa
wiesgħa ta' politiki u inizjattivi tal-UE li jappoġġaw
l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni urbani. Madankollu, dan jesiġi
koordinazzjoni effettiva u effiċjenti bejn il-livelli differenti
tal-amministrazzjoni u bejn il-konfini amministrattivi kif ukoll l-involviment
sistematiku tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar,
fil-formulazzjoni u fl-iżvilupp ta' politiki li għandhom impatt fuq
il-kwalità tal-ambjent urban. Il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni
msaħħa fil-livelli nazzjonali u reġjonali proposti fil-Qafas
Strateġiku Komuni għall-perjodu li jmiss ta’ finanzjament u
l-ħolqien ta’ “Pjattaforma għall-Iżvilupp Urban”[72] jistgħu jgħinu
sabiex dan jiġi żgurat, kif ukoll l-involviment ta' aktar gruppi ta'
partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali fid-deċiżjonijiet li
jaffettwawhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali se jibbenefikaw ukoll
minn żvilupp ulterjuri ta’ għodda biex jirrazzjonalizzaw il-ġbir
u l-ġestjoni tad-dejta ambjentali, u biex jiffaċilitaw l-iskambju ta'
informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll sforzi sabiex titjieb
l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali
u lokali[73].
Dan huwa skont l-impenn meħud waqt is-Summit Rio+20 li jiġi promoss
approċċ integrat għall-ippjanar, il-bini u l-ġestjoni ta'
bliet u żoni urbani sostenibbli. Approċċi integrati
għall-ippjanar tal-ispazju urban, li fihom jitiqiesu bis-sħiħ
il-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tul flimkien mal-isfidi ekonomiċi u
soċjali, huma essenzjali biex jiġi żgurat li komunitajiet urbani
jkunu sostenibbli, effiċjenti u tajbin għas-saħħa għal
min jgħix u jaħdem fihom. 90. L-UE għandha tkompli
tippromwovi u, fejn xieraq, tespandi l-inizjattivi eżistenti li
jappoġġaw l-innovazzjoni u l-aħjar prattika fl-ibliet,
fin-netwerking u l-iskambji bejniethom u biex l-ibliet jitħeġġu
biex juru l-livell avvanzat tagħhom fl-iżvilupp urban sostenibbli[74]. L-istituzzjonijiet tal-UE u
l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu
l-utilizzazzjoni tal-finanzjament tal-UE disponibbli bil-politika ta'
Koeżjoni u fondi oħra biex jiġu appoġġati l-ibliet
fl-isforzi tagħhom li jsaħħu l-iżvilupp urban sostenibbli,
joħolqu sensibilizzazzjoni u jħeġġu l-atturi lokali biex
ikunu involuti[75].
L-iżvilupp ta', u l-ftehim dwar, sett ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà
għall-ibliet jipprovdi bażi ta’ referenza komuni għal
inizjattivi bħal dawn u jippromwovi approċċ koerenti, integrat
għall-iżvilupp urban sostenibbli. 91. Sabiex
tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-UE, il-programm
għandu jiżgura li sal-2020: (a)
Maġġoranza ta' bliet fl-UE jkunu qed
jimplimentaw politiki għall-ippjanar u d-disinn urban sostenibbli . Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
Definizzjoni ta' u ftehim dwar sett ta’ kriterji
biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ambjentali tal-ibliet, billi jitqiesu
l-impatti ekonomiċi u soċjali. (b)
L-iżgurar li l-ibliet ikollhom informazzjoni
dwar il-finanzjament u l-aċċess għalih għal miżuri li
jtejbu s-sostenibbiltà urbana. Għan prijoritarju 9:
Tiżdied l-effettività tal-UE fl-indirizzar ta' sfidi ambjentali u
tal-klima fil-livelli reġjonali u globali 92. Is-sostenibbiltà ambjentali
hija vitali biex jonqos il-faqar u tiġi żgurata il-kwalità
tal-ħajja u t-tkabbir ekonomiku[76].
F’Rio+20, il-mexxejja dinjija ġeddew l-impenn tagħhom favur
l-iżvilupp sostenibbli u rrikonoxxew l-ekonomija ekoloġika inklussiva
bħala għodda importanti biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli, u
r-rwol kruċjali ta' ambjent b'saħħtu sabiex tiġi
żgurata s-sigurtà tal-ikel u t-tnaqqis tal-faqar. Fid-dawl ta'
popolazzjoni dejjem tikber f'dinja dejjem aktar urbanizzata, dawn l-isfidi se
jinkludu l-ħtieġa ta' azzjoni dwar l-ilma, l-oċeani, l-art u
l-ekosistemi sostenibbli, l-effiċjenza fir-riżorsi (b’mod partikolari
l-iskart), l-enerġija sostenibbli u t-tibdil fil-klima, ukoll permezz
tal-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili. Dawn se
jeħtieġu li jiġu indirizzati permezz ta' approċċi
mfassla apposta fil-livell lokali, nazzjonali jew tal-Unjoni, kif ukoll
involviment impenjat fl-isforzi internazzjonali sabiex jiġu
żviluppati s-soluzzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat
żvilupp sostenibbli fil-livell globali. 93. L-eżiti ta' Rio+20
jeħtieġ li jiġu riflessi fi prijoritajiet interni u esterni
tal-politika tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. L-Unjoni għandha
tappoġġa wkoll il-ħolqien ta’ Forum Politiku ta' Livell
Għoli biex gradwalment jissostitwixxi l-Kummissjoni
għall-Iżvilupp Sostenibbli u jimmonitorja l-implimentazzjoni
tal-eżiti ta' Rio+20. 94. Ħafna mill-għanijiet
prioritarji stabbiliti f'dan il-programm jistgħu jinkisbu
bis-sħiħ biss bħala parti minn approċċ globali u
b'kooperazzjoni ma' pajjiżi sħab. Huwa għalhekk li l-Unjoni u
l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu involuti fil-proċessi
internazzjonali, reġjonali u bilaterali b'mod qawwi, iffukat, magħqud
u koerenti. Dawn għandhom ikomplu jippromwovu qafas effettiv ibbażat
fuq ir-regoli għal politika ambjentali globali, ikkomplementat
b'approċċ iktar effettiv, strateġiku li fih id-djalogi u
l-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali jkunu mfassla apposta
għas-sħab strateġiċi tal-Unjoni[77], il-pajjiżi kandidati u
tal-viċinat, u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, rispettivament,
b'appoġġ minn finanzjament adegwat. 95. Iż-żmien kopert minn
dan il-programm jikkorrispondi għall-fażijiet ewlenin fil-politika
internazzjonali dwar il-klima, il-bijodiversità u s-sustanzi kimiċi. Biex
nibqgħu fil-limitu ta’ 2°C, l-emissjonijiet globali tal-GHG iridu jonqsu
tal-anqas b'50 % tal-livelli tal-1990 sal-2050. Madankollu, ittieħed
impenn biss għal nofs it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet sal-2020
mill-Partijiet skont il-UNFCCC[78].
Mingħajr azzjoni globali aktar riżoluta, it-tibdil fil-klima x'aktarx
mhux se jiġi limitat. Saħansitra fl-aħjar xenarju,
il-pajjiżi se jaffrontaw dejjem aktar impatti inevitabbli tat-tibdil
fil-klima minħabba l-emissjonijiet storiċi tal-GHG u se jeħtieġu
l-iżvilupp ta' strateġiji ta' adattament għall-klima. Skont
il-Pjattaforma ta’ Durban għal Azzjoni Msaħħa, ftehim komprensiv
u b’saħħtu applikabbli għal kulħadd għandu jiġi
miftihem sal-2015 u implimentat mis-sena 2020. L-UE se tibqa' involuta b’mod
proattiv f'dan il-proċess, inkluż f’diskussjonijiet dwar kif
titnaqqas id-diskrepanza bejn l-impenji attwali għat-tnaqqis
tal-emissjonijiet mill-pajjiżi żviluppati u dawk li qed
jiżviluppaw, u dwar l-azzjoni meħtieġa biex nibqgħu fuq
perkors għall-emissjonijiet li jkun kompatibbli mal-għan ta' 2oC.
Is-segwitu għal Rio+20 għandu jgħin ukoll biex jonqsu
l-emissjonijiet ta' GHG, biex b'hekk tkun appoġġata l-ġlieda
kontra t-tibdil fil-klima. . B'mod parallel, l-UE għandha ssegwi u
tintensifika aktar is-sħubijiet dwar it-tibdil fil-klima ma' sħab
strateġiċi u għandha tieħu azzjoni ulterjuri biex tintegra
l-konsiderazzjonijiet ambjentali u dawk dwar il-klima fil-politika ta'
żvilupp tagħha. 96. Il-miri
għall-bijodiversità globali[79]
skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) għandhom
jintlaħqu sal-2020 abbażi tal-waqfien u eventwalment
l-inverżjoni tat-telf tal-bijodiversità madwar id-dinja. L-UE se
tikkontribwixxi s-sehem ġust tagħha għal dawn l-isforzi,
inkluż billi tintlaħaq il-mira li jirdoppja l-finanzjament relatat
mal-bijodiversità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sal-2015 u
żżomm dan il-livell sal-2020[80].
Diġà hemm mira globali għall-2020 għall-ġestjoni ta’ riskji
maħluqa minn sustanzi kimiċi. L-UE se tkompli jkollha rwol attiv u
kostruttiv biex tgħin dawn il-proċessi jiksbu l-għanijiet
tagħhom. 97. L-UE diġà għandha
prestazzjoni tajba fir-rigward ta' sħubija fi ftehimiet ambjentali
multilaterali (Multilateral Environmental Agreements - MEAs), għalkemm
għadd ta' Stati Membri għadhom ma rratifikawx ftehimiet ewlenin. Dan
jipperikola l-kredibbiltà tal-UE f’negozjati relatati. L-Istati Membri u l-UE
għandhom jiżguraw ratifika f'waqtha tal-MEAs kollha li huma
firmatarji għalihom . 98. L-UE għandha tisfrutta
wkoll il-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mill-ikbar swieq
tad-dinja biex tippromwovi politiki u approċċi li jnaqqsu l-pressjoni
fuq il-bażi ta' riżorsi naturali globali. Dan jista' jsir billi
jinbidlu x-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni, kif ukoll billi jiġi
żgurat li l-politiki dwar il-kummerċ u s-suq intern
jappoġġaw il-kisba tal-għanijiet ambjentali u dawk
għall-klima u jipprovdu inċentivi lil pajjiżi oħra biex
itejbu u jinfurzaw l-oqfsa regolatorji u l-istandards ambjentali tagħhom.
L-UE se tkompli tippromwovi żvilupp sostenibbli permezz tan-negozjar u
l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-ftehimiet
kummerċjali internazzjonali tagħha u għandha tikkunsidra
alternattivi oħra ta’ politika biex jitnaqqsu l-impatti tal-konsum tal-UE
fuq l-ambjent f'pajjiżi li mhumiex fl-UE. Eżempju ta' alternattiva
ta' politika bħas-sħubijiet bilaterali dwar l-infurzar
tar-Regolamenti tal-Forestrija, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT -
bilateral Forest Law Enforcement, Governance and Trade), li jistabbilixxu qafas
biex jiżgura li l-injam li dieħel fis-suq tal-UE minn pajjiżi sħab
ikun dak biss li huwa maqtugħ legalment. 99. L-UE għandha tkompli
tippromwovi prattiki kummerċjali ambjentalment responsabbli. Obbligi
ġodda skont l-Inizjattiva tan-Negozju Responsabbli tal-UE[81] għal kumpaniji elenkati
fil-Borża u għal kumpaniji kbar mhux elenkati fil-Borża li huma
estrattivi fil-qasam ta' qtugħ tas-siġar minn foresti primarji biex
jirrapportaw pagamenti mingħandhom lill-gvernijiet se jwassal għal
trasparenza u responsabbiltà akbar fil-mod kif inhuma sfruttati r-riżorsi
naturali. Bħala fornitur ewlieni ta’ prodotti u servizzi ambjentali, l-UE
għandha tippromwovi standards ekoloġiċi globali, kummerċ
ħieles fil-prodotti u s-servizzi ambjentali, l-adozzjoni ta' aktar
teknoloġiji favur l-ambjent u l-klima, il-protezzjoni tal-investiment u
d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-iskambju internazzjonali
tal-aħjar prattika. 100. Sabiex tiżdied
l-effettività tal-UE fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali u tal-klima
reġjonali u globali, il-programm għandu jiżgura li sal-2020: (a)
L-eżiti ta' Rio+20 ikunu integrati
bis-sħiħ fil-politiki esterni tal-UE u l-UE tikkontribwixxi b’mod
effettiv għall-isforzi globali biex jiġu implimentati l-impenji
miftiehma, inklużi dawk skont il-konvenzjonijiet ta' Rio. (b)
L-UE tipprovdi appoġġ effettiv
għall-isforzi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jiġu
indirizzati l-isfidi ambjentali u tal-klima u biex jiġi żgurat
żvilupp sostenibbli. (c)
L-impatt tal-konsum fl-UE fuq l-ambjent lil hinn
mill-fruntieri tagħha jitnaqqas. Dan jesiġi, b'mod partikolari: (a)
Ħidma favur l-adozzjoni tal-Miri ta' Żvilupp
Sostenibbli li: a) jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità ta' ekonomija
ekoloġika inklussiva u għanijiet usa' ta' żvilupp sostenibbli,
bħall-enerġija, l-ilma, is-sigurtà tal-ikel, l-oċeani u l-konsum
u l-produzzjoni sostenibbli, kif ukoll kwistjonijiet trasversali
bħall-ekwità, l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol diċenti,
l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; b) huma universalment applikabbli,
billi jkopru t-tliet oqsma ta' żvilupp sostenibbli; c) huma vvalutati u
akkumpanjati minn miri u indikaturi, u d) huma koerenti u integrati mal-qafas
ta' żvilupp għal wara l-2015, u jappoġġaw azzjonijiet dwar
il-klima. (b)
Ħidma favur struttura aktar effettiva tan-NU
għall-iżvilupp sostenibbli permezz tat-tisħiħ tal-UNEP
skont l-eżitu ta’ Rio+20, filwaqt li jissokta l-isforz favur
aġġornament tal-istatus tal-UNEP għal dak ta' aġenzija
tan-NU, u appoġġ għall-isforzi kontinwi biex jissaħħu
s-sinerġiji bejn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali; (c)
It-tisħiħ tal-impatt ta’ diversi sorsi
ta’ finanzjament, inklużi t-tassazzjoni u l-mobilizzazzjoni domestika
tar-riżorsi, l-investiment privat, sorsi ġodda u innovattivi, u
l-ħolqien ta’ alternattivi għall-użu tal-għajnuna
għall-iżvilupp għall-ingranaġġ ta’ dawn is-sorsi
oħra ta' finanzjament bħala parti mill-istrateġija ta’
finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli stabbilit f’Rio, kif ukoll
fil-politiki tal-UE stess, inklużi l-impenji internazzjonali dwar
il-finanzjament relatat mal-klima u l-bijodiversità. (d)
L-involviment tal-pajjiżi sħab b'mod
aktar strateġiku. Dan għandu jinvolvi l-iffukar tal-kooperazzjoni: 1)
ma' sħab strateġiċi dwar il-promozzjoni tal-aħjar prattiki
fil-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali domestika u
l-konverġenza f'negozjati ambjentali multilaterali; 2) ma' pajjiżi
koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat fuq l-approssimazzjoni gradwali
mal-politika u l-leġiżlazzjoni ewlenin tal-UE dwar l-ambjent u
l-klima u fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati
l-isfidi ambjentali u tal-klima reġjonali; 3) mal-pajjiżi li qed
jiżviluppaw biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom biex
jipproteġu l-ambjent, jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jnaqqsu
d-diżastri naturali, u jiġu implimentati impenji ambjentali
internazzjonali bħala kontribut għat-tnaqqis tal-faqar u
għall-iżvilupp sostenibbli. (e)
L-involviment fi proċessi ambjentali multilaterali,
inklużi dawk tal-UNFCCC, is-CBD u l-konvenzjonijiet relatati mas-sustanzi
kimiċi, kif ukoll fora rilevanti oħra, bħalma huma
l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u
l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, b'mod aktar konsistenti, proattiv
u effettiv bil-għan li jiġi żgurat li l-impenji għall-2020
jintlaħqu fil-livell tal-UE u dak globali, u biex ikun hemm ftehim dwar
azzjoni internazzjonali li għandha tittieħed wara l-2020. (f)
Ratifikazzjoni tal-ftehimiet ambjentali
multilaterali ewlenin kollha ħafna qabel l-2020. (g)
Il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, f'kuntest
globali, tal-konsum fl-UE ta' komoditajiet alimentari u dawk mhux alimentari u
r-reazzjonijiet possibbli relatati. Monitoraġġ tal-progress 101. Il-Kummissjoni se tiżgura li
l-implimentazzjoni tal-programm huwa mmonitorjat fil-kuntest tal-proċess
ta' monitoraġġ regolari tal-Istrateġija Ewropa 2020. Se
titwettaq valwazzjoni tal-programm qabel l-2020, partikolarment abbażi
tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (European Environment Agency –
EEA) tar-rapport dwar l-Istat tal-Ambjent. 102. L-indikaturi użati biex
jimmonitorjaw il-progress li sar biex jintlaħqu l-għanijiet
prijoritarji jinkludu dawk użati mill-EEA biex timmonitorja l-istat
tal-ambjent u dawk biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta' miri u
leġiżlazzjoni ambjentali u dawk relatati mal-klima eżistenti,
inklużi l-miri għall-klima u l-enerġija, il-miri
għall-bijodiversità, u l-kisbiet ewlenin tal-effiċjenza
fir-riżorsi. Indikaturi addizzjonali biex jitkejjel il-progress kumplessiv
lejn ekonomija u soċjetà Ewropea li tkun effiċjenti fir-riżorsi
u l-kontribut tagħha għall-prosperità u l-benesseri se jiġu
żviluppati b'koordinazzjoni mal-partijiet interessati fil-kuntest tal-Pjan
Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-użu tar-Riżorsi. [1] ĠU C , , p. . [2] ĠU C , , p. . [3] COM(2010) 2020
(ĠU C 88 tad-19.3.2011) u EUCO 13/10. [4] COM(2010) 2020,
ĠU C 88, 19.3.2011. [5] Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009/KE,
id-Direttiva Nru 2009/28/KE, id-Direttiva Nru 2009/29/KE,
id-Direttiva Nru 2009/30/KE, id-Direttiva Nru 2009/31/KE,
id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, kollha fil-ĠU L 140,
5.6.2009. [6] COM (2011) 112,
ĠU C 140, 11.5.2011. [7] COM(2011) 244, ĠU C 264, 8.9.2011. [8] COM(2011) 571, ĠU C 37, 10.2.2012. [9] COM(2010) 546, ĠU C 121, 19.4.2011 [10] Il-Kunsill Ewropew, 8/9 ta’ Marzu 2007. [11] EUCO 7/10 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 7536/10: COM(2011) 244 [12] Id-Direttiva 2000/60/KE,
ĠU L 327, 22.12.2000. [13] Id-Direttiva 2008/56/KE,
ĠU L 164, 25.6.2008. [14] Il-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE
ĠU L242 tal-10.8.2002; Id-Direttiva 2008/50/KE,
ĠU L 152, 11.6.2008. [15] Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE
ĠU L242, 10.8.2002; Il-Pjan
ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg (WSSD 2002). [16] Id-Direttiva 2008/98/KE,
ĠU L 312, 22.11.2008. [17] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill
tal-11 ta’ Ġunju 2012. COM(2011) 571. [18] L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/Res/66/288. [19] COM(2010)543, ĠU C 121, 19.4.2011. [20] COM(2010)543, ĠU C 121, 19.4.2011. [21] The economic benefits of environmental policy (IES, Vrije Universiteit
Amsterdam, 2009); COM(2012) 173; “L-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni
tal-UE għal Tkabbir Ekoloġiku”, (2011). [22] Id-Direttiva 92/43/EEC, ĠU L 206, 22.7.1992. [23] SEC(2011) 1067; L-Ambjent
Ewropew – l-Istat u l-Prospetti 2010: Valutazzjoni tal-Megatendenzi Globali (EEA, 2010). [24] Limiti assoċjati ma' disa' "limiti tal-pjaneta" ġew
identifikati bħala li, ladarba jkunu ssuperati, jistgħu jwasslu
għal bidliet irriversibbli b’konsegwenzi potenzjalment
diżastrużi għall-bnedmin, inklużi: it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, l-użu globali tal-ilma
ħelu, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, iċ-ċikli
tan-nitroġenu u l-fosforu u l-bidla fl-użu tal-art (Ecology and
Society, Vol. 14, No 2, 2009). [25] Ir-rapport tal-Panel ta' Livell Għoli dwar
is-Sostenibbiltà Globali tan-Nazzjonijiet Uniti ‘Resilient People, Resilient
Planet: A future worth choosing’, 2012. [26] Environmental Outlook to 2050 (OECD 2012). [27] COM(2011) 244, ĠU C 264, 8.9.2011. [28] COM(2011) 571, ĠU C 37, 10.2.2012. [29] COM (2011) 112, ĠU C 140, 11.5.2011. [30] COM(2011) 885, ĠU C 102, 5.4.2012. [31] COM (2011) 144, ĠU C 140, 11.5.2011. [32] Ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti
66/288. [33] Direttiva 2000/60/KE, ĠU L 327, 22.12.2000. [34] Direttiva 2008/56/KE, ĠU L 164, 25.6.2008. [35] Direttiva 2008/50/KE, ĠU L 152 tal-11.6.2008 u
Direttiva 2004/107/KE, ĠU L 23, 26.1.2005. [36] Direttiva 2009/147/KE,
ĠU L 20 tas-26.1.2010 u Direttiva 92/43/KEE, ĠU L 206, 22.7.1992. [37] Rapport Tekniku tal-EEA 12/2010. [38] COM(2011) 244, ĠU C 264, 8.9.2011. [39] COM(2012) 673. [40] COM(2011) 625, ĠU C 37, 10.2.2012. [41] COM (2011) 144, ĠU C 140, 11.5.2011. [42] COM(2006) 232 (ĠU C 332, 30.12.2006)
tipproponi Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni
tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE. [43] COM(2011) 571, ĠU C 37, 10.2.2012. [44] COM (2011) 112, ĠU C 140, 11.5.2011. [45] Fostering Innovation for Green Growth (OECD 2011) u The
Eco-Innovation Gap: An economic opportunity for business (EIO 2012). [46] COM(2012) 173, għadha ma ġietx ippubblikata
fil-ĠU. [47] Is-settur tal-ekoindustrija tal-UE ħaddem madwar 2.7 miljun
ruħ fl-2008 u għall-2012 din iċ-ċifra tista’ tilħaq
madwar 3,4 miljun. (Ecorys, 2012) [48] COM(2011) 899, ĠU C 102, 5.4.2012. [49] The
impact of renewable energy policy on economic growth and employment in the EU
(Employ-RES 2009) [50] Leġiżlazzjoni
dwar l-Ekodisinn, it-Tikketta Enerġetika, l-EMAS u Prassi Kummerċjali
Inġusti għandhom ikunu riveduti qabel l-2015. [51] COM(2011) 899, ĠU C 102, 5.4.2012. [52] Il-ġenerazzjoni annwali tal-iskart tal-ikel fl-UE
hija ta' madwar 89 miljun tunnellata, li tirrappreżenta 179 kg
per capita (BIO Intelligence Service 2010). L-impatti aggregati tal-bini ta'
djar u l-infrastruttura jammontaw għal madwar 15-30 %
tal-pressjonijiet ambjentali kollha relatati mal-konsum fl-Ewropa u
jikkontribwixxu madwar 2.5 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2
per capita kull sena (SEC(2011) 1067).. [53] Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008/KE, ĠU L 39,
13.2.2008; Id-Direttiva 2009/33/KE, ĠU L 120, 15.5.2009 u
d-Direttiva ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE,
ĠU L 315, 14.11.2012. [54] Pereżempju, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni
tal-UE dwar l-iskart għandha tiffranka EUR 72 biljun fis-sena,
iżżid il-fatturat annwali tas-settur tal-ġestjoni u
tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-UE b'EUR 42 biljun u
toħloq iktar minn 400 000 impjieg sal-2020. [55] Id-Direttiva 2008/98/KE, ĠU L 312, 22.11.2008. [56] COM(2012) 673. [57] Ewrobarometru Speċjali 365 (2011). [58] EEA, L-Ambjent Ewropew – l-Istat u
l-Prospetti 2010 ('SOER 2010 "). [59] SOER 2010. [60] The costs of not implementing the environmental acquis
(COWI, 2011). [61] COM(2012) 95, ĠU C 171, 16.6.2012. [62] COM(2008) 773, ĠU C 76, 25.3.2010. [63] COM(2008) 46, ĠU C 118, 15.5.2008. [64] Id-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi Infrastruttura
għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropa (INSPIRE), ĠU L 108,
25.4.2007. [65] Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 dwar
il-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES),
ĠU L 276, 20.10.2010. [66] COM(2012) 216. [67] COM(2011) 681,
ĠU C 37, 10.2.2012. [68] EUCO 76/12 [69] Direttiva 2001/42/KE, ĠU L 197, 21.7.2001. [70] Direttiva 85/337/KEE, ĠU L 175, 5.7.1985 [71] Ara, pereżempju r-rapport "L-Ibliet ta'
għada" (Kummissjoni Ewropea, 2011) u DĦP(2012) 101 [72] COM(2011) 615, ĠU C 37, 10.2.2012. [73] Pereżempju s-Sistema ta' Informazzjoni dwar l-Ilma
għall-Ewropa (WISE), is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità
għall-Ewropa (BISE) u l-Pjattaforma Ewropea ta' Adattament
għall-Klima (CLIMATE-ADAPT). [74] Eżempji jinkludu s-Sħubija Ewropea
għall-Innovazzjoni dwar Bliet u Komunitajiet Intelliġenti C(2012) 4701
u l-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea u l-Inizjattiva ta'
Programazzjoni Konġunta ta' riċerka Ewropa Urbana. [75] Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi allokat minimu ta' 5 %
tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) f'kull
Stat Membru għall-finanzjament tal-iżvilupp urban sostenibbli
integrat. [76] Human Development Report (UNDP, 2011). [77] Il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja,
il-Ġappun, il-Messiku, ir-Russja, l-Afrika t'Isfel, il-Korea t'Isfel u
l-Istati Uniti u l-pajjiżi l-oħra tal-G20 (jiġifieri
l-Arġentina, l-Awstralja, l-Indoneżja, l-Arabja Sawdija u t-Turkija). [78] “Bridging the emissions gap”, (UNEP, 2011). [79] Pjan Strateġiku tas-CBD għall-Bijodiversità 2011-2020. [80] Deċiżjoni CBD XI/4. [81] Proposti għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar
it-Trasparenza COM(2011) 683 biex din tkopri
kumpaniji elenkati fil-Borża u tad-Direttivi dwar il-Kontabbilità COM(2011) 684.