Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità /* COM/2012/0697 final - 2012/0328 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Waqt il-laqgħa tal-Kunsill
tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) li
saret fid-9 ta’ Novembru 2012, sar progress sinifikanti lejn
l-għan tar-regolazzjoni globali tal-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni.
Din il-proposta għal Deċiżjoni
għandha l-għan li ssaħħaħ dan il-momentum
pożittiv u li ttejjeb iċ-ċans li jinkiseb riżultat
pożittiv waqt l-Assemblea tal-ICAO li se ssir fl-2013, f’termini tal-iżvilupp
ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (MBM) u tal-adozzjoni ta’ qafas
li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq
għas-settur tal-avjazzjoni internazzjonali min-naħa tal-Istati. Id-Deċiżjoni kieku “twaqqaf
l-arloġġ”, billi tipposponi, b’mod temporanju, l-infurzar tal-obbligi
tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-iskema tal-Unjoni Ewropea
għan-negozjar tal-emissjonijiet (l-EU ETS) marbutin mat-titjiriet li jkunu
deħlin u ħerġin. B’hekk, din il-proposta turi l-impenn politiku
qawwi tal-UE biex tiffaċilita u tmexxi ’l quddiem il-konklużjoni
b’suċċess ta’ dawn il-proċessi tal-ICAO. Id-Deċiżjoni għal deroga
temporanja mid-Direttiva dwar l-EU ETS hija maħsuba biex tiżgura li
ma tittiħidx azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li ma
jissodisfawx l-obbligi tar-rappurtar u tal-konformità tad-Direttiva li
japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2014 f’dak li għandu
x’jaqsam mat-titjiriet li jkunu deħlin u ħerġin. Biex dan
iseħħ, dawn iridu jew ma jkunux irċevew, jew ikunu taw lura,
allokazzjonijiet mogħtija b’xejn fl-2012 għat-tali attivitajiet lejn
jew minn ajrudromi li jinsabu ’l barra mill-UE u li jinsabu f’żoni
marbutin mill-qrib magħha li jaqsmu magħha l-impenn komuni li
jiġġieldu t-tibdil fil-klima. Jintlaqgħu bil-ferħ
il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika x-xierqa tal-emissjonijiet
minn titjiriet bħal dawn, iżda m’hi se tiġi applikata l-ebda
sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità f’każ li ma jiġux
irrappurtati t-tali emissjonijiet. Id-Direttiva tkompli tapplika
bis-sħiħ għat-titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fl-UE u li
jinsabu f’żoni marbutin mill-qrib magħha li jaqsmu magħha
l-impenn komuni li jiġġieldu t-tibdil fil-klima. Minħabba
f’hekk, jeħtieġ li l-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li
wettqu attivitajiet tal-avjazzjoni li jaqgħu fi ħdan id-Direttiva
bejn it-tali ajrudromi fl-2011 u fl-2012 jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar
il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika. Jeħtieġ li
l-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet bħal
dawn fl-2012 iċedu l-kwoti jew il-krediti internazzjonali
għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet
sat-30 ta’ April 2013. Din id-Deċiżjoni tħalli lok
għal progress waqt l-Assemblea tal-ICAO li se ssir f’Settembru tal-2013.
Jekk isir progress ċar u suffiċjenti waqt l-Assemblea tal-ICAO,
il-Kummissjoni mbagħad tipproponi aktar azzjoni leġiżlattiva
adattata. L-Artikolu 25a tad-Direttiva se jippermetti li jsiru emendi
għall-attivitajiet tal-avjazzjoni koperti mir-rekwiżiti li jibdew
japplikaw wara l-1 ta’ Jannar 2014. L-operaturi tal-inġenji
tal-ajru li beħsiebhom iwettqu titjiriet minn ajrudromi fl-UE u lejhom
għandhom ikunu jafu li, jekk ma jsirux it-tali modifiki, huma jkunu
responsabbli għall-emissjonijiet mit-titjiriet lejn u minn dawk
l-ajrudromi mill-2013 ’il quddiem. L-allokazzjonijiet b’xejn li jingħataw
sa Frar tal-2013 għall-emissjonijiet tal-2013 ukoll jistgħu jiġu
mmodifikati f’każ li l-miżuri jiġu adottati skont
l-Artikolu 25a. L-obbligi l-oħra għal dawn
it-titjiriet mhumiex affettwati minn din il-proposta, u l-perċentwali
tal-irkantar se jibqa’ fil-livell ta’ 15 %, hekk kif stabbilit
mid-Direttiva. Għaldaqstant, se jiġu rkantati inqas kwoti
tal-emissjonijiet għas-settur tal-avjazzjoni għall-2012 – dan
jirrifletti l-għadd proporzjonatament inqas ta’ kwoti totali
fiċ-ċirkulazzjoni. Sabiex jingħata iktar momentum
lid-diskussjonijiet internazzjonali u sabiex l-UE tkompli żżomm
il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett f’dan il-proċess, huwa
importanti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu malajr dwar din
il-proposta u, idealment, li dan il-qbil jintlaħaq sa Marzu tal-2013. Il-Kummissjoni
tikkonferma li, sakemm jitlesta l-proċess leġiżlattiv,
l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jew ma jkunux irċevew
allokazzjonijiet b’xejn għall-2012, jew li jkunu taw lura t-tali
allokazzjonijiet b’xejn lill-kont ix-xieraq, m’għandhomx jistennew li
l-Kummissjoni teżiġi lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet ta’
infurzar kontrihom f’dak li għandu x’jaqsam mal-emissjonijiet minn
titjiriet lejn u minn ajrudromi li jinsabu ’l barra mill-UE u li jinsabu
f’żoni marbutin mill-qrib magħha. 2012/0328 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju
ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv
intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni, Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Sar progress sinifikanti
fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali lejn l-adozzjoni,
waqt l-Assemblea tal-ICAO li se ssir fl-2013, ta’ qafas li jiffaċilita
l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq għall-emissjonijiet
mis-settur tal-avjazzjoni internazzjonali min-naħa tal-Istati u lejn
l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq. (2) Sabiex jiġi
ffaċilitat dan il-progress u jingħata iktar momentum, ta’ min
jipposponi l-infurzar tar-rekwiżiti marbutin mat-titjiriet lejn u minn
ajrudromi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea u f’żoni b’rabtiet mill-qrib
magħha mil-lat ekonomiku u li jaqsmu magħha l-impenn komuni li
jiġġieldu t-tibdil fil-klima[1],
li jibdew japplikaw qabel l-Assemblea tal-ICAO tal-2013. Għalhekk
m’għandhiex tittieħed azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji
tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti għar-rappurtar
tal-emissjonijiet ivverifikati mit-titjiriet li jkunu deħlin u
ħerġin minn u lejn ajrudromi bħal dawn u għaċ-ċediment
korrispondenti tal-kwoti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li
tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’
gassijiet serra ġewwa l-Komunità[2]
u li jibdew japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2014. L-operaturi tal-inġenji
tal-ajru li jkunu jixtiequ jkomplu jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti
għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan. (3) Sabiex jiġi evitat
it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni, din id-deroga għandha tapplika
biss għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jew ma jkunux
irċevew allokazzjonijiet b’xejn fl-2012 għat-tali attivitajiet, jew
li jkunu tawhom kollha lura. Għall-istess raġuni, dawn il-kwoti
m’għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tad-drittijiet għall-użu
tal-krediti internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2003/87/KE. (4) Il-kwoti li ma jkunux
ingħataw lit-tali operaturi jew li jkunu ngħataw lura għandhom
jiġu kkanċellati. L-għadd ta’ kwoti tal-emissjonijiet li se
jiġu rkantati għas-settur tal-avjazzjoni għandu jikkonforma mal-Artikolu 3d(1)
tad-Direttiva 2003/87/KE, ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 B’deroga mill-Artikolu 16
tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri m’għandhom jieħdu
l-ebda azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li
għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 12(2a) u
fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE li jibdew japplikaw qabel
l-1 ta’ Jannar 2014 għal attivitajiet lejn jew minn
ajrudromi f’pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni Ewropea u li
mhumiex membri tal-EFTA, li mhumiex dipendenzi u territorji tal-Istati Membri
taż-ŻEE jew li mhumiex pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’
Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, f’każ li t-tali operaturi
tal-inġenji tal-ajru ma jkunu ngħataw l-ebda kwoti b’xejn
għat-tali attivitajiet fl-2012 jew f’każ li t-tali operaturi, jekk
ikunu ngħataw it-tali kwoti, ikunu taw lura lill-Istati Membri l-istess
għadd ta’ kwoti biex dawn jikkanċellawhom. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom
jikkanċellaw il-kwoti kollha tal-2012 għat-titjiriet minn u lejn
l-ajrudromi msemmija fl-Artikolu 1 li jew ikun għadhom ma
nħarġux jew, jekk ikunu nħarġu, ikunu ngħatawlhom
lura. Artikolu 3 Il-kwoti kkanċellati skont
l-Artikolu 2 m’għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tad-drittijiet
għall-użu tal-krediti internazzjonali fi ħdan il-qafas
tad-Direttiva 2003/87/KE. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Inklużi l-Istati tal-EFTA, il-pajjiżi li
ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u d-dipendenzi u t-territorji
tal-Istati Membri taż-ŻEE. [2] ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.