Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport /* COM/2012/0655 final */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Sfond u kuntest politiku Il-logħob
mixtri huwa kkunsidrat b’mod unanimu bħala waħda mill-ikbar
theddidiet li qed jaffaċċja l-isport kontemporanju. Il-logħob
mixtri jxejjen il-valuri tal-isport bħall-integrità, l-andament korrett u
r-rispett lejn l-oħrajn. Huwa jġib ir-riskju li s-sapporters
jitbiegħdu mill-isport organizzat, settur li jirrappreżenta
kważi 2 % tal-Valur Gross Miżjud tal-UE. Barra minn hekk,
ix-xiri tal-logħob ħafna drabi jinvolvi netwerks kriminali organizzati
li joperaw fuq livell globali. Din il-problema issa saret prijorità
għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-moviment tal-isport u
għall-aġenziji li jinfurzaw il-liġi madwar id-dinja. Il-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni tal-2011 dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport
tirrikonoxxi espliċitament li x-xiri tal-logħob huwa theddida li tmur
kontra l-etika u l-integrità tal-isport. Il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob
ġiet indirizzata wkoll fl-2011 fil-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Logħob
tal-Azzard Onlajn, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda
kontra l-Korruzzjoni fl-UE u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn qafas
komprensiv Ewropew għal-logħob tal-azzard onlajn. F'Ġunju 2011,
il-Parlament Ewropew adotta Dikjarazzjoni bil-Miktub dwar il-ġlieda kontra
l-Korruzzjoni fl-isport Ewropew u, fi Frar 2012, adotta Riżoluzzjoni
dwar l-Iżvilupp ta' Dimensjoni Ewropea fl-Isport, fejn appella għal
aktar kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi kkontrollat ix-xiri
tal-logħob. Fid-29 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill tal-UE
adotta Konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob
li jistiednu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati
mhux governattivi biex jikkooperaw u jieħdu azzjoni f’livelli differenti
biex itejbu l-mod kif tiġi indirizzata l-kwistjoni tax-xiri
tal-logħob fl-UE. F’Marzu 2011,
il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) nieda Grupp ta’ Ħidma
magħmul minn rappreżentanti f’livell għoli tal-moviment
tal-isport, awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet internazzjonali u
operaturi tal-imħatri biex jipproponi modi kif jistgħu jiġu
miġġielda l-imħatri irregolari u illegali fl-isport, bi pjan
direzzjonali għal azzjoni ta' segwitu adottat f'Lausanne
fit-2 ta’ Frar 2012. Fit-28 ta’ Settembru 2011,
il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta Rakkomandazzjoni dwar
il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni
tar-riżultati, notevolment ix-xiri tal-logħob. Ir-Rakkomandazzjoni
tistieden lill-Ftehim Parzjali Mkabbar dwar l-Isport (EPAS) biex iwettaq studju
ta’ fattibbiltà dwar strument legali internazzjonali possibbli
għall-prevenzjoni u l-kontroll tax-xiri tal-logħob.
Fil-15 ta’ Marzu 2012, il-Konferenza tal-Ministri Responsabbli
għall-Isport tal-Kunsill tal-Ewropa li ltaqgħet f'Belgrad, innutat
il-konklużjonijiet tal-istudju u stiednet lill-EPAS iniedi n-negozjati,
b'koordinazzjoni mal-UE, dwar strument legali internazzjonali possibbli
(Konvenzjoni) kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport,
notevolment ix-xiri tal-logħob. Fit-13 ta’ Ġunju 2012,
il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa laqa' din l-istedina. Tul
is-sajf tal-2012, l-EPAS bagħat stediniet lill-pajjiżi li huma
partijiet għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, fejn
ħeġġiġhom jesprimu l-interess tagħhom
fil-parteċipazzjoni fin-negozjati għal abbozz ta' Konvenzjoni
tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport. 2. Konvenzjoni possibbli
tal-Kunsill tal-Ewropea kontra x-xiri tal-logħob: Il-kontenut u l-iskeda
possibbli Abbażi tal-istudju dwar il-fattibbiltà
mwettaq mill-EPAS, il-kontenut possibbli tal-Konvenzjoni futura tal-Kunsill
tal-Ewropa (CoE) jista’ jkollu l-istruttura li ġejja: 1. Prevenzjoni (a)
Koordinazzjoni domestika (b)
Promozzjoni u appoġġ
għall-miżuri li għandhom jittieħdu mill-moviment tal-isport (c)
Twaqqif ta’ qafas għas-suq tal-imħatri (d)
Promozzjoni tal-miżuri li għandhom
jittieħdu mill-operaturi tal-imħatri 2. Kooperazzjoni internazzjonali (e)
Awtoritajiet pubbliċi – l-isport (f)
Awtoritajiet pubbliċi (regolaturi
tal-imħatri) – operaturi tal-imħatri (g)
Kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet
ġudizzjarji jew dawk li jinfurzaw il-liġi (h)
Konsultazzjonijiet tripartitiċi 3. Sanzjonijiet (i)
Taħlita ta’ sanzjonijiet dixxiplinari,
amministrattivi u kriminali (j)
Dixxiplinari (k)
Amministrattivi (l)
Liġi kriminali (m)
Ġurisdizzjoni 4. Infurzar tal-liġi (n)
Investigazzjoni (o)
Ċiberkriminalità 5. Segwitu (p)
Monitoraġġ (q)
Kumitat tal-konvenzjoni Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali
fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob fil-livell tal-UE jew dak
internazzjonali hija l-ħtieġa li tiġi żgurata
koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti involuti fil-qasam,
partikolarment l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar
tal-liġi, ir-regolaturi tal-logħob tal-azzard, il-komponenti kollha
tal-moviment tal-isport, u l-operaturi tal-imħatri (lotteriji u operaturi
privati). Il-valur miżjud prinċipali tal-Konvenzjoni tal-CoE kontra
x-xiri tal-logħob tikkonsisti mit-twaqqif ta’ pjattaforma
għall-kooperazzjoni transkonfinali u dik transsettorjali li tinvolvi
l-atturi rilevanti kollha. Vantaġġ sinifikanti tal-Konvenzjoni
tas-CoE jkun l-istrutturi ta' monitoraġġ u ta' segwitu tagħha,
abbażi tal-mudell ta' kumitati permanenti eżistenti
għall-Konvenzjonijiet tas-CoE fil-qasam tal-isport (anti-doping, vjolenza
fost l-ispettaturi). L-istrutturi għandhom ikunu miftuħin għall-partijiet
interessati rilevanti kollha u għandhom iservu ta’ forum fejn isiru
d-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u dwar il-progress
fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob fl-Ewropa. Vantaġġ importanti ieħor
tal-Konvenzjoni futura jkun li din tkun miftuħa għall-pajjiżi li
mhumiex Ewropej: il-pajjiżi kollha se jkunu jistgħu jiffirmaw u
jirratifikaw il-Konvenzjoni (pereżempju, bħalissa l-Kanada u
l-Awstralja huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-CoE dwar l-Anti-Doping).
Dan l-aspett huwa kruċjali billi l-kooperazzjoni dinjija, notevolment
mal-pajjiżi fejn l-imħatri fuq l-isport huma mifruxa
bħall-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja, hija meqjusa element essenzjali
fil-ġlieda effettiva kontra n-netwerks transnazzjonali tal-kriminalità
organizzata involuti fix-xiri tal-logħob u li joperaw f’kontinenti
differenti. Il-Konvenzjoni proposta ma tkunx strument biex
tinkiseb l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali
tal-partijiet firmatarji. Għalkemm il-kwistjoni tal-istabbiliment ta’
definizzjoni li dwarha jkun hemm qbil ta’ xiri tal-logħob u tal-adozzjoni
ta’ sett ta’ sanzjonijiet effettivi, disważivi u proporzjonati tkun
imsemmija fil-Konvenzjoni, il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti
jitqiegħed b’tali mod li titħalla ċerta flessibbiltà għall-partijiet
firmatarji biex jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet. Il-kontenut, l-istruttura u l-kamp ta’
applikazzjoni preċiżi tal-Konvenzjoni bħalissa huma pjuttost
teoretiċi billi se jkunu s-suġġett tan-negozjati li jmiss. Grupp ta’ abbozzar,
magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri involuti fin-negozjati,
se jkun fdat bit-tħejjija tat-test tal-Konvenzjoni. Id-dokumenti
ċirkolati mill-Kunsill tal-Ewropa jipprevedu b’mod espliċitu li din
se tkun miftuħa għal rappreżentant tal-UE. Il-grupp tal-abbozzar
iltaqa’ għall-ewwel darba għal taħdidiet esploratorji fi
Strasburgu bejn id-9 u l-11 ta’ Ottubru 2012. Il-Kummissjoni
attendiet din l-ewwel laqgħa esplorattiva bħala osservatur ad-hoc.
L-EPAS se jkollu l-irwol ta’ segretarjat. L-EPAS jipprevedi serje ta’ seba’
laqgħat mifruxa fuq tlett ijiem tal-grupp tal-abbozzar, bejn
Ottubru 2012 u Diċembru 2013, bil-għan li jippreżenta
l-Konvenzjoni lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi
ffirmata fl-2014. 3. Ir-irwol tal-UE
fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob Il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob hija
relattivament ġdida fuq l-aġenda tal-UE għall-isport;
l-inizjattivi marbutin magħha huma għalhekk reċenti ħafna.
Fil-livell tal-Kummissjoni, l-involviment fil-ġlieda kontra x-xiri
tal-logħob jista’ jiġi eżaminat minn tliet angoli differenti, li
jikkorrespondu għat-tliet aspetti prinċipali ta’ din il-problema: L-aspett
sportiv: Kif inhu stipulat fl-Artikolu 165
tat-Trattat, wieħed mill-għanijiet ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam
tal-isport huwa li tiġi żviluppata dimensjoni Ewropea fl-isport billi
jiġi promoss sens ta’ ġustizzja fil-kompetizzjonijiet tal-isport u
billi tiġi mħarsa l-integrità morali tal-isportivi. Il-Kummissjoni
ħadet l-ewwel inizjattiva konkreta f’dan il-qasam billi inkludiet
fis-Sejħa għall-Proposti li timplimenta l-Azzjoni Preparatorja
għall-2012 “Sħubija Ewropea għall-Isport”, linja ta’ prijorità
għall-proġetti li jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta’ episodji ta’ xiri
tal-logħob permezz tal-edukazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni
lill-partijiet interessati rilevanti, notevolment l-atleti, ir-referees,
l-uffiċjali tal-logħob u l-amministraturi tal-isport. L-għan
tal-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata permezz ta’
dis-sejħa huwa li jsaħħaħ in-naħa preventattiva
tal-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob permezz tal-iskambju tal-prattiki
tajba. Il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob hija mniżżla
wkoll bħala waħda mill-għanijiet fil-Kapitlu tal-Isport
tal-programm propost “Erasmus for All”, li għandu jippermetti azzjonijiet simili
b’mod strutturat wara l-2014. Barra mill-għoti ta’ assistenza finanzjarja,
il-Kummissjoni qed tikkoopera mill-qrib ma’ partijiet interessati esterni
(notevolment l-IOC u l-Kunsill tal-Ewropa) biex jidentifikaw modi kif
jistgħu jindirizzaw ix-xiri tal-logħob f’livell Ewropew u dak
internazzjonali. Il-Kummissjoni taġixxi wkoll bħala segretarjat
għall-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-Governanza Tajba fl-Isport,
stabbilit abbażi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Pjan ta'
Ħidma tal-UE għall-Isport ta' Mejju 2011. Il-Grupp ta’ Esperti
pproduċa rakkomandazzjonijiet biex ikomplu jiġu kkunsidrati
mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport f’Ġunju 2012. L-aspett
tal-azzard u tal-imħatri: Ix-xiri tal-logħob
mhux neċessarjament marbut mal-imħatri fuq l-isport. Madankollu,
il-kumbinazzjoni tal-imħatri mhux regolati fuq l-isport u x-xiri
tal-logħob hija theddida eżistenti għall-avvenimenti sportivi,
prinċipalment minħabba individwi jew netwerks kriminali li jużaw
l-imħatri fuq l-isport biex jiġġeneraw id-dħul u/jew
għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus. Il-kwistjonijiet relatati
mal-integrità tal-isport kienu parti mill-Green Paper dwar il-Logħob
tal-Azzard Onlajn, konsultazzjoni pubblika li l-Kummissjoni wettqet fl-2011.
Inġabru madwar 250 tweġiba minn diversi partijiet interessati
inklużi korpi sportivi. Il-konsultazzjoni kienet ikkumplementata minn
ħames workshops tematiċi tul l-2011, fejn wieħed minnhom li sar
fl-10 ta' Mejju 2011, iffoka partikolarment fuq il-logħob
tal-azzard onlajn u l-integrità tal-isport (b'fowkus fuq ix-xiri
tal-logħob). Bħala segwitu għall-Green Paper, fit-23 ta’ Ottubru 2012 il-Kummissjoni adottat
il-Komunikazzjoni “Lejn qafas komprensiv Ewropew
għal-logħob tal-azzard onlajn” (COM(2012) 596
finali). Il-ħarsien tal-integrità tal-isport mix-xiri
tal-logħob, huwa wieħed mill-prijoritajiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni
bi Pjan ta' Azzjoni propost, li jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni
fil-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Konvenzjoni possibbli kontra
l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport. L-aspett ta’
korruzzjoni: ix-xiri tal-logħob huwa forma ta’
korruzzjoni u huwa sanzjonat minn liġijiet kriminali nazzjonali.
Il-Kummissjoni qed timplimenta l-pakkett kontra l-korruzzjoni adottat fl-2011
li huwa ffukat fuq it-titjib tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni
tal-isforzi kontra l-korruzzjoni, notevolment bit-tfassil ta’ Rapport tal-UE
Kontra l-Korruzzjoni, li permezz tiegħu l-Kummissjoni se tivvaluta fuq bażi
regolari diversi aspetti pendenti relatati mal-korruzzjoni u l-kapaċità li
tiġi kkontrollata l-korruzzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Ir-Rapport
potenzjalment jista’ jkopri kull kwistjoni pendenti relatata mal-korruzzjoni,
inkluż ix-xiri tal-logħob fl-isport. Ir-Rapport tal-UE Kontra
l-Korruzzjoni, akkumpanjat minn analiżi tal-pajjiż għal kull
Stat Membru, inklużi rakkomandazzjonijiet imfasslin apposta, se jiġu
pubblikati mill-Kummissjoni kull sentejn mill-2013. Bħalissa, b'mod
parallel, il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-modalitajiet ta'
parteċipazzjoni possibbli tal-UE fil-Grupp tal-Istati kontra l-Korruzzjoni
(GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa, li suppost għandu jġib valur
miżjud fil-ġlieda tal-UE kontra l-korruzzjoni. Il-Parlament Ewropew tratta fil-qosor
il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob, speċjalment l-imħatri relatati
max-xiri tal-logħob, fir-rapport tiegħu tal-2009 dwar l-integrità
tal-logħob tal-azzard onlajn (A6-0064/2009). Il-Parlament tratta wkoll
il-kwistjoni f’aktar dettall fir-rapport tiegħu tal-2011 dwar
il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern (A7-0342/2011), fejn semma
kwistjonijiet relatati mal-pulizija transkonfinali u l-kooperazzjoni
ġudizzjarja, il-kooperazzjoni bejn l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet
tal-isport u l-operaturi tal-imħatri, it-twaqqif ta’ netwerks nazzjonali u
punti ta’ kuntatt biex jindirizzaw il-każijiet tax-xiri tal-logħob u
l-istabbiliment ta' definizzjoni ta' xiri tal-logħob fil-livell tal-UE.
Fl-aħħar nett, il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob kienet
indirizzata wkoll fir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-2012 dwar id-Dimensjoni
Ewropea fl-Isport (A7-0385/2011), fejn il-Parlament jappella biex
il-federazzjonijiet tal-isport jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri sabiex
iħarsu l-inegrità tal-isport. Il-Kunsill tratta għall-ewwel
darba l-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob fil-Pjan ta’ Ħidma
tal-UE għall-Isport għal bejn l-2011 u l-2014, li ġie adottat
f’Mejju 2011, fejn l-integrità tal-isport, partikolarment il-ġlieda
kontra x-xiri tal-logħob ġiet stabbilita bħala tema ta'
prijorità għall-perjodu ta' bejn l-2011 u l-2014. Barra minn hekk,
f'Novembru 2011 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ġlieda
kontra x-xiri tal-logħob, fejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati
ġew mistiedna biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' programmi
edukattivi u jiżguraw il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet
interessati kollha. Bħalissa, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport
tal-Kunsill qed jiddiksuti t-test dwar l-abbozz tal-konklużjonijiet dwar
it-tfassil ta’ strateġija biex tiġi miġġielda
l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport, li għandu jiġi
adottat f’Novembru 2012. Iż-żewġ aġenziji tal-UE li
huma responsabbli mill-kooperazzjoni transkonfinali ġudizzjarja u dik
polizjeska, il-EUROPOL u l-EUROJUST, għandhom sehem attiv
fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob. Billi l-kooperazzjoni
tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE fil-qasam
tal-isport tradizzjonalment kienet iffukata fuq il-kwistjoni tal-vjolenza fost
l-ispettaturi, ix-xiri tal-logħob feġġ bħala qasam
ġdid għall-kooperazzjoni transkonfinali fl-aħħar sentejn.
Attwalment, hemm żewġ każijiet miftuħin; Tim Konġunt
ta’ Investigazzjoni (JIT) li jinvolvi erba’ pajjiżi (HU, DE, FI, AT) huwa
mwaqqaf biex jinvestiga dawn il-każijiet. Ir-raġuni mogħtija
mill-EUROPOL u l-EUROJUST għall-involviment tagħhom f’każijiet
ta’ xiri tal-logħob, hija li x-xiri tal-logħob ħafna drabi
jinvolvi kriminalità organizzata serja. Dawn l-elementi kollha jippuntaw f’direzzjoni
waħda: il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob kisbet status ta’
prijorità fl-oqsma politiċi differenti (il-politika dwar l-isport,
is-superviżjoni tas-swieq tal-logħob tal-azzard, il-ġlieda
kontra l-korruzzjoni) fil-livell tal-UE, u l-attenzjoni tal-pubbliku x’aktarx
tiżdied wara l-episodji reċenti ta’ korruzzjoni f'livelli differenti
fid-dinja tal-isport. Billi l-Konvenzjoni prevista la timmira li
tarmonizza d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali fil-pajjiżi
firmatarji u lanqas li tikseb armonizzazzjoni f’oqsma oħra
bħal-liġijiet dwar il-logħob tal-azzard u l-imħatri, u
billi, abbażi tal-Artikolu 6 tat-TFUE, l-UE għandha kompetenza
biss biex tieħu azzjoni li tappoġġja, tikkoordina jew
tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-isport, saret
proposta li l-UE tipparteċipa fin-negozjati li jmiss flimkien
mal-Istati Membri tagħha. Il-parteċipazzjoni proposta
fin-negozjati ma għandhiex impatt fuq il-baġit tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni
tirrakkomanda lill-Kunsill: –
Li jadotta d-deċiżjoni mehmuża li
tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE,
fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex
tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport; –
Li joħroġ id-direttivi ta’ negozjati
mehmuża ma’ dik id-deċiżjoni; –
Li jaħtar kumitat speċjali li
b'konsultazzjoni miegħu għandhom isiru n-negozjati. Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tawtorizza l-parteċipazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni
internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda
l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra
t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu, Wara li kkunsidra
r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, Billi: In-negozjati
għandhom jinfetħu fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ konvenzjoni
internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda
l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport, L-Unjoni
għandha tipparteċipa f’dawn in-negozjati. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Kummissjoni,
hawnhekk, qed tiġi awtorizzata li tinnegozja f’isem l-Unjoni Ewropa,
konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi
miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport. Artikolu 2 Id-direttivi ta’
negozjati huma stipulati fl-Anness. Artikolu 3 In-negozjati
għandhom isiru b'konsultazzjoni ma' [isem il-kumitat speċjali li
għandu jiddaħħal mill-Kunsill]. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Direttivi għan-negozjati dwar konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi
miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport Il-konvenzjoni
futura se timmira li tistabbilixxi qafas legali internazzjonali
għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport u
l-ġlieda kontriha, notevolment ix-xiri tal-logħob; l-għan
tal-konvenzjoni għandu jkun li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali
f’dan il-kuntest u li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’
monitoraġġ biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet
stipulati fil-konvenzjoni jiġu segwiti b’mod effettiv. L-Unjoni Ewropea
se tipparteċipa f’dawn il-laqgħat bil-għan li tiżgura
l-konsistenza tal-konvenzjoni proposta mal-aquis tal-UE, notevolment
fir-rigward tal-libertajiet fis-Suq Intern (il-libertà li tipprovdi servizzi u
l-libertà tal-istabbiliment) u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’affarijiet
kriminali. L-Unjoni Ewropea
se tipparteċipa wkoll fin-negozjati bil-għan li tiżgura li
d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni futura jkunu allinjati mal-politiki
tal-UE fl-oqsma tal-isport, tal-logħob tal-azzard onlajn u l-ġlieda
kontra l-korruzzjoni. Id-dokumenti ta’ referenza għal dawn il-politiki
huma, inter alia, dawn li ġejjin: ·
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar
l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (COM(2011)12 finali); ·
Il-Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard
Onlajn (COM(2011)128 finali); ·
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar
il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE (COM(2011)308 finali); ·
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn qafas
komprensiv Ewropew għal-logħob tal-azzard onlajn (COM(2012) 596 finali) ·
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar
il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob (16819/11).