52012PC0654

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Belġju biex japplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2012/0654 final - 2012/0312 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1] (minn hawn 'il quddiem 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2012 il-Belġju talab awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura biex teżenta persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 25 000. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta' ittra datata t-13 ta' Settembru 2012, bit-talba magħmula mil-Belġju. Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

Kuntest ġenerali

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b'inqas minn ċertu dħul annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha u, konsegwentement, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq ix-xiri tagħha.

Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri li m'għamlux użu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE[2], jistgħu jeżentaw persuni taxxabbli lil-livell limitu tagħhom mhuwiex iktar minn EUR 5 000.

Fil-klima ekonomika u politika preżenti, il-gvern Belġjan jixtieq iżid dan il-limitu għal EUR 25 000, bil-possibbiltà li jgħollih biex jinżamm il-valur tiegħu f'termini reali. L-introduzzjoni ta’ limitu bħal dan se tissimplifika s-sistema tal-VAT għall-intrapriżi żgħar u tnaqqas b'mod sinifikanti l-piż fuq dawk in-negozji eleġibbli għall-iskema billi tirrilaxxahom minn ħafna mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT. Is-sistema tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Skont l-awtoritajiet Belġjani, madwar 1% ta’ persuni taxxabbli se tagħmel użu tal-iskema, b'effett minimu korrispondenti fuq il-baġit (madwar 0.2%).

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta biex iżżid il-limitu tad-dħul annwali disponibbli għall-Istati Membri (COM(2004) 728 finali) għall-eżenzjoni mill-VAT tal-persuni taxxabbli għal EUR 100 000.

Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-għan li ddaħħal miżura ta' simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li jaħdmu bi dħul annwali ta’ mhux aktar minn EUR 25 000, u għalhekk għandha potenzjal għal impatt pożittiv.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni strett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, il-kamp ta’ applikazzjoni jkun limitat fi kwalunkwe każ.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Awtorizzazzjoni għall-Belġju biex tintroduċi miżura li tidderoga mid-Direttiva tal-VAT fir-rigward ta’ miżura ta’ simplifikazzjoni għan-negozji bi dħul annwali li mhux ogħla minn EUR 25 000.

Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba li għamel hu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq.

Għażla tal-istrumenti:

L-istrument propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat peress li tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta m’għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE għaliex il-Belġju se jwettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Klawżola ta’ analiżi/ta’ reviżjoni/sunset

Il-proposta tinkludi klawżola sunset.

2012/0312 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Belġju biex japplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[3], u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       F'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2012, il-Belġju talab awtorizzazzjoni għal miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex jintroduċi miżura speċjali li teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 25 000. Permezz ta’ dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jkunu eżenti minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(2)       Permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Belġju. Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)       Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li m'għamlux użu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE[4], jistgħu jeżentaw persuni taxxabbli li l-livell limitu ta' dħul mhuwiex iktar minn EUR 5 000. Il-Belġju talab li dan il-limitu jiżdied għal EUR 25 000.

(4)       Limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar hu miżura ta’ simplifikazzjoni għaliex jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-iżgħar negozji. Din l-iskema hija fakoltattiva għall-persuni taxxabbli.

(5)       Fil-proposta tagħha għal Direttiva biex tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud tad-29 ta' Ottubru 2004[5], il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tad-dħul annwali għall-iskema ta' eżenzjoni mill-VAT sa ammont massimu ta' EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mill-Belġju hi konformi ma' dik il-proposta.

(6)       Id-deroga m'għandhiex impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT u se jkollha biss effett żgħir fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa tal-Istat Membru miġbur fl-istadju tal-konsum finali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Belġju hu awtorizzat li jeżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000.

Il-Belġju jista’ jżid l-ogħla limitu sabiex iżomm il-valur tal-eżenzjoni f’termini reali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti massimi ta’ dħul annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data sseħħ l-ewwel.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 347, 11.12.2006, p.1

[2]               ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303-1312.

[3]               ĠU L 347, 11.12.2006, p.1

[4]               ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303-1312.

[5]               COM(2004) 728 finali.