Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati /* COM/2012/0614 final - 2012/299 (COD) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Sfond Il-bordijiet tal-kumpaniji fl-UE huma
kkaratterizzati minn żbilanċi persistenti bejn is-sessi, kif muri
mill-fatt li bħalissa huma biss 13,7% tal-pożizzjonijiet korporattivi
fl-akbar kumpaniji elenkati li huma miżmuma minn nisa (15% fost diretturi
mhux eżekuttivi)[1]. Meta mqabbel ma' oqsma
oħra tas-soċjetà, speċjalment is-settur pubbliku[2],
is-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati
pubblikament huwa partikolarment sinifikanti. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE
għamlu bosta sforzi matul diversi għexieren ta' snin biex jippromwovu
l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet
ekonomiċi, partikolarment biex tittejjeb il-preżenza femminili
fil-bordijiet tal-kumpaniji, billi adottaw rakkomandazzjonijiet u
inkoraġġew l-awtoregolamentazzjoni. Żewġ
rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (fl-1984 u 1996) ħeġġew
lis-settur privat biex iżid il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha
tat-teħid tad-deċiżjonijiet, notevolment permezz ta' programmi
ta' azzjoni pożittiva, u talbu lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi
biex tilħaq bilanċ fil-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel
f'dan ir-rigward[3]. L-inizjattivi nazzjonali
tal-awtoregolamentazzjoni u tal-governanza korporattiva kienu mmirati sabiex
jinkoraġġixxu lill-kumpaniji biex jaħtru aktar nisa
f'pożizzjonijiet tal-ogħla livell. Madankollu, il-progress biex tiżdied
il-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji miexi bil-mod
ħafna, b'żieda annwali medja fis-snin l-imgħoddija ta' biss 0,6
punti perċentwali[4]. Ir-rata ta' titjib
fl-Istati Membri individwali hija inugwali u pproduċiet riżultati
diverġenti ħafna. L-aktar progress
sinifikanti ġie nnotat f'dawk l-Istati Membri u pajjiżi oħra
fejn ġew introdotti miżuri vinkolanti[5]. Inizjattivi
awtoregolatorji f'numru ta' Stati Membri ma rriżultawx f'tibdiliet
notevoli bl-istess mod. Bil-pass preżenti jridu jgħaddu bosta
għexieren ta' snin biex noqorbu lejn il-bilanċ bejn is-sessi madwar
l-UE. Id-diskrepanzi li dejjem qed jikbru bejn
l-Istati Membri x’aktarx li se jiżdiedu minħabba approċċi
differenti ħafna segwiti minn Stati Membri individwali. Xi Stati Membri żviluppaw
leġiżlazzjoni nazzjonali iżda indirizzaw gruppi differenti ta'
kumpaniji u b'approċċi legali differenti. Il-leġiżlazzjonijiet
nazzjonali, anki fejn dawn jindirizzaw il-problema, qegħdin jevolvu
f'direzzjonijiet differenti. Xi Stati Membri
ffavorixxew mudell "ikkonforma jew spjega", fejn il-kumpaniji li ma
jikkonformawx ma' objettiv tal-bilanċ bejn is-sessi jkollhom jiddikjaraw
ir-raġunijiet għaliex ma għamlux dan. Oħrajn
jistabbilixxu objettiv legali vinkolanti tal-bilanċ bejn is-sessi
b’sanzjonijiet. Xi Stati Membri jiffukaw fuq
kumpaniji elenkati, filwaqt li oħrajn jiffukaw fuq il-kumpaniji l-kbar
(irrispettivament mill-elenkar) jew kumpaniji tal-Istat biss. Xi Stati Membri qed jiffukaw il-miżuri
tagħhom fuq il-membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet ta' kumpaniji
elenkati filwaqt li oħrajn ikopru l-membri kemm eżekuttivi kif ukoll
mhux eżekuttivi tal-bordijiet ta' kumpaniji elenkati. Id-diverġenza jew in-nuqqas ta'
regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali mhux biss twassal għad-diskrepanzi
fl-għadd ta' nisa fost diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi u
rati differenti ta' titjib madwar l-Istati Membri, iżda toħloq ukoll
ostakoli għas-suq intern billi timponi rekwiżiti diverġenti dwar
governanza korporattiva għall-kumpaniji elenkati Ewropej. Din
l-evoluzzjoni varjata tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali wasslet
għal frammentazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi madwar l-UE, li
tissarraf f'obbligi legali inkonsistenti ta' komparabilità diffiċli,
konfużjoni u spejjeż ogħla għall-kumpaniji, l-investituri u
partijiet interessati oħra, u, fl-aħħar mill-aħħar,
tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. B'mod partikolari, dawn
id-differenzi fir-rekwiżiti ġuridiċi u awtoregolatorji
għall-kompożizzjoni tal-bordijiet korporattivi jistgħu jwasslu
għal kumplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpaniji elenkati li
joperaw bejn il-fruntieri, notevolment meta jistabbilixxu sussidjarji jew
f'fużjonijiet u akkwisti, kif ukoll għall-kandidati għal
pożizzjonijiet fil-bordijiet. In-nuqqas attwali ta' trasparenza
tal-proċeduri tal-għażla u kriterji ta' kwalifika
għall-pożizzjonijiet fil-bordijiet f'ħafna mill-Istati Membri
jirrappreżenta ostaklu importanti għal aktar diversità tal-membri
tal-bord u jaffettwa b'mod negattiv kemm il-karrieri tal-kandidati
għall-bordijiet u l-libertà ta' moviment tagħhom, kif ukoll
id-deċiżjonijiet tal-investituri. L-opaċità tal-ħatriet
għall-bordijiet tagħmilha aktar diffiċli għal nisa bi
kwalifiki meħtieġa għal pożizzjonijiet fil-bordijiet biex
japplikaw għal tali pożizzjonijiet b’mod ġenerali u
saħansitra aktar minn hekk fi Stat Membru ieħor. In-nuqqas ta'
trasparenza dwar il-kriterji ta' kwalifika għad-diretturi tal-kumpaniji jista'
wkoll ikollu impatt negattiv fuq il-kunfidenza tal-investituri f'kumpanija,
b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Id-divulgazzjoni
tal-informazzjoni relevanti dwar il-kompożizzjoni tal-bordijiet bejn
is-sessi se jissarraf ukoll f'obbligu ta' rendikont aktar b'saħħtu
għall-kumpaniji, teħid tad-deċiżjonijiet infurmat
aħjar u iktar solidu, allokazzjoni aħjar tal-kapital, u,
fl-aħħar mill-aħħar, tkabbir u impjiegi ogħla u aktar
sostenibbli fl-UE. Is-sottoutilizzazzjoni tal-ħiliet
tan-nisa kwalifikati ħafna tikkostitwixxi telf ta' potenzjal ta' tkabbir
ekonomiku. Li jiġu mmobilizzati kompletament ir-riżorsi umani
disponibbli kollha se jkun element ta' importanza ewlenija biex jiġu
indirizzati l-isfidi demografiċi tal-UE, biex nikkompetu b'suċċess
f'ekonomija globalizzata u niżguraw vantaġġ komparattiv
fir-rigward ta' pajjiżi terzi. Barra minn hekk, id-differenza bejn
is-sessi fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE tista' tkun
opportunità mitlufa fil-livell tal-kumpaniji f'termini kemm tal-governanza
korporattiva kif ukoll tal-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija[6].
Il-qalba tal-problema tinsab fil-persistenza ta' ostakli multipli li
jaffaċċjaw l-għadd dejjem jikber ta' nisa kwalifikati ħafna
li huma disponibbli għal postijiet fil-bordijiet[7]
fi triqithom lejn l-ogħla pożizzjonijiet fil-korporazzjonijiet. In-nuqqas
ta' rieda biex jinħatru kandidati nisa għal pożizzjonijiet fuq
il-bordijiet huwa ta' sikwit imsejjes fuq l-isterjotipi tas-sessi
fir-reklutaġġ u l-promozzjoni, kultura tan-negozju ddominata
mill-irġiel u n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċessi tal-ħatra
tal-bordijiet. Dawn l-elementi, li spiss jissejħu fl-intier tagħhom
bħala "saqaf tal-ħġieġ", jimminaw il-funzjonament
ottimali tas-suq tax-xogħol għal pożizzjonijiet maniġerjali
għoljin madwar l-UE. Is-sottorappreżentazzjoni persistenti
tan-nisa fuq il-bordijiet hija element prinċipali ta' nuqqas ta' diversità
aktar wiesa' fuq il-bordijiet bil-konsegwenzi negattivi tiegħu. Fil-bordijiet
bi predominanza ta' membri ta' sess wieħed hemm probabilità
konsiderevolment ogħla ta' "raġunar gregarju" dejjaq. Dan
jista' jikkontribwixxi għal nuqqas ta' sfida effettiva
għad-deċiżjonijiet tal-maniġment, billi n-nuqqas ta'
diversità fl-opinjonijiet, valuri, u kompetenzi jista' jwassal għal inqas
dibattitu, ideat u sfida fil-bordijiet. Diversità insuffiċjenti fuq
il-bordijiet hija marbuta fuq kollox ma' inċentivi tas-suq li mhumiex
suffiċjenti għall-kumpaniji biex ibiddlu s-sitwazzjoni. F'dan
ir-rigward, prattiki tar-reklutaġġ inadegwati għall-membri
tal-bordijiet jikkontribwixxu sabiex tissokta l-għażla ta' membri bi
profili simili. L-għażla ta' spiss tillimita ruħha għal
grupp żgħir wisq ta' nies, id-diretturi mhux eżekuttivi ta'
spiss għadhom jiġu reklutati permezz ta' netwerk ta' ħbieb minn
fost in-negozji u l-kuntatti personali tal-membri tal-bord kurrenti. In-nuqqas
ta' trasparenza dwar id-diversità fuq il-bordijiet qiegħda tirrinforza
l-problema, billi l-livell ta' informazzjoni u l-grad sa liema din
l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku inġenerali spiss
ikunu insuffiċjenti. F'dak li jirrigwarda l-objettivi
għall-kompożizzjoni tal-bordijiet, it-trasparenza
tar-reklutaġġ u r-rappurtar dwar id-diversità tas-sessi
tal-bordijiet, il-problemi identifikati jaffettwaw il-prestazzjoni ġenerali
tal-kumpaniji, l-obbligi ta' rendikont tagħhom, il-kapaċità
tal-investituri biex jivvalutaw u jikkalkulaw b'mod xieraq u f'waqtu
l-informazzjoni kollha rilevanti, u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji
tal-UE. Bħala konsegwenza, il-potenzjal tas-suq intern għat-tkabbir
sostenibbli u l-impjiegi jista' ma jiġix sfruttat b'mod sħiħ. Rekwiżiti
ċari rigward il-miri li jridu jintlaħqu mill-kumpaniji fir-rigward
tal-ġeneru tad-diretturi mhux eżekuttivi, it-trasparenza
tal-proċess ta' reklutaġġ (kriterji ta' kwalifika) u l-obbligi
tar-rapportar fir-rigward tad-diversità tas-sessi tal-bordijiet huma
għaldaqstant neċessarji. Kuntest tal-politika Reċentement, il-kwistjoni tat-titjib
tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet
ekonomiċi saret dejjem aktar prominenti fl-areni nazzjonali, Ewropej u
internazzjonali, b’enfasi partikolari fuq id-dimensjoni ekonomika tad-diversità
tas-sessi. Il-Kummissjoni Ewropea rriaffermat
l-appoġġ tagħha għal parteċipazzjoni akbar tan-nisa
f'pożizzjonijiet ta' responsabilità, kemm fil-Karta tan-Nisa[8]
tagħha kif ukoll fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u
l-Irġiel 2010-2015[9] tagħha, filwaqt li
ppubblikat ukoll diversi rapporti li janalizzaw is-sitwazzjoni[10].
Fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn
is-Sessi 2011-2020, adottat fis-7 ta' Marzu 2011, il-Kunsill
irrikonoxxa li politiki għall-ugwaljanza bejn is-sessi huma vitali
għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività u
ħeġġeġ l-azzjoni biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni
ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet
fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, sabiex isir użu sħiħ
mit-talenti kollha. Il-Parlament Ewropew ripetutament sejjaħ
lill-kumpaniji u lill-Istati Membri biex iżidu r-rappreżentazzjoni
femminili tan-nisa fil-korpi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u
stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi kwoti leġiżlattivi biex
jintlaħaq il-minimu kritiku ta' parteċipazzjoni femminili ta' 30
fil-mija fil-korpi tal-maniġment sal-2015 u 40 fil-mija sal-2020[11].
L-imsieħba soċjali Ewropej
irriaffermaw l-impenn tagħhom għal azzjoni ulterjuri f’dan il-kamp
fil-programm ta' ħidma tagħhom għall-2012-2014. L-iskop tal-proposta L-għan tal-proposta huwa li
żżid sostanzjalment in-numru ta' nisa fil-bordijiet korporattivi
madwar l-UE billi tistabbilixxi objettiv minimu ta' preżenza ta' 40%
tas-sess sottorappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta'
kumpaniji elenkati fuq il-borża u billi tobbliga lil kumpaniji b'sehem
iżgħar tas-sess sottorappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi
sabiex jintroduċu kriterji prestabbiliti, ċari, formulati b'mod
newtrali u mhux ambigwi fil-proċeduri tal-għażla għal dawk
il-pożizzjonijiet sabiex jiksbu dak l-għan. Il-proposta tfittex li tippromwovi
l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet
ekonomiċi u li tutilizza b’mod sħiħ ir-riżorsa ta' talent
eżistenti ta' kandidati għal rappreżentazzjoni aktar ugwali bejn
is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, u b'hekk tikkontribwixxi
għall-miri tal-Ewropa 2020. Id-Direttiva proposta se twassal biex
jitneħħew l-ostakoli li jiffaċċjaw in-nisa meta jimmiraw
għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet u għal governanza
korporattiva mtejba, kif ukoll prestazzjoni mtejba tal-kumpaniji. Armonizzazzjoni minima fir-rigward kemm
tar-rekwiżit għall-kumpaniji elenkati sabiex jieħdu
deċiżjonijiet ta' ħatra abbażi ta' valutazzjoni
komparattiva oġġettiva tal-kwalifiki tal-kandidati kif ukoll
it-twaqqif ta' objettiv kwantitattiv għall-bilanċ bejn is-sessi fost
id-diretturi mhux eżekuttivi jidhru li huma essenzjali sabiex jiġu
żgurati kundizzjonijiet kompetittivi ġusti u biex jiġu evitati
kumplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpaniji elenkati fis-suq intern. L-objettiv kwantifikat ta' 40% stabbilit minn
din id-Direttiva japplika biss għad-diretturi mhux eżekuttivi sabiex
jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiżdied
id-diversità tas-sessi tal-bordijiet minn naħa u l-ħtieġa li
jitnaqqsu l-interferenzi mal-amministrazzjoni ta' kuljum ta' kumpanija
min-naħa l-oħra. Diretturi mhux eżekuttivi u bordijiet
superviżorji għandhom rwol essenzjali fil-ħatra tal-ogħla
livell tal-maniġment u l-formazzjoni tal-politika tar-riżorsi umani
tal-kumpanija. Preżenza aktar qawwija tas-sess l-anqas irrappreżentat
fost id-diretturi mhux eżekuttivi għalhekk se jkollha effetti
anċillari pożittivi għad-diversità tas-sessi fis-sellum kollu
tal-karrieri. Il-proposta tiffoka fuq kumpaniji elenkati
pubblikament, minħabba l-importanza ekonomika u l-viżibilità
għolja tagħhom. Huma jiffissaw l-istandards għas-settur privat
inġenerali. Barra minn hekk, huma għandhom tendenza li jkollhom
bordijiet akbar u jkollhom status legali simili madwar l-UE, li jipprovdi
l-komparabilità tas-sitwazzjonijiet li hi meħtieġa. L-għan propost ta' 40% għas-sehem
minimu taż-żewġ sessi huwa konformi mal-miri li qed jiġu
diskussi u stabbiliti bħalissa f'numru ta' Stati Membri
tal-UE/pajjiżi taż-ŻEE. Din iċ-ċifra tinsab bejn
il-minimu tal-"massa kritika" ta' 30%, li nstab bħala
meħtieġ sabiex ikun hemm impatt sostenibbli fuq il-prestazzjoni
tal-bord u parità sħiħa bejn is-sessi (50%). Konsistenza ma’ politiki u
għanijiet oħra tal-Unjoni u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
tal-Unjoni Ewropea L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija
wieħed mill-valuri li huma s-sisien tal-UE u wieħed
mill-għanijiet ewlenin tagħha skont l-Artikoli 2 u 3(3) TUE. Bl-istess
mod, skont l-Artikolu 8 TFUE, l-Unjoni għandha timmira li telimina
l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa
fl-attivitajiet kollha tagħha. Hemm diversi miżuri legali importanti
fis-seħħ għall-promozzjoni tat-trattament u l-opportunitajiet
ugwali għall-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u
xogħol, inkluż impjieg għal rashom[12].
Il-proposta hija konsistenti mal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"). Hija se
tgħin biex tippromovi d-drittijiet fundamentali, partikolarment dawk
relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 23) u
mal-libertà tal-għażla tal-mestier (l-Artikolu 15). Il-proposta tmiss ukoll il-libertà tal-impriża (l-Artikolu 16) u
d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17). Hija
tagħmel dan b’mod ġustifikat: f'konformità
mal-prinċipju tal-proporzjonalità l-enfasi tal-proposta huwa fuq il-membri
mhux eżekuttivi tal-bord li – filwaqt li huma atturi importanti
partikolarment fir-rigward tal-governanza korporattiva – mhumiex involuti
fl-operazzjonijiet ta' kuljum. L-Artikolu 21(1) tal-Karta jipprojbixxi,
fil-prinċipju, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess. L-Artikolu
23 jirrikonoxxi, madankollu, li l-prinċipju ta' ugwaljanza ma għandux
jostakola ż-żamma jew l-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex
jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas
irrappreżentat. Dan il-prinċipju ta' azzjoni
pożittiva huwa wkoll rikonoxxut fl-Artikolu 157(4) TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
(QĠUE) stabbilixxiet il-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti
sabiex jiġu rrikonċiljati ż-żewġ kunċetti formali
tal-ugwaljanza fit-trattament u l-azzjoni pożittiva mmirata biex twassal
għall-ugwaljanza de facto, li t-tnejn li huma huma rikonoxxuti fil-Karta
kif ukoll fl-Artikolu 157 TFUE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54/KE. Il-kriterji huma: (1)
il-miżuri għandhom jikkonċernaw
settur li fih in-nisa huma sottorappreżentati; (2)
huma jistgħu biss jagħtu prijorità lil
kandidati nisa fuq kandidati rġiel fejn huma kwalifikati daqshom: (3)
huma m'għandhomx jagħtu prijorità
awtomatika u bla kundizzjoni lil kandidati ugwalment kwalifikati, imma
għandhom jinkludu "klawżola tas-salvezza" li
tinkludi l-possibilità li jingħataw eċċezzjonijiet
f'każijiet ġustifikati li jqisu s-sitwazzjoni individwali, b’mod
partikolari s-sitwazzjoni personali ta' kull kandidat. Il-proposta hija f’konformità ma' dawn
il-kriterji (ara l-Artikolu 4(3)). 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Konsultazzjoni u għarfien espert Mill-5 ta' Marzu sat-28 ta' Mejju 2012,
il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika biex tiġbor
l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar jekk għandhiex
tittieħed xi azzjoni biex jiġi ttrattat l-iżbilanċ bejn
is-sessi fil-bordijiet korporattivi, u, jekk iva, x’tip ta' azzjoni. Min-numru
totali ta' 485 risposta, 161 kienu mibgħuta minn ċittadini
individwali u 324 kienu mibgħuta minn organizzazzjonijiet. Dawn kienu
jinkludu 13-il Stat Membru, 3 gvernijiet reġjonali, 6 ibliet jew
muniċipalitajiet, 79 kumpanija (kemm kumpaniji elenkati kbar kif ukoll
SMEs), 56 assoċjazzjoniji kummerċjali fuq livell tal-UE u nazzjonali,
53 NGOs (ħafna minnhom organizzazzjonijiet tan-nisa), trejdjunjins,
assoċjazzjonijiet professjonali, partiti politiċi, assoċjazzjonijiet
tal-investituri u azzjonisti, atturi involuti fil-governanza korporattiva u
oħrajn. Kien hemm kunsens wiesa’ dwar il-bżonn
urġenti biex jiżdied is-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet
tal-kumpaniji. Il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li wieġbu qablu li
forza tax-xogħol u struttura tal-bord b’diversità bejn is-sessi huwa mutur
tal-innovazzjoni, il-kreattività, il-governanza tajba u l-espansjoni tas-suq
għall-kumpaniji u li jkun nieqes mill-viżjoni li wieħed
iħalli mhux sfruttat il-potenzjal ekonomiku ta' nisa kwalifikati. L-opinjonijiet
varjaw fost il-partijiet interessati dwar il-mezzi xierqa biex ikun hemm bidla.
Filwaqt li xi wħud, fil-biċċa l-kbira l-partijiet interessati
tan-negozju, ippreferew li tkompli l-awtoregolamentazzjoni, partijiet
interessati oħra, inklużi t-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet
tan-nisa, NGOs oħra u għadd ta' awtoritajiet reġjonali u
muniċipali, kienu favur approċċ aktar ambizzjuż fil-forma
ta' objettivi vinkolanti. Xi partijiet interessati ssuġġerew li
l-ewwel għandu jsir enfasi fuq il-membri tal-bord mhux eżekuttivi u
l-bords superviżorji, billi dan ikun jinvolvi interferenza inqas
sinifikanti fil-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpaniji, filwaqt li l-membri
eżekuttivi tal-bordijiet għandhom isegwu aktar tard. Stħarriġ tal-2011 tal-Eurobarometer[13]
żvela li 88% tal-Ewropej jaħsbu li n-nisa għandhom ikunu
rappreżentati b'mod ugwali f'pożizzjonijiet ta' tmexxija
fil-kumpaniji. Meta ngħataw il-possibilità li jagħżlu bejn tliet
għażliet sabiex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet
tal-kumpaniji, l-opinjoni hija maqsuma bejn l-awtoregolamentazzjoni
mill-kumpaniji (31%), miżuri legali vinkolanti (26%), u miżuri li ma
jorbtux bħal Kodiċijiet u Karti ta' Governanza Korporattiva (20%). Madankollu,
75% tal-Ewropej huma favur leġiżlazzjoni sakemm jitqiesu l-kwalifiki
u ma jiġux awtomatikament favoriti l-membri ta' sess wieħed. Valutazzjoni tal-impatt Il-valutazzjoni tal-impatt (IA) analizzat
ħames għażliet ta' politika, deskritti b'mod sħiħ
fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt: –
Alternattiva 1: Ix-xenarju
bażi (jiġifieri l-ebda azzjoni oħra fil-livell tal-UE); –
Alternattiva 2: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ
lill-Istati Membri biex jiksbu l-objettiv ta' mill-inqas 40% tal-membri
tal-bord ta' kull sess sal-2020; –
Alternattiva 3: Direttiva li tintroduċi objettiv li jorbot ta' mill-inqas 40% minn
kull sess sal-2020 għal diretturi mhux eżekuttivi; –
Alternattiva 4: Direttiva li tintroduċi objettiv li jorbot ta' mill-inqas 40%
tal-membri tal-bord ta' kull sess sal-2020 għal diretturi mhux
eżekuttivi u objettiv flessibbli għad-diretturi eżekuttivi
oġġettivi, li jkun stabbilit mill-kumpaniji nfushom; –
Alternattiva 5: Direttiva li tintroduċi objettiv vinkolanti ta' mill-inqas 40%
tal-membri tal-bord ta' kull sess sal-2020 kemm għad-diretturi
eżekuttivi kif ukoll għal dawk mhux eżekuttivi. Ir-riżultat tat-tqabbil tal-konsegwenzi
tal-għażliet ta' politika differenti kien li (i) miżuri
vinkolanti huma aktar effettivi biex jintlaħqu l-għanijiet
tal-politika minn miżuri li ma jorbtux, (ii) il-miżuri li jkollhom
fil-mira l-membri tal-bord kemm eżekuttivi kif ukoll dawk mhux
eżekuttivi huma aktar effettivi mill-miżuri mmirati biss lejn grupp
wieħed u (iii) miżuri vinkolanti joħolqu aktar
benefiċċji għas-soċjetà u ekonomiċi minn miżuri
mhux vinkolanti. Fl-istess ħin, l-effikaċja
tad-diversi alternattivi ta' politika hija direttament marbuta mal-grad ta'
interferenza mad-drittijiet tal-kumpaniji u tal-azzjonisti tagħhom
bħala s-sidien tagħhom, inklużi d-drittijiet fundamentali
tagħhom. Meta mqabbla ma' miżura mhux vinkolanti b'effett
tanġibbli iżda limitat, żieda sostanzjali fl-impatt f'termini
tal-għanijiet ta' politika tkun teħtieġ strument li jorbot, li
jippreskrivi rekwiżiti minimi għall-kompożizzjoni tal-bordijiet.
Miżuri vinkolanti jinvolvu
komparattivament aktar spejjeż u piżijiet amministrattivi li,
madankollu, jibqgħu pjuttost modesti meta mqabbla mal-benefiċċji
ekonomiċi proġettati. Il-piż amministrattiv huwa mistenni li
jkun minimu għall-għażliet kollha ta' politika, minħabba li
dawn l-għażliet għandhom ikopru biss kumpaniji elenkati
pubblikament li huma mistennija li jkunu jistgħu jużaw
il-mekkaniżmi eżistenti tar-rappurtar. Il-proposta attwali tagħżel
l-effikaċja miżjuda ta' objettivi fissi u l-benefiċċji
ekonomiċi u soċjali usa’ li jirriżultaw fir-rigward tal-membri
tal-bord mhux eżekuttivi li jiġġustifikaw grad ogħla ta'
interferenza fid-drittijiet fundamentali. Il-proposta tibqa' lura milli
tistabbilixxi objettiv vinkolanti fiss għall-membri eżekuttivi
tal-bordijiet, minħabba l-ħtieġa ikbar għal għarfien u
esperjenza speċifiċi għas-setturi fil-ġestjoni ta' kuljum
ta' kumpanija. Madankollu, il-kumpaniji għandhom ikunu obbligati li
jagħmlu impenji fir-rigward tad-diretturi eżekuttivi li jirriflettu
ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, u li jirrapportaw
dwar il-konformità ma' dawn l-impenji. Il-proposta hija għalhekk
ibbażata fuq l-Għażla 4. 3. ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA Bażi legali L-Artikolu 157(3) TFUE huwa l-bażi legali
għal kull miżura vinkolanti mmirata sabiex tiġi żgurata
l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u t-trattament
ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol,
inkluża azzjoni pożittiva. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu
157(3) TFUE. Sussidjarjetà Il-miżuri introdotti minn xi Stati Membri
biex isaħħu l-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet
tal-kumpaniji jvarjaw ħafna, u numru sostanzjali ta' Stati Membri, b'mod
partikolari dawk fejn is- sehem tan-nisa fost id-diretturi huwa partikolarment
baxx, ma ħadu l-ebda azzjoni f'dan il-qasam. Huma ma huma qed juru l-ebda rieda
jew qed jiffaċċjaw reżistenza biex jaġixxu fuq inizjattiva
tagħhom stess. Fl-istess ħin, hemm diskrepanzi f'termini
tal-għadd ta' nisa fuq il-bordijiet fl-Istati Membri, bl-indikatur ewlieni
jvarja minn 3% sa 27% - sitwazzjoni li thedded il-ksib tal-għan
fundamentali tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta'
deċiżjonijiet ekonomiċi madwar l-Unjoni. Il-projezzjonijiet fir-rapport tal-valutazzjoni
tal-impatt ibbażati fuq informazzjoni komprensiva dwar inizjattivi
leġiżlattivi u awtoregolatorji eżistenti jew ippjanati f’dan
il-qasam fl-Istati Membri kollha juru li mingħajr l-azzjoni tal-UE,
ir-rappreżentanza femminili fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati
pubblikament hija mistennija li tevolvi minn 13,7% fl-2012 għal 20,4%
(20,84% l-eċċezzjoni tal-SMEs) fl-2020 għall-UE. Stat Membru
wieħed biss (Franza) se jkun kiseb rappreżentanza femminili ta' 40%
fil-bordijiet sal-2020 bħala r-riżultat ta' leġiżlazzjoni
vinkolanti nazzjonali ta' kwota. Biss 7 Stati Membri oħra - il-Finlandja,
il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja, Spanja, id-Danimarka u
l-Isvezja – huma stmati li jilħqu l-40% qabel 2035. Minbarra li ma jkunx
sodisfaċenti mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, dan mhux ser
ikun biżżejjed sabiex jipprovdi l-“massa kritika” ta' nisa fuq il-bordijiet
madwar l-Unjoni li, kif turi r-riċerka, hija meħtieġa biex
jinħolqu effetti pożittivi fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji. Abbażi
ta' dan ix-xenarju, l-UE kollha kemm hi saħansitra mhijiex mistennija li
tikseb 40% tan-nisa fil-bordijiet sal-2040. Irrispettivament mill-possibilità
ġenerali għall-Istati Membri biex jaġixxu b’mod effiċjenti,
l-indikazzjonijiet konkreti tal-Istati Membri rigward l-intenzjonijiet
tagħhom, inklużi t-tweġibiet tagħhom
għall-konsultazzjoni pubblika u l-projezzjonijiet ibbażati fuq
l-informazzjoni kollha disponibbli, juru ċar li azzjoni mill-Istati Membri
individwalment mhux se tilħaq l-għan ta' rappreżentazzjoni aktar
bilanċjata bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji f'konformità
mal-għanijiet tal-politika stabbiliti f’din il-proposta sal-2020 jew f’xi
punt fil-futur prevedibbli. Din is-sitwazzjoni tinvolvi ċertu numru
ta' riskji għall-kisba tal-għan fundamentali tal-ugwaljanza bejn
is-sessi madwar l-Unjoni. It-Trattati Kostituttivi kellhom il-ħsieb li
joħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri billi jnaqqxu
l-prinċipju tal-pagi ndaqs u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq
tax-xogħol, sabiex tiġi evitata kwalunkwe kompetizzjoni 'l isfel bejn
l-Istati Membri fl-oqsma tax-xogħol u t-trattament ugwali. L-Istati Membri
jistgħu tabilħaqq jaħsbuha darbtejn biex jirregolaw f'dan
il-qasam u waħedhom, għaliex jistgħu jipperċepixxu riskju
li jqiegħdu l-kumpaniji tagħhom stess fi żvantaġġ meta
mqabbla ma’ kumpaniji minn Stati Membri oħra. Din il-perċezzjoni,
imsaħħa minn pressjoni mill-komunità tan-negozju, tirrappreżenta
ostakolu maġġuri addizzjonali li jimpedixxi lill-Istati Membri milli
jieħdu azzjoni xierqa. Barra minn hekk, wieħed jista' jistenna
li regolamentazzjoni mifruxa u diverġenti fil-livell nazzjonali
toħloq problemi prattiċi għall-funzjonament tas-suq intern. Regoli
differenti tal-liġi tal-kumpaniji u sanzjonijiet għan-nuqqas ta'
osservanza ta' kwota nazzjonali vinkolanti, bħall-esklużjoni
mill-akkwist pubbliku, jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet
għall-ħajja kummerċjali u jkollhom effett ta' deterrent fuq
l-investimenti transkonfinali tal-kumpaniji u l-istabbiliment ta' sussidjarji
fi Stati Membri oħra. Regoli diverġenti jew in-nuqqas ta' regoli dwar
il-proċedura ta' selezzjoni għall-pożizzjonijiet ewlenin ta'
membri tal-bord mhux eżekuttivi mingħajr ebda standards minimi u
l-impatt ta' dawn id-differenzi fuq il-governanza korporattiva u l-valutazzjoni
tal-governanza korporattiva mill-investituri jistgħu jkomplu jwasslu
għal problemi fil-funzjonament tas-suq intern. Il-potenzjal għall-kompetittività u
t-tkabbir inerenti f'li wieħed jagħmel użu sħiħ
mit-talenti tal-aktar nisa kwalifikati għal pożizzjonijiet
fil-bordijiet jista' jitwettaq b'mod iktar effettiv, permezz ta' raġunijiet
ta' skala, jekk l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom f'dik
id-direzzjoni, partikolarment dawk fejn iċ-ċifri huma bħalissa
baxxi u mhi qed tittieħed l-ebda azzjoni u lanqas mhu previst li
tittieħed tali azzjoni. Biss miżura fuq il-livell tal-UE tista'
effettivament tgħin biex jiġi żgurat ambjent kompetittiv ekwu
madwar l-Unjoni u jiġu evitati kumplikazzjonijiet prattiċi
fil-ħajja kummerċjali permezz tal-armonizzazzjoni minima
tar-rekwiżiti tal-governanza korporattiva relatati ma'
deċiżjonijiet ta' ħatra bbażati fuq kriterji
oġġettivi dwar il-kwalifiki sabiex jintlaħaq bilanċ bejn
is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi. Għalhekk jista' jiġi konkluż li
l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu
biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom u jistgħu
jintlaħqu aħjar permezz ta' azzjoni koordinata fil-livell tal-UE
aktar milli permezz ta' inizjattivi nazzjonali ta' firxa, ambizzjoni u
effikaċja varjabbli. Il-proposta għalhekk tikkonforma
mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Proporzjonalità Miżuri mhux vinkolanti
bħar-rakkomandazzjonijiet u s-sejħiet
għall-awtoregolamentazzjoni fil-livell tal-UE li saru fil-passat ma kisbux
u ma jistgħux ikunu mistennija li jiksbu l-għan li tittejjeb
l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet
ekonomiċi madwar l-UE. Azzjoni iktar mifruxa li tittieħed fil-livell
tal-UE hija għalhekk meħtieġa biex jintlaħqu dawk
l-għanijiet. Madankollu, din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li
huwa strettament meħtieġ biex jinkiseb progress sostenibbli fis-sehem
tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, mingħajr ma jkollha effett fuq
il-funzjonament ta' kumpaniji privati u l-ekonomija tas-suq. Din il-proposta ta' armonizzazzjoni minima
hija limitata għat-twaqqif ta' objettivi komuni, u tagħti lill-Istati
Membri biżżejjed libertà biex jiddeterminaw kif għandhom jinkisbu
l-aħjar fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi
nazzjonali, reġjonali jew lokali li jinkludu l-liġi nazzjonali
tal-kumpaniji u l-prattiki tar-reklutaġġ tal-bordijiet tal-kumpaniji.
B'mod partikolari, il-proposta teħtieġ biss dawk il-bidliet
għal-liġi nazzjonali tal-kumpaniji li huma strettament
meħtieġa għall-armonizzazzjoni minima tar-rekwiżiti
għad-deċiżjonijiet tal-ħatra u tirrispetta l-istrutturi
differenti tal-bordijiet madwar l-Istati Membri. Hija ma tkoprix impriżi
żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li għalihom dawn il-miżuri
jistgħu jirrappreżentaw piż sproporzjonat. Barra minn hekk, kif
spjegat hawn fuq, il-proposta tistabbilixxi għanijiet kwantitattivi biss
għall-membri tal-bord mhux eżekuttivi, u b’hekk tillimita
konsiderevolment l-interferenza fil-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpaniji. Billi
d-diretturi mhux eżekuttivi prinċipalment iwettqu kompiti
superviżorji, huwa wkoll aktar faċli biex jiġu reklutati
kandidati kwalifikati minn barra l-kumpanija jew is-settur speċifiku –
konsiderazzjoni li hija importanti għall-oqsma tal-ekonomija fejn
il-membri ta' sess partikolari huma partikolarment sottorappreżentati
fil-forza tax-xogħol. In-natura temporanja tad-Direttiva proposta
(ara l-Artikolu 10) isaħħaħ il-konformità tagħha
mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Għażla tal-istrument Direttiva hija l-istrument li l-aħjar
jiżgura livell minimu koerenti ta' diversità tas-sessi fost diretturi mhux
eżekuttivi fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE,
filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri biex jaġġustaw
ir-regolamentazzjoni dettaljata għas-sitwazzjonijiet speċifiċi
tagħhom f'termini tal-liġi nazzjonali tal-kumpaniji u biex
jagħżlu l-aħjar mezz ta' infurzar u sanzjonijiet. Hija
tippermetti wkoll lill-Istati Membri individwali sabiex imorru lil hinn
mill-istandard minimu, fuq bażi volontarja. Żona Ekonomika Ewropea Dan huwa test ta' rilevanza
għaż-Żona Ekonomika Ewropea u d-Direttiva se tkun applikabbli
għall-Istati Membri li mhumiex fl-UE taż-Żona Ekonomika Ewropea
wara deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandha ebda
implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. 5. Spjegazzjoni dettaljata
tad-dispożizzjonijiet speċifiċi Artikolu 1: Għan Din id-dispożizzjoni tiddikjara
l-għan ta' din id-Direttiva. Artikolu 2: Definizzjonijiet Dan l-Artikolu jistipula d-definizzjonijiet
ewlenin, li huma bbażati fuq dawk fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
2005/162/KE dwar ir-rwol ta' diretturi mhux-eżekuttivi jew
superviżorji ta' kumpaniji elenkati fil-borża u dwar il-kumitati
tal-bord (superviżorju)[14], dwar
ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar
id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju[15] fir-rigward tad-definizzjoni
tal-SMEs, u dwar id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru
2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri
u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja
fi ħdan ċerti impriżi[16] fir-rigward
tad-definizzjoni ta' impriżi pubbliċi. Id-definizzjonijiet jiżguraw b'mod
partikolari li d-Direttiva hija applikabbli bl-istess mod għal diversi
sistemi tal-istrutturi tal-bordijiet għall-kumpaniji elenkati li
jeżistu fl-Istati Membri, jiġifieri għal sistema "ta'
żewġ livelli" li fiha jkun hemm bordijiet separati
tal-ġestjoni u superviżorji, għal sistema unitarja ("ta'
livell wieħed") li tikkombina l-funzjonijiet maniġerjali u
superviżorji f'bord uniku wieħed, kif ukoll għas-sistemi
mħalltin li għandhom elementi tas-sistema "ta' livell
wieħed" u "ta' żewġ livelli" jew jagħtu
lill-kumpaniji għażla bejn mudelli differenti. Id-definizzjoni ta' "direttur" tiċċara
li l-objettivi stabbiliti mid-direttiva jkopru d-diretturi mhux eżekuttivi
kollha, inklużi rappreżentanti tal-ħaddiema f'dawk l-Istati Membri
fejn ċertu proporzjon tad-diretturi mhux eżekuttivi jistgħu jew
għandhom jiġu appuntati jew eletti mill-ħaddiema tal-kumpanija
u/jew organizzazzjonijiet tal-ħaddiema skont il-liġi jew il-prattika
nazzjonali filwaqt li l-proċeduri prattiċi sabiex jiġi żgurat
li l-objettivi stipulati f'din id-Direttiva jinkisbu għandhom jiġu
ddefiniti mill-Istati Membri kkonċernati (ara l-Premessa 21). Artikolu 3: Esklużjoni ta'
impriżi żgħar u ta' daqs medju Dan l-Artikolu jeskludi mill-ambitu
tad-Direttiva kumpaniji elenkati li huma żgħar u ta' daqs medju
(SMEs), kif definiti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE
tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi
mikro, żgħar u ta' daqs medju[17]. Artikolu 4: L-objettivi fir-rigward
ta' diretturi mhux eżekuttivi Il-paragrafu 1 jimponi fuq il-kumpaniji
elenkati li ma għandhomx preżenza tas-sess sottorappreżentat ta'
mill-inqas 40 fil-mija tad-diretturi mhux eżekuttivi obbligu li
jagħmlu l-ħatriet għal dawk il-pożizzjonijiet fuq
il-bażi ta' analiżi komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat,
billi japplikaw kriterji prestabbilti, ċari, ifformulati b'mod newtrali u
mhux ambigwi, sabiex jintlaħaq il-perċentwal imsemmi sa mhux aktar
tard mill-1 ta' Jannar 2020. Skadenza iqsar
(l-1 ta' Jannar 2018) hija stabbilita għall-kumpaniji
elenkati li huma impriżi pubbliċi fi ħdan it-tifsira
tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE
tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet
finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar
it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi[18].
L-Istati Membri jeżerċitaw influwenza dominanti fuq tali kumpaniji u
għalhekk għandhom iktar strumenti biex iwettqu l-bidla aktar malajr. Il-paragrafu 2 jispeċifika l-metodu ta'
kalkolu tal-għadd eżatt ta' pożizzjonijiet ta' diretturi mhux
eżekuttivi meħtieġa għall-konformità mal-għan imsemmi
fil-paragrafu 1. In-numru eżatt ta' pożizzjonijiet fuq il-bord
meħtieġa għall-konformità mal-għan għandu jkun
in-numru l-eqreb għal 40 fil-mija, kemm jekk taħt kif ukoll jekk fuq
dak il-limitu minimu, iżda fl-istess ħin il-kumpaniji elenkati ma
għandhomx ikunu obbligati li jaħtru l-membri tas-sess l-anqas
irrappreżentat għal nofs jew aktar mill-pożizzjonijiet mhux eżekuttivi
tal-bord, sabiex jiġu evitati ostakli eċċessivi. Il-paragrafu 3 jimponi regola ta' preferenza
li għandha l-għan li tilħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu
1. Din ir-regola ta' preferenza tistipula li, fil-preżenza ta' kandidati
kwalifikati ndaqs taż-żewġ sessi għandha tingħata
prijorità lill-kandidat mis-sess l-anqas rappreżentat sakemm valutazzjoni
oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi
għall-kandidati individwali ma xxaqlibx il-bilanċ favur il-kandidat
tas-sess l-ieħor. Dan ir-rekwiżit proċedurali huwa
meħtieġ biex jiġi żgurat li l-għanijiet ikunu konformi
mal-ġurisprudenza[19] tal-Qorti
tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-azzjoni pożittiva. Ir-rekwiżiti
stabbiliti f'dan il-paragrafu għandhom jintlaħqu fi stadju xieraq
tal-proċess tal-għażla skont il-liġi nazzjonali u l-artikoli
tal-assoċjazzjoni tal-kumpaniji elenkati. Il-paragrafu 4 jimponi obbligu ta'
divulgazzjoni u regola tal-oneru tal-prova applikabbli f'każijiet ta'
sfidi għall-proċedura tal-għażla minn kandidati li ma
jirnexxux. Il-paragrafu 5 jipprovdi għall-possibilità
li n-nuqqas ta' konformità mal-objettiv jiġi ġġustifikat fejn
il-membri tas-sess l-anqas irrappreżentat jirrappreżentaw inqas minn
10 fil-mija tal-forza tax-xogħol. Il-paragrafu 6 jipprovdi li l-objettiv
stabbilit fil-Paragrafu 1 jista' jintlaħaq ukoll fejn il-membri tas-sess
l-anqas rappreżentat ikollhom mill-inqas terz tal-pożizzjonijiet
kollha ta' direttur, irrispettivament minn jekk humiex eżekuttivi jew mhux
eżekuttivi. Artikolu 5: Miżuri addizzjonali
minn kumpaniji u rappurtar Il-paragrafu 1 jimponi obbligu
għall-kumpaniji elenkati sabiex jagħmlu impenji individwali rigward
ir-rappreżentazzjoni taż-żewġ sessi fost id-diretturi
eżekuttivi li jridu jintlaħqu sal-1 ta' Jannar 2020,
jew sal-1 ta' Jannar 2018 fil-każ ta' kumpaniji elenkati li
huma impriżi pubbliċi. Il-paragrafu 2 jimponi obbligu
għall-kumpaniji elenkati sabiex jipprovdu u jippubblikaw informazzjoni
dwar il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet tagħhom u dwar
il-konformità mal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) fuq bażi annwali. Il-paragrafu 3 jimponi fuq kumpaniji elenkati
li jonqsu milli jilħqu l-għanijiet li jikkonċernaw diretturi
mhux eżekuttivi jew impenji li jikkonċernaw diretturi eżekuttivi
obbligu addizzjonali biex jispjegaw ir-raġunijiet u jinkludu deskrizzjoni
tal-miżuri meħuda u ppjanati sabiex jintlaħqu l-għanijiet
jew l-impenji fil-ġejjieni. Il-paragrafu 4 huwa dwar il-kompetenzi
tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza stabbiliti skont id-Direttiva 2006/54/KE. Artikolu 6: Sanzjonijiet Dan l-Artikolu jobbliga lill-Istati Membri
biex jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' ksur
ta' din id-Direttiva. Dawn is-sanzjonijiet iridu jkunu effettivi, proporzjonati
u dissważivi. Lista mhux eżawrjenti ta' miżuri konkreti
possibbli hija stipulata fil-paragrafu 2. Artikolu 7: Rekwiżiti minimi Din id-dispożizzjoni tiddikjara n-natura
ta' armonizzazzjoni minima tad-Direttiva. Artikolu 8: Implimentazzjoni L-Istati Membri huma taħt l-obbligu li
jadottaw il-miżuri tat-traspożizzjoni rilevanti fi żmien sentejn
mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva. L-Artikolu jispeċifika wkoll
l-obbligi li jikkonċernaw dawk il-miżuri u l-komunikazzjoni
tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Paragrafu 3 jippermetti lill-Istati
Membri li qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva diġà
ħadu miżuri sabiex jiżguraw rappreżentazzjoni aktar
bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi mhux eżekuttivi
ta' kumpaniji elenkati sabiex jissospendu l-applikazzjoni tal-obbligi
proċedurali relatati mal-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1),
(3), (4) u (5), sakemm jistgħu juru li l-miżuri meħuda huma ta'
effikaċja ekwivalenti sabiex jiksbu l-objettiv stabbilit
fl-Artikolu 4(1). Artikoli 9, 10 u 11: Reviżjoni; Dħul
fis-seħħ u skadenza; Destinatarji Din id-Direttiva timponi obbligu ta' rappurtar
fuq l-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq valutazzjoni u
tirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva kull sentejn, b'mod partikolari
dwar jekk l-għanijiet tad-Direttiva ntlaħqux. L-għanijiet vinkolanti jibqgħu
fis-seħħ biss sakemm jinkiseb progress sostenibbli
fil-kompożizzjoni tal-bordijiet bejn is-sessi u d-Direttiva tinkludi
"klawsola ta' estinzjoni" f'dak is-sens. 2012/299 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi
fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u
miżuri relatati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz
tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew,[20] Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) L-ugwaljanza bejn in-nisa u
l-irġiel hija wieħed mill-valuri ta' bażi u l-għanijiet
ewlenin tal-UE skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea. Skont it-termini tal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ it-Trattat), l-Unjoni
għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza,
bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. L-Artikolu
157(3) tat-Trattat hu l-bażi legali speċifika għall-adozzjoni
ta' miżuri tal-Unjoni mmirati biex tiġi żgurata l-applikazzjoni
tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali
tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol. (2) Il-prinċipju tal-azzjoni
pożittiva u l-importanza tiegħu biex tintlaħaq ugwaljanza
effettiva bejn in-nisa u l-irġiel, fil-prattika huma rikonoxxuti
fl-Artikolu 157(4) tat-Trattat u fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha u li l-prinċipju
tal-ugwaljanza ma għandux jimpedixxi li jinżammu jew jiġu
adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi
speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat. (3) Ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill 84/635/KEE tat-13 ta' Diċembru 1984 dwar
il-promozzjoni ta' azzjoni pożittiva għan-nisa[21]
rrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex
jiżguraw li azzjoni pożittiva tinkludi, safejn possibbli, azzjonijiet
li għandhom effett fuq parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-korpi fejn
jittieħdu d-deċiżjonijiet. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
96/694/KE tat-2 ta' Diċembru 1996 dwar is-sehem
bilanċjat tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid
tad-deċiżjonijiet[22] irrakkomandat li
l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lis-settur privat biex
iżid il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid
tad-deċiżjonijiet, notevolment bl-adozzjoni ta' pjanijiet
tal-ugwaljanza, u programmi ta' azzjoni pożittiva, jew fil-qafas
tagħhom. (4) F'dawn l-aħħar
snin, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat bosta rapporti li janalizzaw
is-sitwazzjoni dwar id-diversità tas-sessi fit-teħid
tad-deċiżjonijiet ekonomiċi[23]. Il-Kummissjoni
inkoraġġiet kumpaniji elenkati fil-borża fl-Unjoni Ewropea biex
iżidu l-għadd ta' nisa fuq il-bordijiet tagħhom b'miżuri
awtoregolatorji u sabiex jagħmlu impenji volontarji konkreti f'dak
ir-rigward. [24] Fil-Karta tan-Nisa
tagħha[25]
tal-5 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat li
n-nisa għad ma għandhomx aċċess sħiħ
għall-qsim tas-setgħa u t-teħid tad-deċiżjonijiet
fil-ħajja politika u ekonomika u rriaffermat l-impenn tagħha li
tuża l-poteri tagħha biex tippromwovi rappreżentazzjoni aktar
ġusta tan-nisa u l-irġiel f’pożizzjonijiet ta' responsabilità. It-titjib
tal-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet ġie
definit mill-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u
l-irġiel 2010-2015[26] bħala waħda
mill-kompiti prijoritarji tagħha. (5) Fil-Patt Ewropew
għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020, li ġie adottat
fis-7 ta' Marzu 2011, il-Kunsill irrikonoxxa li politiki
tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma vitali għat-tkabbir ekonomiku,
il-prosperità u l-kompetittività, irriafferma l-impenn tiegħu li
jagħlaq id-distakk bejn is-sessi bil-ħsieb li jintlaħqu
l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fi tliet oqsma
ta' rilevanza kbira għall-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri
l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, u
ħeġġeġ azzjoni għall-promozzjoni
tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid
tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, sabiex isir
użu sħiħ mit-talent kollu disponibbli. (6) Il-Parlament Ewropew,
fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozju
tas-6 ta' Lulju 2011[27],
ħeġġeġ lill-kumpaniji biex jilħqu l-limitu kritiku ta'
sehem femminili ta' 30 fil-mija fil-korpi tal-ġestjoni sal-2015 u 40
fil-mija sal-2020. Hu stieden lill-Kummissjoni, jekk il-passi meħuda
mill-kumpaniji u mill-Istati Membri jinstabu li huma inadegwati, li tipproponi
leġiżlazzjoni sal-2012, inklużi kwoti. Il-Parlament Ewropew
tenna dik is-sejħa għal-leġiżlazzjoni fir-riżoluzzjoni
tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa
u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011[28]. (7) L-użu effiċjenti
tal-kapital uman huwa l-aktar fattur determinanti importanti tal-kompetittività
tal-ekonomija u huwa essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi
demografiċi tal-UE, biex nikkompetu b'suċċess f'ekonomija
globalizzata u biex niżguraw vantaġġ komparattiv fir-rigward ta'
pajjiżi terzi. Ir-riżerva ta' nisa kwalifikati u mħarrġa
ħafna qiegħda tikber b'mod kostanti kif inhu kkonfermat mill-fatt li
60% tal-gradwati mill-universitajiet huma nisa. Nuqqas issoktat li nużaw
din ir-riżerva fil-ħatriet għal pożizzjonijiet ta'
teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi jammonta għal nuqqas
li nisfruttaw b'mod sħiħ il-kapital uman imħarreġ. (8) Fil-livell tal-kumpaniji,
huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li l-preżenza tan-nisa fuq
il-bordijiet ittejjeb il-governanza korporattiva, minħabba li
l-prestazzjoni tat-tim u l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet
huma msaħħa minħabba mod ta' ħsieb aktar varjat u kollettiv
li jinkorpora firxa wiesgħa ta' perspettivi u għalhekk jilħaq
deċiżjonijiet iktar bilanċjati. Bosta studji wrew ukoll li hemm
relazzjoni pożittiva bejn id-diversità tas-sessi fl-ogħla livell
tal-maniġment u l-prestazzjoni finanzjarja u l-profittabilità ta'
impriża. It-tisħiħ tar-rappreżentazzjoni femminili
fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-Unjoni għalhekk
jista' jkollu impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji
kkonċernati. (9) L-evidenza eżistenti
turi wkoll li l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol tista' ttejjeb it-tkabbir
ekonomiku b’mod sostanzjali. It-tisħiħ tal-preżenza femminili
fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fl-Unjoni mhux biss jaffettwa n-nisa
maħtura fuq il-bordijiet, iżda jikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi
attirat talent femminili lejn il-kumpanija u tiġi żgurata
preżenza ikbar tan-nisa fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni u fost
il-ħaddiema. Għalhekk, sehem akbar ta' nisa fuq il-bordijiet
tal-kumpaniji għandu impatt pożittiv fuq it-tnaqqis kemm tad-distakk
fl-impjiegi bejn is-sessi u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Li
nagħmlu użu sħiħ mit-talenti eżistenti tan-nisa
jikkostitwixxi titjib notevoli f'termini tar-rendiment fuq l-edukazzjoni kemm
għall-individwi kif ukoll għas-settur pubbliku. Is-sottorappreżentazzjoni
femminili fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE hija
opportunità mitlufa f'termini ta' kisba ta' tkabbir sostenibbli fit-tul
għall-ekonomiji tal-Istati Membri inġenerali. (10) Minkejja l-leġiżlazzjoni
eżistenti tal-Unjoni mmirata lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, ir-rakkomandazzjonijiet
tal-Kunsill immirati speċifikament biex iżidu l-preżenza
tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u
azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni li jinkoraġġixxu
l-awtoregolamentazzjoni, in-nisa għadhom ferm inqas mill-irġiel
fl-ogħla korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji
madwar l-Unjoni. Fis-settur privat u speċjalment f'kumpaniji elenkati dan
l-iżbilanċ bejn is-sessi huwa partikolarment sinifikanti u akut. L-indikatur
ċentrali tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tas-sessi
fil-bordijiet korporattivi juri li l-proporzjon ta' nisa involuti
f’deċiżjonijiet kummerċjali tal-ogħla livell jibqa' baxx
ħafna. F’Jannar 2012, in-nisa okkupaw bħala medja biss 13,7 fil-mija
tal-postijiet fil-bordijiet tal-ikbar kumpaniji elenkati pubblikament fl-Istati
Membri. Fost id-diretturi mhux eżekuttivi 15 fil-mija biss kienu nisa. (11) Il-proporzjon tan-nisa fuq
il-bordijiet tal-kumpaniji miexi bil-mod ħafna, b'żieda annwali medja
ta' biss 0,6 punti perċentwali matul l-aħħar snin. Ir-rata ta'
titjib fl-Istati Membri individwali kienet tvarja u wasslet għal
riżultati diverġenti ħafna. Ġie
nnotat progress ħafna iktar sinifikanti fl-Istati Membri fejn ġew
introdotti miżuri vinkolanti. Id-diskrepanzi li dejjem jikbru bejn
l-Istati Membri x’aktarx li jiżdiedu minħabba l-approċċi
differenti ħafna segwiti mill-Istati Membri individwali biex iżidu
r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-bordijiet li qed jiġu segwiti minn
Stati Membri individwali. (12) Ir-regolamentazzjoni mferrxa u
diverġenti jew in-nuqqas ta' regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali
fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati
mhux biss twassal għal diskrepanzi fl-għadd ta' nisa fost
id-diretturi mhux eżekuttivi u rati differenti ta' titjib madwar l-Istati
Membri, iżda wkoll toħloq ostakoli għas-suq intern billi timponi
rekwiżiti diverġenti dwar il-governanza korporattiva fuq il-kumpaniji
elenkati Ewropej. Dawk id-differenzi
fir-rekwiżiti ġuridiċi u awtoregolatorji
għall-kompożizzjoni tal-bordijiet korporattivi jistgħu jwasslu
għal kumplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpaniji elenkati li
joperaw bejn il-fruntieri, notevolment meta jistabbilixxu sussidjarji jew
f'fużjonijiet u akkwisti, kif ukoll għall-kandidati
għall-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet. (13) In-nuqqas attwali ta'
trasparenza fil-proċeduri tal-għażla u l-kriterji ta' kwalifika
għall-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet f'ħafna mill-Istati Membri
jirrappreżenta ostakolu sinifikanti għal aktar diversità tas-sessi
fost il-membri tal-bordijiet u jaffettwa b'mod negattiv kemm il-karrieri u
l-libertà tal-moviment tal-kandidati għall-bordijiet, kif ukoll
id-deċiżjonijiet tal-investituri. Dan in-nuqqas ta' trasparenza
jwaqqaf lil kandidati potenzjali għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet
milli japplikaw għal bordijiet fejn il-kwalifiki tagħhom ikunu
l-aktar meħtieġa u milli jisfidaw deċiżjonijiet ta'
ħatra bbażati fuq is-sess, u b’hekk ifixkel il-moviment ħieles
tagħhom fi ħdan is-suq intern. Min-naħa l-oħra,
l-investituri jkollhom strateġiji differenti ta' investiment li jirrikjedu
informazzjoni marbuta wkoll mal-ħila u l-kompetenza tal-membri tal-bord. Aktar
trasparenza fil-kriterji dwar il-kwalifiki u l-proċedura
tal-għażla għall-membri tal-bordijiet tippermetti
lill-investituri jevalwaw aħjar l-istrateġija kummerċjali
tal-kumpanija u jieħdu deċiżjonijiet infurmati. (14) Filwaqt li din id-Direttiva ma
għandhiex l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar il-proċeduri
tal-għażla u l-kriterji ta' kwalifika għall-pożizzjonijiet
fuq il-bordijiet fid-dettall, l-introduzzjoni ta' ċerti standards minimi
fir-rigward tar-rekwiżit li l-kumpaniji elenkati mingħajr
rappreżentanza bbilanċjata tas-sessi jieħdu deċiżjonijiet
ta' ħatra għal diretturi mhux eżekuttivi fuq il-bażi ta'
valutazzjoni komparattiva oġġettiva tal-kwalifiki tal-kandidati
f'termini ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali hija
meħtieġa sabiex jintlaħaq bilanċ bejn is-sessi fost diretturi
mhux eżekuttivi. Hija biss miżura fuq il-livell tal-UE li tista'
effettivament tgħin biex ikunu żgurati kundizzjonijiet kompetittivi
ugwali madwar l-Unjoni u jiġu evitati kumplikazzjonijiet prattiċi
fil-ħajja tan-negozju. (15) L-istrateġija Ewropa 2020
għal tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv[29]
aċċertat li parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-forza
tax-xogħol hija prekondizzjoni għat-tisħiħ tat-tkabbir u
għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi fl-Ewropa. L-Istrateġija
stabbilixxiet mira ewlenija li tintlaħaq rata ta' impjiegi ta' 75%
għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena sal-2020, li tista'
tintlaħaq biss jekk ikun hemm impenn ċar favur l-ugwaljanza bejn
is-sessi u sforz imsaħħaħ biex jiġu indirizzati l-ostakoli
kollha għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Il-kriżi
ekonomika attwali amplifikat il-ħtieġa dejjem tiżdied tal-Ewropa
li tistrieħ fuq l-għarfien, il-kompetenza u l-innovazzjoni u li
tagħmel użu sħiħ mir-riżerva ta' talent disponibbli. Li
tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta'
deċiżjonijiet ekonomiċi, b'mod partikolari fuq il-bordijiet
tal-kumpaniji, huwa mistenni li jkollu effett residwu pożittiv fuq
l-impjiegi tan-nisa fil-kumpaniji kkonċernati u fl-ekonomija kollha. (16) Għalhekk l-Unjoni
għandha l-għan li żżid il-preżenza ta' nisa fuq
il-bordijiet tal-kumpaniji, kemm sabiex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku
u l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej kif ukoll biex tintlaħaq
ugwaljanza effettiva bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol. Dan l-għan
għandu jintlaħaq permezz ta' rekwiżiti minimi dwar l-azzjoni
pożittiva fil-forma ta' miżuri vinkolanti bil-għan li
jintlaħaq objettiv kwantitattiv għall-kompożizzjoni bejn
is-sessi tal-bordijiet ta' kumpaniji elenkati, fid-dawl tal-fatt li l-Istati
Membri u pajjiżi oħra li għażlu dan il-metodu jew metodu
simili kisbu l-aħjar riżultati fit-tnaqqis
tas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid
ta' deċiżjonijiet ekonomiċi. (17) Kumpaniji elenkati
fil-boroż igawdu importanza ekonomika, viżibilità u impatt partikolari
fis-suq kollu kemm hu. Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva għandhom
għalhekk japplikaw għal kumpaniji elenkati, li huma definiti
bħala kumpaniji inkorporati fi Stat Membru li t-titoli tagħhom huma
ammessi għan-negozju f'suq regolat fis-sens tal-Artikolu 4(1) (14)
tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji[30],
fi Stat Membru wieħed jew aktar. Dawn il-kumpaniji jistabbilixxu standards
għall-ekonomija kollha kemm hi u l-prattiki tagħhom jista' jiġi
mistenni li jiġu segwiti minn tipi oħra ta' kumpaniji. In-natura
pubblika tal-kumpaniji elenkati tiġġustifika li huma jiġu
rregolati aktar fl-interess pubbliku. (18) Din id-Direttiva ma
għandhiex tapplika għal impriżi mikro, żgħar u medji
(SMEs), kif definiti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE
tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi
mikro, żgħar u ta' daqs medju[31], anke jekk huma
kumpaniji elenkati. (19) Hemm diversi sistemi
tal-istrutturi tal-bordijiet għal kumpaniji elenkati fl-Istati Membri, u
d-distinzjoni prinċipali hi bejn sistema b'żewġ livelli b’bord
maniġerjali u bord superviżorju u sistema unitarja (“b’livell
wieħed") li tikkombina l-funzjoni tal-maniġment u
tas-sorveljanza f'bord uniku. Jeżistu wkoll sistemi mħallta, li
jinvolvu aspetti taż-żewġ sistemi jew li jagħtu
lill-kumpaniji għażla bejn mudelli differenti. Il-miżuri
previsti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għas-sistemi kollha
tal-bordijiet fl-Istati Membri. (20) Is-sistemi kollha jiddistingwu
bejn id-diretturi eżekuttivi, li huma involuti fil-ġestjoni ta'
kuljum ta' kumpanija, u d-diretturi mhux eżekuttivi li mhumiex involuti
fl-amministrazzjoni ta' kuljum, iżda jwettqu funzjoni ta'
superviżjoni. L-għanijiet kwantitattivi stipulati f'din id-Direttiva
għandhom japplikaw biss għal diretturi mhux eżekuttivi sabiex
jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiżdied
id-diversità tas-sessi tal-bordijiet u l-ħtieġa li jiġi
mminimizzat l-indħil fit-tmexxija ta' kuljum tal-kumpanija. Billi d-diretturi
mhux eżekuttivi jwettqu ħidmiet ta' sorveljanza, huwa wkoll aktar
faċli li jiġu ingaġġati kandidati kwalifikati minn barra
l-kumpanija u sa ċertu punt anke minn barra s-settur speċifiku li fih
topera l-kumpanija - konsiderazzjoni li hija importanti għal oqsma
tal-ekonomija fejn il-membri ta' sess partikolari huma partikolarment
sottorappreżentati fil-forza tax-xogħol. (21) F'bosta Stati Membri,
ċertu proporzjon tad-diretturi mhux eżekuttivi jistgħu jew
għandhom jinħatru jew jiġu eletti mill-ħaddiema tal-kumpanija
u/jew organizzazzjonijiet tal-ħaddiema skont il-liġi jew il-prattika
nazzjonali. L-objettivi kwantitattivi stipulati taħt din id-Direttiva
għandhom japplikaw għad-diretturi mhux eżekuttivi kollha
inklużi r-rappreżentanti tal-impjegati. Madankollu, il-proċeduri
prattiċi biex jiġi żgurat li dawn l-għanijiet
jintlaħqu, filwaqt li jitqies il-fatt li xi diretturi mhux eżekuttivi
huma r-rappreżentanti tal-impjegati, għandhom jiġu ddefiniti
mill-Istati Membri kkonċernati. (22) Il-kumpaniji elenkati fl-Unjoni
għandu jkollhom imposti fuqhom obbligi ta' mezzi li jipprovdu għal proċeduri
xierqa bil-għan li jissodisfaw objettivi speċifiċi rigward
il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet tagħhom. Dawk il-kumpaniji
elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri tas-sess
sottorappreżentat ikollhom inqas minn 40% tal-pożizzjonijiet ta'
diretturi mhux eżekuttivi għandhom jagħmlu l-ħatriet
għal dawk il-pożizzjonijiet fuq il-bażi ta' analiżi
komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat, billi japplikaw kriterji prestabbiliti,
ċari, ifformulati b'mod newtrali u mhux ambigwi, sabiex jintlaħaq
il-perċentwal imsemmi sa mhux aktar tard
mill-1 ta' Jannar 2020. Għalhekk, id-Direttiva tistabbilixxi
l-objettiv li mill-inqas 40 fil-mija tad-diretturi mhux eżekuttivi
għandhom ikunu mis-sess l-anqas rappreżentat sa dik id-data. Dan
l-objettiv fil-prinċipju jikkonċerna biss id-diversità globali bejn
is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi u ma għandux ifixkel
l-għażla konkreta ta' diretturi individwali minn riżerva
wiesgħa ta' kandidati rġiel u nisa f’kull każ individwali. B’mod
partikolari, dan ma jeskludi l-ebda kandidati partikolari għal
pożizzjonijiet ta' direttur, u lanqas ma jimponi xi diretturi individwali
fuq il-kumpaniji jew l-azzjonisti. Id-deċiżjoni dwar il-membri
tal-bord xierqa għalhekk tibqa' tal-kumpaniji u l-azzjonisti. (23) L-Istati Membri
jeżerċitaw influwenza dominanti fuq kumpaniji elenkati li huma
impriżi pubbliċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva
tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar
it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u
l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi
ħdan ċerti impriżi[32]. Minħabba din
l-influwenza dominanti, huma jkollhom l-istrumenti għad-dispożizzjoni
tagħhom sabiex iġibu l-bidla meħtieġa aktar malajr. Għalhekk,
f'kumpaniji bħal dawn, l-objettiv li jkun hemm mill-inqas 40 fil-mija
tad-diretturi mhux eżekuttivi li jiġu mis-sess l-anqas
rappreżentat għandu jiġi stabbilit għal data aktar bikrija.
(24) Id-determinazzjoni tan-numru
ta' pożizzjonijiet ta' direttur mhux eżekuttiv meħtieġa
għall-konformità mal-objettiv titlob aktar speċifikazzjoni billi
għal bosta daqsijiet tal-bordijiet huwa matematikament possibbli biss jew
li wieħed imur lil hinn jew jibqa' taħt is-sehem eżatt ta' 40
fil-mija. Għalhekk, in-numru ta' pożizzjonijiet fuq il-bordijiet
meħtieġa għall-konformità mal-objettiv għandu jkun in-numru
l-eqreb għal 40 fil-mija. Fl-istess ħin, sabiex tiġi evitata
diskriminazzjoni kontra s-sess oriġinarjament irrappreżentat
iżżejjed, il-kumpaniji elenkati ma għandhomx ikunu obbligati li
jaħtru l-membri mis-sess l-anqas irrappreżentat għal nofs
il-pożizzjonijiet tal-bord mhux eżekuttivi jew aktar. Għalhekk,
pereżempju, il-membri tas-sess l-anqas rappreżentat għandhom
ikollhom mill-inqas pożizzjoni waħda fuq il-bordijiet bi tliet jew
erba diretturi mhux eżekuttivi, mill-inqas żewġ
pożizzjonijiet fuq il-bordijiet b’ħames jew sitt diretturi mhux
eżekuttivi, u mill-inqas tliet pożizzjonijiet fuq il-bordijiet
b’seba’ jew tmien diretturi mhux eżekuttivi. (25) Fil-ġurisprudenza
tagħha[33] dwar l-azzjoni
pożittiva u l-kompatibilità tagħha mal-prinċipju
tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess (issa stabbilit ukoll
fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea),
il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea aċċettat li
l-prijorità f'ċerti każijiet tista' tingħata lis-sess l-anqas
irrappreżentat fl-għażla għal impjieg jew promozzjoni,
sakemm il-kandidat mis-sess l-anqas irrappreżentat ikun ugwalment
ikkwalifikat bħall-kompetitur tas-sess l-ieħor f'termini ta'
adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, li l-prijorità ma tkunx
awtomatika u bla kundizzjonijiet iżda tista' tiġi megħluba jekk
raġunijiet speċifiċi għal kandidat individwali tas-sess
l-ieħor ixaqilbu l-bilanċ favur dak il-kandidat, u li l-applikazzjoni
ta' kull kandidat tkun suġġetta għal valutazzjoni
oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi dwar
kandidati individwali. (26) Skont din
il-ġurisprudenza, l-Istati Membri għandhom jassiguraw illi
l-għażla tal-aħjar kandidati kwalifikati għal diretturi
mhux eżekuttivi tkun ibbażata fuq analiżi komparattiva
tal-kwalifiki ta' kull kandidat fuq il-bażi ta' kriterji prestabbiliti,
ċari, fformulati b’mod newtrali u mhux ambigwi. Eżempji ta' tipi ta'
kriterji ta' għażla li l-kumpaniji jistgħu japplikaw jinkludu
esperjenza professjonali f'kompiti maniġerjali u/jew ta' sorveljanza,
għarfien f'oqsma rilevanti speċifiċi bħall-finanzi,
il-kontroll jew il-ġestjoni tar-riżorsi umani, it-tmexxija u
ħiliet ta' komunikazzjoni u netwerking. Għandha tingħata
prijorità lill-kandidat tas-sess l-anqas rappreżentat jekk dak il-kandidat
huwa ugwalment ikkwalifikat bħall-kandidat tas-sess l-ieħor f'termini
ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, u jekk valutazzjoni
oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi
għall-kandidati individwali ma xxaqlibx il-bilanċ favur kandidat
tas-sess l-ieħor. (27) Il-metodi
tar-reklutaġġ u l-ħatra ta' diretturi jvarjaw minn Stat Membru
għal ieħor u minn kumpanija għal oħra. Huma jistgħu
jinvolvu preselezzjoni ta' kandidati li jkunu ppreżentati lill-assemblea
tal-azzjonisti, pereżempju minn kumitat ta' nominazzjoni, il-ħatra
diretta tad-diretturi minn azzjonisti individwali jew vot li jittieħed
fl-assemblea tal-azzjonisti fuq kandidati individwali jew listi ta' kandidati. Ir-rekwiżiti
dwar l-għażla tal-kandidati għandhom ikunu milħuqa fi
stadju xieraq tal-proċess tal-għażla skont il-liġi
nazzjonali u l-artikoli ta' assoċjazzjoni tal-kumpaniji elenkati
kkonċernati. F'dan ir-rigward, din id-Direttiva tistabbilixxi biss
armonizzazzjoni minima tal-proċeduri tal-għażla, li
tagħmilha possibbli li jiġu applikati l-kundizzjonijiet stipulati
mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li
jintlaħaq l-objettiv ta' rappreżentanza tas-sessi iżjed
ibbilanċjata fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati. (28) Din id-Direttiva timmira biex
ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi ta' kumpaniji elenkati
f'borża u b’hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni
tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa,
rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-Unjoni. Kumpaniji elenkati
għandhom għalhekk ikunu meħtieġa li jiddivulgaw, fuq talba
ta' kandidati li ma jintgħażlux, mhux biss il-kriterji ta' kwalifiki
li l-għażla kienet ibbażata fuqhom, iżda wkoll
il-valutazzjoni komparattiva oġġettiva ta' dawk il-kriterji u, fejn
rilevanti, il-kunsiderazzjonijiet li xaqilbu l-bilanċ favur kandidat li
mhux mis-sess sottorappreżentat. Dawn il-limitazzjonijiet għad-dritt
tar-rispett tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta
personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u l-obbligi
għall-kumpaniji elenkati sabiex jipprovdu dak it-tagħrif, fuq talba,
lil kandidati li ma jintgħażlux, huma meħtieġa u,
f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ġenwinament
jilħqu objettivi rikonoxxuti ta' interess ġenerali. Għalhekk
huma konformi mar-rekwiżiti għal tali limitazzjonijiet stabbiliti
fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti
tal-Ġustizzja. (29) Fejn kandidat li ma
jintgħażilx mis-sess l-anqas irrappreżentat jistabbilixxi
l-preżunzjoni li kien ikkwalifikat daqs il-kandidat maħtur tas-sess
l-ieħor, il-kumpanija elenkata għandha tkun meħtieġa turi
l-korrettezza tal-għażla. (30) L-Istati Membri għandhom
jistipulaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi
għall-ksur ta' din id-Direttiva, li għandhom jinkludu, inter alia,
multi amministrattivi u nullità jew annullament iddikjarati minn korp
ġudizzjarju tal-ħatra jew tal-elezzjoni ta' diretturi mhux eżekuttivi
magħmula kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont
l-Artikolu 4(1). (31) Peress li l-kompożizzjoni
bejn is-sessi tal-forza tax-xogħol għandha impatt dirett fuq
id-disponibilità ta' kandidati mis-sess l-anqas rappreżentat, l-Istati Membri
jistgħu jipprovdu li fejn il-membri tas-sess sottorappreżentat
jirrappreżentaw inqas minn 10 fil-mija tal-ħaddiema, il-kumpanija
kkonċernata ma għandhiex tkun meħtieġa li tissodisfa
l-għan stabbilit f'din id-Direttiva. (32) Billi kumpaniji elenkati
għandhom jimmiraw li jżidu l-proporzjon tas-sess l-anqas
irrappreżentat fil-pożizzjonijiet kollha tat-teħid
tad-deċiżjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li
l-għan stabbilit f'din id-Direttiva għandu jitqies li ntlaħaq
fejn il-kumpaniji elenkati jkunu jistgħu juru li l-membri tas-sess l-anqas
rappreżentat ikollhom mill-inqas terz tal-pożizzjonijiet kollha ta'
diretturi, irrispettivament jekk humiex eżekuttivi jew mhux
eżekuttivi. (33) Minbarra l-miżuri li
jirrigwardaw id-diretturi mhux eżekuttivi, u bil-ħsieb li jittejjeb
il-bilanċ bejn is-sessi wkoll fost diretturi involuti f'kompiti ta'
ġestjoni ta' kuljum, il-kumpaniji elenkati għandhom ikunu
meħtieġa li jagħmlu impenji individwali rigward
ir-rappreżentanza taż-żewġ sessi fost id-diretturi
eżekuttivi, li jridu jinkisbu sal-1 ta' Jannar 2020. Dawn
l-impenji għandhom jimmiraw li jiksbu progress tanġibbli
mill-pożizzjoni attwali tal-kumpanija individwali lejn bilanċ
aħjar bejn is-sessi. (34) L-Istati Membri għandhom
jobbligaw lill-kumpaniji elenkati kollha sabiex jipprovdu informazzjoni dwar
il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet tagħhom kif ukoll
informazzjoni dwar kif irnexxielhom jilħqu l-għanijiet stabbiliti
b’din id-Direttiva, fuq bażi annwali lill-awtoritajiet nazzjonali
kompetenti sabiex jippermettulhom jivvalutaw il-progress ta' kull kumpanija
elenkata lejn bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi. Tali informazzjoni
għandha tkun ippubblikata u, fejn il-kumpanija inkwistjoni ma tkunx
laħqet l-objettiv, għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri li
ħadet sa issa u li bi ħsiebha tieħu fil-ġejjieni sabiex
tilħaq l-objettiv. (35) L-Istati Membri jistgħu
diġà jkunu ħadu miżuri li jipprovdu għal mezzi sabiex
tiġi żgurata rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tan-nisa u
l-irġiel fil-bordijiet tal-kumpaniji qabel id-dħul fis-seħħ
ta' din id-Direttiva. Dawn l-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità
li japplikaw dawn il-miżuri li jinsabu minflok l-obbligi proċedurali
li jirrigwardaw il-ħatriet fejn jistgħu juru li l-miżuri
meħuda huma ta' effikaċja ekwivalenti sabiex jiksbu l-objettiv ta'
preżenza tas-sess sottorappreżentat ta' mill-anqas 40% fost
id-diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati sa mhux aktar tard
mill-1 ta' Jannar 2020 jew sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018 fil-każ
ta' kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi. (36) Din id-Direttiva tirrispetta
d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti
mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari,
tikkontribwixxi għat-twettiq tad-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa
u l-irġiel (l-Artikolu 23 tal-Karta), il-libertà tal-għażla
tal-mestier u d-dritt li taħdem (l-Artikolu 15 tal-Karta). Din
id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt
għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali (l-Artikolu 47
tal-Karta). Il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertà li
wieħed imexxi negozju (l-Artikolu 16 tal-Karta) u d-dritt
għall-proprjetà (l-Artikolu 17(1) tal-Karta) jirrispettaw l-essenza ta'
dawk id-drittijiet u l-libertajiet u huma meħtieġa u proporzjonati. Huma
ġenwinament jilħqu l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti
mill-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u
l-libertajiet tal-oħrajn. (37) Filwaqt li xi Stati Membri
ħadu azzjoni regolatorja jew inkoraġġew l-awtoregolamentazzjoni
b'riżultati mħalltin, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma
ħadux azzjoni jew indikaw ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod li
jwassal għal titjib suffiċjenti. Projezzjonijiet ibbażati fuq
analiżi kumplessiva tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar ix-xejriet
tal-imgħoddi u dawk attwali kif ukoll l-intenzjonijiet juru li
rappreżentazzjoni bbilanċjata tas-sessi fost il-membri mhux
eżekuttivi tal-bordijiet madwar l-Unjoni f'konformità mal-għanijiet
stabbiliti f’din id-Direttiva mhix ser tinkiseb mill-Istati Membri meta
jaġixxu individwalment fl-ebda punt fil-futur prevedibbli. Fid-dawl ta'
dawk iċ-ċirkostanzi u minħabba d-diskrepanzi li dejjem qed
jikbru bejn l-Istati Membri f'termini ta' rappreżentazzjoni tan-nisa u
l-irġiel fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, il-bilanċ bejn is-sessi
fil-bordijiet korporattivi madwar l-Unjoni jista' jittejjeb biss permezz ta'
approċċ komuni, u l-potenzjal għall-ugwaljanza bejn is-sessi,
il-kompetittività u t-tkabbir jista' jintlaħaq aħjar permezz ta'
azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni aktar milli permezz ta' inizjattivi
nazzjonali ta' firxa, ambizzjoni u effikaċja varjabbli. Ġaladarba
l-objettivi ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu
biżżejjed mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba
l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar
fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont
il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat
tal-Unjoni Ewropea. (38) Skont il-prinċipju
tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-istess Artikolu, din id-Direttiva
hija limitata għall-iffissar ta' għanijiet u prinċipji komuni u
ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk
l-għanijiet. L-Istati Membri jingħataw biżżejjed libertà
biex jiddeterminaw kif l-objettivi stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom
jinkisbu l-aħjar meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod
partikolari r-regoli u prattiċi li jikkonċernaw
ir-reklutaġġ għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet. Din
id-Direttiva ma tinterferix mal-possibilità għall-kumpaniji biex jaħtru
l-membri tal-bordijiet l-aktar kwalifikati, u tagħti perjodu twil
biżżejjed ta' adattament għall-kumpaniji elenkati kollha. (39) Skont il-prinċipju
tal-proporzjonalità, l-objettiv li jrid jiġi ssodisfat mill-kumpaniji
elenkati għandu jkun limitat fiż-żmien u jibqa'
fis-seħħ biss sakemm jintlaħaq progress sostenibbli dwar
il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet. Għal dik ir-raġuni,
il-Kummissjoni għandha regolarment tirrevedi l-applikazzjoni ta' din
id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-Direttiva
mistennija tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2028. Il-Kummissjoni
għandha teżamina, fir-reviżjoni tagħha, jekk hemmx
il-ħtieġa li testendi t-tul tad-Direttiva lil hinn minn dak
il-perjodu. (40) Skont id-Dikjarazzjoni
tal-Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni
tat-28 ta' Settembru 2011 dwar dokumenti ta' spjegazzjoni[34],
l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jakkumpanjaw, f'każijiet
iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni
tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn
il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti
tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva,
il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dokumenti bħal
dawn hija ġustifikata. ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1
Materja Din id-Direttiva
tistabbilixxi miżuri biex tiżgura rappreżentazzjoni aktar
bilanċjata tal-irġiel u n-nisa fost id-diretturi mhux eżekuttivi
ta' kumpaniji elenkati billi tistabbilixxi miżuri mmirati lejn progress
aktar mgħaġġel lejn il-bilanċ bejn is-sessi filwaqt li
tħalli lill-kumpaniji biżżejjed żmien biex jagħmlu
l-arranġamenti neċessarji. Artikolu 2
Definizzjonijiet Għall-finijiet
ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li
ġejjin: (1)
“kumpaniji elenkata” tfisser kumpanija inkorporata
fi Stat Membru li t-titoli tagħha huma ammessi għall-kummerċ
f'suq regolat fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) il-punt 14 tad-Direttiva
2004/39/KE, fi Stat Membru wieħed jew aktar; (2)
“bord” tfisser kull korp amministrattiv, maniġerjali
jew superviżorju ta' kumpanija; (3)
“direttur”, tfisser kwalunkwe membru ta' bord,
inkluż rappreżentant tal-impjegati; (4)
"direttur eżekuttiv”, tfisser kwalunkwe
membru ta' bord unitarju li hu involut fil-ġestjoni ta' kuljum
tal-kumpanija u kwalunkwe membru ta' bord maniġerjali f'sistema
b'żewġ bordijiet; (5)
"direttur mhux eżekuttiv" tfisser
kwalunkwe membru ta' bord unitarju li mhux direttur eżekuttiv u kwalunkwe
membru ta' bord ta' sorveljanza f'sistema ta' żewġ bordijiet; (6)
“bord unitarju” tfisser bord uniku li jikkombina
l-funzjonijiet tal-ġestjoni u superviżorji ta' kumpanija; (7)
“sistema b'żewġ bordijiet” tfisser
sistema li fiha l-funzjonijiet amministrattivi u ta' superviżjoni ta'
kumpanija jkunu mwettqa minn bordijiet separati; (8)
“intrapriżi żgħar u ta' daqs medju”
jew “SME” tfisser kumpanija li timpjega inqas minn 250 persuna u li
għandha fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, jew total
annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun, jew,
għal SME li hija inkorporata fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma
tkunx l-ewro, l-ammonti ekwivalenti fil-munita ta' dak l-Istat Membru; (9)
"impriża pubblika" tfisser
intrapriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu direttament
jew indirettament jeżerċitaw influwenza dominanti minħabba li
din tkun proprjetà tagħhom, jew minħabba fil-parteċipazzjoni
finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha. Jitqies li hemm
influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi meta dawn
l-awtoritajiet, direttament jew indirettament fil-konfront tal-impriża: –
ikollhom il-parti ewlenija tal-kapital sottoskritt
tal-impriża; jew –
jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti
marbutin ma' ishma maħruġa mill-impriżi; jew –
jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri
tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta' sorveljanza tal-impriża. Artikolu 3
Esklużjoni ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika
għal impriżi żgħar u ta' daqs medju ("SMEs"). Artikolu 4
L-objettivi fir-rigward ta' diretturi mhux eżekuttivi 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-kumpaniji elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri
tas-sess sottorappreżentat ikollhom inqas minn 40% tal-pożizzjonijiet
ta' diretturi mhux eżekuttivi għandhom jagħmlu l-ħatriet
għal dawk il-pożizzjonijiet fuq il-bażi ta' analiżi
komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat, billi japplikaw kriterji
prestabbilti, ċari, ifformulati b'mod newtrali u mhux ambigwi, sabiex
jintlaħaq il-perċentwal imsemmi sa mhux aktar tard
mill-1 ta' Jannar 2020 jew mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018
fil-każ ta' kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi. 2. In-numru ta'
pożizzjonijiet ta' direttur mhux eżekuttiv neċessarji biex
jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun in-numru
l-eqreb lejn il-proporzjon ta' 40 fil-mija, iżda mhux aktar minn 49 fil-mija. 3. Sabiex jiksbu l-objettiv
stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li,
fl-għażla tad-diretturi mhux eżekuttivi, għandha
tingħata prijorità lill-kandidat mis-sess l-anqas rappreżentat jekk
dak il-kandidat huwa ugwalment ikkwalifikat bħall-kandidat tas-sess
l-ieħor f'termini ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni
professjonali, sakemm valutazzjoni oġġettiva li tqis il-kriterji
kollha speċifiċi għal kandidati individwali ma xxaqlibx il-bilanċ
favur il-kandidat tas-sess l-ieħor. 4. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-kumpaniji elenkati jkunu obbligati li jiżvelaw, fuq
talba ta' kandidati mhux magħżula, il-kriterji tal-kwalifiki li
fuqhom l-għażla kienet ibbażata, il-valutazzjoni komparattiva
oġġettiva ta' dawk il-kriterji u, fejn rilevanti,
il-kunsiderazzjonijiet li xaqilbu l-bilanċ favur kandidat tas-sess
l-ieħor. 5. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont is-sistemi ġudizzjarji
nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw li fejn kandidati mis-sess
l-anqas irrappreżentat li ma jintgħażlux jistabbilixxu fatti
minn fejn jista jkun maħsub li dak il-kandidat kien kwalifikat daqs
il-kandidat maħtur tas-sess l-ieħor, għandu jkun id-dmir
tal-kumpanija elenkata li tipprova li ma kienx hemm ksur tar-regola stabbilita
fil-paragrafu 3. 6. L-Istati Membri jistgħu
jistipulaw li l-kumpaniji elenkati fejn il-membri tas-sess l-anqas
irrappreżentat jirrappreżentaw inqas minn 10 fil-mija tal-forza
tax-xogħol ma jkunux suġġetti għall-objettiv stabbilit
fil-paragrafu 1. 7. L-Istati Membri jistgħu
jistipulaw li l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 ikun issodisfat fejn
il-kumpaniji elenkati jkunu jistgħu juru li l-membri tas-sess
sottorappreżentat ikollhom mill-inqas terz tal-pożizzjonijiet ta'
direttur kollha, irrispettivament minn jekk humiex eżekuttivi jew mhux
eżekuttivi. Artikolu 5
Miżuri addizzjonali minn kumpaniji u rappurtar 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-kumpaniji elenkati jintrabtu b'impenji individwali rigward
ir-rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn iż-żewġ sessi
fost id-diretturi eżekuttivi li jridu jintlaħqu
sal-1 ta' Jannar 2020, jew sal-1 ta' Jannar 2018
fil-każ ta' kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi. 2. L-Istati Membri għandhom
jeħtieġu li kumpaniji elenkati jipprovdu informazzjoni
lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, darba fis-sena minn [sentejn wara
l-adozzjoni], dwar ir-rappreżentazzjoni bejn is-sessi fuq il-bordijiet
tagħhom, b’distinzjoni bejn diretturi eżekuttivi u mhux
eżekuttivi u dwar il-miżuri li ttieħdu fid-dawl
tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u fil-paragrafu 1 ta' dan
l-Artikolu, u li jippubblikaw dik l-informazzjoni f'manjiera xierqa u
aċċessibbli fuq il-websajt tagħhom. 3. Fejn kumpanija elenkata ma
tissodisfax l-objettivi stipulati fl-Artikolu 4(1) jew l-impenji individwali
tagħha meħuda skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu,
l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha
tinkludi r-raġunijiet li għalihom ma laħqitx l-objettivi jew
l-impenji u deskrizzjoni tal-miżuri li l-kumpanija adottat jew bi
ħsiebha tadotta biex tilħaq l-objettivi jew l-impenji. 4. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-korp jew
korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni
tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali
tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol
(tfassil mill-ġdid)[35] ikunu wkoll kompetenti
għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u
l-appoġġ tal-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet ta' kumpaniji
elenkati. Artikolu 6
Sanzjonijiet 1. L-Istati Membri għandhom
jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur
tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u
għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex
jiżguraw li jiġu applikati. 2. Is-sanzjonijiet għandhom
ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jistgħu jinkludu
l-miżuri li ġejjin: (a)
multi amministrattivi; (b)
nullità jew annullament iddikjarati minn korp
ġudizzjarju tal-ħatra jew tal-elezzjoni ta' diretturi mhux
eżekuttivi magħmula kuntrarju għad-dispożizzjonijiet
nazzjonali adottati skont l-Artikolu 4(1). Artikolu 7
Rekwiżiti minimi L-Istati Membri
jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma
aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva biex tiġi
assigurata rappreżentazzjoni iktar bilanċjata tal-irġiel u
n-nisa fir-rigward ta' kumpaniji kostitwiti fit-territorju nazzjonali
tagħhom, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma joħolqux
diskriminazzjoni mhux ġustifikata, u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb
tas-suq intern. Artikolu 8
Implimentazzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [sentejn wara l-adozzjoni],
il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji
biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw
minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. 2. Meta l-Istati Membri jadottaw
dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din
id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni
uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif
għandha ssir tali referenza. 3. Bla ħsara
għall-Artikolu 4(6) u (7), l-Istati Membri li qabel id-dħul
fis-seħħ ta' din id-Direttiva diġà kienu ħadu miżuri
sabiex jiżguraw rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tan-nisa u
l-irġiel fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati
jistgħu jissospendu l-applikazzjoni tal-obbligi proċedurali li jirrigwardaw
il-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), (3), (4) u (5), sakemm ikun jista'
jintwera li dawk il-miżuri jippermettu lill-membri tas-sess
sottorappreżentat sabiex ikollhom mil—anqas 40% tal-pożizzjonijiet
ta' direttur mhux eżekuttiv ta' kumpaniji elenkati sa mhux aktar tard
mill-1 ta' Jannar 2020, jew sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018
għall-kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi. L-Istat Membru kkonċernat għandu
jinnotifika din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. 4. L-Istati Membri għandhom
jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin
tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din
id-Direttiva. Artikolu 9
Analiżi 1. L-Istati Membri għandhom
jittrażmettu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017
u kull sentejn wara dan, rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Dawn
ir-rapporti għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, informazzjoni
komprensiva dwar il-miżuri meħuda sabiex jintlaħqu
l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), informazzjoni pprovduta skont
l-Artikolu 5(2) u informazzjoni dwar impenji individwali meħuda
mill-kumpaniji elenkati skont l-Artikolu 5(1). 2. L-Istati Membri li jkunu
ssospendew skont l-Artikolu 8(3) l-applikazzjoni tal-obbligi
proċedurali li jirrigwardaw il-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1),
(3), (4) u (5) għandhom jinkludu informazzjoni fir-rapporti msemmija
fil-paragrafu 1 li juru r-riżultati konkreti miksuba mill-miżuri
nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8(3). Il-Kummissjoni għandha
mbagħad toħroġ rapport speċifiku li jaċċerta jekk
dawk il-miżuri effettivament jippermettu lill-membri tas-sess
sottorappreżentat sabiex ikollhom mill-anqas 40% tal-pożizzjonijiet
ta' direttur mhux eżekuttiv sal-1 ta' Jannar 2018
għall-kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi, u sal-1 ta' Jannar
2020 għall-kumpaniji elenkati li mhumiex impriżi pubbliċi.
L-ewwel rapport ta' dan it-tip għandu jinħareġ mill-Kummissjoni
sal-1 ta' Lulju 2017, u rapporti sussegwenti għandhom jinħarġu
fi żmien sitt xhur min-notifika tar-rapporti nazzjonali rispettivi
taħt il-paragrafu 1. L-Istati Membri kkonċernati għandhom
jiżguraw li l-kumpaniji elenkati, li bl-applikazzjoni tal-miżuri
msemmija fl-Artikolu 8(3) ma jkunux appuntaw jew eliġġew membri
tas-sess sottorappreżentat f'mill-anqas 40% tal-pożizzjonijiet ta'
direttur mhux eżekuttiv tal-bordijiet tagħhom sal-1 ta' Jannar 2018,
fejn huma impriżi pubbliċi, jew sal-1 ta' Jannar 2020, fejn mhumiex
impriżi pubbliċi, japplikaw l-obbligi proċedurali li
jirrigwardaw il-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), (3), (4) u (5) b'effett
rispettivament minn dawk id-dati. 3. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta' din
id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar
tard mill-31 ta' Diċembru 2021 u kull sentejn wara dan. Il-Kummissjoni
għandha tevalwa b’mod partikolari jekk l-għanijiet ta' din
id-Direttiva ntlaħqux. 4. Fir-rapport tagħha,
il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-iżviluppi
fir-rappreżentanza tal-irġiel u nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji
elenkati u fil-livelli differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet
fl-ekonomija kollha u filwaqt li tqis jekk il-progress huwiex
suffiċjentement sostenibbli, hemmx il-ħtieġa li testendi t-tul
ta' din id-Direttiva lil hinn mid-data speċifikata fl-Artikolu 10(2) jew
li temendaha. Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u skadenza 1. Din id-Direttiva għandha
tidħol fis-seħħ fl-[għoxrin]
jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea. 2. Hija għandha tiskadi
fil-31 ta' Diċembru 2028. Artikolu 11
Destinatarji Din id-Direttiva
hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Dan l-iżbilanċ bejn is-sessi huwa
impressjonanti fl-Istati Membri kollha tal-UE, b'medji nazzjonali li jvarjaw
minn madwar 5% f 'MT, CY, HU, LU, LU, PT, IT, EE u EL għal madwar 25% fi
SE, LV u FI. Is-sehem tan-nisa jvarja fl-Istati Membri bejn madwar 3% u madwar
28% għad-diretturi mhux eżekuttivi u bejn 0% u madwar 21%
għad-diretturi eżekuttivi. Ara r-Rapport ta' Progress: In-nisa
fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE, Marzu 2012
(http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/women-on-boards_en.pdf). [2] Xi eżempji: In-nisa huma 30% fl-ogħla livell
tal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, u jikkostitwixxu 33%
mill-membri tal-qrati supremi. Fl-istituzzjonijiet ta' riċerka, 22%
tal-membri tal-bordijiet huma nisa (2007). Huma biss il-banek ċentrali
nazzjonali li baqgħu, kontra x-xejriet kollha, fortizzi kważi
esklussivament iddominati mill-irġiel: 83% tal-membri tal-bordijiet
tagħhom huma rġiel u bħalissa ma hemm l-ebda Gvernatur femminili
ta' bank ċentrali fl-UE. [3] ĠU L 331, 19.12.1984, p. 34 u ĠU
L 319, 10.12.1996, p. 11. [4] Ara r-Rapport ta' progress, nota ta' qiegħ
il-paġna 1. [5] Minn Ottubru 2010 sa Jannar 2012, bil-bosta l-akbar
żieda tas-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji ġiet
irreġistrata fi Franza (żieda ta' 10 punti perċentwali għal
22%), fejn il-kumpaniji laħqu l-ewwel mira introdotta minn liġi
ġdida f’Jannar 2011 (20% sal-2014, 40% sal-2017) qabel iż-żmien.
In-Norveġja żiedet is-sehem tan-nisa fost il-membri tal-bordijiet
minn 18% fl-2006, meta ġiet introdotta mira vinkolanti, sa 40% fi
żmien tliet snin biss. [6] L-aktar reċentement: Credit Suisse Research
Institute (Awwissu 2012), "Gender diversity and corporate
performance". Studji oħra importanti jinkludu: Catalyst (2004),
"The Bottom Line: Connecting Corporate Performance and Gender
Diversity"; McKinsey (rapporti tal-2007, 2008 u 2010), "Women
Matter"; Deutsche Bank Research (2010), "Towards gender-balanced
leadership"; Ernst & Young (2012), "Mixed leadership". [7] In-nisa jirrappreżentaw madwar 60% tal-gradwati
universitarji fl-UE. Iktar importanti, l-inizjattiva Nisa Abbord tal-Iskejjel
tal-Kummerċ Ewropej kienet kapaċi tidentifika malajr aktar minn 7000
mara lesti biex iservu fuq il-bordijiet u li huma kwalifikati ħafna,
għandhom esperjenza professjonali u lesti biex jokkupaw pożizzjoni
fuq bord (http://www.edhec.com/html/Communication/womenonboard.html). [8] COM(2010) 78 finali. [9] COM(2010) 491 finali. [10] Ara r-rapport tal-Kummissjoni "Iktar nisa f'pożizzjonijiet
għolja", Jannar 2010; Dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni "Il-Bilanċ tas-Sessi fit-Tmexxija tan-Negozju",
Marzu 2011 (SEC(2011) 246 finali); Rapport ta 'progress "In-nisa
fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE", Marzu
2012; Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Progress
fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2011", April 2012 (SWD(2012)
85 finali). [11] Ara pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Lulju
2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozju (2010/2115(INI)), ir-Riżoluzzjoni
tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni
Ewropea – 2011 (2011/2244(INI)). [12] B 'mod partikolari d-Direttivi
2006/54/KE u 2010/41/UE. [13] Ewrobarometru speċjali 376 (2012), in-nisa
fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet (http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_379_360_en.htm#376). [14] ĠU L 52, 25.2.2005, p. 51. [15] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36. [16] ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17. [17] ĠU L 124, 20.05.2003, p. 36 [18] ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17. [19] C-450/93: Kalanke (1995 Ġabra I-3051), C-409/95: Marschall
(1997 Ġabra I-6363), C-158/97: Badeck (2000 Ġabra I-1875), C-407/98: Abrahamsson
(2000 Ġabra I-5539). [20] ĠU C , , p. . [21] ĠU L 331, 19.12.1984, p. 34. [22] ĠU L 319, 10.12.1996, p. 11. [23] Rapport tal-Kummissjoni "Iktar nisa
f'pożizzjonijiet għolja" (2010); Dokument ta' Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni "Il-Bilanċ tas-Sessi fit-Tmexxija
tan-Negozju" tal-1.3.2011 (SEC(2011) 246 finali); Rapport ta' progress
"In-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi
fl-UE" tal-5.3.2012; Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni "Progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
fl-2011" tas-16.4.2012 (SWD(2012) 85 finali). [24] "L-Impenn għall-Ewropa Nisa
fuq il-Bord”, IP/11/242. [25] COM(2010) 78 finali. [26] COM(2010) 491 finali. [27] 2010/2115(INI). [28] 2011/2244(INI). [29] COM(2010)
2020 finali. [30] ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1. [31] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36. [32] ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17. [33] C-450/93: Kalanke (1995 Ġabra I-3051), C-409/95: Marschall
(1997 Ġabra I-6363), C-158/97: Badeck (2000 Ġabra I-1875), C-407/98: Abrahamsson
(2000 Ġabra I-5539). [34] ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14. [35] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.