Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex japplikaw miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2012/0611 final - 2012/0293 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva
2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta'
taxxa fuq il-valur miżjud[1]
(minn hawn ’il quddiem: Id-Direttiva tal-VAT'), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi
unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat
Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga
mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika
l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew
iwaqqaf milli jseħħu ċerti forom ta' evażjoni jew evitar
tat-taxxa. B'ittra rreġistrata għand il-Kummissjoni
fil-25 ta' Mejju 2011, il-Bulgarija u r-Rumanija talbu
awtorizzazzjoni biex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5
tad-Direttiva tal-VAT li jirregolaw l-ambitu territorjali tal-VAT fir-rigward
pont transkonfinali (triq u ferrovija) fuq id-Danubju. B'ittra rreġistrata
għand il-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2012, din it-talba
ġiet sostitwita parzjalment mill-Bulgarija u r-Rumanija. B’konformità mal-Artikolu 395(2)
tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra
b’ittra ddatata s-17 ta’ Lulju 2012, bit-talbiet magħmulin
mill-Bulgarija u r-Rumanija (madankollu, Spanja ġiet infurmata b’ittra
tat-18 ta’ Lulju 2012). Permezz ta’ ittra ddatata
d-19 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija u
r-Rumanija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra
meħtieġa sabiex tqis it-talba. Sabiex jiffaċilitaw it-traffiku bit-triq u
bil-ferrovija bejn it-territorji tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija
ddeċidew li jiffirmaw ftehim fil-5 ta' Ġunju 2000
għall-kostruzzjoni ta' pont transkonfinali fuq ix-xmara Danubju bejn Vidin
(il-Bulgarija) u Calafat (ir-Rumanija). F'dan il-kuntest, il-Bulgarija u r-Rumanija talbu
li jkunu awtorizzati li japplikaw miżuri ta' deroga rigward ir-regoli
tal-VAT fuq it-territorjalità għall-manutenzjoni u t-tiswija ta’ dak
il-pont u l-iċċarġjar tal-pedaġġ għall-qsim
(il-kostruzzjoni tal-pont transkonfinali kienet espliċitament eskluża
mit-talba għad-deroga). Skont ir-regoli normali, il-prinċipju ta'
territorjalità stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-VAT, flimkien
mar-regoli dwar l-post ta' provvista, jeħtieġ li l-VAT Bulgara tkun
iċċarġjata fuq il-manutenzjoni u t-tiswija imwettqa
fil-Bulgarija. Bl-istess mod, manutenzjoni u tiswija mwettqa fit-territorju
Rumen tkun suġġetta għall-VAT Rumena. Meta wieħed japplika
r-regoli normali, dan jimplika li jrid jiġi stabbilit il-post eżatt
tat-tranżazzjonijiet taxxabbli skont it-territorju li fih tkun saret kull
parti tax-xogħlijiet. Għal dak il-għan ikun meħtieġ
li, l-impriżi involuti fix-xogħlijiet jistabbilixxu b’ċertezza
l-fruntiera territorjali fix-xmara Danubju għal xogħol imwettaq ’il
fuq mill-ilma. Il-Bulgarija u r-Rumanija huma tal-fehma li l-applikazzjoni ta’
dawn ir-regoli normali joħolqu kumplikazzjonijiet ta' taxxa għal dawn
l-impriżi u l-għan ta' din is-simplifikazzjoni tad-deroga hija
għalhekk, kif mitlub, biex tiġi stabbilita l-fruntiera territorjali
bħala f’nofs il-pont. Rigward il-pedaġġi, l-ammont taxxabbli
għandu, taħt ir-regoli attwali, jkun relatat mal-parti tal-pont li
tappartjeni lil kull wieħed mill-Istati Membri. Minbarra l-problema
msemmija hawn fuq dwar li tiġi stipulata l-fruntiera territorjali, kull
vjaġġ fuq il-pont għandu jkun fatturat skont żewġ
pedaġġi u żewġ rati differenti tal-VAT: waħda
għat-territorju Bulgaru u l-oħra għat-territorju Rumen; li
jista’ jkun ta’ piż fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati. F’dan
ir-rigward, l-għan tad-deroga rigward il-pedaġġi huwa li l-pont
jiġi kkunsdidrat bħala li qiegħed fuq it-territorju tal-Istat
Membru minn fejn jibda l-vjaġġ ta' transitu. Fil-prattika, il-VAT
Bulgara se tiġi imposta fuq il-pedaġġ kollu tal-vjaġġi
kollha li jibdew minn naħa Bulgara u jaqsmu il-pont transkonfinali lejn
ir-Rumanija. Bl-istess mod, il-VAT Rumena se tiġi imposta fuq
il-pedaġġ kollu tal-vjaġġi kollha li jibdew fir-Rumanija.
Dan se jissimplifika l-mod kif il-VAT hija kkalkulata rrappurtata. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Ma kienx hemm ħtieġa ta’ konsultazzjoni
jew tal-użu tal-kompetenza ta’ esperti esterni. Id-Deċiżjoni proposta għandha
l-għan li tissimplifika l-ġbir tal-VAT fir-rigward ta' ċerti
servizzi relatati ma’ pont transkonfinali. Minħabba l-ambitu ristrett tad-deroga,
l-impatt se jkun fi kwalunkwe każ limitat. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Id-Deċiżjoni tawtorizza lill-Bulgarija u
r-Rumanija biex japplikaw miżuri ta' deroga mill-applikazzjoni
territorjali tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward ta’ pont transkonfinali. Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq
l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT. Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza
esklużiva tal-UE. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma
japplikax. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna
awtorizzazzjoni mogħtija lil Stati Membri individwali fuq it-talba
tagħhom stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu. Minħabba l-limitu strett fl-ambitu,
il-miżura speċjali tidher li hi proporzjonata mal-għan segwit. Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT,
deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni
tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni.
L-uniku strument xieraq huwa Deċiżjoni tal-Kunsill peress li tista'
tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet
għall-baġit tal-Unjoni. 2012/0293 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Bulgarija u lir-Rumanija
biex japplikaw miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 5
tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur
miżjud IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva
tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar
is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[2], u b’mod partikolari
l-Artikolu 395(1) tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) B'ittri rreġistrati
għand il-Kummissjoni fil-25 ta' Mejju 2011, il-Bulgarija u
r-Rumanija talbu awtorizzazzjoni biex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-ambitu
territorjali tal-VAT fir-rigward ta’ pont transkonfinali (triq u ferrovija) fuq
id-Danubju. Il-Bulgarija u r-Rumanija ssostitwew parzjalment din it-talba permezz
ta’ ittra rreġistrata għand il-Kummissjoni fis-7 ta’Marzu 2012. (2) B’konformità
mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/12/KE, permezz ta’ ittra ddatata
s-17 ta’ Lulju 2012 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri
l-oħrajn bit-talba li għamlu l-Bulgarija u r-Rumanija;
bl-eċċezzjoni ta' Spanja li kienet infurmata b’ittra
tat-18 ta’ Lulju 2012. Permezz ta’ ittra ddatata
d-19 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija u
r-Rumanija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra
meħtieġa sabiex tqis it-talba. (3) Fir-rigward tal-manutenzjoni
u t-tiswija tal-pont, id-deroga mitluba mill-Bulgarija u r-Rumanija hija li
n-nofs ta’ pont jiġi kkunsidrat bħala l-fruntiera territorjali bejn
iż-żewġ Stati Membri. (4) Fir-rigward ta'
ċċarġjar ta' pedaġġi biex wieħed jaqsam il-pont
transkonfinali, iż-żewġ Stati Membri jixtiequ jikkunsidraw
it-tul kollu tal-pont bħala parti mit-territorju tal-Istat li fih jibda xi
vjaġġ ta' transitu. B’hekk il-VAT Bulgara biss se tiġi imposta
fuq il-pedaġġ kollu tal-vjaġġi kollha li jibdew minn
naħa Bulgara. Bl-istess mod, il-VAT Rumena biss se tiġi imposta fuq
vjaġġi li jibda minn naħa Rumena. (5) Fin-nuqqas ta' miżuri
ta' deroga, kif jiġi stabbilit il-post ta’ provvista
għall-manutenzjoni, tiswija u ċċarġjar tal-pedaġġ
l-ewwel nett ikunu jiddependu fuq l-istabbiliment preċiż
tal-fruntieri territorjali ’l fuq mill-ilma li, fil-prattika, tkun wisq
diffiċli għall-persuni taxxabbli involuti. It-tieni, kemm tal-VAT
Bulgara kif ukoll dik Rumena jkollhom ikunu applikati fuq il-pedaġġ
mitlub għal vjaġġ f'direzzjoni waħda fuq il-pont
transkonfinali minn Stat Membru għall-ieħor. Il-miżuri ta’
deroga huma għalhekk maħsuba biex jissimplifikaw l-ġbir tal-VAT
fuq dawn is-servizzi. (6) Billi l-materja involuta hija
d-definizzjoni tat-territorju għal skopijiet ta' VAT li għaliha
m'għandu jkun hemm l-ebda tibdil, id-deroga mitluba għandha
tingħata għal perijodu indefinit. (7) Il-miżuri mhux ser
ikollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni pprovduti
mill-VAT, lanqas ma huma se jkollhom xi effett fuq l-ammont ta' taxxa dovut
fl-istadju finali tal-konsum, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 B’deroga mill-Artikolu 5
tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Bulgarija u r-Rumanija huma awtorizzati,
bil-kondizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Deċiżjoni,
biex japplikaw miżuri ta’ deroga mid-Direttiva 2006/112/KE
fir-rigward tal-manutenzjoni, tiswija u ċċarġjar ta'
pedaġġi rigward il-pont transkonfinali fuq id-Danubju bejn Vidin
(il-Bulgarija) u Calafat (ir-Rumanija). Artikolu 2 Biex jiġi stabbilit il-post
tat-tranżazzjonijiet taxxabbli rigward il-manutenzjoni jew it-tiswija
tal-pont transkonfinali, il-konfini territorjali se titqies bħala fin-nofs
ta’ dak il-pont għall-provvista ta' prodotti u servizzi, akkwisti
intra-Komunitarji u l-importazzjoni ta' oġġetti maħsuba
għal dik il-manutenzjoni jew tiswija. Artikolu 3 Biex jiġi stabbilit il-post ta’
transazzjonijiet taxxabbli rigward l-iċċarġjar ta’
pedaġġi, il-pont transkonfinali ser, għall-medda kollha
tiegħu, ikun meqjus bħala parti mit-territorju tal-Istat Membru li
minnu jibda kull vjaġġ li jagħmel użu mill-pont. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Repubblika tal-Bulgarija u lir-Rumanija. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1 [2] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.