52012PC0598

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu minn Stati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fl-2013 u fl-2014, inkluż l-ewwel ħlas parzjali fl-2013 /* COM/2012/0598 final - 2012/0290 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim Intern u r-Regolament Finanzjarju (RF) tal-10 FEŻ jipprevedu proċedura ta’ sejħiet għal kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-FEŻ. Skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ, din il-proposta tkopri:

– il-limitu massimu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għas-sena 2014;

– l-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għas-sena 2013; kif ukoll

– l-ammont tal-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għas-sena 2013.

Skont l-Artikolu 57(7) tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ, l-ammont ġestit mill-Kummissjoni u l-ammont ġestit mill-BEI huma speċifikati separatament.

Skont l-Artikolu 145 tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ, il-BEI bagħat lill-Kummissjoni l-istimi aġġornati tiegħu ta' impenji u ħlasijiet skont l-istrumenti li jiġġestixxi.

Skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Finanzjarju, is-sejħiet għall-kontribuzzjonijiet l-ewwel għandhom jużaw l-ammonti disponibbli minn FEŻ preċedenti, wieħed wara l-ieħor. Għalhekk, is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet f'din il-proposta jikkonċernaw l-ammonti skont id-9 FEŻ fir-rigward tal-BEI u skont l-10 FEŻ fir-rigward tal-Kummissjoni.

Skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ, il-Kunsill irid jiddeċiedi dwar din il-proposta sal-15 ta' Novembru 2012 u l-Istati Membri jridu jħallsu l-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni sa mhux aktar tard mill-21 ta' Jannar 2013.

L-Artikolu 60(1) tar-Regolament Finanzjarju jistipula li Stat Membru li jonqos milli jħallas il-ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni dovuta sal-iskadenza jkun mitlub iħallas l-imgħax fuq l-ammont mhux imħallas; l-arranġamenti għall-ħlas tal-imgħax huma speċifikati fl-istess Artikolu.

2012/0290 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu minn Stati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fl-2013 u fl-2014, inkluż l-ewwel ħlas parzjali fl-2013

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 217 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u għat-Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat tal-KE[1], (“il-Ftehim Intern”) u b’mod partikulari l-Artikolu 7 tagħha,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta’ Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn ’il quddiem msejjaħ "ir-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ")[2] kif l-aħħar emendat fil-11 ta’ April 2011[3], u b’mod partikulari l-Artikolu 57(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 57 sa 61 tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta sal-15 ta' Ottubru 2012 fejn tispeċifika l-limiti tal-ammont annwali tal-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) tal-Istati Membri għall-2014, l-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għall-2013 u l-ammont tal-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2013.

(2)       Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 145 tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ, il-Bank Ewropew tal-Investiment bagħat lill-Kummissjoni l-istimi aġġornati tiegħu tal-impenji u tal-ħlasijiet għall-istrumenti li jimmaniġġja.

(3)       L-Artikolu 58(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ jistipula li s-sejħiet għal kontribuzzjonijiet l-ewwel jużaw l-ammonti stabbiliti għal FEŻ preċedenti. Għalhekk għandu jkun hemm sejħa għal fondi skont id-9 FEŻ għall-BEI.

(4)       Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar din il-proposta sal-15 ta' Novembru 2012 u l-Istati Membri għandhom iħallsu l-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2013 sa mhux aktar tard mill-21 ta' Jannar 2013,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-limitu massimu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għall-2014 qed jiġi stabbilit għal EUR 3 250 000 000 fir-rigward tal-Kummissjoni, u għal EUR 360 000 000 fir-rigward tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Artikolu 2

L-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għas-sena 2013 qed jiġi stabbilit għal EUR 3 100 000 000 fir-rigward tal-Kummissjoni, u għal EUR 250,000,000 fir-rigward tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjonijiet individwali tal-FEŻ li jridu jitħallsu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment bħala l-ewwel ħlas parzjali għall-2013 huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

L-1 ħlas parzjali tal-Kontribuzzjonijiet tal-FEŻ għall-2013 (EUR) || ||

[1]                      ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

[2]               ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

[3]               ĠU L 102, 16/04/2011, p. 1.