Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tikkonċerna l-istatuti taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali, /* COM/2012/0568 final - 2012/0273 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Permezz tad-Deċiżjoni 2010/648/UE
tal-14 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza l-iffirmar
tal-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou għat-tieni
darba. L-Artikolu 95(3) tal-Ftehim ta' Cotonou
jawtorizza lill-Kunsill Konġunt AKP-UE li jadotta miżuri
tanżitorji meħtieġa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet
emendati sakemm jidħlu fis-seħħ. Permezz tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2010/614/UE tal-14 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill
approva l-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill
tal-Ministri tal-AKP-UE rigward il-miżuri tranżitorji, u permezz
tad-Deċiżjoni Nru 2/2010 tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE
tal-21 ta’ Ġunju 2010, għandhom jiġu applikati
b’mod temporanju d-dispożizzjonijiet emendatorji,
mill-1 ta’ Novembru 2010. L-Anness III tal-Ftehim kien emendat
mit-tieni reviżjoni; b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar
il-Bord Eżekuttiv taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola
u Rurali (ĊTA) kienu modifikati bil-ħsieb li tissaħħaħ
il-governanza u jitħaffu l-proċessi tat-teħid
tad-deċiżjonijiet. L-istatuti tal-CTA għandhom
konsegwentement jiġu adottati skont l-Anness III tal-Ftehim, kif
emendat mit-tieni reviżjoni. Barra minn hekk, ikun utli li tinħataf
din l-opportunità biex tiġi inkluża referenza espliċita għar-regoli
finanzjarju tal-EDF applikabbli u li jiġu armonizzati xi wħud
mid-dispożizzjonijiet tagħha ma' dawk tal-istatuti
taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi
(ĊŻI). L-Artikolu 3(5) tal-Anness III
jipprovdi li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jistabbilixxi
l-istatuti taċ-ĊŻI. L-Istatuti emendati huma annessi
mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta. Il-Kunsill huwa għalhekk mitlub li
jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea
fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar l-istatuti taċ-Ċentru
għal Kooperazzjoni Agrikola u Rurali. 2012/0273 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tikkonċerna
l-istatuti taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, WARA LI KKUNSIDRA t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 208 u
218§9 tiegħu, WARA LI KKUNSIDRA l-proposta mill-Kummissjoni, BILLI: (1) It-tieni reviżjoni
tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani,
tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati
Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000,
kif rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u
fit-22 ta’ Ġunju 2010, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ
"il-Ftehim ta' Cotonou" aġġornat l-Anness III biex
tirrevedi l-missjonijiet mogħtija liċ-Ċentru
għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĊŻI) u
liċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) u
wkoll biex jiġu ċċarati u msaħħa l-governanza ta' dawn
l-organiżmi, b’mod partikolari s-superviżjoni mill-Kumitat
tal-Ambaxxaturi u r-responsabbiltajiet tal-Bord Eżekuttiv. (2) Id-Deċiżjoni
Nru 2/2010 tal-21 ta’ Ġunju 2010 tal-Kunsill
tal-Ministri tal-AKP-UE stabbilixxiet l-applikazzjoni temporanja tal-ftehim
emendatorju mill-1 ta’ Novembru 2010. (3) L-istatuti
taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (minn hawn 'il
quddiem imsejjaħ "iċ-Ċentru") għandhom jiġu
riveduti kif xieraq; (4) Bħala konsegwenza
l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea
fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tikkonċerna l-istatuti
taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali għandha
tiġi stabbilita, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu uniku Il-pożizzjoni adottata mill-Unjoni
Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar l-emenda tal-istatuti
taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali għandha
tkun ibbażata fuq il-proposta ta’ deċiżjoni abbozz mehmuża.
Emendi minuri għall-abbozz
tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi tista' tiġi miftehma
mingħajr il-ħtieġa ta' deċiżjoni ulterjuri
tal-Kunsill. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President
ANNESS Deċiżjoni Nru …/2012 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar l-istatuti ta' Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali IL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE, WARA LI KKUNSIDRA l-Ftehim ta’ Sħubija
bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha,
min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou
fit-23 ta' Ġunju 2000[1],
u rivedut l-ewwel fil-25 ta' Ġunju 2005[2] u
fit-22 ta’ Ġunju 2010[3],
minn hawn' il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' Cotonou", u b’mod
partikolari l-Artikoli 3(5) u 3(6) tal-Anness III tiegħu. BILLI: (1) It-tieni reviżjoni
tal-Ftehim ta' Cotonou fit-22 ta' Ġunju 2010
aġġornat l-Anness III tiegħu biex tirrevedi missjonijiet
mogħtija liċ-ĊŻI u ċ-ĊTA u biex tiġi
ċċarata u msaħħa l-governanza ta' dawn l-organiżmi,
b’mod partikolari s-superviżjoni mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi u
r-responsabbiltajiet tal-Bord Eżekuttiv. (2) Id-Deċiżjoni
Nru 2/2010 tal-21 ta’ Ġunju 2010 tal-Kunsill
tal-Ministri tal-AKP-UE stabbilixxiet l-applikazzjoni temporanja tal-ftehim
emendatorju mill-1 ta’ Novembru 2010. (3) Bħala konsegwenza
l-istatuti taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali
(minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "iċ-Ċentru")
għandhom jiġu riveduti kif xieraq. (4) Skont l-Artikolu 3(5)
tal-Anness III tal-Ftehim, deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi
hija meħtieġa biex tistabbilixxi l-istatuti taċ-Ċentru;
huwa xieraq li l-Kumitat jadotta Deċiżjoni għal dak il-għan
f'isem il-Kunsill tal-Ministri, skont l-Artikoli 15(4) u 16(2) tal-Ftehim.
IDDEĊIEDA KIF
ĠEJ: Artikolu Uniku L-istatuti taċ-Ċentru Tekniku ta’
Kooperazzjoni Agrikola u Rurali annessi ma’ din id-deċiżjoni huma
b’dan adottati. L-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-AKP,
għandhom jintrabtu, sa fejn ikun jikkonċernahom rispettivament, li
jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implementata din id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-adozzjoni
tagħha.
Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE
Il-President ANNESS STATUTI TA’ IĊ-Ċentru Tekniku ta’
Kooperazzjoni Agrikola u Rurali, Artikolu 1
Suġġett 1.
Iċ-Ċentru, fis-sens tat-tifsira
tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’
Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità
Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, (minn hawn
'il quddiem "il-Ftehim ta' Cotonou") għandu jkun korp tekniku
konġunt AKP-UE. Għandu jkollu personalità ġuridika u għandu
jgawdi fl-Istati kollha parti għall-Ftehim il-kapaċità legali l-aktar
estensiva mogħtija lill-entitajiet legali tal-istess tip skont il-liġijiet
tagħhom. 2.
Il-persunal taċ-Ċentru għandhom
igawdu l-privileġġi ta' konswetudni, immunitajiet u faċilitajiet
li hemm provduti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1
tal-Protokoll 2 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet u msemmi
fid-Dikjarazzjonijiet VI u VII annessi mal-Ftehim ta’ Cotonou. 3.
Iċ-Ċentru ma għandux jaħdem
għall-profitt. 4.
Il-kwartieri taċ-Ċentru għandha
provviżorjament ikun f'Wageningen (il-Pajjiżi Baxxi),
b’uffiċċju lokali fi Brussell. Artikolu 2
Prinċipji u għanijiet 1.
Iċ-Ċentru għandu jaġixxi
b’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi tal-Ftehim ta' Cotonou.
Huwa għandu jsegwi l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 3
tal-Anness III tal-Ftehim ta' Cotonou taħt is-superviżjoni
tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi. 2.
Iċ-Ċentru għandu jelabora d-dettalji
ta’ dawn l-għanijiet f’karta ta’ strateġija globali. 3.
Iċ-Ċentru għandu jwettaq
l-attivitajiet tiegħu b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u
korpi oħra msemmija fil-Ftehim ta’ Cotonou jew fid-dikjarazzjonijiet
annessi. Iċ-Ċentru jista', fejn meħtieġ, jitlob lil
istituzzjonijiet reġjonali u internazzjonali, b'mod partikolari dawk li
jinsabu fl-Unjoni Ewropea jew l-Istati tal-AKP u li jitrattaw kwistjonijiet
dwar tratturi għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Artikolu 3
Finanzjament 4.
Il-baġit taċ-Ċentru jista’ jiġi
ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), skont
ir-regoli stabbiliti fil-Protokoll Finanzjarju previst fl-Anness I
tal-Ftehim ta' Cotonou fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp
finanzjarju. 5.
Il-baġit taċ-Ċentru jista’
jirċievi riżorsi addizzjonali minn partijiet oħra
għall-finijiet li jikseb l-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim ta’
Cotonou u l-implimentazzjoni tal-istrateġija mfassla miċ-Ċentru. Artikolu 4
Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandu jkun
l-awtorità superviżorja taċ-Ċentru skont l-Artikolu 3(5)
tal-Anness III tal-Ftehim ta' Cotonou. Huwa jaħtar il-membri tal-Bord
Eżekuttiv u d-Direttur taċ-Ċentru bi proposta mill-Bord
Eżekuttiv, jissorvelja l-istrateġija kumplessiva taċ-Ċentru
u jissorvelja x-xogħol tal-Bord Eżekuttiv. Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandu
jagħti kwittanza lid-Direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni
tal-baġit tas-sena n+2. Bil-ħsieb li tingħata l-kwittanza,
il-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandu, abbażi tar-rakkomandazzjoni mill-Bord
Eżekuttiv, jeżamina l-kontijiet u l-opinjoni espressa mill-Awditur
mat-tweġibiet mogħtija mid-Direttur. Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jista’ jevoka u
jirrevedi fi kwalunkwe ħin, jew joġġezzjona,
għad-deċiżjonijiet magħmula miċ-Ċentru. Huwa
għandu jkun infurmat regolarment mill-Bord Eżekuttiv, u wkoll
mid-Direttur taċ-Ċentru meta l-Kumitat tal-Ambaxxaturi jitlob hekk. Artikolu 5
Il-Bord Eżekuttiv 6.
Il-Bord Eżekuttiv għandu jiġi
stabbilit biex jappoġġa, jissorvelja u jikkontrolla l-aspetti
tekniċi, amministrattivi u finanzjarji kollha tal-attivitajiet
taċ-Ċentru. 7.
Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompost,
fuq bażi ta' parità minn sitt membri – tliet ċittadini tal-AKP u
tliet ċittadini tal-Unjoni Ewropea - li huma magħżula u
maħtura mill-Partijiet, fuq il-bażi tal-kwalifiki professjonali
tagħhom fl-oqsma tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali u/jew
politiċi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ix-xjenza, il-ġestjoni
u t-teknoloġija. 8.
Nofs il-membri tal-Bord Eżekuttiv
għandhom jiġu mġedda kull sentejn u nofs. 9.
Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru
mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi skont il-proċeduri stabbiliti mill-Kumitat
għal perjodu sa ħames snin, soġġett għal
reviżjoni ta' nofs it-terminu. 10.
Għandu jitlaqqa' erba' darbiet fis-sena b’mod
ordinarju. Il-Kumitat jista’ jiltaqa’ wkoll kull meta meħtieġ sabiex
iwettaq id-doveri tiegħu, wara talba tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi jew
tal-President tal-Bord jew wara talba tad-Direttur. Iċ-Ċentru
għandu jaġixxi bħala s-segretarjat tal-Bord Eżekuttiv. 11.
Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom
iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti, ma jistgħux ifittxu jew
jieħdu l-ebda struzzjoni minn partijiet terzi u għandhom jaġixxu
biss fl-interessi taċ-ĊTA. Il-pożizzjoni ta' membru tal-Bord
Eżekuttiv għandha tkun inkompatibbli ma' kwalunkwe attività oħra
remunerata miċ-Ċentru. 12. Il-membri
tal-Bord Eżekuttiv għandhom jeleġġu President u
Viċi-President għal perjodu mhux itwal minn ħames snin skont
id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
Il-pożizzjoni tal-President għandha timtela b’persuna mill-parti (AKP
jew l-Unjoni Ewropea) li ma jkollhiex il-kariga tad-Direttur
taċ-Ċentru. Il-kariga ta' Viċi President għandha timtela
minn persuna mill-parti li ma jkollhiex il-kariga tal-President. 13. Għal-laqgħat
tal-Bord Eżekuttiv jattendu osservaturi mill-Kummissjoni Ewropea,
is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u
rappreżentant tas-Segretarjat AKP. 14.
Il-Bord Eżekuttiv jista' jistieden membri
oħra tal-persunal u amministrazzjoni taċ-Ċentru u/jew esperti
esterni għal pariri dwar kwistjonijiet speċifiċi. 15.
Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu
d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza sempliċi
tal-membri preżenti jew rappreżentati skont ir-Regoli ta'
Proċedura tiegħu. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu
jkollu vot wieħed. Fl-eventwalità ta' voti indaqs, il-President għandu
jkollu l-vot deċiżiv. 16.
Il-minuti għandhom jitħejjew wara kull
laqgħa. Id-diskussjonijiet tal-Bord Eżekuttiv għandhom ikunu
kunfidenzjali. 17.
Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta r-Regoli
ta' Proċedura tiegħu stess u għandu jinforma lill-Kumitat
tal-Ambaxxaturi b’dan. Artikolu 6
Ħidmiet tal-Bord Eżekuttiv 18.
Il-Bord Eżekuttiv għandu jissorvelja
mill-qrib l-attivitajiet taċ-Ċentru. Il-Bord Eżekuttiv
għandu jkun responsabbli quddiem il-Kumitat tal-Ambaxxaturi. 19.
Il-Bord Eżekuttiv għandu: (a)
jistabbilixxi abbozz tar-regolamenti finanzjarji
skont ir-regoli tal-FEŻ u għandu jippreżentahom lill-Kumitat
tal-Ambaxxaturi għall-approvazzjoni; (b)
jistabbilixxi u japprova r-regolamenti tal-persunal
u r-regoli tal-operazzjoni taċ-Ċentru skont ir-regoli tal-FEŻ u
għandu jippreżentahom quddiem il-Kumitat tal-Ambaxxaturi bħala
informazzjoni; (c)
jissorvelja l-attivitajiet taċ-Ċentru u
jiżgura li l-missjoni u r-regoli tiegħu jkunu implimentati kif
xieraq; (d)
jadotta l-programmi ta' ħidma annwali u
pluriennali u l-baġit taċ-Ċentru u jressaqhom quddiem il-Kumitat
tal-Ambaxxaturi bħala informazzjoni; (e)
jippreżenta rapporti u evalwazzjonijiet
perjodiċi lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi; (f)
jadotta strateġija kumplessiva
taċ-Ċentru u jibgħatha lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi bħala
informazzjoni; (g)
japprova l-istruttura organizzattiva, politika
tal-persunal u l-organigramma; (h)
japprova r-reklutaġġ ta' persunal
ġdid u t-tiġdid, estensjoni jew terminazzjoni ta’ kuntratti
eżistenti tal-impjegati; (i)
japprova r-rapporti finanzjarji annwali u
jibgħathom lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi bħala informazzjoni flimkien
mal-opinjoni tal-Awditur; (j)
japprova r-rapporti annwali u jibgħathom
lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi għall-verifika li l-attivitajiet
taċ-Ċentru huma konsistenti mal-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim
u l-istrateġija ġenerali tal-karta; (k)
jipproponi l-ħatra tad-Direttur
taċ-Ċentru lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi; kif ukoll (l)
jirrapporta lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi dwar
kwalunkwe kwistjonijiet importanti li jinqalgħu matul il-qadi ta’
dmirijietu. (m)
jirrapporta lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi dwar
il-miżuri meħuda fid-dawl tal-osservazzjonijiet u
r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi li jakkumpanjaw
id-deċiżjoni ta’ kwittanza. 20.
Wara proċedura ta' sejħa
għall-offerti kompetittiva, il-Bord Eżekuttiv għandu
jagħżel, mill-inqas fost tliet offerti, kumpanija ta’ awdituri li
hija membru ta' korp superviżorju rikonoxxut internazzjonalment, għal
perjodu ta' tliet snin. Dawk l-awdituri għandhom jeżaminaw jekk
id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali ġewx imfassla tajjeb u skont
Standards Internazzjonali tal-Kontabilità, u jagħtu stampa vera u
ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja taċ-Ċentru. L-awdituri
għandhom ukoll jikkummentaw dwar kemm hi soda l-ġestjoni finanzjarja
taċ-Ċentru. 21.
Il-Bord Eżekuttiv għandu jirrakkomanda
lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi li jagħti lid-Direttur il-kwittanza
tal-kontijiet annwali. Artikolu 7
Direttur 22.
Iċ-Ċentru għandu jkun immexxi minn
Direttur maħtur mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi bi proposta mill-Bord
Eżekuttiv għal perjodu mhux itwal minn ħames snin u ma
jiġġeddidx. Il-kariga ta' Direttur għandha tinżamm
alternattivament minn ċittadini tal-AKP u tal-UE. Il-Kopresidenti
tal-Kumitat għandhom jiffirmaw l-ittra tal-ħatra tad-Direttur. 23.
Id-Direttur għandu jkun responsabbli
mir-rappreżentanza legali u istituzzjonali taċ-Ċentru u
għall-eżekuzzjoni tal-mandat u l-kompiti taċ-Ċentru. 24.
Id-Direttur għandu jkun responsabbli biex
jissottometti lill-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni: (a)
l-istrateġija kumplessiva
taċ-Ċentru; (b)
l-attività annwali u pluriennali/programmi ta'
ħidma; (c)
il-baġit annwali taċ-Ċentru; (d)
ir-rapport annwali, ir-rappurtar perjodiku u
l-evalwazzjoni; (e)
l-istruttura organizzattiva, il-politika
tal-persunal u l-organigramma; kif ukoll (f)
ir-reklutaġġ ta' persunal ġdid u
t-tiġdid, estensjoni jew terminazzjoni tal-kuntratti tal-persunal
eżistenti. 25.
Id-Direttur għandu jkun responsabbli
għall-organizzazzjoni u l-immaniġġar ta' kuljum
taċ-Ċentru. Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord
Eżekuttiv dwar kwalunkwe addendum tar-Regoli tal-operat
taċ-Ċentru. 26.
Id-Direttur jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv
dwar kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tinqala' fl-eżerċizzju ta’
dmirijietu, u meta jkun meħtieġ għandu jinforma lill-Kumitat
tal-Ambaxxaturi. 27.
Jekk meħtieġ, u wara li jwettaq
il-proċedura stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord
Eżekuttiv jista' jipproponi, permezz ta' proposta debitament
raġunata, li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi jkeċċi d-Direttur. 28.
Id-Direttur għandu jkun responsabbli biex
jippreżentaw l-kontijiet annwali lill-Bord Eżekuttiv
għall-approvazzjoni u t-trasmissjoni lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi. 29.
Id-Direttur għandu jieħu l-passi kollha
xierqa biex jaġixxi fuq l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li
jakkumpanjaw id-deċiżjoni tal-kwittanza tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi. [1] ĠU L 317, 15.12.2000,
p. 3., iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, u
daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2003 [2] ĠU L 287, 28.10.2005,
p. 5, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 u
daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 [3] ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3., iffirmat f’Ouagadougou
fit-22 ta’ Ġunju 2010, u applikat provviżorjament
mill-1 ta’ Novembru 2010