52012PC0559

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea /* COM/2012/0559 final - 2012/0270 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           Il-qafas politiku u legali

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde huma rregolati minn ftehim ta’ Sħubija AKP-KE rivedut ta’ Cotonou, iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2005. Il-ftehim rivedut daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 rigward il-Kap Verde.

Fl-ewwel snin tas-seklu wieħed u għoxrin, il-gvern tal-Kap Verde u s-soċjetà ċivili tal-Kap Verde esprimew ix-xewqa f'għadd ta’ okkażjonijiet biex japprofondixxu u jestendu r-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea.

Għalhekk fl-24 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-futur tar-relazzjonijiet UE/Kap Verde, li fiha rrikonoxxiet ir-relazzjoni storika speċjali u qawwija eżistenti bejn iż-żewġ partijiet, ibbażati fuq rabtiet umani u kulturali u valuri soċjopolitiċi komuni Il-Kap Verde, bħal m'hi l-Unjoni Ewropea, tħaddan il-valuri u l-prinċipji ta’ demokrazija u governanza tajba u tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-istandards għolja u l-prattiċi fil-qasam ta’ governanza li fih il-Kap Verde ġustament tkun tista’ tkun kburija jiġġustifikaw bis-sħiħ aktar żvilupp tar-relazzjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea. Il-Komunikazzjoni kien fiha proposta għal pjan ta’ azzjoni fl-Anness.

Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tad-19 u l-20 ta’ Novembru 2007 approva l-konklużjonijiet favur il-komunikazzjoni, l-introduzzjoni ta’ sħubija speċjali bejn l-UE u l-Kap Verde u l-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu kif propost mill-Kummissjoni. Is-“Sħubija speċjali” għandha l-għan li ssaħħaħ id-djalogu politiku, il-konverġenza tal-politiki u l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, f’setturi ġodda u sensittivi, li tmur lil hinn relazzjoni bejn id-donatur u l-benefiċjarju tradizzjonali u toħloq qafas ta’ interessi reċiproċi.

Il-pjan ta’ azzjoni huwa mibni fuq dawn l-għanijiet: il-governanza tajba, is-sigurtà u l-istabilità, l-integrazzjoni reġjonali, it-trasformazzjoni u l-modernizzazzjoni, il-konverġenza tat-teknoloġija u l-istandards, is-soċjetà msejsa fuq l-għarfien, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar. Il-miżuri previsti huma mfassla biex tissaħħaħ l-istabbilità u s-sigurtà u jinkludu inizjattivi biex tiġi ttrattata l-migrazzjoni.

Fil-kuntest tas-sħubija speċjali bejn l-UE u l-Kap Verde u fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2007 dwar sħubijiet ta’ mobilità u migrazzjoni ċirkolari fil-qafas tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, ġiet iffirmata dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde fil-5 ta’ Ġunju 2008 u tvarat fit-28 ta’ Lulju 2008. Fil-punti 5 u 12 tad-dikjarazzjoni, iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jiżviluppaw id-djalogu dwar il-kwistjonijiet tal-viża għal perjodu qasir u fuq il-kwistjonijiet ta’ riammissjoni. F’punti 3(i) u 6(v) tal-Anness ma' din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni twiegħdet li tissottometti rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill bil-ħsieb li tikseb direttivi għan-negozjar ta’ ftehimiet mal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra u dwar ir-riammissjoni.

Fuq il-bażi ta’ hawn fuq, fl-14 ta’ Novembru 2008 il-Kummissjoni ressqet rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill li jitolbu l-awtorizzazzjoni tiegħu biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Kap Verde fuq ftehim li jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea, u dwar ir-riammissjoni.

Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fl-4 ta' Ġunju 2009, in-negozjati mar-Repubblika tal-Kap Verde nfetħu fit-13 ta’ Lulju 2009 fi Brussell. It-tieni sessjoni ta’ negozjati saret fit-22 ta’ Novembru 2011. Saru wkoll erba’ laqgħat tekniċi: fl-4 u fil-5 ta’ Frar 2010 fi Praga u fit-12 ta’ Ottubru 2010, it-30 ta’ Mejju u t-13 ta’ Settembru 2011 fi Brussell. In-negozjati kienu konklużi f’April 2012.

It-test finali tal-ftehim ġie inizjalat fi Brussell fl-24 ta’ April 2012 fil-preżenza ta’ José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Jose Maria Neves, il-Prim Ministru tal-Kap Verde.

L-Istati Membri ġew regolarment mgħarrfa u kkonsultati fi gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti fl-istadji kollha tan-negozjati.

Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-Ftehim emendatorju hi l-Artikolu 77(2)(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218.

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrumenti legali għall-iffirmar tal-Ftehim. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

2.           Ir-Riżultat tan-negozjati

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-Ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.

Il-kontenut aħħari tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

-           introduzzjoni ta’ kriterji ssimplifikati għall-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul aktar minn darba għal dawn il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

a) il-membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, membri ta’ Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi u tal-Qorti tal-Awdituri, il-membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, nies fin-negozju u r-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju, il-konjugi, it-tfal li jkunu taħt l-età ta’ 21 sena jew li jkunu dipendenti u l-ġenituri taċ-ċittadini tal-Kap Verde jew Ewropej li huma legalment residenti fil-Parti l-oħra jew residenti fil-Kap Verde jew fl-Istat tan-nazzjonalità tagħhom rispettivament. fil-prinċipju, se jinħarġu viżi ta’ dħul aktar minn darba validi għal ħames snin. Il-viżi ta’ diversi dħul b’perjodu iqsar ta’ validità għandhom jinħarġu biss meta jkun meħtieġ minħabba d-data tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar jew meta l-ħtieġa jew l-intenzjoni għall-ivvjaġġar sikwit jew regolari tkun manifestament limitata għal perjodu iqsar;

b) ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-membri ta’ professjonijiet liberali, il-persuni li jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, il-parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali, il-ġurnalisti u l-persuni akkreditati li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali, it-tfal tal-iskola, l-istudenti u l-għalliema li jakkumpanjawhom, ir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti fil-Kap Verde jew fl-Istati Membri, il-persuni li jżuru regolarment għal raġunijiet mediċi; il-parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati jew awtoritajiet muniċipali; il-membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali: fil-prinċipju, se jinħarġu viżi bi dħul aktar minn darba validi għal sena. Il-viżi viżi bi dħul aktar minn darba b’perjodu iqsar ta’ validità għandhom jinħarġu biss meta jkun meħtieġ minħabba d-data tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar jew meta l-ħtieġa jew l-intenzjoni għall-ivvjaġġar sikwit jew regolari tkun manifestament limitata għal perjodu iqsar. Viżi bi dħul aktar minn darba li huma validi għal mill-inqas sentejn u mhux aktar minn ħames snin għandhom jinħarġu sakemm matul is-sentejn preċedenti l-applikanti għamlu użu tajjeb mill-viżi ta’ sena għal dħul aktar minn darba u li l-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment mhuwiex limitat b’mod ċar ma' limitu iqsar ta’ residenza.

-           ir-rinunzja ta’ miżati tal-ipproċessar tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ persuni: il-membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, tfal taħt it-12-il sena; it-tfal tal-iskola u l-istudenti, ir-riċerkaturi, il-parteċipanti li għandhom 25 sena jew anqas f'seminars, konferenzi jew avvenimenti sportivi, kulturali u edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

-           il-possibilità għal fornitur tas-servizzi esterni, li miegħu il-Kap Verde jew Stat Membru jkun qed jikkoopera bl-iskop li tinħareġ viża, li jitlob ħlas għas-servizz sa mhux aktar minn EUR 30, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà għall-applikanti kollha biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament lil konsulat;

-           l-estensjoni, mingħajr ħlas, ta’ viżi taċ-ċittadini tal-Kap Verde u l-Ewropej li ma jistgħux jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde, rispettivament, sad-data indikata fil-viżi tagħhom għal raġunijiet ta’ force majeure;

-           l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għal żjajjar qosra għaċ-ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea li huma detenturi ta’ passaporti diplomatiċi jew tas-servizz. Dikjarazzjoni Konġunta tistqarr li kull Parti tista’ tinvoka sospensjoni tad-dispożizzjoni marbuta mal-eżenzjoni mill-viża għal titulari ta’ passaporti diplomatiċi jew tas-servizz (l-Artikolu 8), jekk l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika. Din l-istess Dikjarazzjoni Konġunta tistipula wkoll li, bħala prijorità, il-Kap Verde u l-Unjoni Ewropea għandhom jintrabtu li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà għal passaporti diplomatiċi u tas-servizz, partikolarment billi jintegraw identifikanti bijometriċi;

-           il-possibbiltà għaċ-ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea li tilfu jew insterqulhom id-dokumenti tal-identità, matul soġġorn fit-territorju tal-Istat Ospitanti, li jħallu t-territorju tal-Kap Verde jew tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità validi mingħajr kwalunkwe viża jew awtorizzazzjoni oħra;

-           fuq talba speċifika tal-Kap Verde, l-ebda dispożizzjoni ma ġiet inkluża dwar rekwiżiti simplifikati għal dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati biex jiġġustifikaw l-għan tal-vjaġġ;

-           it-twaqqif ta’ kumitat konġunt għall-immaniġġjar tal-ftehim;

-           dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul fis-seħħ, it-tul, l-emenda, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ftehim; ladarba ż-żewġ ftehimiet dwar faċilitazzjoni tal-viża u r-rijammissjoni huma marbuta flimkien, iż-żewġ ftehimiet għandhom ikunu ffirmati, konklużi u jidħlu fis-seħħ flimkien;

-           ġie konkluż Protokoll li jiddikjara li, skont id-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008[1], ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-tranżitu ta’ detenturi ta’ viżi u ta’ permessi ta’ reżidenza ta’ Schengen mit-territorju tal-Istati Membri li għadhom mhumiex li qed japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen;

-           dikjarazzjoni konġunta dwar l-armonizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra u dokumenti li għandhom jitressqu meta ssir l-applikazzjoni għal viżi għal żjarat qosra;

-           dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni fejn jidħlu dokumenti tal-ivvjaġġar u l-iskambju regolari ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà tad-dokumenti;

-           is-sitwazzjonijiet speċifiċi tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma riflessi fil-preambolu u f’żewġ dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża mal-Ftehim. L-assoċjazzjoni mill-qrib tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen hi bl-istess mod riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim;

3.           Konklużjonijiet

Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill:

-           jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiffirma l-ftehim, f’isem l-Unjoni, u li taħtar il-persuni awtorizzati biex jiffirmaw f’isem l-Unjoni.

2012/0270 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fl-4 ta’ Ġunju 2009 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra In-negozjati ġew konklużi b'suċċess u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea (minn hawn' il quddiem “il-Ftehim”) ġie inizjalat fl-24 ta’ April 2012.

(2)       Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat min-negozjatur f’isem l-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni tal-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(3)       Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[2]; ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(4)       Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda sabiex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[3]; għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta magħha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)       F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tiffirma, f’isem l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea, u li taħtar persuni bis-setgħa li jiffirmaw.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

FTEHIM

bejn

l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde

dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra

għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni",

u

IR-REPUBBLIKA TAL-KAP VERDE, minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-Kap Verde“,

minn hawn ‘il quddiem "il-Partijiet",

bix-xewqa li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tagħhom fuq il-bażi ta’ reċiproċità;

Wara li kkunsidraw id-dikjarazzjoni konġunta tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar Sħubija ta’ mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde, skont liema l-partijiet se jieħdu passi biex jiżviluppaw djalogu dwar kwistjonijiet relatati għal viżi għal żjarat qosra, bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-mobilità ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni,

Waqt li jfakkru l-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou u l-partenarjat speċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde, approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Novembru 2007,

filwaqt li jagħrfu li dan l-iffaċilitar m’għandux iwassal għal immigrazzjoni illegali u jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u l-ammissjoni mill-ġdid;

Filwaqt li jqisu l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq jew lejn l-Irlanda;

Filwaqt li jqisu l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka;

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan u ambitu

L-għan ta’ dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea għal żjarat intiżi għal mhux aktar minn 90 jum għal kull perjodu ta’ 180 jum.

           

Artikolu 2

Klawżola Ġenerali

1.         Il-miżuri biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi stabbiliti f’dan il-Ftehim għandu japplika għal ċittadini tal-Kap Verde u l-Unjoni Ewropea biss safejn dawn mhumiex eżenti mill-ħtieġa ta’ viża skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha jew tal-Kap Verde, jew taħt dan il-ftehim jew ftehimiet oħrajn internazzjonali.

2.         Il-liġi nazzjonali tal-Kap Verde jew tal-Istati Membri jew il-liġi tal-Unjoni għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża, ir-rikonoxximent ta' dokumenti ta' vvjaġġar, evidenza ta' mezzi ta’ għixien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan il-Ftehim:

a)         « Stat Membru’’: “Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;

b)         « Ċittadin tal-Unjoni Ewropea”: tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt a);

c)         «ċittadin tal-Kap Verde » : tfisser persuna li għandha ċittadinanza Kap Verdiana;

d)         « viża”: awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru jew mill-Kap Verde li hija meħtieġa bl-għan li jidħlu, għal għanijiet ta’ transitu jew għal żjara intiża għal mhux aktar minn 90 jum b'kollox, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew ta’ diversi Stati Membri jew fit-territorju tal-Kap Verde;

e)         "persuna legalment residenti":

għall-Unjoni Ewropea, ċittadin tal-Kap Verde awtorizzat jew intitolat li joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni.

għall-Kap Verde, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea, kif definit fil-punt b), li għandhom permess ta’ residenza skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 4

Ħruġ ta’ viżi għal dħul ta’ aktar minn darba

1.         Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tal-Kap Verde għandhom joħorġu viżi ta’ diversi dħul b’terminu ta’ validità ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini:

            a) il-membri ta Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-membri tal-Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi u tal-Qorti tal-Awdituri, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom;

b) il-membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Kap Verde, lill-Istati Membri jew lill-Unjoni Ewropea, jieħdu sehem f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll bħal f’avvenimenti fit-territorju tal-Istati Membri jew il-Kap Verde organizzati fuq l-inizjattiva ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi;

c) nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ imprizi li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri jew il-Kap Verde;

d) Konjugi, tfal (inklużi tfal adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u qraba li jżuru rispettivament

- iċ-ċittadini tal-Kap Verde li jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jew iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma legalment residenti fil-Kap Verde, jew

- iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fi Stat Membru tan-nazzjonalità tagħhom, jew ċittadini tal-Kap Verde residenti fil-Kap Verde.

Madankollu, jekk il-bżonn jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolari huwa limitat b’mod ċar ma' limitu iqsar ta’ soġġorn, il-validità tal-viża ta’ dħul aktar minn darba għandu jkun limitat għal din il-waqfa, b’mod partikolari fejn

- it-terminu tal-kariga, fil-każ ta’ dawk koperti mill-punt a),

- it-tul ta’ żmien tal-kariga ta’ membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali, fil-każ ta’ dawk koperti b’punt b) hawn fuq,

- it-tul ta’ żmien fil-pożizzjonijiet bħala nies fin-negozju u rappreżentanti tal-kumpaniji, fil-każ ta’ dawk koperti mill-punt c), jew

- il-permess ta’ residenza maħruġ liċ-ċittadini tal-Kap Verde li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru u liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu fil-Kap Verde, fil-każ ta’ dawk koperti b'punt d),

ikun inqas minn ħames snin.

2.         Il-missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ dħul aktar minn darba b’perjodu ta’ validità ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:

a) għar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw regolarment fl-Istati Membri jew fil-Kap Verde għal raġunijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju;

b) Membri tal-professjonijiet liberali li jieħdu sehem f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri jew il-Kap Verde;

c) Persuni li jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi tal-università u programmi oħrajn ta’ skambju, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri jew il-Kap Verde;

d) parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

e) ġurnalisti u persuni akkreditati li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali;

f) tfal tal-iskola, studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola;

g) rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti fil-Kap Verde jew fl-Istati Membri li jivvjaġġaw regolarment fl-Istati Membri jew fil-Kap Verde rispettivament;

h) persuni li jagħmlu żjajjar regolari minħabba raġunijiet mediċi;

i) parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati jew awtoritajiet muniċipali;

j) Membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Kap Verde, l-Istati Membri jew l-Unjoni Ewropea, jieħdu sehem regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll bħal f’avvenimenti fit-territorju tal-Istati Membri jew il-Kap Verde organizzati fuq l-inizjattiva ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi;

Madankollu, jekk il-bżonn jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolari huwa limitat b’mod ċar ma' limitu iqsar ta’ soġġorn, il-validità ta’ viża għandu jkun limitat għal din il-waqfa.

3.         Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tal-Kap Verde għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn u massimu ta’ ħames snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel uikunu użaw tajjeb il-viżi ta’ dħul aktar minn darba għal sena, skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat ospitanti.

Madankollu, jekk il-bżonn jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolari huwa limitat b’mod ċar ma' limitu iqsar ta’ soġġorn, il-validità ta’ viża għandha tkun limitata għal din il-waqfa.

4.         Il-perjodu totali ta’ residenza ta’ persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 fit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde.

Artikolu 5

Il-miżati tal-viżi u l-ispejjeż tas-servizz

1.         Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jew il-Kap Verde m’għandhomx jiġbru l-miżati tal-viżi minn dawn il-kategoriji ta’ persuni:

a) Membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Kap Verde, l-Istati Membri jew l-Unjoni Ewropea, jieħdu sehem f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi uffiċjali ta’ skambju, kif ukoll bħal f’avvenimenti organizzati fuq l-inizjattiva ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivifit-territorju tal-Istati Membri jew il-Kap Verde;

b) tfal taħt l-età ta’ 12-il sena;

c) it-tfal tal-iskola, l-istudenti, l-istudenti fil-livell postuniversitarju u l-għalliema li jakkumpanjawhom li jagħmlu soġġorni għall-fini ta’ studju jew ta’ taħriġ edukattiv;

d) ir-riċerkaturi li jivjaġġaw għal raġunijiet ta’ riċerka xjentifika;

e) il-parteċipanti li m'għandhomx aktar minn 25 sena li jipparteċipaw f'seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali u edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ.

2.         Fejn l-Istati Membri jew il-Kap Verde jikkooperaw ma’ fornitur estern tas-servizzi, l-ispejjeż tas-servizz jistgħu jiġu miġbura. Il-ħlas għas-servizz għandu jkun proporzjonat mal-ispejjeż li jeħel il-fornitur estern ta' servizz meta jkun qed iwettaq il-kompiti tiegħu u m'għandux jaqbeż l-EUR 30. Il-Kap Verde, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom.

Artikolu 6

Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa

Ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom, jew li jkun nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde, jistgħu jħallu dak it-territorju fuq il-bażi ta' dokumenti ta' identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew postazzjonijiet konsulari tal-Kap Verdu jew tal-Istati Membri mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra.

Artikolu 7

Estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni

Iċ-ċittadini tal-Kap Verdu u tal-Unjoni Ewropea li m’għandhomx il-possibblità li jħallu t-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde fiż-żmien stabbilit fil-viżi tagħhom minħabba raġunijiet ta’ force majeure għandhom ikollhom it-terminu tal-viżi tagħhom estiż mingħajr ħlas skont il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat li qed jilqa’ għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn tagħhom lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom.

Artikolu 8

Passaporti diplomatiċi u ta’ servizz

1.         Ċittadini tal-Kap Verde jew tal-Istati Membri, titulari ta’ passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, jħallu jew jiċċaqilqu fit-territorji tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde mingħajr viżi.

2.         Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu joqogħdu fit-territorji tal-Istati Membri jew il-Kap Verde għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 jum.

Artikolu 9

Il-validità territorjali tal-viżi

Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u tal-Kap Verde, u soġġetti għar-regoli tal-UE dwar viżi b’validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu intitolati għal vjaġġar fit-territorju tal-Istati Membri u tal-Kap Verde fuq bażi ugwali maċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Kap Verde rispettivament.

Artikolu 10

Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim

1.         Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ tmexxija tal-ftehim (minn hawn ‘il quddiem "il-Kumitat") li jikkonsisti f’rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Kap Verde. L-Unjoni hija rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, megħjuna minn esperti tal-Istati Membri.

2.         Il-Kumitat għandu, b’mod partikolari, ikollu l-funzjonijiet li ġejjin:

a)         jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

b)         jissuġġerixxi emendi jew żidiet għall-Ftehim attwali;

c)         isolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f'dan il-Ftehim.

3.         Il-Kumitat għandu jiltaqa’ kulmeta jkun meħtieġ, fuq talba minn waħda mill-Partijiet u għall-inqas darba f’sena.

4.         Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Ir-relazzjoni ta' dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Kap Verde

Sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali mwettqa bejn l-Istati Membri u l-Kap Verde, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet finali

1.         Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara t-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn taħt tlestew.

2.         Permezz ta’ deroga għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Ftehim preżenti għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde dwar riammissjoni jekk din id-data tkun wara d-data prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.         Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jintemmx skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

4.         Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi ser jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.

5.         Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew bis-sħiħ għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha minnufih tgħarraf lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw.

6.         Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. Dan il-Ftehim għandu jieqaf iseħħ 90 jum wara d-data tal-wasla ta' dan l-avviż.

Magħmul fi Brussell, nhar l-24 ta’ April 2012, b’żewġ kopji fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Germaniż, Grieg, Ingliż, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Taljan u Ungeriż, b'kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

Għall-Unjoni Ewropea || Għar-Repubblika tal-Kap Verde

PROTOKOLL TAL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JAPPLIKAWX BIS-SĦIĦ L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

Dawk l-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen imma li għadhom ma joħorġux viżi ta' Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni relevanti tal-Kunsill għal dak l-għan, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom tkun limitata għat-territorju tagħhom.

Skont id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 582/2008/KE, ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-tranżitu ta' detenturi ta' viżi ta' Schengen u ta' permessi ta' reżidenza ta' Schengen madwar it-terrutorju tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 8 DWAR IL-PASSAPPORTI DIPLOMATIĊI U TAS-SERVIZZ

Kull Parti tista’ tinvoka sospensjoni parzjali tal-ftehim u partikolarment tal-Artikolu 8, skont il-proċedura mwaqqfa bl-Artikolu 12(5) ta’ dan il-Ftehim, jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tkun abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika.

Jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tkun sospiża, iż-żewġ Partijiet għandhom jibdew konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat imwaqqaf bil-Ftehim bil-ħsieb li jsolvi problemi li jwasslu għal sospensjoni.

Bħala priorità, iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw l-impenn tagħhom sabiex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà għal passaporti diplomatiċi u tas-servizz, partikolarment billi jintegraw identifikanti biometriċi. Għall-UE, dan ikun żgurat b’konformità mall-ħtiġijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) 2252/2004.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARMONIZZAZZJONI TA' INFORMAZZJONI DWAR PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA' VIŻA GĦAL ŻJARA QASIRA U DOKUMENTI LI GĦANDHOM JITRESSQU META SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻI GĦAL ŻJARAT QOSRA

Filwaqt li jagħrfu l-importanza tat-trasparenza għall-applikanti għall-viża, il-Partijiet fil-Ftehim preżenti jqisu li għandhom jittieħdu miżuri xierqa:

-           b’mod ġenerali, sabiex jitfassal tagħrif bażiku għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għal viżi, il-viżi u dwar il-validità tal-viżi maħruġa.

-           kull Parti, waħedha, tfassal lista ta’ ħtiġijiet minimi sabiex tiżgura li l-applikanti jingħataw informazzjoni bażika koerenti u uniformi u jkun jinħtieġ li jressqu, fil-prinċipju, l-istess dokumenti ta' appoġġ.

It-tagħrif imsemmi hawn fuq għandu jinfirex ħafna (fuq it-tabelli ta' tagħrif ta' konsulati, f'fuljetti, fuq siti tal-Internet eċċ.).

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-RENJU TAD-DANIMARKA

Il-Partijiet jinnutaw li dan il-Ftehim ma jgħoddx għall-proċeduri tal-ħruġ ta’ viżi minn missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari tar-Renju tad-Danimarka.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju tad-Danimarka u tal-Kap Verde jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra f'termini simili għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ U L-IRLANDA

Il-Partijiet jinnotaw li l-Ftehim preżenti ma japplikax għat-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajuet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Irlanda u l-Kap Verde, jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REPUBBLIKA TAL-ISLANDA U R-RENJU TAN-NORVEĠJA, IL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet jinnutaw ir-rabta mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa, u r-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Liechtenstein, fuq in-naħa l-oħra, partikolarment permezz tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Federazzjoni Svizzera, il-Liechtenstein u l-Kap Verde jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra f’termini simili għal dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR KOOPERAZZJONI FEJN JIDĦLU DOKUMENTI TAL-IVVJAĠĠAR

Il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 11, meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, jevalwa l-impatt tal-livell ta' sigurtà tad-dokumenti rispettivi tal-ivvjaġġar fuq il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li b'mod regolari jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda biex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, biex jiżviluppaw l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar dawk il-miżuri li jirrigwarjaw il-proċess ta' personalizzazzjoni tal-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar.

[1]               ĠU L 161, 20.6.2008, p. 30.

[2]               ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[3]               ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.