Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-32 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Organiżmi Slavaġ u Ħabitats Naturali Ewropej (Konvenzjoni ta' Berna) /* COM/2012/0520 final - 2012/0249 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Il-Konvenzjoni
tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Organiżmi Slavaġ u
l-Ħabitats Naturali (minn issa 'l quddiem: il-Konvenzjoni ta' Berna)
ġiet adottata fid-19 ta' Settembru 1979 f'Berna (l-Isvizzera)
u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 1982.
Għandha 50 Parti Kontraenti: 45 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, 4
Stati mhux membri tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea. L-għanijiet
tal-Konvenzjoni huma li "tikkonserva l-flora u l-fawna selvaġġa
u l-ħabitats naturali tagħhom, speċjalment dawk l-ispeċijiet
u l-ħabitats li l-konservazzjoni tagħhom jeħtieġu l-kooperazzjoni
ta' diversi Stati, u li tippromwovi tali kooperazzjoni. Tingħata enfasi
partikolari lill-ispeċijiet f'periklu u vulnerabbli, inklużi
l-ispeċijiet migratorji." Il-Partijiet
Kontraenti kollha tal-Konvenzjoni ta' Berna għandhom jieħdu azzjoni
biex: –
jippromwovu strateġiji nazzjonali
għall-konservazzjoni tal-flora u l-fawna selvaġġa, u
tal-ħabitats naturali tagħhom; –
iqisu l-konservazzjoni tal-flora u l-fawna
selvaġġa fil-politiki ta' ppjanar u żvilupp tagħhom, u
fil-miżuri tagħhom kontra t-tniġġis; –
jippromwovu l-edukazzjoni u jxerrdu informazzjoni
ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu kkonservati speċi ta'
flora u fawna selvaġġa u l-ħabitats tagħhom; –
jikkooperaw sabiex tissaħħaħ
l-effettività ta’ dawn il-miżuri permezz ta' koordinazzjoni tal-isforzi
għall-protezzjoni tal-ispeċijiet migratorji u l-iskambju ta’
informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-għarfien espert. Il-Konvenzjoni ta' Berna ġiet
implimentata fil-livell tal-UE kemm permezz tad-Direttiva 2009/147/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar
il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi[1] (Id-Direttiva dwar
l-Għasafar), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE
tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat
naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa[2] (id-Direttiva dwar
il-Ħabitats), li jipprovdu qafas komuni għall-konservazzjoni
tal-organiżmi slavaġ u l-ħabitats fi ħdan l-UE u huma
l-istrumenti legali ewlenin tal-UE għaż-żamma tal-bijodiversità
tal-Istati Membri. Id-direttivi jirrappreżentaw qafas ġuridiku
għan-netwerk Natura 2000 tal-UE, li huwa l-ikbar netwerk ta' żoni
protetti fid-dinja. Il-Kumitat Permanenti huwa l-korp governattiv
tal-Konvenzjoni ta' Berna. Il-kompitu prinċipali tal-Kumitat huwa li
jimmonitorja d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni fid-dawl
tal-iżvilupp tal-flora selvaġġa u l-valutazzjoni
tal-ħtiġijiet tagħha. Għal dan il-għan, il-Kumitat
Permanenti hu partikolarment kompetenti biex jagħmel rakkomandazzjonijiet
lill-Partijiet u biex jeżamina u jadotta emendi
għall-appendiċijiet fejn huma speċifikati dawn l-ispeċijiet
protetti. L-Artikolu 22,
paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta' Berna jiddikjara li: 1 Kwalunkwe
Stat jista' jagħmel riżerva waħda jew aktar, fil-mument
tal-firma jew meta jiddepożita l-istrument ta' ratifika,
aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tiegħu, rigward
ċerti speċijiet speċifikati fl-Appendiċijiet I sa III
u/jew, għal ċerti speċijiet imsemmija fir-riżerva jew fir-riżervi,
rigward ċerti mezzi jew metodi tal-qatla, il-qabda u sfruttament
ieħor elenkati fl-Appendiċi IV. Ma għandha ssir l-ebda
riżerva ta' natura ġenerali. Fid-dawl tat-32 laqgħa tal-Kumitat
Permanenti li għandha ssir fi Strasburgu bejn is-27u t-30 ta' Novembru
2012, l-Isvizzera ressqet proposta għall-emendar tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni
ta' Berna li tippermetti lil kull Parti Kontraenti li ddaħħal
ċerti riżervi dwar l-impenn inizjalment meħud fil-kuntest
tal-Konvenzjoni ta' Berna, anki wara li tkun iffirmat il-Konvenzjoni ta' Berna
jew iddepożitat l-istrument tagħha ta' ratifikazzjoni,
aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni. Il-proposta Svizzera tikkonsisti
fl-introduzzjoni ta' paragrafu 1 bis ġdid
fl-Artikolu 22 li jkun jinqara kif ġej: 1bis Addizzjonalment
għall-paragrafu 1, kwalunkwe Stat jista' jagħmel riżerva
waħda jew aktar, jekk iċ-ċirkostanzi jkunu nbidlu radikalment
fit-territorju tiegħu mid-dħul fis-seħħ ta' din
il-Konvenzjoni, dwar ċerti speċijiet speċifikati
fl-Appendiċijiet I sa III." L-Isvizzera ma pprovdiet ebda tip ta'
analiżi jew dejta xjentifika u l-proposti ma jidhrux li huma bbażati
fuq dawn. Minbarra dan, billi il-firmatarji kollha
tal-Konvenzjoni ta' Berna jkunu permessi jagħmlu riżerva waħda
jew aktar rigward ċerti speċijiet speċifikati
fl-Appendiċijiet I sa III, il-proposta Svizzera jista’ jkollha konsegwenzi
negattivi estensivi fir-rigward tal-impatt fuq il-popolazzjonijiet ta' flora u
fawna ta' interess Ewropew. Dan idgħajjef drastikament il-Konvenzjoni u
jkollu impatt fuq l-isforzi tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ speċi Ewropej. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, u sabiex tkun
żgurata l-konsistenza bejn il-Konvenzjoni ta' Berna u
l-leġiżlazzjoni tal-UE, u biex l-implimentazzjoni tagħha tibqa'
suċċess, l-Unjoni ma għandhiex tappoġġa l-proposta
Svizzera fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti. 2012/0249 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-32 laqgħa tal-Kumitat Permanenti
tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Organiżmi Slavaġ u
Ħabitats Naturali Ewropej (Konvenzjoni ta' Berna) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1),
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, billi: (1) L-Unjoni Ewropea hija Parti
tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Organiżmi Slavaġ u
Ħabitats Naturali Ewropej (Konvenzjoni ta' Berna). (2) Il-Konvenzjoni ta' Berna
ġiet implimentata fil-livell ta' UE kemm bid-Direttiva 2009/147/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar
il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi[3] kif ukoll bid-Direttiva
tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni
tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa[4]. (3) Kwalunkwe emenda għall-artikoli tal-Konvenzjoni ta' Berna
għandha tkun eżaminata mill-Kumitat Permanenti. Fid-dawl
tat-32 laqgħa tal-Kumitat Permanenti li għandha ssir fi Strasburgu
bejn is-27 u t-30 ta' Novembru 2012, l-Isvizzera ressqet proposta
għall-emendar tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Berna li
tippermetti lil kull Parti Kontraenti li ddaħħal ċerti
riżervi dwar l-impenn inizjalment meħud fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta'
Berna, anki wara li tkun iffirmat il-Konvenzjoni ta' Berna jew iddepożitat
l-istrument tagħha ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni,
approvazzjoni jew adeżjoni. Din tkun tippermetti lill-firmatarji kollha
tal-Konvenzjoni ta' Berna jagħmlu riżerva waħda jew aktar
rigward ċerti speċijiet speċifikati fl-Appendiċijiet I sa
III. (4) Din il-proposta ma ġietx
iġġustifikata b’analiżi jew dejta xjentifika u jista' jkollha
konsegwenzi negattivi estensivi fuq il-popolazzjonijiet tal-flora u l-fawna ta'
interess Ewropew. Barra minn hekk, mhijiex konsistenti
mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. (5) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn
fuq, l-Unjoni ma għandhiex tappoġġa l-proposta Svizzera
fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha
tittieħed mill-Unjoni Ewropea fit-32 laqgħa tal-Kumitat Permanenti
tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Organiżmi Slavaġ u
Ħabitats Naturali Ewropej (Konvenzjoni ta' Berna) għandha tkun li ma
tappoġġax il-proposta Svizzera għal emenda tal-Artikolu 22
ta’ din il-Konvenzjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 20 of 26.1.2010, p. 7. [2] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. [3] ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7. [4] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.