52012PC0499

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej /* COM/2012/0499 final - 2012/0237 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Il-Kuntest ġenerali

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula fl-Artikolu 10 tiegħu li “il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”. L-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jesprimi l-istess prinċipju.

Id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, pereżempju f’materji politiċi u ċiviċi, u d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri, huma drittijiet fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni.

Huwa għalhekk fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li tkun tista’ tiffjorixxi demokrazija rappreżentattiva Ewropea. Partiti politiċi u fondazzjonijiet politiċi Ewropej tassew transnazzjonali huma fundamentali għall-artikolazzjoni tal-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew.

Il-partiti politiċi Ewropej – u l-fondazzjonijiet politiċi affiljati tagħhom – għandhom rwol importanti fit-tnaqqis tad-distakk bejn il-politika nazzjonali u dik tal-UE, u jaqdu funzjonijiet komunikattivi importanti billi jappoġġjaw l-interazzjoni bejn il-livelli kollha tas-sistema ta’ governanza tal-Unjoni. L-involviment ikbar u iktar effettiv tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet Ewropej jista’ jkun ta’ siwi fil-promozzjoni tal-għarfien taċ-ċittadini tal-konnessjoni bejn il-proċessi politiċi fuq il-livell nazzjonali u dak Ewropew u huwa mod wieħed ta’ kif jiġu ġġenerati dibattiti pubbliċi transnazzjonali madwar l-Ewropa u jiġi xprunat il-ħolqien ta’ sfera pubblika Ewropea.

Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jiġu megħjuna jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jesprimu u jiddirezzjonaw ir-rieda taċ-ċittadini fir-rigward ta’ uffiċċji elettivi u ta’ funzjonijiet oħra rappreżentattivi fil-livell Ewropew li huma kruċjali għal demokrazija rappreżentattiva Ewropea kollha kemm hi; huma għandhom għalhekk ikunu mħeġġa, fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, biex iqajmu l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-affiljazzjonijiet bejnhom u l-partiti politiċi u l-kandidati nazzjonali tagħhom. Dan huwa partikolarment rilevanti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li saħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur sħiħ flimkien mal-Kunsill. Kontribut importanti huwa wkoll dak li jiżdied l-interess taċ-ċittadini u l-ammont ta’ votanti fl-elezzjonijiet Ewropej u li tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea.

1.2.        Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Disa’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom[1], u ħames snin wara r-reviżjoni tiegħu fl-2007[2], li, inter alia, daħħlet fl-ambitu tar-Regolament il-fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-qafas regolatorju u ta’ finanzjament tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Dan għamlitu wara l-adozzjoni, fuq naħa, ta’ rapport mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew (PE) dwar il-finanzjament tal-partiti fil-livell Ewropew[3], u, fuq naħa oħra, tar-Riżoluzzjoni tal-PE tas-6 ta’ April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (minn issa “ir-rapport Giannakou”)[4].

Ir-rapport Giannakou, li jirrappreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-PE skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003[5], ikopri żewġ oqsma ewlenin billi:

· jitlob lill-Kummissjoni tipproponi statut għal partiti u fondazzjonijiet politiċi Ewropej, u jirreferi wkoll għal kwistjonijiet relatati ta’ demokrazija interna fi ħdan il-partiti; kif ukoll

· jissuġġerixxi għadd ta’ tibdiliet marbuta mas-sistema ta’ finanzjament applikabbli għall-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi assoċjati magħhom, billi jitlob kundizzjonijiet aktar stretti għall-aċċess għall-fondi, fuq naħa, u sistema aktar flessibbli, fuq in-naħa l-oħra.

Bħala parti mill-valutazzjoni tar-regoli eżistenti li jirregolaw il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni qieset kif dovut il-konklużjonijiet milħuqa mill-PE fir-rapport Giannakou. Hija wkoll hi tal-fehma li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom rwol importanti fit-tisħiħ u t-tixrid tad-demokrazija rappreżentattiva fil-livell tal-UE, u biex iservu ta' pont bejn il-politika tal-UE u ċ-ċittadini tal-Unjoni.

Din il-proposta ta’ Regolament għandha l-għan, għalhekk, li tħeġġeġ u tassisti lill-partiti politiċi Ewropej u lill-fondazzjonijiet politiċi assoċjati magħhom billi toħloq il-kundizzjonijiet li jippermettulhom jikbru u jaħdmu għall-għan tagħhom li jilħqu liċ-ċittadini Ewropej, li jirrappreżentaw u jesprimu l-veduti u l-opinjonijiet tagħhom, u li jipprovdu rabta aktar qawwija bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew.

Fir-rigward tal-fondazzjonijiet politiċi, toffri qafas legali, finanzjarju u regolatorju speċifiku adattat għall-ħtiġijiet tagħhom. Dan il-qafas huwa separat u differenti mir-regoli li jistabbilixxu forma ġuridika Ewropea għall-fondazzjonijiet Ewropej stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea adottata fit-8 ta’ Frar 2012[6].

2.           KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Fit-tħejjija tal-proposta attwali, il-Kummissjoni kienet fi djalogu u konsultazzjoni fil-qrib mal-partijiet interessati rilevanti. Hija organizzat diversi laqgħat fuq livelli varji speċifikament dwar din il-proposta ma’ rappreżentanti tal-partiti u fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew, mal-gruppi politiċi fil-PE, ma’ esperti nazzjonali u akkademiċi, mal-President tal-PE, mas-Segretarju Ġenerali tal-PE, u mar-rapporteur tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-PE.

Il-partijiet interessati kollha pprovdew materjal importanti u regolari abbażi tal-esperjenza u l-kompetenza tagħhom fir-rigward tar-regoli attwali li jirregolaw il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi kemm taħt ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 kif ukoll ir-Regolament Finanzjarju[7].

B’mod partikolari, il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej kienu kapaċi jikkumplementaw ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-PE billi identifikaw id-diffikultajiet konkreti li kienu ħabbtu wiċċhom magħhom tul dawn l-aħħar snin permezz ta’ proposti u rakkomandazzjonijiet dwar fejn jista’ jinkiseb titjib; filwaqt li l-esperti nazzjonali u l-akkademiċi pprovdew għarfien sinifikanti dwar ir-regoli marbuta mal-istatus u l-finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell nazzjonali kif ukoll dwar l-impatt probabbli fuq l-Istati Membri tal-miżuri li qed tikkunsidra l-Kummissjoni.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi ġuridiċi

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ Regolament, ir-regoli li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew imsemmija fl-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom”.

Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, fl-essenza tagħha, għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li fuqha huwa bbażat ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta hija konformi għal kollox mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-livell tal-UE huwa l-uniku wieħed li fih ir-regoli dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jiġu stabbiliti. Minkejja li r-Regolament eżistenti li jirregola l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi wera li huwa pjattaforma tajba għaż-żewġ entitajiet sabiex jakkwistaw bażi u jistabbilixxu ruħhom fuq ix-xena politika Ewropea, issa hija meħtieġa riforma tas-sistemi regolatorji u ta’ finanzjament attwali biex tippermettilhom jissodisfaw bis-sħiħ l-isfidi tal-lum (pereżempju billi joħolqu atturi Ewropej fil-livell Ewropew, jew billi l-partiti politiċi Ewropej jitħallew jittrasferixxu riżorsi minn sena waħda għal ta’ warajha) u biex jadattaw għall-isfidi tal-futur. Fit-tfassil ta’ miżuri possibbli ta’ riforma, il-Kummissjoni kienet attenta biex tirrifletti l-prinċipji li jinsabu fid-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Nizza[8].

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan fit-tul tal-iżvilupp u t-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea u l-leġittimità tal-istituzzjonijiet tal-UE, billi tfittex li tagħmel lill-partiti politiċi Ewropej u lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej atturi demokratiċi aktar effettivi u responsabbli. Hija għalhekk konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-proposta għandha l-għan li toħloq forma ġuridika Ewropea ġdida għaż-żewġ tipi ta’ entitajiet, imma dawn, fil-biċċa l-kbira tal-aspetti tal-attivitajiet prattiċi tagħhom jibqgħu joperaw fuq il-bażi ta’ forma legali rikonoxxuta fl-ordni ġuridku tal-Istat Membru fejn ikollhom is-sede tagħhom.

L-azzjoni proposta tindirizza xi wħud mill-aktar ostakli importanti li jħabbtu wiċċhom magħhom il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet fl-attivitajiet u l-ġestjoni tagħhom ta’ kuljum meta joperaw fl-Istati Membri u madwarhom, mingħajr, madankollu, ma tistabbilixxi xi sett eżawrjenti ta’ regoli applikabbli għalihom. Pereżempju, il-proposta ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar il-liġi tax-xogħol jew it-tassazzjoni (bl-eċċezzjoni ta’ regoli relatati man-nondiskriminazzjoni ta’ donaturi u donazzjonijiet transkonfinali, fejn ikun hemm dimensjoni ċara fil-livell Ewropew). Ħlief fejn espliċitament stipulat, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej se jkomplu jkunu rregolati mil-liġijiet nazzjonali.

4.           L-ELEMENTI PRINĊIPALI TAL-PROPOSTA

Il-Kummissjoni qed tipproponi pakkett ta’ proposti kumplimentari sabiex jittejjeb sew il-qafas tal-iffinanzjar kif ukoll dak regolatorju tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew: proposta waħda, dik preżenti, għandha l-intenzjoni li tieħu post ir-Regolament (KE) Nru 2003/2004, filwaqt li t-tieni waħda, parallela magħha, għandha l-għan li temenda r-Regolament Finanzjarju.

Fil-proposta preżenti għal Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, il-Kummissjoni qed tipproponi serje ta’ titjib għar-Regolament (KE) Nru 2004/2003. L-għan ewlieni tagħhom huwa li tiżdied il-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Din il-proposta tintroduċi statut legali Ewropew. L-Istatut Ewropew jipprovdi għall-possibbiltà li jibda’ jkun hemm reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politika Ewropea u b’hekk jinkiseb status legali bbażat fuq il-liġi tal-UE.

Din il-personalità ġuridika Ewropea ġdida, li se tieħu post kwalunkwe personalità nazzjonali ġuridika pre-eżistenti, se tagħti lill-partiti politiċi Ewropej l-għarfien li jeħtieġu, u tgħinhom biex jittrattaw xi wħud mill-ostakli li ilhom jaffaċċjaw għal żmien twil. Dawn jinkludu d-diversità ta’ forom ġuridiċi nazzjonali li taħthom sa issa kienu jeżistu, li ġeneralment mhumiex adattati tajjeb għall-kompiti u l-objettivi speċifiċi ħafna tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew, u n-nuqqas ta’ viżibilità u rikonoxximent pubbliku li jirriżultaw minn dan. Status ġuridiku uniformi bbażat fuq il-liġi tal-UE huwa għalhekk kruċjali, u jkun jippermetti li titwettaq il-missjoni speċifika attribwita lilhom mit-Trattati.

L-istatut ġuridiku Ewropew simili għal fondazzjonijiet politiċi affiljati jirrappreżenta għarfien ċar tar-rwol kruċjali li għandhom biex isaħħu u jikkumplementaw l-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej, b’mod partikolari billi jagħtu kontribut lejn dibattiti dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea u dwar l-integrazzjoni Ewropea u billi jlaqqgħu flimkien atturi minn sferi differenti u livelli differenti minn madwar l-Unjoni Ewropea.

Il-kisba ta’ status ġuridiku Ewropew tkun ikkundizzjonata fuq ir-rispett ta’ livelli għoljin ta’ governanza, responsabilità u trasparenza. Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għall-kisba ta’ status ġuridiku Ewropew jinkludu rispett strett tal-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE, u, fil-każ tal-partiti politiċi, li jissodisfaw ir-regoli minimi dwar id-demokrazija interna tal-partiti.

Għalkemm se jkun possibbli li jiġi rreġistrat statut bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politika Ewropea, mingħajr ma ssir applikazzjoni għal finanzjament mill-UE, ma jkunx jista’ jsir bil-kontra. Dan ifisser li r-rikonoxximent bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politika Ewropea, u għalhekk is-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li fuqu dan jiddependi, tkun prekundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-baġit tal-UE.

Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet għall-formazzjoni ta' partit politiku Ewropew ma jkunux eċċessivi iżda jkunu jistgħu jintlaħqu minn alleanzi transnazzjonali organizzati u serji ta’ partiti politiċi u/jew persuni fiżiċi, biex b’hekk jiġi inkoraġġit u appoġġjat ukoll it-twaqqif ta’ partiti politiċi Ewropej ġodda. Min-naħa l-oħra, huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi sabiex jiġu allokati riżorsi limitati mill-baġit tal-UE, u li għandhom jirriflettu l-ambizzjoni tassew Ewropea ta' partit politiku Ewropew kif ukoll appoġġ elettorali ġenwin. Kriterju bħal dan jiġi stabbilit l-aħjar fir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li jistgħu jagħtu indikazzjoni preċiża tal-għarfien elettorali ta’ partit politiku Ewropew, u jidentifikaw dawk il-partiti li jkunu fil-qagħda li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-UE u għalhekk li jesprimu r-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-ogħla livell. Għaldaqstant, kif mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011, u bħala rikonoxximent tar-rwol li l-Parlament Ewropew għandu li jirrappreżenta direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni, mogħtija lilu mill-Artikolu 10(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni qed tipproponi li jkunu biss dawk il-partiti politiċi – u, b’estensjoni, il-fondazzjonijiet politiċi affiljati – li jkunu rrapreżentati fil-Parlament Ewropew b’mill-anqas wieħed mill-membri tagħhom għandhom ikunu intitolati li jirċievu finanzjament mill-UE.

Barra minn dan, il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet importanti dwar il-mod ta’ finanzjament mill-UE għal partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-emenda proposta tar-Regolament Finanzjarju tipprevedi l-ħolqien ta’ Titolu separat għall-partiti politiċi Ewropej, li ma jibqgħux jirċievu għotjiet operattivi iżda kontribuzzjonijiet sui generis. Din il-proposta, flimkien mal-proposta ta’ reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, se tintroduċi grad ta’ flessibbiltà meħtieġa fir-rigward tal-metodi ta’ ħidma u l-attivitajiet tal-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi, b’mod partikolari billi, fost affarijiet oħra, tkabbar il-livelli ta’ prefinanzjar, tnaqqas ir-rekwiżiti tal-kofinanzjar, u tippermetti l-akkumulu ta’ riżervi mir-riżorsi proprji. Barra minn hekk, din il-proposta tgħolli l-livell ta’ donazzjonijiet li jkunu permessi għal kull sena minn kull donatur biex titrawwem il-ħila tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi li jiġġeneraw riżorsi proprji.

Sabiex iservi ta’ kontrapiż għal flessibbiltà akbar, jiġi stabbilit qafas komprensiv u trasparenti regolatorju u ta’ kontroll, li jkopri l-aspetti kollha marbuta mal-attivitajiet u l-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi affiljati tagħhom, li jkun ikopri l-operazzjonijiet finanzjarji tagħhom kollha, irrispettivament mis-sors tal-fondi. Dan il-qafas isaħħaħ l-obbligi ta’ rappurtar u ta’ trasparenza, isaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà u ta’ kontroll, u jintroduċi reġim ġdid ta’ sanzjonijiet amministrattivi u finanzjarji proporzjonati meta jseħħ ksur tal-kundizzjonijiet tar-Regolament, inkluż il-ksur tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE.

5.           L-IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Il-finanzjament tal-UE pprovdut lill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej se jkompli jiġi mill-baġit tal-Parlament Ewropew. Il-proposta preżenti m’għandha l-ebda implikazzjoni addizzjonali sinifikanti għall-baġit tal-UE.

2012/0237 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[10],

Wara li kkonsultaw il-Qorti Ewropea tal-Awdituri[11],

Wara li kkonsultaw il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta[12],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       L-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjaraw li l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(2)       L-Artikoli 11 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjaraw li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, pereżempju f’materji politiċi u ċiviċi, u d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri, huma drittijiet fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni.

(3)       Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jużaw dawn id-drittijiet biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

(4)       Partiti politiċi Ewropej tassew transnazzjonali u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom għandhom rwol ewlieni fit-twassil tal-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew billi jservu ta’ pont bejn il-politika fil-livell nazzjonali u f’dak tal-Unjoni.

(5)       Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom għandhom jiġu mħeġġa u assistiti fil-missjoni tagħhom li jipprovdu konnessjoni qawwija bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew.

(6)       L-esperjenzi miksuba mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom[13], u fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, adottati mill-Parlament Ewropew fis-6 ta’ April 2011[14], juru l-ħtieġa li jittejjeb il-qafas legali u finanzjarju għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru atturi aktar viżibbli u effettivi fis-sistema politika ta’ diversi livell tal-Unjoni.

(7)       Bħala rikonoxximent tal-missjoni attribwita lill-partiti politiċi Ewropej fit-Trattat u sabiex jiġi ffaċilitat xogħlhom, għandu jiġi stabbilit status ġuridiku speċifiku Ewropew għal partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, li tipprovdilhom kapaċità ġuridika u rikonoxximent sħiħ fl-Istati Membri kollha.

(8)       Għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom biex jiksbu status ġuridiku Ewropew skont dan ir-Regolament, kif daqstant ieħor għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-proċeduri u l-kriterji li għandhom ikunu rispettati biex jiġi deċiż jekk għandhux jingħata tali status ġuridiku Ewropew. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-każijiet fejn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jitilfu d-dritt, jew jitiflu jew iċedu l-istatus ġuridiku Ewropew tagħhom.

(9)       Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu rregolati minn regoli sostantivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, u mil-liġi nazzjonali fl-Istati Membri, b’mod partikolari dik tal-Istat Membru fejn ikollhom is-sede rispettiva tagħhom u għall-għanijiet li għalihom huma għandhom jidentifikaw il-forma legali xierqa, li għandha tikkorrispondi ma’ forma ta’ entità legali rikonoxxuta fl-ordni legali ta’ dak l-Istat Membru.

(10)     Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, li jkunu jixtiequ jiksbu rikonoxximent bħal dan fuq livell Ewropew permezz ta’ status ġuridiku Ewropew u li jirċievu finanzjament pubbliku mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji u jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, huwa meħtieġ għal partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi assoċjati magħhom li jirrispettaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)     Għandhom jiġu stabbiliti prinċipji u rekwiżiti minimi għall-governanza u l-organizzazzjoni interna tal-partiti politiċi Ewropej, b’mod partikolari biex jiġi żgurat l-impenn u r-rispett għal standards għolja ta’ demokrazija interna tal-partiti. L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea għandu jkun fihom ukoll serje ta’ dispożizzjonijiet legali u amministrattivi bażiċi.

(12)     L-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun limitat għal partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, li jkunu ġew rikonoxxuti bħala tali u li jkunu kisbu status legali Ewropew. Filwaqt li hu kruċjali li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet għall-formazzjoni ta’ partit politiku Ewropew ma jkunux eċċessivi iżda jkunu jistgħu jiġu milħuqa minn alleanzi transnazzjonali organizzati u serji ta’ partiti politiċi jew ta’ persuni fiżiċi, jew tat-tnejn, huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji proporzjonati sabiex jiġu allokati riżorsi limitati mill-baġit tal-UE, li jindikaw b’mod oġġettiv l-ambizzjoni Ewropea u l-appoġġ elettorali ġenwin ta’ partit politiku Ewropew. Kriterju bħal dan huwa bbażat l-aħjar fuq ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li fihom il-partiti politiċi Ewropej ikunu obbligati li jikkontestaw taħt dan ir-Regolament, li jipprovdu indikazzjoni preċiża tal-għarfien elettorali ta' partit politiku Ewropew. Għandu jirrifletti r-rwol tal-Parlament Ewropew li jirrappreżenta direttament iċ-ċittadini tal-Unjoni, mogħti lilu bl-Artikolu 10(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-objettiv għall-partiti politiċi Ewropej li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li jsiru atturi attivi tad-demokrazija rappreżentattiva tal-Ewropa, sabiex jesprimu effettivament il-veduti, l-opinjonijiet u r-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-eliġibiltà għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha għaldaqstant tkun limitata għal partiti politiċi Ewropej li jkunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew b’minn tal-anqas membru wieħed minn tagħhom, u għal fondazzjonijiet politiċi Ewropej li japplikaw permezz ta' partit politiku Ewropew li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'minn tal-anqas membru wieħed minn tiegħu.

(13)     Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej, u sabiex jiġi evitat xi abbuż potenzjali tar-regoli tal-finanzjament, Membru tal-Parlament Ewropew għandu, għall-għanijiet ta’ finanzjament biss, jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li għandu, fejn rilevanti, ikun dak li miegħu il-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu ikun affiljat fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.

(14)     Għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom meta dawn japplikaw għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-proċeduri, il-kriterji u r-regoli li għandhom ikunu rispettati meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta’ tali finanzjament.

(15)     Sabiex tiġi inkoraġġita kultura politika Ewropea ta’ indipendenza u responsabbiltà, ċerti tipi ta’ donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet lil partiti politiċi Ewropej u lil fondazzjonijiet politiċi Ewropej minn sorsi oltre l-baġit tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu pprojbiti jew suġġetti għal limitazzjonijiet u kundizzjonijiet imsaħħa ta’ trasparenza.

(16)     Ħafna Stati Membri jagħtu trattament fiskali favorevoli fil-każ ta’ donazzjonijiet li jingħataw lil partiti politiċi u lil fondazzjonijiet politiċi domestiċi kemm għall-benefiċjari kif ukoll għad-donaturi. Minħabba l-bżonn li jiġi nkoraġġit l-iżvilupp tar-riżorsi proprji tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, huwa importanti li dan it-trattament favorevoli fejn tidħol it-taxxa jkun ukoll awtomatikament disponibbli lill-partiti politiċi Ewropej, fondazzjonijiet politiċi Ewropej u lid-donaturi tagħhom, għal donazzjonijiet mogħtija fi ħdan jew bejn il-fruntieri.

(17)     Il-partiti politiċi Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiffinanzjaw kampanji mmexxija fil-kuntest ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, filwaqt li l-iffinanzjar u l-limitar tal-ispejjeż tal-elezzjoni għal partiti u kandidati f’tali elezzjonijiet għandu jkun irregolat bir-regoli applikabbli f’kull Stat Membru. Sabiex jgħinu biex jiżdied l-għarfien politiku Ewropew taċ-ċittadini tal-Unjoni u sabiex jippromwovu t-trasparenza tal-proċess elettorali Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jiġu mħeġġa jinfurmaw liċ-ċittadini matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bir-rabtiet bejniethom u bejn il-partiti politiċi nazzjonali affiljati magħhom, u l-kandidati tagħhom.

(18)     Il-partiti politiċi Ewropej m’għandhomx jiffinanzjaw, direttament jew indirettament, partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari partiti jew kandidati nazzjonali. Fondazzjonijiet politiċi Ewropej m’għandhomx jiffinanzjaw, direttament jew indirettament, partiti politiċi Ewropej jew nazzjonali, jew kandidati. Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom m’għandhomx jiffinanzjaw kampanji referendarji nazzjonali. Dawn il-prinċipji jirriflettu d-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Nizza.

(19)     Minħabba raġunijiet ta’ trasparenza, u sabiex jissaħħaħ l-iskrutinju u r-responsabbilizzazzjoni demokratika tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, informazzjoni li titqies bħala li tkun ta’ interess pubbliku sostanzjali, marbuta b’mod notevoli mal-istatuti, is-sħubija, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, id-donaturi u d-donazzjonijiet, [il-kontribuzzjonijiet] u l-għotjiet irċevuti mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll informazzjoni marbuta ma’ deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament Ewropew dwar ir-reġistrazzjoni, l-iffinanzjar u l-penali, għandhom ikunu ppubblikati. L-aktar mod effettiv għall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u għall-kompetizzjoni ġusta bejn il-forzi politiċi, u biex jitħarsu l-proċessi miftuħa, trasparenti u demokratiċi leġiżlattivi u elettorali, huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju biex jiġi żgurat li din l-informazzjoni tkun disponibbli b’mod pubbliku, biex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-votanti fid-demokrazija rappreżentattiva Ewropea, u, b’mod aktar wiesa’, ma jitħalliex li jseħħu l-korruzzjoni u l-abbużi tal-poter. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-obbligu li tiġi ppubblikata l-identità ta’ persuni fiżiċi m’għandux japplika fil-każ ta’ dawk il-membri ta’ partit politiku Ewropew li ma jkunux taw il-kunsens espliċitu tagħhom għall-pubblikazzjoni jew fil-każ ta’ donazzjonijiet li ma jkunux jaqbżu EUR 1 000 fis-sena kull donatur. Ukoll f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-informazzjoni dwar id-donazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata kull sena, ħlief matul kampanji elettorali għall-Parlament Ewropew jew fil-każ ta’ donazzjonijiet li jkunu jaqbżu EUR 12 000, meta l-pubblikazzjoni għandha ssir bla telf ta' żmien.

(20)     Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet funadamentali u josserva l-prinċipji mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt li l-ħajja privata tiegħu għandha tiġi rispettata u li titħares id-dejta personali li tikkonċernah, u għandu jiġi implimentat fir-rispett sħiħ ta’ dawn id-drittijiet u prinċipji.

(21)     Ir-Regolament (KE) Nru. 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta[15] japplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali li jsir mill-Parlament Ewropew u mill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(22)     Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta[16] tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali li ssir b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(23)     Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jeżerċitaw kontroll fuq aspetti relatati mal-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, u partijiet terzi oħra rilevanti msemmija jew stipulati f’dan ir-Regolament huma l-kontrolluri tad-dejta fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jew id-Direttiva 95/46/KE. Huwa neċessarju wkoll li jiġi speċifikat il-perjodu massimu li fih huma jistgħu jżommu dejta personali miġbura għall-għanijiet li tiġi żgurata l-legalità, ir-regolarità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u s-sħubija tal-partiti politiċi Ewropej. Fil-kapaċità tagħhom bħala kontrolluri tad-dejta, il-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet terzi relevanti jeħtieġ li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jikkonformaw mal-obbligi imposti bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u bid-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari dawk dwar il-legalità tal-ipproċessar, is-sigurtà tal-attivitajiet ta’ pproċessar, l-għoti ta’ informazzjoni u d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta li jkollhom aċċess għad-dejta personali tagħhom, kif ukoll biex jiksbu korrezzjoni u tħassir tad-dejta personali tagħhom.

(24)     Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 95/46/KE dwar rimedji ġudizzjarji, responsabbiltà u sanzjonijiet huma applikabbli safejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta li jsir fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew il-partijeit terzi rilevanti għandhom ikunu responsabbli skont il-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jistgħu jikkawżaw. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew il-partijiet terzi relevanti jkunu soġġetti għal penali xierqa għall-ksur ta’ dan ir-Regolament.

(25)     Għandhom jiġu stabbiliti regoli u proċeduri speċifiċi għad-distribuzzjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli kull sena mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, b’mod li jitqiesu, minn naħa waħda, in-numru ta’ benefiċjarji u, min-naħa l-oħra, is-sehem ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew ta’ kull partit politiku Ewropew benefiċjarju u, b’estensjoni, tal-fondazzjoni politika Ewropea rispettiva affiljata miegħu. Dawn ir-regoli għandhom jipprovdu għal trasparenza stretta, kontabilità, verifika u kontroll finanzjarju tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, kif ukoll għal dispożizzjonijiet ta’ awditjar mill-Parlament Ewropew u mill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll sanzjonijiet proporzjonati, inkluż fil-każ ta’ ksur minn xi partit politiku Ewropew jew minn xi fondazzjoni politika Ewropea tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

(26)     Il-Parlament Ewropew għandu jivverifika b’mod regolari li l-kundizzjonijiet u l-obbligi marbuta mar-reġistrazzjoni u l-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej jew tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jibqgħu jiġu rispettati. Din il-verifika għandha ssir kull sena, jew wara talba mmotivata minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika. Deċiżjonijiet relatati mar-rispett tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni għandhom jittieħdu biss skont proċedura mfassla speċifikament għal dan il-għan, u b’konsultazzjoni ma’ kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti.

(27)     Għajnuna teknika li għandha tingħata mill-Parlament Ewropew lill-partiti politiċi Ewropej għandha tkun iggwidata mill-prinċipju tat-trattament ugwali, għandha tingħata b’fattura u bi ħlas u għandha tkun soġġetta għal rapport pubbliku regolari.

(28)     L-applikazzjoni ta’ xi aspetti ewlenin ta’ dan ir-Regolament għandha tkun ippreżentata fuq websajt apposta u eżaminata f’rapport annwali mill-Parlament Ewropew li għandu jiġi ppubblikat.

(29)     Il-kontroll ġudizzjarju li jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkun ta' għajnuna fl-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament. Għandhom isiru wkoll dispożizzjonijiet għal proċeduri ta’ appell amministrattiv.

(30)     Minħabba l-ħtieġa għal bidliet sinifikanti u għal żidiet għar-regoli u l-proċeduri li japplikaw bħalissa għal partiti politiċi Ewropej u għal fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 għandu jiġi revokat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1 It-tema

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-istatut u l-finanzjament ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew (minn hawn 'il quddiem msejħa “partiti politiċi Ewropej”) u ta’ fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew (minn hawn 'il quddiem msejħa “fondazzjonijiet politiċi Ewropej”).

Artikolu 2 Tifsiriet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)          “partit politiku” tfisser assoċjazzjoni ta’ ċittadini li ssegwi għanijiet politiċi,

(2)          “alleanza politika” tfisser kooperazzjoni strutturata bejn partiti politiċi u/jew persuni fiżiċi minn Stati Membri differenti,

(3)          “partit politiku Ewropew” tfisser “alleanza politika” li ssegwi għanijiet politiċi u tkun irreġistrata mal-Parlament Ewropew skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament,

(4)          “fondazzjoni politika Ewropea” tfisser entità li tkun formalment affiljata ma’ partit politiku Ewropew, ikollha l-istatuti rreġistrati mal-Parlament Ewropew skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, u li permezz tal-attivitajiet tagħha, fi ħdan l-għanijiet u l-valuri fundamentali segwiti mill-Unjoni Ewropea, issaħħaħ u tikkomplementa l-għanijiet tal-partit politiku Ewropew billi twettaq wieħed jew aktar mill-kompiti li ġejjin:

(a) tosserva, tanalizza u tikkontrobwixxi għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea u dwar il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea,

(b) tiżviluppa attivitajiet marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea, bħall-organizzazzjoni u l-appoġġ għal seminars, taħriġ, konferenzi u studji dwar kwistjonijiet bħal partijiet interessati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili,

(c) tiżviluppa l-kooperazzjoni sabiex tiġi promossa d-demokrazija, inkluż f’pajjiżi terzi,

(d) isservi bħala qafas għall-fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, għall-akkademiċi u għal atturi rilevanti oħra biex jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew,

(5)          “Parlament reġjonali” jew “assemblea reġjonali” tfisser korp li l-membri tiegħu jew ikollhom mandat elettorali reġjonali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta,

(6)          “finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea” tfisser għotja mogħtija skont it-Titolu IV ta’ l-Ewwel Parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[17] (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”) jew [kontribuzzjoni] li tkun ingħatat skont […][18].

(7)          “donazzjoni” tfisser offerti ta’ flus u donazzjonijiet oħra in natura (prodotti jew servizzi) li jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku jew għall-fondazzjoni Ewropea kkonċernati.

Kapitolu II Statut għall-partiti politiċi Ewropej u għal fondazzjonijiet politiċi Ewropej

Artikolu 3 Kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni

1.           Alleanza politika, kif definita fl-Artikolu 2 il-punt (2), għandha tkun intitolata li tapplika biex tirreġistra l-istatuti tagħha bħala partit politiku Ewropew mal-Parlament Ewropew, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandha jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru,

(b) għandha tkun rappreżentata f’mill-inqas kwart tal-Istati Membri, mill-Membri tal-Parlament Ewropew jew fil-Parlamenti nazzjonali, il-parlamenti reġjonali u l-assembleji reġjonali, jew

trid tkun irċeviet, f’minn tal-anqas kwart tal-Istati Membri, mill-inqas tlieta fil-mija tal-voti mitfugħa f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-aktar elezzjonijiet reċenti għall-Parlament Ewropew,

(c) għandha tosserva, b’mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, u permezz ta’ dawk tal-membri tagħha, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi,

(d) trid tkun ipparteċipat f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew tkun esprimiet pubblikament l-intenzjoni li tieħu sehem fl-elezzjonijiet li jkun imiss tal-Parlament Ewropew,

(e) ma jridx ikollha skopijiet ta’ profitt.

2.           Fondazzjoni politika għandha tkun intitolata li tirreġistra l-istatuti tagħha bħala fondazzjoni politika Ewropea mal-Parlament Ewropew, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandha tkun affiljata ma’ partit politiku Ewropew rikonoxxut skond il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, kif ċertifikat mill-istatuti reġistrati ta’ dak il-partit,

(b) għandha jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru,

(c) għandha tosserva, b’mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi,

(d) l-għanijiet tagħha għandhom jikkumplimentaw l-għanijiet tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun formalment affiljata,

(e) il-korp tat-tmexxija tagħha jrid ikun magħmul minn membri minn mill-inqas kwart tal-Istati Membri,

(f) ma jridx ikollha skopijiet ta’ profitt.

3.           Partit politiku Ewropew jista’ jkollu fondazzjoni politika Ewropea waħda biss formalment affiljata miegħu. Ir-relazzjoni formali bejn partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu għandha tkun dikjarata fl-istatuti tat-tnejn, skont l-Artikoli 4(1) u 5. Kull partit politiku u Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu għandhom jiżguraw separazzjoni bejn l-istrutturi ta’ ġestjoni ta’ kuljum u tat-tmexxija u l-kontijiet finanzjarji tal-partit politiku Ewropew, fuq naħa waħda, u tal-fondazzjoni politika Ewropea tagħha, min-naħa l-oħra.

Artikolu 4 Governanza u demokrazija interna tal-partiti politiċi Ewropej

1.           L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew għandhom jinkludu dispożizzjonijiet amministrattivi u legali li jkopru mill-inqas dan li ġej:

(a) l-isem tal-partit, li għandu jkun jintgħaraf ċar, anki fil-forma mqassra tiegħu, minn dak ta’ kwalunkwe partit politiku Ewropew eżistenti,

(b) l-indirizz tas-sede tiegħu, li għandha tkun f’wieħed mill-Istati Membri,

(c) il-forma ġuridika tal-partit, kif rikonoxxut fl-ordni ġuridiku tal-Istat Membru li fih ikollu s-sede tiegħu,

(d) programm politiku miktub li jispeċifika l-iskop u l-għanijiet tal-partit,

(e) l-adeżjoni tiegħu għall-prinċipju li ma jaħdimx għall-qligħ, bla ħsara għall-Artikolu 12(4),

(f) l-isem tal-fondazzjoni politika affiljati miegħu, fejn ikun rilevanti, u deskrizzjoni tar-relazzjoni formali bejniethom,

(g) informazzjoni dwar ir-rappreżentanza tal-partit fir-rigward tal-atti kollha tal-ġestjoni ta’ kuljum, inkluża r-rappreżentanza ġuridika,

(h) l-amministrazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja tal-partit,

(i) l-entitajiet jew il-persuni fiżiċi li, f'kull wieħed mill-Istati Membri konċernati, ikollhom is-setgħa ta’ rappreżentanza ġuridika, b’mod partikolari għall-iskopijiet tal-akkwist jew id-disponiment ta’ proprjetà mobbli u immobbli u li jkunu parti fi proċeduri legali,

(j) ix-xoljiment tal-entità bħala partit politiku Ewropew rikonoxxut.

2.           L-istatuti ta’ partit politku Ewropew għandhom jinkludu regoli dwar id-demokrazija interna tal-partit u jkunu jkopru mill-inqas dan li ġej:

(a) l-ammissjoni, ir-riżenja u l-esklużjoni tal-membri tal-partit, bil-lista tal-membri mehmuż magħhom,

(b) id-drittijiet u l-obbligi assoċjati mat-tipi kollha ta’ sħubija, inklużi r-regoli li jiggarantixxu d-drittijiet ta’ rappreżentanza tal-membri kollha, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, u d-drittijiet relevanti tal-vot,

(c) il-funzjonament ta’ assemblea ġenerali, li fiha għandha tiġi assigurata r-rappreżentanza tal-membri kollha,

(d) il-proċess ta’ elezzjoni demokratika tal-korpi kollha, u l-proċessi demokratiċi ta’ kif dawn jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, b’mod li l-poteri, ir-responsabbiltajiet u l-għamla ta’ kull wieħed ikunu speċifikati, inklużi l-modalitajiet għall-ħatra u t-tneħħija tal-membri tiegħu u kriterji ċari u trasparenti għall-għażla tal-kandidati u l-elezzjoni ta’ min jokkupa karigi, li l-mandat tagħhom irid ikun limitat għal perjodu ta’ żmien, iżda li jkun jista’ jiġġedded,

(e) il-proċessi interni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-partit, b’mod partikolari l-proċeduri ta’ votazzjoni u l-ħtiġiet ta’ kworum,

(f) il-mod kif iħares lejn it-trasparenza, b'mod notevoli fejn jidħlu kotba, kontijiet u donazzjonijiet, il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali,

(g) il-proċedura għall-emendar tal-istatuti.

Artikolu 5 Il-governanza tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

L-istatuti ta’ fondazzjoni politika Ewropea għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas dan li ġej:

(a) l-isem tal-fondazzjoni, li għandu jkun jintgħaraf ċar, anki fil-forma mqassra tiegħu, minn dak ta’ kwalunkwe fondazzjoni Ewropea eżistenti,

(b) l-indirizz tas-sede tagħha, li għandha tkun f’wieħed mill-Istati Membri,

(c) il-forma legali tal-fondazzjoni, kif rikonoxxuta fl-ordni legali tal-Istat Membru li fih ikollha s-sede tagħha,

(d) deskrizzjoni tal-iskop u l-għanijiet tal-fondazzjoni, li għandhom ikunu kumpatibbli mal-kompiti elenkati fl-Artikolu 2 il-punt (4),

(e) l-adeżjoni tagħha għall-prinċipju li ma taħdimx għall-qligħ,

(f) l-isem tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata direttament, u deskrizzjoni tar-relazzjoni formali bejniethom,

(g) lista tal-entitajiet tal-fondazzjoni, li tispeċifika għal kull waħda minnhom is-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-għamla tagħha, u tinkludi l-modalitajiet ta’ ħatra u tkeċċija tal-membri u tal-amministraturi tagħha,

(h) l-amministrazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja tal-fondazzjoni,

(i) l-entitajiet jew il-persuni fiżiċi li, f'kull wieħed mill-Istati Membri konċernati, ikollhom is-setgħa ta’ rappreżentanza ġuridika, b’mod partikolari għall-iskopijiet tal-akkwist jew id-disponiment ta’ proprjetà mobbli u immobbli u li jkunu parti fi proċeduri ġuridiċi,

(j) il-proċedura għall-emendar tal-istatuti,

(k) ix-xoljiment tal-entità bħala fondazzjoni politika Ewropea rikonoxxuta.

Artikolu 6 Reġistrazzjoni

1.           Il-Parlament Ewropew għandu jistabbilixxi reġistru (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Reġistru”) għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ partit politiku Ewropew u ta’ fondazzjoni politika Ewropea.

2.           Sabiex tirreġistra l-istatuti tagħha, alleanza politika, kif definita fl-Artikolu 2 il-punt (2), jew il-fondazzjoni politika affiljata ma’ partit politiku Ewropew għandha tippreżenta applikazzjoni lill-Parlament Ewropew.

3.           Flimkien mal-applikazzjoni għandu jkun hemm:

(a) dokumenti li juru li l-applikant jaderixxi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3;

(b) l-istatuti tal-partit jew tal-fondazzjoni, li għandhom jinkludu, kif meħtieġ mill-Artikoli 4 u 5, il-programm politiku miktub tal-partit jew deskrizzjoni tal-iskop u l-għanijiet tal-fondazzjoni kif ukoll ir-regoli u d-dispożizzjonijiet rispettivi dwar il-governanza u d-demokrazija interna tal-partit.

4.           Fondazzjoni politika tista’ tirreġistra l-istatuti tagħha mar-Reġistru biss permezz tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata.

5.           Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni, li għandu jippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-istatuti tal-partit jew tal-fondazzjoni jew, meta applikazzjoni ma tkunx ġiet approvata, ir-raġunijiet għar-rifjut.

6.           Kwalunkwe emenda għad-dokumenti jew l-istatuti li tiġi ppreżentata bħala parti mill-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni skont il-paragrafu 3 għandha tiġi nnotifikata lill-Parlament Ewropew fi żmien erba’ ġimgħat.

7.           Il-lista aġġornata tal-membri ta’ partit politiku Ewropew, annessa mal-istatuti tal-partit skont l-Artikolu 4(2), għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali, iżda fi żmien erba’ ġimgħat wara li tkun saret kwalunkwe bidla li bħala konsegwenza tagħha l-partit politiku Ewropew jista’ ma jkunx jibqa’ jissodisfa r-rekwiżit fl-Artikolu 3(1)(b).

Artikolu 7 Verifika tar-reġistrazzjoni

1.           Il-Parlament Ewropew għandu jivverifika kull sena li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3, 4 u 5 jkunu għadhom qed jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Fejn rilevanti, iż-żmien li fih issir il-verifika annwali msemmija f’dan il-paragrafu għandu jkun allinjat mal-proċedura ta’ applikazzjoni għal finanzjament kif imfissra fl-Artikolu 13, sabiex ir-Reġistru u l-Uffiċjal Awtorizzanti jkunu jistgħu jikkoordinaw u jiskambjaw l-informazzjoni kif meħtieġ.

2.           Kull meta jkun mitlub biex jagħmel hekk minn kwart mill-membri tiegħu, li jkunu jirrappreżentaw mill-inqas tliet gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, il-Parlament Ewropew għandu jiddeċiedi b’maġġoranza tal-membri tiegħu jekk il-kundizzjoni fl-Artikolu 3(1)(c) għal partit politiku Ewropew u fl-Artikolu 3(2)(c) għal fondazzjoni politika Ewropea tkunx għadha qed tiġi rispettata.

Qabel ma jasal għad-deċiżjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu jisma’ lir-rappreżentanti tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati u jitlob lil kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti sabiex dan jagħti opinjoni dwar is-suġġett fi żmien perjodu raġonevoli.

Dan il-kumitat għandu jikkonsisti minn tliet membri, bil-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru membru kull wieħed fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Is-segretarjat u l-finanzjament tal-kumitat għandhom ikunu pprovduti mill-Parlament Ewropew.

3.           Kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, f’kull ħin, tippreżenta talba mmotivata lill-Parlament Ewropew sabiex jivverifika jekk għadhomx qed jiġu rrispettati xi kundizzjoni jew obbligu, waħda jew ħafna, msemmija fil-paragrafu 1. Kwalunkwe ksur tal-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni minn partit politiku Ewropew, inkluż mill-membri tiegħu, jew minn fondazzjoni politika Ewropea, jista’ jiġi stabbilit biss skont il-paragrafu 2.

4.           Jekk il-Parlament Ewropew isib li xi waħda mill-kundizzjonijiet jew ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux għadhom qed jiġu rispettati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 11 jew fl-Artikolu 22, jew fit-tnejn, b'mod li jitqiesu wkoll kif jixraq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23.

5.           Fondazzjoni politika Ewropea għandha awtomatikament titlef id-dritt għall-istatus tagħha jekk il-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata jitneħħa mir-Reġistru. L-Uffiċjal Awtorizzanti responsabbli għandu jnaqqas l-ammont, jew jitterminah, tal-ftehim jew deċiżjoni tal-kontribuzzjoni jew tal-għotja ta’ finanzjar tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, u jirkupra ammonti li jkun tħasslu meta mhux mistħoqqa skont il-ftehim jew deċiżjoni ta’ għotja, kif ukoll kwalunkwe ffinanzjar mhux minfuq tal-Unjoni fid-data tad-deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 11.

Kapitolu iii L-Istatut ġuridiku ta’ partiti politiċi Ewropej u ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej

Artikolu 8 Personalità ġuridika

Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandu jkollhom personalità ġuridika, li jakkwistaw fid-data li fiha jiddaħħlu fir-Reġistru skont l-Artikolu 6.

Artikolu 9 Għarfien u kapaċità ġuridika

Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandu jkollhom għarfien u kapaċità ġuridika sħiħa fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 10 Liġi applikabbli

1.           Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom ikunu rregolati b’dan ir-Regolament u, fejn espressament awtorizzat minn dan ir-Regolament, mid-dispożizzjonijiet fl-istatuti rispettivi tagħhom.

2.           Għal kwistjonijiet mhux irregolati minn dan ir-Regolament jew, fejn il-kwistjonijiet ikunu parzjalment regolati minnu, f'dawk l-aspetti mhux koperti minnu, il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom ikunu rregolati fl-Istat Membru fejn ikollhom is-sede tagħhom minn dawk il-liġijiet nazzjonali applikabbli għall-forma ġuridika msemmija fl-istatuti tal-partit jew tal-fondazzjoni. L-attivitajiet imwettqa minn partit politiku Ewropew u minn fondazzjoni politika Ewropea fi Stati Membri oħra għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali rilevanti ta’ dawk l-Istati Membri.

Artikolu 11 It-terminazzjoni tal-istatus ġuridiku Ewropew, u l-istralċ

1.           Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitilfu jew iċedu l-istatus tagħhom, u ma jibqgħux ikollhom personalità ġuridika Ewropea f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a) il-korp tat-tmexxija tagħhom jiddeċiedi li jistralċja l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea,

(b) il-korp tat-tmexxija tagħhom jiddeċiedi li jikkonverti l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea f’entità legali rikonoxxuta fl-ordni ġuridiku ta’ Stat Membru,

(c) partit politiku Ewropew ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti fl-Artikolu 3(1)(b), wara tibdiliet fis-sħubija tiegħu jew wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew,

(d) ikunu tneħħew mir-Reġistru skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 22(1) jew (4) jew skont l-Artikolu 7(5).

2.           Il-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni dwar it-terminazzjoni tal-istatus ġuridiku Ewropew u t-tneħħija mir-Reġistru.

3.           Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea f’wieħed mill-każijiet stipulati fil-paragrafu 1 punti (a), (b) jew (c) għandu jitwaqqfilhom l-effett ta’ kwalunkwe deċiżjoni dwar finanzjament tal-Unjoni rċevuti taħt dan ir-Regolament, u daqstantieħor kwalunkwe ftehim dwar tali finanzjament għandu jkun itterminat, u għandu jkun irkuprat kwalunkwe finanzjament tal-Unjoni li jkun għadu mhux minfuq, inkluż kwalunkwe fondi tal-Unjoni minn snin preċedenti.

4.           L-istralċ, l-insolvenza, il-waqfien ta’ pagamenti u proċeduri simili oħra għandhom jiġu rregolati bid-dispożizzjonijiet ġuridiċi li japplikaw għall-forma ġuridika msemmija fl-istatuti tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea fl-Istat Membru li fih ikollhom is-sede tagħhom.

Kapitolu iv Dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament

Artikolu 12 Kundizzjonijiet ta’ finanzjament

1.           Partit politiku Ewropew irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu [93] tar-Regolament Finanzjarju jista’ japplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Parlament Ewropew f’sejħa għal [kontribuzzjonijiet].

2.           Fondazzjoni politika Ewropea li tkun affiljata ma’ partit politiku Ewropew eliġibbli li japplika għall-fondi skont il-paragrafu 1, li tkun irreġistrata skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, u li ma tkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu [93] tar-Regolament Finanzjarju tista’ tapplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-termini u mal-kondizzjonijiet ippubblikati mill-Parlament Ewropew f’sejħa għal proposti.

3.           Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ eliġibbiltà għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont il-paragrafu 1 u l-Artikolu 3(1)(b), u għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 14(1), Membru tal-Parlament Ewropew għandu jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li għandu, fejn rilevanti, ikun dak li miegħu jkun affiljat il-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu jew tagħha fid-data finali għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet.

4.           Kontribuzzjonijiet finanzjarji jew għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma jkunux jistgħux jaqbżu 90% tan-nefqa rimborsabbli annwali ta’ partit politiku Ewropew u 95% tal-kosti annwali eliġibbli indikati fil-baġit ta’ fondazzjoni politika Ewropea. Il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jużaw kwalunkwe parti mhux użata tal-kontribuzzjoni tal-UE mogħtija biex ikopru nefqa rimborsabbli fi żmien is-sentejn finanzjarji li jsegwu l-għoti tagħha. L-ammonti użati wara dawn is-sentejn finanzjarji għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13 Applikazzjoni għall-fondi

1.           Sabiex jirċievi finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, li jkunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 12(1) jew (2), għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Parlament Ewropew kull sena wara sejħa għal [kontribuzzjonijiet] jew proposti.

2.           Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom, fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom, ikunu konformi mal-obbligi mniżżla fl-Artikolu 19, u, mid-data tal-applikazzjoni sa tmiem is-sena finanzjarja koperta minn [il-kontribuzzjoni] jew għotja, jibqgħu reġistrati fir-Reġistru u ma jkunux suġġetti għal xi waħda mill-penali previsti fl-Artikolu 22.

3.           Fondazzjoni politika Ewropea għandha tinkludi fl-applikazzjoni tagħha l-programm ta’ ħidma annwali tagħha.

4.           L-Uffiċjal Awtorizzanti responsabbli għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal [kontribuzzjonijiet] jew tas-sejħa għal proposti, u jawtorizza u jamministra l-approprjazzjonijiet korrispondenti, skont ir-Regolament Finanzjarju.

5.           Fondazzjoni politika Ewropea tista’ tapplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea biss permezz tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata.

Artikolu 14 Kriterji li fuqhom tittieħed id-deċiżjoni u d-distribuzzjoni ta’ finanzjament

1.           L-approprjazzjonijiet rispettivi għad-dispożizzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkun ngħataw [kontribuzzjonijiet] jew għotjiet skont l-Artikolu 13 għandhom jiġu distribwiti kull sena abbażi tal-formula ta’ distribuzzjoni segwenti:

– 15 % jitqassmu f’ishma ndaqs;

– 85% jitqassmu fi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti tal-Parlament Ewropew fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji.

L-istess formola ta’ distribuzzjoni għandha tintuża biex tagħti finanzjament lil fondazzjonijiet politiċi Ewropej, abbażi tal-affiljazzjoni tagħhom ma’ partit politiku Ewropew.

2.           Id-distribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkunu ibbażata fuq in-numru ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew li jkunu membri tal-partit politiku Ewropew applikanti fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(3).

Wara din id-data, kwalunkwe tibdil fin-numru m’għandux jaffettwa s-sehem rispettiv ta’ finanzjament bejn il-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Dan bla ħsara għar-rekwiżit fl-Artikolu 12(1) li l-partiti politiċi Ewropej ikunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas wieħed mill-membri tagħhom.

Artikolu 15 Donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet

1.           Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jaċċettaw donazzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi sa valur ta’ EUR 25 000 kull sena għal kull donatur, mingħajr ħsara għall-paragrafu 5.

2.           Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom lill-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 19, jittrażmettu wkoll lista tad-donaturi kollha bid-donazzjonijiet rispettivi tagħhom, u jindikaw kemm in-natura kif ukoll il-valur tad-donazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-kontribuzzjonijiet magħmula minn membri msemmija fil-paragrafi 7 u 8.

3.           Id-donazzjonijiet riċevuti minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fi żmien sitt xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom, kull ġimgħa, ikunu rrappurtati bil-miktub lill-Parlament Ewropew, u skont id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2.

4.           Donazzjonijiet uniċi li jaqbżu l-valur ta’ EUR 12 000 li jkunu ġew aċċettati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jiġu immedjatament irrappurtati lill-Parlament Ewropew bil-miktub u skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

5.           Partit politiku Ewropew u fondazzjoni politika Ewropea m’għandhomx jaċċettaw:

(a) donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet anomini,

(b) donazzjonijiet mill-baġit ta’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew,

(c) donazzjonijiet minn xi impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li huma l-proprjetarji tagħha, li huma jipparteċipaw fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha,

(d) donazzjonijiet minn kwalunkwe awtorità pubblika minn pajjiż terz, inklużi dawk minn kwalunkwe impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li huma l-proprjetarji tagħha, li huma jipparteċipaw fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha.

6.           Kwalunkwe donazzjoni li ma tkunx permessa taħt dan ir-Regolament għandha, fi żmien 30 ġurnata wara d-data li fiha tkun rċevuta mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea:

– tintbagħat lura lid-donatur jew lil kwalunkwe persuna li taġixxi f’isem id-donatur, jew,

– meta ma jkunx possibbli li tiġi rritornata, tiġi rrappurtata lill-Parlament Ewropew. L-Uffiċjal Awtorizzanti għandu jipproċedi għall-istabbiliment u l-awtorizzazzjoni tal-ordni ta’ rkupru skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli [71] u [72] tar-Regolament Finanzjarju. Il-fondi għandhom jiddaħħlu bħala dħul ġenerali fit-taqsima tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

7.           Għandhom ikunu ammissibbli kontribuzzjonijiet lil partit politiku Ewropew mill-membri tiegħu. Dawn il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jeċċedu 40% tal-baġit annwali ta’ dak il-partit politiku Ewropew.

8.           Huma ammissibbli kontribuzzjonijiet lil fondazzjoni politika Ewropea mill-membri tagħha, kif ukoll minn partiti politiċi Ewropej. Dawk il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jeċċedu 40 % tal-baġit annwali ta’ dik il-fondazzjoni politika u ma jistgħux jiġu minn fondi rċevuti minn partit politiku Ewropew mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-piż tal-prova għandu jaqa’ fuq il-partit politiku Ewropew konċernat, li għandu jindika b’mod ċar fil-kontijiet tiegħu l-oriġini tal-fondi użati biex jiffinanzja l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu.

Artikolu 16 Trattament fiskali mhux diskrimatorju ta’ donazzjonijiet u ta’ donaturi

1.           Kwalunkwe partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li jirċievu donazzjoni minn ħdan jew minn lil hinn mill-fruntieri nazzjonali għandhom jibbenefikaw mill-istess trattament fiskali li jkun applikabbli għal donazzjonijiet mogħtija lil partit politiku jew fondazzjoni politika li jkollha s-sede tagħha fl-Istat Membru kkonċernat.

2.           Kull persuna fiżika jew ġuridika li tagħti donazzjoni lil partit politiku Ewropew jew lil fondazzjoni politika Ewropea minn ħdan jew minn lil hinn mill-fruntieri nazzjonali għandha tibbenefika mill-istess trattament fiskali li jkun applikabbli għal donazzjonijiet mogħtija lil partit politiku jew lil fondazzjoni politika li jkollha s-sede tagħha fl-Istat Membru fejn id-donatur ikun residenti għall-għanijiet tat-taxxa.

3.           Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti, rispettivament, għal partit politiku u għal fondazzjoni politika stabbiliti skont il-liġi tal-Istati Membri konċernati.

Artikolu 17 L-iffinanzjar ta’ kampanji fil-kuntest ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

1.           Il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor jista’ jintuża biex jiffinanzja kampanji mwettqa minn partiti politiċi Ewropej fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li fihom jipparteċipaw kif meħtieġ fl-Artikolu 3(1)(d).

Konformement mal-Artikolu 8 tal-Att dwar l-elezzjoni ta’ membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett[19], il-finanzjament, u l-limitazzjoni tal-ispejjeż għall-elezzjonijiet għall-partiti u l-kandidati kollha fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropeew huma regolati f’kull Stat Membru minn dispożizzjonijiet nazzjonali.

2.           In-nefqa marbuta ma’ kampanji mwettqa fil-kuntest ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-partiti politiċi Ewropej fir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.

3.           Il-partiti politiċi Ewropej għandhom, fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-Unjoni bl-affiljazzjonijiet bejn il-partiti politiċi u l-kandidati nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej.

Artikolu 18 Projbizzjoni ta' finanzjament

1.           Il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor m’għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ elezzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jew ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari partiti politiċi jew kandidati nazzjonali.

2.           Il-finanzjament ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor m’għandux jintuża għall-ebda skop ieħor ħlief dak tal-finanzjament tal-kompiti tagħhom kif definiti fl-Artikolu 2 il-punt (4) u biex jitħallas l-infiq marbut direttament mal-objettivi stabbiliti fl-istatuti tagħhom skont l-Artikolu 5. B’mod partikolari, m’għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ elezzjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew ta’ partiti politiċi, kandidati jew fondazzjonijiet.

3.           Il-finanzjament ta’ partiti politiċi Ewropej u ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża biex jiffinanzja kampanji referendarji nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Kapitolu v Il-Kontroll u t-Trasparenza

Artikolu 19 Obbligi fejn jidħlu kontabilità u ta’ rappurtar

1.           Mhux aktar tard minn sitt xhur wara tmiem is-sena finanzjarja, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jissottomettu lir-Reġistru u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri:

(a) id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom flimkien ma’ noti li jakkumpanjawhom, li jkopru d-dħul u l-infiq, u l-assi u l-obbligazzjonijiet fil-bidu u fit-tmiem tas-sena finanzjarja, skont il-liġi applikabbli fl-Istat Membru li fih ikollhom is-sede tagħhom,

(b) rapport tal-awditjar estern dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, li jkopri kemm l-affidabbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali kif ukoll il-legalità u r-regolarità tad-dħul u l-infiq tagħhom, li jsir minn entità jew espert indipendenti, awtorizzati biex jawditjaw il-kontijiet skond il-liġi applikabbli fl-Istat Membru li fih ikollhom is-sede tagħhom,

(c) il-lista ta’ donaturi u d-donazzjonijiet korrispondenti tagħhom irrapurtati skond l-Artikolu 15(2), (3) u (4).

2.           Fejn in-nefqa tiġi eżegwita mill-partiti politiċi Ewropej konġuntement ma’ partiti politiċi nazjonali jew minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej konġuntement ma’ fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, u ma’ organizzazzjonijiet oħra, għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fil-paragrafi 1 evidenza tan-nefqa li jkunu għamlu l-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej direttament jew permezz ta’ dawn il-partijiet terzi.

3.           L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 24.

Artikolu 20 Implimentazzjoni u kontroll

1.           L-approprjazzjonijiet għall-finanzjament ta’ partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu determinati skont il-proċedura baġitarja annwali u għandhom jiġu implimentati skond ir-Regolament Finanzjarju.

It-termini u l-kundizzjonijiet għal [kontribuzzjonijiet] u għotjiet għandhom ikunu stabbiliti mill-Uffiċjal Awtorizzanti fis-sejħa għal [kontribuzzjonijiet] u s-sejħa għall-proposti.

2.           Il-kontroll tal-finanzjament riċevut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandu jkunu eżerċitat f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Il-kontroll għandu jiġi eżerċitat ukoll fuq il-bażi ta’ ċertifikazzjoni annwali permezz ta’ awditjar estern u indipendenti, kif provdut fl-Artikolu 19(1).

3.           L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fl-Istat Membru li fih il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikollhom is-sede rispettiva tagħhom, skont l-Artikolu 10(2), jeżerċitaw kontroll fuq il-finanzjament irċevut minn sorsi oltre l-baġit tal-Unjoni Ewropea, u fuq kull infiq. Dan il-kontroll għandu jiġi eżerċitat f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi Stati Membri oħra.

L-awtoritajiet nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandhom jiftiehmu fuq arranġamenti prattiċi sabiex jaqsmu informazzjoni dwar il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

4.           Kwalunkwe dokument jew informazzjoni meħtieġa mill-Qorti tal-Awdituri sabiex twettaq il-kompitu tagħha għandu jiġi mgħoddi lilha fuq talba tagħha mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jirċievu finanzjament skont dan ir-Regolament.

5.           Id-deċiżjoni jew ftehim li bihom issir [il-kontribuzzjoni] u l-għotja għandhom jipprovdu espressament għall-awditjar mill-Parlament Ewropew u mill-Qorti tal-Awdituri, abbażi tar-rekords u fuq il-post, tal-partit politiku Ewropew li jkun irċieva [kontribuzzjoni] jew il-fondazzjoni politika Ewropea li tkun irċeviet għotja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

6.           Il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċjal Awtorizzanti, jew kwalunkwe korp ieħor estern awtorizzat mill-Uffiċjal Awtorizzanti, jistgħu jwettqu l-kontrolli u l-verifiki meħtieġa fuq il-post sabiex jivverifikaw il-legalità tan-nefqa u l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet ta’ [il-kontribuzzjoni] u d-deċiżjoni jew il-ftehim tal-konċessjoni tal-għotja, u, fil-każ ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-implimentazzjoni korretta tal-programm ta’ ħidma. Il-benefiċjarju għandu jipprovdi kwalunkwe dokument jew informazzjoni meħtieġa biex dan il-kompitu jitwettaq.

7.           L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)[20] u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra[21] bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’konnessjoni ma’ [kontribuzzjonijiet] jew għotjiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet jistgħu jagħtu lok għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Parlament Ewropew.

Artikolu 21 Sostenn tekniku

Is-sostenn tekniku kollu mill-Parlament Ewropew lil partiti politiċi Ewropej għandu jsir skont il-prinċipju ta’ aċċess ugwali. Għandu jingħata fuq kundizzjonijiet xejn inqas favorevoli minn dawk li jgħoddu għall-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet esterni oħrajn li jistgħu jingħataw faċilitajiet simili u għandu jingħata kontra l-fornitura ta’ fattura u bi ħlas.

Skont l-Artikolu 24, il-Parlament Ewropew għandu jippubblika d-dettalji tas-sostenn tekniku pprovdut lil kull partit politiku Ewropew f’rapport annwali, fi żmien tliet xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja.

Artikolu 22 Penali

1.           Jekk il-Parlament Ewropew isib, skont l-Artikolu 7(2), li partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea ma jkunux irrispettaw il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, jew li kienu s-suġġett ta’ sentenza li jkollha s-saħħa ta’ res judicata minħabba attivitajiet illegali ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definiti mill-Artikolu [93(1)e)] tar-Regolament Finanzjarju, jew li partit politiku Ewropew ma jkunx irrispetta r-regoli minimi ta’ demokrazija interna meħtieġa mill-Artikolu 4(2), il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea in kwistjoni jistgħu jitneħħew mir-Reġistru, jitilfu d-dritt għall-istatus tagħhom skont l-Artikolu 11, u tiġi rtirata kwalunkwe deċiżjoni kurrenti dwar finanzjament mill-Unjoni rċevuta taħt dan ir-Regolament u daqstant ieħor jiġi tterminat kwalunkwe ftehim kurrenti dwar tali finanzjament, u kwalunkwe finanzjament mill-Unjoni jiġi rkuprat, inkluż kwalunkwe fondi tal-Unjoni mhux minfuqa minn snin preċedenti.

2.           Il-Parlament Ewropew għandu jimponi fuq partit politiku Ewropew jew fuq fondazzjoni politika Ewropea multa skont skala ddeterminata minnu:

(a) fil-każ ta’ nuqqas li jissodisfaw xi waħda mill-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 jew 5 li mhumiex koperti mill-paragrafu 1 u li ma jkunux ir-riżultat ta’ tibdil għall-membri ta’ partit politiku Ewropew jew tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew,

(b) fil-każ ta’ nuqqas li tingħata n-notifikazzjoni stipulata fl-Artikolu 6(6) u (7) jew jekk il-Parlament Ewropew isib li l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea tkun f’xi mument intenzjonalment ipprovdiet informazzjoni inkorretta jew qarrieqa,

(c) jekk xi wieħed mill-korpi awtorizzati minn dan ir-Regolament biex jawditja jew biex jagħmel kontrolli fuq il-benefiċjarji ta’ fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jiskopri ineżattezzi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali,

(d) fil-każ li ma tintbagħatx lill-Parlament Ewropew il-lista ta’ donaturi flimkien mad-donazzjonijiet rispettivi tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 15(2) jew fil-każ li ma jiġux irrapputati donazzjonijiet skont l-Artikolu 15(3) u (4),

(e) jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu aċċettaw donazzjonijiet li ma jkunux permessi skont l-Artikolu 15(5) jew ma jkunux irraportaw donazzjonijiet bħal dawn kif meħtieġ mill-Artikolu 15(6).

3.           Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta fuq partit politiku Ewropew jew fuq fondazzjoni politika Ewropea skont il-paragrafu 2, il-Parlament Ewropew għandu jieħu f’kunsiderazzjoni l-gravità, it-tul u, fejn ikun rilevanti, ir-ripetizzjoni tal-ksur, iż-żmien li jkun għadda, l-intenzjoni jew il-grad ta’ negliġenza, u kwalunkwe miżura meħuda għall-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe multa għandha tkun effettiva u dissważiva, u ma tistax teċċedi 10% tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni, għas-sena li fiha tkun ġiet imposta s-sanzjoni.

4.           Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li, wara ksur deskritt fil-paragrafu 2 il-punt (a), ma jintroduċux il-miżuri mitluba mill-Parlament Ewropew biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, minkejja li jkunu ngħataw l-opportunità li jagħmlu dan skond l-Artikolu 23, jistgħu jitneħħew mir-Reġistru u jitilfu d-dritt tal-istatus tagħhom skont l-Artikolu 11, u tista’ tiġi rtirata kwalunkwe deċiżjoni kurrenti dwar finanzjament tal-Unjoni rċevut taħt dan ir-Regolament, u daqstantieħor jiġi rkuprat kwalunkwe finanzjament mill-Unjoni, inkluż kwalunkwe fondi mill-Unjoni mhux minfuqa minn snin preċedenti.

5.           Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li jkunu suġġetti għal penali imposta fuqhom abbażi tal-ksur elenkat fil-paragrafu 2 ma jkunx aktar konformi mal-Artikolu 13(2). Bħala riżultat, l-Uffiċjal Awtorizzanti responsabbli għandu jnaqqas jew jittermina l-ammont mogħti bi ftehim ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotja dwar finanzjar tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, u jirkupra ammonti li jkunu tħallsu bla mistħoqq skont il-ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotja, inklużi kwalunkwe fondi mhux minfuqa tal-Unjoni minn snin preċedenti.

6.           Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jistgħu, barra minn hekk, jiġu esklużi mill-finanzjament għal żmien massimu ta’ ħames snin f’każijiet ta’ nuqqas professjonali serju li jkunu stabbiliti mill-Uffiċjal Awtorizzanti skont l-Artikolu [93(1)(c)] tar-Regolament Finanzjarju.

7.           Il-penali imposti skont dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-partiti politiċi Ewropej u għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej kollha irrispettivament jekk jirċevux jew le finanzjament mill-Unjoni. L-Uffiċjal Awtorizzanti responsabbli jista’ jimponi penali amministrattivi u/jew finanzjarji skont l-Artikolu [96(2)] tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu [145] tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tiegħu fuq kwalunkwe partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li f’xi wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu [96(1)] tar-Regolament Finanzjarju ma jkunux koperti mill-paragrafi ta’ hawn fuq.

Artikolu 23 Smigħ u miżuri korrettivi

1.           Qabel ma tittieħed deċiżjoni finali relatata ma’ xi waħda mill-penali fl-Artikolu 22, il-Parlament Ewropew għandu jagħti lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, u, fejn relevanti u xieraq, li jdaħħlu dawk il-miżuri meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni fi żmien raġjonevoli.

2.           Jekk il-Parlament Ewropew iqis li jkun meħtieġ, jista’ wkoll jisma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, inklużi dawk li jressqu ilmenti, imsemmija fl-Artikolu 7(3).

Kapitolu VI Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 24 Trasparenza

1.           Ir-Reġistru għandu jippubblika, fuq websajt maħluqa apposta, dan li ġej:

(a) l-ismijiet u l-istatuti tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej kollha rreġistrati, flimkien mad-dokumenti sottomessi bħala parti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3), mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li l-Parlament Ewropew ikun adotta d-deċiżjoni tiegħu u, lil hinn minn din id-data, kwalunkwe emendi nnotifikati lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 6(6) u (7),

(b) lista ta’ dawk l-applikazzjonijiet li ma jkunux ġew approvati, flimkien mad-dokumenti sottomessi bħala parti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3), u r-raġunijiet tar-rifjut, mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li l-Parlament Ewropew ikun adotta d-deċiżjoni tiegħu,

(c) rapport annwali b’tabella tal-ammonti mħallsa lil kull partit politiku Ewropew u kull fondazzjoni politika Ewropea, għal kull sena finanzjarja li għaliha jkunu ġew irċevuti [kontribuzzjonijiet] jew li jkunu tħallsu għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea,

(d) id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u r-rapporti ta’ awditjar estern imsemmija fl-Artikolu 19(1), u, fil-każ tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ir-rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma,

(e) l-ismijiet ta' donaturi u d-donazzjonijiet korrispendenti tagħhom irrappurtati mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 15(2), (3) u (4), bl-eċċezzjoni ta’ donazzjonijiet minn persuni fiżiċi li ma jkunux jaqbżu l-valur ta’ EUR 1 000 fis-sena kull donatur u li għandhom jiġu rrappurtati bħala 'donazzjonijiet minuri',

(f) il-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(7) u (8) u rrappurtati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 15(2), inkluż ukoll l-identità tal-membri li jkunu għamlu l-kontribuzzjonijiet, ħlief fil-każ ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet minn persuni fiżiċi li ma jkunux jaqbżu valur ta' EUR 1 000 kull sena għal kull membru li għandhom jiġu rrappurtati bħala 'kontribuzzjonijiet minuri',

(g) id-dettalji u raġunijiet ta’ kwalunkwe deċiżjonijiet finali meħuda mill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 22, inklużi, fejn rilevanti, l-opinjonijiet adottati mill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti skont l-Artikolu 7(2), b’kunsiderazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001,

(h) l-appoġġ tekniku pprovdut lil partiti politiċi Ewropej skont l-Artikolu 21,

(i) id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 28,

(j) ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-attivitajiet iffinanzjati, kif imsemmi fl-Artikolu 27.

2.           Mil-lista tal-membri ta’ partit politiku Ewropew, annessa mal-istatuti tal-partit skont l-Artikolu 4(2), u aġġornata skont l-Artikolu 6(7), il-Parlament Ewropew għandu jippubblika n-numru totali tal-membri, l-identità tal-persuni ġuridiċi li jkunu membri, kif ukoll l-ismijiet ta’ dawk il-persuni fiżiċi li jkunu taw il-kunsens espliċitu bil-miktub tagħhom għall-pubblikazzjoni. Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jitolbu dan il-kunsens bħala ħaġa ta’ rutina mill-persuni fiżiċi kollha li jkunu membri.

3.           Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ privatezza li tkun disponibbli għall-pubbliku, jipprovdu lil membri u donaturi potenzjali l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE u jinfurmawhom li d-dejta personali tagħhom tista' tiġi ppubblikata u tista’ tiġi pproċessata għal skopijiet ta’ verifika u ta’ kontroll mill-Parlament Ewropew, mill-OLAF, mill-Qorti tal-Awdituri, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u minn korpi jew esperti esterni li jkunu awtorizzati minnhom. Il-Parlament Ewropew, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 45/2001, għandu jinkludi l-istess informazzjoni fis-sejħiet għal [kontribuzzjonijiet] jew proposti msemmija fl-Artikolu 13(1).

Artikolu 25 Il-protezzjoni tad-dejta personali

1.           Fl-ipproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(2) għandhom jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għall-għanijiet tal-ipproċessar tad-dejta personali, huma għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-dejta skont l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.           Fl-ipproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jeżerċitaw kontroll fuq aspetti relatati mal-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 20(3) u l-korpi jew esperti indipendenti awtorizzati biex jivverifikaw il-kontijiet skont l-Artikolu 19(1) għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 95/46/KE u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din. Għall-għanijiet tal-ipproċessar tad-dejta personali, huma għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-dejta skont l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 95/46.

3.           Il-Parlament Ewropew u l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(2) għandhom jiżguraw li d-dejta personali miġbura minnhom skont dan ir-Regolament ma tintużax għal kwalunkwe għan għajr dak li tiġi assigurata l-legalità, ir-regolarità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u s-sħubija tal-partiti politiċi Ewropej. Huma għandhom jeqirdu dik id-dejta personali mhux aktar tard minn 24 xahar wara l-pubblikazzjoni tal-partijiet rilevanti skont l-Artikolu 24.

4.           L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-korpi jew l-esperti indipendenti awtorizzati biex jivverifikaw il-kontijiet għandhom jużaw id-dejta personali li jirċievu biss sabiex jeżerċitaw kontroll fuq l-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Huma għandhom jeqirdu dik id-dejta personali skont il-liġi nazzjonali applikabbli wara li jkunu ttrażmettewha lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 20(3).

5.           Dejta personali tista’ tinżamm lil hinn mil-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3 jew minn dak previst mil-liġi nazzjonali applikabbli msemmija fil-paragrafu 4 jekk ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi marbuta mal-finanzjament ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea jew ta’ sħubija ta’ partit politiku Ewropew. Kull dejta personali bħal din għandha tinqered mhux aktar tard minn ġimgħa wara d-data tal-konklużjoni tat-tali proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni finali, jew wara li jkun tlesta l-proċess ta' kwalunkwe verifika, appell, litigazzjoni jew pretenzjoni.

6.           Il-kontrolluri tad-dejta msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-dejta personali kontra qerda aċċidentali jew illegali jew kontra telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni ta’ dejta fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ pproċessar.

7.           Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għandu jkun responsabbli li jissorvelja u li jiżgura li l-Parlament Ewropew u l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(2) jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fl-ipproċessar ta’ dejta personali, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Bla ħsara għal kwalunkwe rimedju ġudizzjali, kull suġġett tad-dejta jista’ jressaq ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta jekk hu jew hi tqis li d-dritt tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom ikun inkiser bħala riżultat tal-ipproċessar ta’ din id-dejta mill-Parlament Ewropew jew mill-kumitat.

8.           Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-korpi indipendenti jew l-esperti awtorizzati biex jawditjaw il-kontijiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu responsabbli skont il-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jikkawżaw fl-ipproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn ikunu suġġetti għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament, tad-Direttiva 95/46/KE u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din, u b’mod partikolari għall-użu frodulenti tad-dejta personali.

Artikolu 26 Id-dritt ta’ appell

1.           Il-Parlament Ewropew għandu jipprovdi għal proċeduri amministrattivi ta’ appell fir-rigward ta’ kwalunkwe deċiżjonijiet marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ statuti, finanzjament jew penali.

2.           Il-proċeduri amministrattivi ta’ appell m’għandhomx ikollhom effett ta’ sospensjoni. Il-Parlament Ewropew jista’, madankollu, jekk iqis illi ċ-ċirkostanzi hekk jirrikjedu, jissospendi l-applikazzjoni ta’ kull deċiżjoni li jkun ħa.

3.           Deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedimenti tal-qorti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27 Evalwazzjoni

Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika sal-1 ta’ Lulju tat-tielet sena wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-attivitajiet iffinanzjati. Ir-rapport għandu jindika, fejn ikun xieraq, emendi li jistgħu jsiru fis-sistema tal-istatut u tal-finanzjament.

Artikolu 28 Regoli ta’ implimentazzjoni

Il-Parlament Ewropew għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż għat-twaqqif tar-Reġistru.

Artikolu 29 Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 jitħassar mad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 30 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 343, 27.12.2007, p. 5.

[2]               ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1

[3]               Rapport mis-Segretarju Ġenerali dwar il-finanzjament tal-partit f’livell Ewropew skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi d-dispożizzjoniet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċì f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom – it-18 ta’ Ottubru 2010.

[4]               A7-0062/2011

[5]               L-Artikolu 12 jgħid: Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika rapport sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar 2011, dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-attivitajiet finanzjati. Ir-rapport għandu jindika, meta approprjat, emendi li jistgħu isiru fis-sistema tal-finanzjament.

[6]               COM (2012) 35 finali.

[7]               Attwalment ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1). Dan it-test se jiġi sostitwit minn Regolament Finanzjarju ġdid, li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.

[8]               Dikjarazzjoni Nru 11 tat-Trattat ta’ Nizza: "Il-Konferenza tfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 191 ma jimplikaw ebda trasferiment ta’ kompetenzi lill-Komunità Ewropea u ma jaffettwawx l-applikazzjoni tar-regoli kostituzzjonali nazzjonali rilevanti. Il-finanzjament tal-partiti politiċi fuq livell Ewropew mill-estimi tal-Komunità Ewropeja ma jistax jiġi utilizzat għall-finanzjament dirett jew indirett tal-partit politiċi fuq livell nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi għandhom jgħoddu, fuq l-istess bażi, għall-forzi politiċi kollha rrapreżentati fil-Parlament Ewropew.”

[9]               ĠU C , , p. .

[10]             ĠU C , , p. .

[11]             ĠU C , , p. .

[12]             ĠU C , , p. .

[13]             ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

[14]             ĠU C , , p. .

[15]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[16]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[17]             ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Referenza li għandha tiġi aġġornata ladarba r-Regolament Finanzjarju l-ġdid ikun ġie formalment adottat u ppubblikat.

[18]             Fid-data tal-adozzjoni ta’ din il-proposta, il-Kulleġġ se jadotta wkoll dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar proposta biex jiġi emendat ir-Regolament Finanzjarju li tintroduċi Titolu ġdid dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej permezz ta’ kontribuzzjonijiet. L-introduzzjoni ta’ “kontribuzzjonijiet” għal partiti politiċi Ewropej se tiġi kkonfermata wara li din il-proposta tkun ġiet adottata mill-koleġiżlaturi.

[19]             ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.

[20]             ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

[21]             ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.