52012PC0453

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 /* COM/2012/0453 final - 2012/0218 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni ta’ prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) fir-reviżjoni tal-iskadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

· Ġbir u użu tal-kompetenzi

Ma kienx hemm bżonn ta' esperti esterni.

· Il-valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tirriżulta mill-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament bażiku ma fihx dispożizzjonijiet għal valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta' kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu vvalutati.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Il-bażi legali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

· Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

· Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħallix lok għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jitnaqqas kemm jista' jkun u jkun proporzjonat meta mqabbel mal-mira tal-proposta, mhix applikabbli.

· L-għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: regolament.

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja:

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.           L-ELEMENTI FAKULTATTIVI

Fit-23 ta’ Lulju 2011 inbdiet investigazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-iskadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

L-investigazzjoni żvelat probabbiltà kbira ta’ rikorrenza tad-dumping u l-ħsara u ma kienx hemm evidenza li l-estensjoni tal-miżuri ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa propost li l-miżuri jinżammu.

Fit-22 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni żvelat is-sejbiet tagħha fir-rigward tal-investigazzjoni attwali u tat ċans lill-partijiet interessati jikkummentaw dwarhom. Ma waslux kummenti li kienu ta’ natura li tbiddel is-sejbiet imsemmija fiha. Ta’ min jinnota b’mod partikolari li ma kienx hemm kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ.

Għalhekk qed jiġi propost li l-Kummissjoni tadotta l-proposta mehmuża għal Regolament tal-Kunsill bl-għan li jiġi trażmess lill-Kunsill u li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard minn mill-11 ta’ Settembru 2012.

2012/0218 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku")[1] u b'mod partikolari l-Artikoli 9(4), 11(2), 11(5) u 11(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1.           Il-miżuri fis-seħħ

(1)       Bir-Regolament (KE) Nru 1136/2006[2] (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ bejn 27,1 % u 47,4 %, fuq l-importazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva (lever arch mechanisms “LAM”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”).

2.           It-talba għal reviżjoni tal-iskadenza

(2)       Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta’ skadenza imminenti[3] tal-miżuri anti-dumping definittivi fis-seħħ, fis-26 ta’ April 2011 il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' reviżjoni tal-iskadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn LAMMA (Lever arch mechanism manufacturers association – Assoċjazzjoni tal-manifatturi tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva) f’isem tliet produtturi tal-Unjoni (“l-applikant”) li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva.

(3)       It-talba tat biżżejjed evidenza li l-iskadenza tal-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet tal-LAM li joriġinaw mir-RPĊ, probabbilment tirriżulta fi tkomplija jew rikorrenza ta' dumping u ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

3.           Il-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza

(4)       Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni ħabbret fit-23 ta’ Lulju 2011, permezz ta’ notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[4] ("in-notifika ta’ bidu"), il-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

4.           L-investigazzjoni

4.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni u l-perjodu kkunsidrat

(5)       L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' tkomplija jew rikorrenza ta' dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2010 sat-30 ta' Ġunju 2011 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara, kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008 sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni tar-reviżjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

4.2.    Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni

(6)       Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-ftuħ tar-reviżjoni tal-iskadenza, lill-applikant, lil produtturi oħra magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, lill-importaturi mhux relatati, lill-utenti fl-Unjoni li hu magħruf li huma kkonċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat.

(7)       Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fin-notifika ta’ bidu. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

(8)       Fid-dawl tal-għadd apparentement kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, importaturi mhux relatati u produtturi tal-Unjoni, fin-notifika ta’ bidu ġie previst it-teħid ta' kampjuni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(9)       Fir-rigward tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ u l-importaturi mhux relatati, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jittieħdu kampjuni u, jekk dan ikun il-każ, biex jintgħażel kampjun rappreżentattiv, dawk il-partijiet intalbu jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fin-notifika ta’ bidu lill-Kummissjoni. Minħabba li l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma ppreżenta ruħu u ressaq quddiem il-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba fin-notifika ta' bidu u li importatur mhux relatat wieħed biss ippreżenta ruħu, iżda ma ressaqx l-informazzjoni mitluba fin-notifika ta’ bidu lill-Kummissjoni, it-teħid ta' kampjuni ma kienx ikkunsidrat neċessarju fiż-żewġ każijiet.

(10)     Fin-notifika ta’ bidu, il-Kummissjoni ħabbret li kienet għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Dan il-kampjun kien magħmul minn żewġ kumpaniji, mis-sitt produtturi tal-Unjoni li kienu magħrufa qabel ma ngħata bidu għal din l-investigazzjoni, magħżula abbażi tal-volum tal-bejgħ u l-produzzjoni tagħhom tal-prodott ikkonċernat fl-2010, kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika tagħhom fl-Unjoni. Il-kampjun irrappreżenta aktar minn 50 % tat-total stmat tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-Unjoni tul il-PIR. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkonsultaw il-fajl u jikkumentaw dwar l-adegwatezza ta’ din l-għażla fi żmien 15-il ġurnata mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu. L-ebda parti ma opponiet il-kampjun propost.

(11)     Il-Kummissarju bagħat kwestjonarji liż-żewġ produtturi tal-Unjoni li ntgħażlu għall-kampjun, l-importatur li ppreżenta ruħu u l-utenti kollha magħrufa li kienu kkonċernati.

(12)     It-tweġibiet għall-kwestjonarji waslu miż-żewġ produtturi tal-Unjoni li ntgħażlu għall-kampjun u liż-żewġ utenti. L-importatur mhux relatat li ssemma fil-premessa (9) hawn fuq u li ppreżenta ruħu, la wieġeb il-mistoqsijiet dwar it-teħid tal-kampjun u lanqas ma mela kwestjonarju.

(13)     Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet neċessarja għad-determinazzjoni tal-probabbiltà tat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta' dumping u l-ħsara li tirriżulta minnu u tal-interess tal-Unjoni. Twettqu żjarat ta’ verifika fuq il-post tal-partijiet interessati li ġejjin:

(a) Produtturi tal-Unjoni

– Industria Meccanica Lombarda S.r.l., Offanengo, l-Italja

– NIKO Metallurgical company, d.d. Zelezniki, is-Slovenja

(b) utent

– HIT OFFICE s.r.o. Teplice, ir-Repubblika Ċeka

B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(14)     Il-prodott milqut minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak fir-Regolament oriġinali, jiġifieri mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva u li ġeneralment jintużaw għall-arkivjar tal-karti u dokumenti oħra f’binders jew f’fajls li attwalment għandhom il-kodiċi NM ex 8305 10 00 (il-kodiċi TARIC 8305 10 00 50) (“il-prodott ikkonċernat”) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva jkunu magħmulin minn elementi tal-metall robusti (normalment tnejn) f’forma ta’ arkata fuq pjanċa tad-dahar u li jkollhom tal-anqas molla waħda tal-ftuħ li tippermetti li jiddaħħlu u jiġu ffajljati l-karti u d-dokumenti l-oħra. Il-mekkaniżmi għall-binding forma ta’ ċirku li huma klassifikati bl-istess kodiċi NM, mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat għall-fini ta’ din l-investigazzjoni.

(15)     L-investigazzjoni ta’ reviżjoni attwali kkonfermat li, bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott ikkonċernat u dak prodott fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi tekniċi u fiżiċi u l-istess użu. Għalhekk, tqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C. IL-PROBABBILTÀ TA’ TKOMPLIJA JEW TA' RIKORRENZA TAD-DUMPING

(16)     Ġie eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti hux probabbli li twassal għat-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.           Il-kummenti preliminari

(17)     Kif intqal hawn fuq, fil-premessa (9), fl-investigazzjoni ma kien hemm kooperazzjoni mill-ebda esportatur Ċiniż li ġie kkuntattjat fil-bidu. L-awtoritajiet Ċiniżi ġew innotifikati b'dan il-fatt, l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u ngħataw l-opportunità li jressqu l-kummenti tagħhom. Ma waslux kummenti f'dan ir-rigward.

(18)     Għaldaqstant, u skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà tat-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping stabbiliti hawn taħt kellhom jiġu msejsa fuq il-fatti disponibbli, partikolarment l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku pereżempju fuq siti elettroniċi uffiċjali ta’ kumpaniji u l-magni tat-tiftix għal prodotti fuq il-web, l-informazzjoni fit-talba għar-reviżjoni u l-informazzjoni miksuba mill-partijiet li kkooperaw tul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni (jiġifieri l-applikanti u l-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun).

2.           Id-dumping ta' importazzjonijiet matul il-PIR

(19)     In-notifika ta' bidu għamlet referenza għall-użu ta' pajjiż analogu, sabiex ikun jista' jiġi stabbilit il-valur normali.

(20)     Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni kemm min-naħa tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ u min-naħa tal-importaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-kwantità ta' bejgħ għall-esportazzjoni jew il-prezzijiet abbażi tat-tranżazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat mezzi alternattivi biex tiddetermina l-prezz tal-esportazzjoni.

(21)     L-ewwel nett, ġie kkunsidrat jekk il-Eurostat, imqabbel ma’ dejta oħra disponibbli, setax jintuża bħala mezz alternattiv biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni. Dawn ma kinux meqjusin bħala adegwati minħabba li wieħed mis-sorsi kien ikopri wkoll importazzjonijiet oħra barra mill-prodott ikkonċernat u s-sorsi l-oħrajn ma kinux jippermettu l-possibbiltà li jkun hemm tqabbil tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ma’ dawk tal-industrija tal-Unjoni skont it-tip.

(22)     It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li tirreferi għall-prezzijiet tal-esportazzjoni inklużi fit-talba għal reviżjoni. Ta’ min ifakkar li din il-metodoloġija ntużat fl-investigazzjoni oriġinali u li tippermetti tqabbil skont it-tip. Madankollu, il-fatturi inklużi fit-talba għal reviżjoni kienu għall-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra.

(23)     Konsegwentement, id-dumping ma setax jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u ma kienx possibbli li tiġi stabbilita determinazzjoni affermativa tad-dumping. L-investigazzjoni, għalhekk, iffukat fuq il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping.

3.           Il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping

(24)     Fir-rigward tal-investigazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: ir-relazzjoni bejn il-valur normali u l-prezzijiet ta' esportazzjoni lejn pajjiżi terzi; il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ; u kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

3.1 Ir-relazzjoni bejn il-valur normali u l-prezzijiet ta' esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(25)     Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-valur normali tqabbel mal-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

3.1.1 Il-bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali

(26)     Billi r-RPĊ hija ekonomija fi tranżizzjoni, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xieraq (il-pajjiż analogu), jew il-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni jew, fejn dawn ma jkunux possibbli fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b'mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta’ profitt raġonevoli.

(27)     It-talba għal reviżjoni mill-industrija tal-Unjoni semmiet għadd ta’ produtturi f’pajjiżi b’ekonomija ts-suq barra l-Unjoni (jiġifieri l-Indja, l-Iran u t-Tajlandja). Fil-bidu dawn il-produtturi, kif ukoll produtturi potenzjali oħrajn f’pajjiżi li setgħu jiġu identifikati permezz ta’ sorsi disponibbli għall-pubbliku, ġew ikkuntattjati kif xieraq mill-Kummissjoni.

(28)     In-notifika ta’ bidu speċifikat li jekk il-Kummissjoni ma kinitx se ssib kooperazzjoni mill-produtturi fil-pajjiżi b'ekonomija tas-suq barra l-Unjoni, hija kien beħsiebha tuża l-prezzijiet li fil-fatt jitħallsu jew għandhom jitħallsu fl-Unjoni bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Tabilħaqq, il-prezzijiet li jitħallsu jew li għandhom jitħallsu attwalment fl-Unjoni servew ta' bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali fl-investigazzjoni oriġinali.

(29)     L-ebda parti interessata ma kkumentat dwar l-adegwatezza tal-bażi msemmija hawn fuq għad-determinazzjoni tal-valur normali.

(30)     L-ebda produttur fil-pajjiżi b’ekonomija tas-suq barra l-Unjoni u li ġie kkuntattjat mill-Kummissjoni ma kkoopera fir-reviżjoni attwali.

(31)     Fil-kuntest ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex alternattivi oħrajn ħlief li tibbaża fuq il-prezzijiet li jitħallsu jew li għandhom jitħallsu attwalment fl-Unjoni, bħala l-bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

3.1.2 Il-valur normali

(32)     Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u kif spjegat fil-premessi (26) sa (31) hawn fuq, il-valur normali kien stabbilit bl-użu tal-prezz li jitħallas jew li għandu jitħallas attwalment fl-Unjoni għall-prodott simili, f’kundizzjonijiet normali tal-kummerċ.

(33)     B'riżultat ta’ dan, il-valur normali ġie stabbilit bħala l-prezz tal-bejgħ domestiku medju peżat għal klijenti li mhumiex relatati tal-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun.

(34)     L-ewwel ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti tal-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ dan il-bejgħ irrappreżentax tal-anqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, l-informazzjoni fir-rigward tal-volum totali tal-bejgħ esportat lejn l-Unjoni kellha tiġi determinata skont il-fatti disponibbli. Kif intqal fil-premessa (21) ta’ hawn fuq, il-Eurostat u statistika oħra ma kinux ikkunsidrati adattati biex tiġi stabbilita tkomplija tad-dumping, madankollu, dawn jistgħu jintużaw biex jiġi indikat il-livell tal-importazzjonijiet (meħtieġ għall-volum totali esportat mir-RPĊ) lejn l-Unjoni. Abbażi ta’ dan, il-bejgħ domestiku tal-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun b'mod ġenerali tqiesu bħala rappreżentattivi biżżejjed tul il-PIR. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-esportaturi fir-RPĊ, ma kienx possibbli li r-rappreżentattività tiġi analizzata skont it-tip.

(35)     Wara dan il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull produttur tal-Unjoni magħżul għall-kampjun jistax jiġi kkunsidrat bħala bejgħ li sar f’kundizzjonijiet normali tal-kummerċ, jiġifieri jekk għal kull produttur tal-Unjoni magħżul għall-kampjun il-prezzijiet tal-bejgħ medji kinux ekwivalenti jew ogħla mill-ispejjeż medji tal-produzzjoni u għaldaqstant profittabbli.

(36)     Abbażi ta’ dan ġie stabbilit li l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fuq medja kienu profittabbli u konsegwentement il-valur normali ġie determinat abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ medji peżati tal-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun.

3.1.3 Il-prezz tal-esportazzjoni

(37)     Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, l-aktar bażi adattata nstab li kienet l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ lejn il-pajjiżi terzi inklużi fit-talba għal reviżjoni.

3.1.4 It-tqabbil

(38)     It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz tal-esportazzjoni medju peżat sar fuq bażi ex-works. Dan it-tqabbil wera li l-prezz tal-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi fit-talba għar-reviżjoni kien sinifikattivament aktar baxx mill-valur normali (’il fuq minn 30 %). Dan jindika li l-prezzijiet tal-Unjoni wisq probabbli se jkunu l-oġġett ta’ dumping jekk il-miżuri jiġu revokati.

3.2 Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi

(39)     Billi ma kienx hemm kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi, il-konklużjonijiet li ġejjin kienu msejsin prinċipalment fuq l-informazzjoni inkluża fit-talba għal reviżjoni, li fejn kien possibbli tqabblet ma’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(40)     Abbażi ta’ dan, instab li l-kapaċità tal-produzzjoni tar-RPĊ tal-LAM huwa stmat li hi tal-anqas fil-medda ta’ bejn is-600 miljun u s-700 miljun biċċa, liema stima hija bbażata fuq l-informazzjoni mogħtija mill-industrija tal-Unjoni.

(41)     Barra minn hekk, l-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjoni turi li l-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ għal-LAM tista’ tiżdied faċilment, inter alia, permezz tal-impjegar ta’ forza tax-xogħol addizzjonali u b’investiment limitat fl-għodod użati, fil-każ ta’ domanda akbar.

(42)     L-ebda parti interessata ma ressqet kummenti u/jew informazzjoni relatata mal-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ.

(43)     Abbażi ta’ dan, il-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ hija madwar 170 % u 350 % ogħla mill-konsum tal-Unjoni u sinifikattivament akbar mill-produzzjoni tal-Unjoni.

3.3    Il-produzzjoni u l-kapaċità żejda tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(44)     Billi ma kienx hemm kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi, l-informazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni attwali u l-kapaċità żejda kienet imsejsa prinċipalment fuq l-informazzjoni inkluża fit-talba għal reviżjoni, li fejn kien possibbli tqabblet ma’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(45)     Fit-talba għar-reviżjoni, il-produzzjoni tal-LAM kien stmat li kienet ta’ bejn il-200 u l-400 miljun biċċa u l-kapaċità żejda kienet ta' bejn il-200 u l-500 miljun biċċa. Din il-kapaċità żejda bejn wieħed u ieħor hija ekwivalenti għall-konsum tal-Unjoni.

(46)     L-istimi ppreżentati nstab li kienu raġonevoli wara li, fejn kien possibbli, saret referenza għal sorsi disponibbli għall-pubbliku.

(47)     Fir-rigward tal-kapaċità żejda, kif intqal fil-premessa (41) hawn fuq, l-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjoni turi li l-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ għal-LAM tista’ tiżdied faċilment, inter alia, permezz tal-impjegar ta’ forza tax-xogħol addizzjonali u b’investiment limitat fl-għodod użati, fil-każ ta’ domanda akbar.

(48)     Abbażi ta’ dak li ntqal fuq, tista’ tinsilet il-konklużjoni raġonevoli li teżisti kapaċità żejda sostanzjali fir-RPĊ. Kif inhu spjegat fil-premessi (49) sa (55) hawn taħt, hemm probabbiltà kbira li tali kapaċità żejda tkun immirata lejn is-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jiġu revokati.

3.4    Kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni

(49)     L-informazzjoni miġbura waqt ir-reviżjoni attwali tiżvela li s-suq tal-Unjoni jkun suq attraenti għall-importazzjonijiet tal-LAM mir-RPĊ, jekk il-miżuri jiġu revokati. Ta’ min ifakkar li qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ, il-konsum fl-Unjoni kien sostanzjali u qrib l-400 miljun biċċa. Fl-istess waqt, l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu aktar minn 200 miljun biċċa ekwivalenti għal aktar minn 50 % tal-konsum totali tal-Unjoni.

(50)     L-investigazzjoni wriet li d-domanda tal-Unjoni għal-LAM baqgħet waħda sostanzjali. Il-konsum tal-Unjoni naqas biss bi ftit tul il-perjodu kkunsidrat kif inhu determinat fil-premessi (63) sa (64) u (98) hawn taħt u s-suq tal-Unjoni jibqa’ l-akbar suq dinji għal-LAM, li jirrappreżenta 50 % tas-suq dinji.

(51)     Barra minn hekk, hemm biss ftit swieq oħra għal-LAM, li probabbilment ma jakkomodawx il-kapaċità żejda tar-RPĊ.

(52)     Barra minn hekk, kif inhu stabbilit fil-premessa (38) hawn fuq, it-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-pajjiżi terzi mal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, juri li s-suq tal-Unjoni jkun wieħed attraenti għal tali importazzjonijiet bi prezz baxx jekk il-miżuri jiġu revokati. Dan huwa wkoll minħabba l-fatt li l-prezzijiet prevalenti ġeneralment ikunu ogħla fis-suq tal-Unjoni milli fi swieq oħrajn tal-esportazzjoni.

(53)     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew hawn fuq, jekk il-miżuri jiġu revokati, il-probabbiltà tkun li l-esportazzjonijiet mir-RPĊ jiġu mmirati lejn is-suq tal-Unjoni.

(54)     L-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fir-rigward tal-produtturi fir-RPĊ, tiżvela li tali kumpaniji ġeneralment primarjament jew esklużivament jimmiraw il-bejgħ tagħhom lejn is-suq tal-esportazzjoni.

(55)     Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li mill-impożizzjoni tal-miżuri definittivi għadd ta’ każijiet ta’ klassifikazzjoni inkorretta ta' importazzjonijiet tal-LAM ġew osservati, fejn volumi kbar ta’ LAM u covers separati ġew iddikjarati bħala fajls kompluti b’mekkaniżmu li jinfetaħ u jingħalaq bil-lieva. Minn dan irriżulta li ma tħallsux dazji għal tali importazzjonijiet. Din il-klassifikazzjoni inkorretta ġiegħlet lill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali (f’Novembru 2010) biex f'dikjarazzjoni jiċċara li l-LAM impurtati f'dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu ddikjarati b'mod separat. Għadu kmieni wisq biex jiġi ddeterminat jekk tali dikjarazzjoni kellhiex l-effett mixtieq u l-Kummisjoni beħsiebha timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib. Madankollu, il-prattika tikkostitwixxi aktar evidenza li, minkejja l-miżuri, is-suq tal-Unjoni jibqa' attraenti għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ.

3.5.   Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping

(56)     Kif intqal fil-premessa (38) hawn fuq, it-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħrajn inklużi fit-talba għal reviżjoni mal-prezz fis-suq tal-Unjoni, juri probabbiltà kbira ta’ rikorrenza tad-dumping.

(57)     Barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra l-kapaċità tal-produzzjoni sinifikanti disponibbli fir-RPĊ, l-abbiltà tal-produtturi Ċiniżi li jżidu b’mod rapidu l-volumi tal-produzzjoni tagħhom u jimmirawhom għall-esportazzjoni, il-prezzijiet probabbilment baxxi ta’ tali esportazzjonijiet u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni għal tali esportazzjonijiet, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li r-revoka tal-miżuri tirriżulta f'esportazzjonijiet miżjuda b’livelli li jkunu l-oġġett ta’ dumping tal-LAM mir-RPĊ lejn l-Unjoni.

E. ID-DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(58)     Tul il-PIR il-LAM ġew manifatturati fl-Unjoni minn sitt produtturi magħrufin, li tlieta minnhom kienu l-applikanti fil-każ attwali. L-ebda kumpanija oħra ma ppreżentat ruħha bħala produttur tal-Unjoni tul din l-investigazzjoni. Għalhekk huwa kkunsidrat li dawn is-sitt produtturi jirrappreżentaw l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku (minn hawn ’il quddiem imsejħin “l-industrija tal-Unjoni”).

F. IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

1.           Il-kumment preliminari

(59)     Għall-finijiet tad-dejta għall-analiżi tal-ħsara miksuba mill-istatistika tal-Eurostat u minn sorsi oħra tal-istatistika disponibbli għall-Kummissjoni, it-talba għal reviżjoni, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-informazzjoni miġbura waqt iż-żjarat ta’ verifika.

(60)     L-indikaturi makroekonomiċi, jiġifieri l-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-bejgħ fl-UE u fi swieq terzi, il-proporzjon tas-suq, it-tkabbir, l-impjieg u l-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping attwali u l-irkupru minn dumping passat huma bbażati fuq id-dejta mressqa mill-industrija tal-Unjoni. F’dan il-kuntest it-tweġibiet għall-kwestjonarju miksubin miż-żewġ produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun, ġew ikkumplementati minn informazzjoni mogħtija mill-produtturi tal-Unjoni l-oħra kollha.

(61)     L-indikaturi mikroekonomiċi, jiġifieri l-istokkijiet, il-pagi, il-prezzijiet tal-bejgħ, il-profittabbiltà, l-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti, il-fluss tal-flus u l-abbiltà li jiżdied il-kapital jirreferu għad-dejta mogħtija miż-żewġ produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun. Minħabba l-fatt li l-kumpaniji magħżula għall-kampjun jirrappreżentaw aktar minn 50 % tat-total stmat ta’ produzzjoni u bejgħ tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun tqies li kienu jirrappreżentaw l-industrija tal-Unjoni għall-finijiet ta' din ir-reviżjoni. Id-dejta marbuta maż-żewġ kumpaniji magħżula għall-kampjun tista’ tingħata biss f’forma ta’ indiċi, biex b’hekk tinżamm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sesittiva għan-negozju skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

(62)     Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-importaturi mhux relatati, l-iffissar ta’ prezz tal-importazzjoni u t-twaqqigħ tal-prezzijiet huwa bbażat fuq sorsi alternattivi bħal pereżempju t-talba għal reviżjoni, il-Eurostat u statistika kunfidenzjali oħra disponibbli għall-Kummissjoni, kif ukoll l-informazzjoni miġbura waqt iż-żjarat ta’ verifika. Id-dejta dwar l-importazzjoni kienet imsejsa fuq it-talba għal reviżjoni li kienet ibbażata fuq id-dejta tal-Eurostat. Minħabba li din id-dejta kienet tkopri wkoll importazzjonijiet oħra barra mill-prodott ikkonċernat, hija ġiet ivverifikata u aġġustata kif xieraq wara li tqabblet ma' sorsi statistiċi kunfidenzjali oħra disponibbli għall-Kummissjoni. Għaldaqstant, ċerti ċifri hawn taħt ingħataw f’forma ta’ indiċi jew f’intervalli biex tiġi protetta l-istatistika kunfidenzjali.

2.           Il-konsum fis-suq tal-Unjoni

(63)     Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u tal-importazzjonijiet. Ġie stabbilit li l-konsum tul il-PIR kien fil-medda ta’ bejn il-200 u t-350 miljun biċċa.

(64)     Il-konsum tal-LAM fl-Unjoni naqas bi 12 % tul il-perjodu kkunsidrat. Dan jista’ jiġi parzjalment attribwit għall-kriżi ekonomika, kif ukoll għax-xejriet li qed jinbidlu fil-konsum (pereżempju l-promozzjoni ta’ uffiċċji ekoloġiċi u l-iffajljar elettroniku, it-tnaqqis ġenerali fix-xogħlijiet amministrattivi).

Tabella 1

Konsum

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-volum || || || ||

L-indiċi (2008=100) || 100 || 84 || 90 || 88

                   Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju, Talba għal reviżjoni, il-Eurostat u sorsi statistiċi oħra disponibbli għall-Kummissjoni

3.           Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(65)     Kif inhu deskritt fit-Tabella 2 hawn taħt, is-sehem mis-suq naqas b'54 % tul il-perjodu kkunsidrat.

(66)     Barra minn hekk, mill-impożizzjoni tad-dażji tal-anti-dumping fl-2006, l-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu konsiderevolment minn sehem mis-suq ta' 51 % fil-PI tal-investigazzjoni oriġinali għal bejn 7 u 15 % tul il-PIR. Fir-rigward tal-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ, dawn baqgħu baxxi tul il-perjodu kkunsidrat minħabba l-miżuri tal-anti-dumping fis-seħħ. Madankollu, l-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu sors prinċipali (bejn 85 % u 95 % fil-PIR) tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni, minħabba l-esportazzjoni limitata tal-LAM minn pajjiżi terzi oħra. Fil-perjodu kkunsidrat l-importazzjonijiet naqsu b’59 %.

Tabella 2

Importazzjonijiet mir-RPĊ

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-volum tal-importazzjonijiet Indiċi (2008=100) || 100 || 56 || 44 || 41

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Indiċi (2008=100) || 100 || 66 || 48 || 46

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju, Talba għal reviżjoni, il-Eurostat u sorsi statistiċi oħra disponibbli għall-Kummissjoni

4.           Ix-xejra fil-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

4.1 Xejriet fil-prezzijiet

(67)     Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u nuqqas ta’ sorsi alternattivi, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit prezz tal-importazzjoni preċiż. Dan minħabba li, kif ġie spjegat fil-premessa (21) hawn fuq, l-istatistika ma kinitx meqjusa adegwata minħabba li wieħed mis-sorsi kien ikopri wkoll importazzjonijiet oħra barra mill-prodott ikkonċernat u s-sorsi l-oħrajn ma kinux jippermettu l-possibbiltà li jkun hemm tqabbil tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ma’ dawk tal-industrija tal-Unjoni skont it-tip.

(68)     Madankollu, is-sorsi statistiċi kunfidenzjali l-oħra disponibbli għall-Kummissjoni huma meqjusa bħala adattati biex jindikaw ix-xejra ġenerali fil-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ. Ix-xejra fil-prezzijiet tal-importazzjoni turi żieda fil-prezzijiet tul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 3

Il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

ir-RPĊ || || || ||

L-indiċi || 100 || 102 || 118 || 118

         Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju, Talba għal reviżjoni, il-Eurostat u sorsi statistiċi oħra disponibbli għall-Kummissjoni

4.2 It-twaqqigħ tal-prezzijiet

(69)     Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u minħabba n-nuqqas ta’ sorsi alternattivi, il-kalkolazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (37) hawn fuq, kienet ibbażata fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi inklużi fit-talba għal reviżjoni. Il-livell tat-twaqqigħ tal-prezzijiet stabbilit b’mod indikattiv jammonta għal madwar 20 %.

5.           Il-volumi tal-importazzjonijiet u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(70)     Il-produtturi prinċipali tal-LAM fid-dinja jinsabu fl-Unjoni u fir-RPĊ. Instab li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra bħall-Indja huma negliġibbli, aktar baxxi minn 1 %.

6.           Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(71)     Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċi rilevanti kollha li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

6.1.   L-elementi makroekonomiċi

(a) Il-produzzjoni

(72)     Il-volum tal-produzzjoni fl-Unjoni baqa’ fl-istess medda tul il-perjodu kkunsidrat, bl-eċċezzjoni tal-2009. It-tnaqqis fl-2009, li sa ċertu punt kien riżultat tal-kriżi ekonomika globali, kien ikkumpensat b'żieda fl-2010.

(73)     Minkejja x-xejra ’l isfel fil-bejgħ fl-Unjoni, kif inhu spjegat fil-premessi (75) sa (77) hawn taħt, il-produtturi tal-Unjoni setgħu jżommu l-livelli tal-produzzjoni tul il-perjodu kkunsidrat peress li setgħu jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn is-swieq terzi kif inhu spjegat fil-premessa (78).

Tabella 4

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-volum ('000 biċċa) || || || ||

Il-produzzjoni || 351,480 || 301,661 || 360,007 || 354,646

L-indiċi (2008=100) || 100 || 86 || 102 || 101

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(b) Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(74)     Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet bi ftit minħabba l-investimenti li kien hemm fil-kapaċità żejda u l-modernizzazzjoni li wettqu l-produtturi tal-Unjoni tul il-perjodu kkunsidrat. L-użu tal-kapaċità baqa’ pjuttost stabbli, u wera ftit tnaqqis fis-sena 2009. Dan it-tnaqqis żgħir huwa primarjament attribwibbli għall-effetti tal-kriżi ekonomika globali tul dik is-sena.

Tabella 5

Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-volum ('000 biċċa) || || || ||

Il-kapaċità ta’ produzzjoni || 452,407 || 453,323 || 465,984 || 465,401

L-indiċi (2008=100) || 100 || 100 || 103 || 103

L-użu tal-kapaċità || 77.7% || 66.5% || 77.3% || 76.2%

L-indiċi (2008=100) || 100 || 86 || 99 || 98

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(c) Il-volum tal-bejgħ fl-Unjoni

(75)     Iċ-ċifri hawn taħt jirrappreżentaw il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lill-klijenti indipendenti fis-suq tal-Unjoni.

Tabella 6

Bejgħ lil klijenti mhux relatati

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-volum ('000 biċċa) || 315,715 || 281,281 || 309,941 || 304,444

L-indiċi (2008=100) || 100 || 89 || 98 || 96

                   Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(76)     Il-bejgħ fl-Unjoni naqas b'4 % tul il-perjodu kkunsidrat.

(77)     Fl-2009, il-bejgħ waqa’ bi 11 %. Dan it-tnaqqis għandu jiġi attribwit lill-effetti tal-kriżi ekonomika globali. Fis-snin sussegwenti, il-bejgħ irkupra u kien qrib iċ-ċifri għall-2008 tul il-PIR.

(d) Il-bejgħ lil swieq terzi

(78)     Iċ-ċifri hawn taħt jirrappreżentaw il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil swieq terzi u juru żieda kbira f’dan il-bejgħ tul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 7

Bejgħ lil pajjiżi terzi

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-volum ('000 biċċa) || 26,750 || 42,105 || 59,221 || 57,148

L-indiċi (2008=100) || 100 || 157 || 221 || 214

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(e) Is-sehem mis-suq

(79)     Minkejja t-tnaqqis fil-bejgħ tal-Unjoni, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied b’9 % tul il-perjodu kkunsidrat biex laħaq medda ta’ 80 % sa 93 % tul il-PIR. Iż-żieda tas-sehem mis-suq tal-Unjoni kienet riżultat tat-tnaqqis fil-konsum fl-Unjoni, kif ukoll tat-tnaqqis tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

Tabella 8

Is-sehem mis-suq tal-UE

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

L-indiċi (2008=100) || 100 || 106 || 109 || 109

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju, Talba għal reviżjoni, il-Eurostat u sorsi statistiċi oħra disponibbli għall-Kummissjoni

(f) It-tkabbir

(80)     Bejn l-2008 u l-PIR, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 12 %. Il-volum tal-bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas b’4 %. Is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni żdied b’9 %.

(g) L-impjiegi

(81)     L-impjiegi fis-settur fl-Unjoni naqsu tul il-perjodu kkunsidrat. Dan it-tnaqqis kien marbut mal-modernizzazzjoni u l-mekkanizzazzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni mill-industrija tal-Unjoni.

Tabella 9

L-impjiegi fl-Unjoni

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

In-numru ta’ impjegati || 710 || 588 || 561 || 552

L-indiċi (2008=100) || 100 || 83 || 79 || 78

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(h) Il-produttività

(82)     Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala produzzjoni fis-sena għal kull persuna impjegata, żviluppat b'mod pożittiv matul il-perjodu kkunsidrat, u baqgħet stabbli tul l-2010 u l-PIR.

(83)     Din iż-żieda fil-produttività kienet marbuta mal-proċess ta’ modernizzazzjoni li twettaq, li huwa deskritt fil-premessa (93).

Tabella 10

Il-produttività

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-produttività ('000 biċċa/sena) || 495 || 513 || 642 || 642

L-indiċi (2008=100) || 100 || 104 || 130 || 130

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(i) Id-daqs tal-marġni ta’ dumping attwali u l-irkupru minn dumping fil-passat

(84)     Ta’ min ifakkar li minħabba ċ-ċirkostanzi msemmija fil-premessi (19) sa (23), ma setax jiġi kkalkolat id-dumping. Madankollu, ġiet stabbilita probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping ibbażata fuq tqabbil bejn il-valur normali stabbilit abbażi tal-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-prezz tal-esportazzjoni stabbilit abbażi tal-prezzijiet għal pajjiżi terzi.

(85)     L-analiżi turi li l-industrija tal-Unjoni rkuprat, sa ċertu punt, minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri kontra l-importazzjonijiet li jkunu oġġett tad-dumping u l-miżuri fis-seħħ qed juru li huma effettivi.

6.2 L-elementi mikroekonomiċi

(j) L-istokkijiet

(86)     Iċ-ċifri ta’ hawn taћt jirrappreżentaw il-volum tal-istokkijiet fi tmiem kull perjodu.

Tabella 11

L-Istokkijiet tal-Għeluq

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

L-indiċi (2008=100) || 100 || 43 || 61 || 83

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(87)     L-investigazzjoni wriet li l-istokkijiet tal-industrija tal-Unjoni ma kinux indikatur rilevanti għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni minħabba li l-livell tal-istokkijiet ivarja fuq bażi staġjonali.

(k) Il-pagi

(88)     Tul il-perjodu kkunsidrat il-paga medja żdiedet bi 33 % għal kull impjegat.

Tabella 12

Pagi (spiża għal kull impjegat)

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

L-indiċi (2008=100) || 100 || 116 || 133 || 133

                   Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(l) Prezzijiet tal-bejgħ

(89)     Il-prezzijiet medji ta’ kull unità ta’ LAM fl-Unjoni żdiedu kemxejn bejn l-2008 u l-PIR. It-tnaqqis relattiv fl-2010 meta mqabbel mal-2009, huwa marbut mal-flutwazzjoni fil-prezzijiet tal-materja prima.

Tabella 13

Il-prezz unitarju tas-suq tal-UE (EUR għal 000 biċċa)

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

L-indiċi (2008=100) || 100 || 103 || 101 || 104

Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(m) Il-profittabbiltà

(90)     Il-marġnijiet tal-profittabbiltà li jidhru hawn taħt ġew stabbiliti billi ġie espress ir-riżultat finanzjarju miksub mill-industrija tal-Unjoni bħala perċentwali tal-fatturat miksub fis-suq tal-Unjoni.

Tabella 14

Il-Profittabbiltà

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

L-indiċi (2008=100) || 100 || 107 || 105 || 104

         Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(91)     Qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fl-2006, l-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf kbir. Minn dakinhar, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-LAM tjiebet tul il-perjodu kkunsidrat, iżda madankollu baqgħet taħt il-profitt fil-mira ta’ 5 % stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali tul il-PIR.

(n) Investimenti, redditu fuq l-investimenti u fluss tal-flus

(92)     Ix-xejriet tal-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-fluss tal-flus jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt.

Tabella 15

Investimenti, redditu fuq l-investimenti u fluss tal-flus

|| 2008 || 2009 || 2010 || PIR

L-investimenti || || || ||

L-indiċi (2008=100) || 100 || 152 || 41 || 51

Ir-redditu fuq l-investiment || || || ||

L-indiċi (2008=100) || 100 || 111 || 109 || 108

Il-fluss tal-flus || || || ||

L-indiċi (2008=100) || 100 || 291 || 247 || 236

         Sors : Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(93)     Minħabba l-irkupru wara l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2006, l-industrija għamlet investimenti sinifikanti fil-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-faċilità tal-produzzjoni, partikolarment fl-2008 u l-2009. Il-profittabbiltà mtejba hija riflessa wkoll fil-fluss tal-flus imtejjeb.

(o) L-abbiltà li jiżdied il-kapital

(94)     L-investigazzjoni ma żvelatx problemi partikolari fl-abbiltà tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-kapital.

6.3. Il-konklużjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(95)     Skont l-analiżi msemmija hawn fuq, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni tjiebet u l-industrija qed turi li hi vijabbli wara l-impożizzjoni tal-miżuri tal-2006. Madankollu, meta wieħed jikkunsidra li l-iżviluppi pożittivi li ssemmew hawn fuq seħħew biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-impjiegi qed jonqsu u l-profittabbiltà għadha aktar baxxa mil-livell fil-mira għaliha, huwa kkunsidrat li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija għadha fraġli u vulnerabbli. Jista' għalhekk jiġi konkluż li l-evidenza tissuġġerixxi li t-tneħħija tal-ħsara hija parzjalment jew esklużivament minħabba l-eżistenza tal-miżuri.

G. IL-PROBABBILTÀ TA' RIKORRENZA TAL-ĦSARA

(96)     Mill-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ, is-sitwazzjoni tal-industrija tjiebet kunsiderevolment. Madankollu, is-sejbiet tal-analiżi attwali juru li l-industrija tal-Unjoni għadha fraġli u vulnerabbli.

(97)     Taħt ċirkostanzi bħal dawn huwa xieraq li ssir analiżi tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tal-ħsara materjali sabiex jiġi eżaminat jekk – f’każ li l-miżuri jiġu revokati – l-iżviluppi maħsuba f’termini ta’ volumi u prezzijiet ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ ikomplux jiddeterjoraw is-sitwazzjoni attwali, kif inhu spjegat hawn taħt fil-premessi (98) sa (106).

(98)     Jeżistu żewġ produtturi ewlenin tal-LAM fid-dinja – ir-RPĊ u l-Unjoni. L-Unjoni hija l-akbar suq dinji għal-LAM, segwita mill-Amerika t’Isfel u r-Russja. Jeżistu produtturi żgħar f'pajjiżi oħrajn, bħall-Indja, iżda dawn jikkonċentraw fuq is-swieq domestiċi rispettivi tagħhom. L-Istati Uniti u l-Kanada jużaw sistemi ta’ ffajljar differenti.

(99)     Ta’ min ifakkar li teżisti kapaċità żejda sinifikanti fir-RPĊ u li l-produzzjoni tal-LAM fir-RPĊ tista’ tiżdied faċilment kif spjegat fil-premessi (45) sa (48) hawn fuq.

(100)   Huwa mfakkar ukoll li l-kapaċità żejda disponibbli fir-RPĊ, bejn wieħed u ieħor, tikkorrispondi għall-konsum tal-Unjoni (ara l-premessa (45) hawn fuq).

(101)   Kien stabbilit ukoll li ż-żieda fil-produzzjoni tal-LAM fir-RPĊ probabbilment tiġi esportata lejn l-Unjoni, jekk il-miżuri jiġu revokati (ara l-premessa (53) hawn fuq). Dan huwa bbażat fuq il-fatt li s-suq tal-UE għadu l-akbar suq dinji għal-LAM, b’konsum relattivament stabbli u minħabba l-fatt li l-prezzijiet prevalenti huma ġeneralment ogħla fis-suq tal-Unjoni milli fi swieq tal-esportazzjoni oħra (ara l-premessa (52) hawn fuq). Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li barra mill-Unjoni u r-RPĊ, m’hemmx pajjiżi esportaturi sinifikanti oħra li jipproduċu l-LAM.

(102)   Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa (41) hawn fuq, il-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ tista’ tiżdied faċilment bis-sempliċi forniment ta’ ħaddiema addizzjonali. Għalhekk, l-esportazzjonijiet tar-RPĊ ikunu jistgħu jakkomodaw kull żieda fil-konsum tal-Unjoni. Fid-dawl tal-prezz potenzjalment baxx tal-importazzjonijiet Ċiniżi, kif jidher mit-tqabbil mal-prezzijiet tagħhom għal swieq ta’ pajjiżi terzi, l-abbiltà li jidher li hija bla limitu ta’ provvista bi prezzijiet baxxi, huwa probabbli ħafna li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista’ tibbenefika miż-żieda fid-domanda, li jwassal għal telf importanti mis-sehem tas-suq, jekk il-miżuri jiġu revokati.

(103)   Abbażi ta’ dan, wieħed jista’ jistenna li ċ-ċirkostanzi ta’ kwalunkwe żieda sinifikanti futura ta' importazzjonijiet tal-LAM mir-RPĊ fl-Unjoni, ikollhom konsegwenzi negattivi serji fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Kif imsemmi hawn fuq, jekk il-miżuri jiġu revokati, il-volum tal-importazzjoni tal-LAM mir-RPĊ hu mistenni li jkun importanti. Barra minn hekk, dawk l-importazzjonijiet x’aktarx iwasslu għal pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, u għaldaqstant fuq l-industrija tal-Unjoni, kif issuġġerit mid-dejta dwar il-livell tal-prezzijiet fis-swieq ta’ pajjiżi terzi. Tabilħaqq, skont id-dejta disponibbli huwa stmat li huwa minnu li l-prezzijiet attwali taċ-Ċina jwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’madwar 20 % kif ġie deskritt fil-premessa (69) hawn fuq, li tenfasizza probabbiltà kbira li l-importazzjonijiet taċ-Ċina jsiru bi prezzijiet sostanzjalment aktar baxxi mill-prezzijiet tal-Unjoni, f’każ li l-miżuri jitneħħew.

(104)   Il-ġibda tal-esportaturi Ċiniżi għas-suq tal-Unjoni hija enfasizzata wkoll minn tentattivi ta’ klassifikazzjoni inkorretta biex jiġu evitati l-miżuri tal-anti-dumping fis-seħħ (premessa (55) hawn fuq).

(105)   Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, huwa probabbli li l-iskadenza tal-miżuri tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-LAM li joriġinaw mir-RPĊ tirriżulta f’żieda sostanzjali fil-volum ta’ importazzjonijiet fl-UE bi prezzijiet baxxi ħafna, u li huwa probabbli ħafna li dan iwaqqa’ b’mod sostanzjali l-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni. Dan jista’ jikkawża ħsara materjali u jikkanċella l-investiment u l-isforzi għall-irkupru li saru mill-industrija fil-passat.

(106)   Fuq din il-bażi, huwa konkluż li r-revoka tal-miżuri fis-seħħ għall-importazzjonijiet tal-LAM li joriġinaw mir-RPĊ, probabbilment tirriżulta fir-rikorrenza tal-ħsara lill-industrija tal-Unjoni..

H. L-INTERESS TAL-UNJONI

1.           Il-kumment preliminari

(107)   Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri tal-anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali.

(108)   Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażat fuq l-apprezzament tal-bosta interessi involuti, jiġifieri dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

(109)   Fl-investigazzjonijiet oriġinali, l-adozzjoni tal-miżuri ma kinitx meqjusa li hija kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, din l-investigazzjoni hija reviżjoni ta’ skadenza, u b'hekk tanalizza sitwazzjoni fejn il-miżuri tal-anti-dumping qegħdin fis-seħħ.

(110)   Abbażi ta' dan kien mistħarreġ jekk, minkejja l-konklużjoni dwar il-probabbiltà tar-rikorrenza ta' dumping u ta' ħsara, kienx hemm raġunijiet b'saħħithom li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri f'dan il-każ partikolari.

2.           L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(111)   It-tkomplija tal-miżuri tal-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat iżżid il-possibbiltà għall-industrija tal-Unjoni li tilħaq livell raġonevoli ta' profittabbiltà, billi tgħin sabiex ikun evitat li l-industrija tal-Unjoni titkeċċa mis-suq minn volumi sostanzjali ta' importazzjonijiet mir-RPĊ.

(112)   Tabilħaqq, hemm probabbiltà ċara ta’ rikorrenza ta' dumping ta’ ħsara f'volumi sostanzjali, li huwa żgur li l-industrija tal-Unjoni ma tiflaħx għalih. Għaldaqstant, l-industrija tal-Unjoni tkompli tibbenefika miż-żamma tal-miżuri tal-anti-dumping attwali.

(113)   Għalhekk ġie konkluż li huwa ċar li ż-żamma tal-miżuri tal-anti-dumping kontra r-RPĊ, tkun fl-interess ċar tal-industrija tal-Unjoni.

3.           L-interess tal-importaturi u l-utenti

(114)   Kif inhu indikat hawn fuq, l-ebda importaturi minn dawk mhux relatati u identifikati ma ressaq tweġibiet għall-kwestjonarji. L-importaturi tal-LAM, normalment ikunu wkoll utenti tal-prodott ikkonċernat billi jużawh għall-produzzjoni tal-fajls li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva (“LAF”).

(115)   Diversi utenti, jiġifieri produtturi tal-LAF, ippreżentaw ruħhom tul l-investigazzjoni. Utent wieħed biss provda tweġiba għall-kwestjonarju li, minħabba l-kwalità tad-dejta mressqa, setgħet tiġi vverifikata biss sa ċertu punt waqt iż-żjara ta’ verifika.

(116)   L-utent li ġie verifikat, iddikjara li l-miżuri anti-dumping għandhom jiġu imposti wkoll fuq l-importazzjonijiet tal-LAF mir-RPĊ. Iżda, dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux issostanzjati b’evidenza ta’ appoġġ.

(117)   Żewġ utenti esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għaż-żamma tal-miżuri. Madankollu, l-allegazzjonijiet tagħhom ma kinux sostanzjati.

(118)   Min-naħa l-oħra, l-analiżi wriet ukoll li jekk iċ-Ċina ssir l-uniku fornitur tal-LAM minħabba r-revoka tal-miżuri, il-pożizzjoni tal-produtturi tal-fajls li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva tkun ipperikolata wkoll minħabba li ma jkunx hemm kompetizzjoni fis-suq dinji tal-LAM. Kien għalhekk ikkunsidrat li l-miżuri eżistenti jikkontribwixxu għall-varjetà fil-provvista u l-kompetizzjoni fis-suq dinji tal-LAM, li fl-aħħar mill-aħħar huma fl-interess tal-utenti.

(119)   Tliet utenti oħra li jużaw biss il-LAM prodotti fl-Unjoni baqgħu newtrali u wieħed minnhom esprima l-appoġġ tiegħu għaż-żamma tal-miżuri.

(120)   Minħabba li l-ispiża tal-LAM tirrappreżenta perċentwal minimu tal-prezz bl-imnut tal-LAF, il-miżuri prattikament ma għandhomx effett, jekk ikun hemm effett, fuq il-prezz tal-prodott finali (LAF), u għaldaqstant ma għandhomx impatt fuq il-konsumaturi finali.

4.           Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(121)   Wara li ġew ikkunsidrati l-fatturi kollha deskritti hawn fuq, ġie konkluż li ma hemmx raġunijiet sodi biżżejjed kontra ż-żamma tal-miżuri anti-dumping attwali.

I. IL-MIŻURI ANTI-DUMPING

(122)   Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet, li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Il-kummenti u s-sottomissjonijiet ġew analizzati iżda ma wasslux għal bidla fil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom ġie deċiż li jinżammu l-miżuri tal-anti-dumping.

(123)   Minn dak li ntqal fuq jirriżulta, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li l-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva u li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.           B’dan qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva u li ġeneralment jintużaw għall-arkivjar ta’ karti u dokumenti oħra f’binders jew f’fajls li attwalment għandhom il-kodiċi NM ex 8305 10 00 (il-kodiċi TARIC 8305 10 00 50) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-mekkaniżmi li jinfetħu u jingħalqu bil-lieva jkunu magħmulin minn elementi tal-metall robusti (normalment tnejn) f’forma ta’ arkata fuq pjanċa tad-dahar u li jkollhom tal-anqas molla waħda tal-ftuħ li tippermetti li jiddaħħlu u jiġu ffajljati l-karti u d-dokumenti l-oħra.

2.           Ir-rata tad-dazju tal-anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

Il-Manifattur || Id-dazju anti-dumping || Il-Kodiċi addizzjonali TARIC

Dongguan Nanzha Leco Stationary The First Industrial Camp, Nanzha, Humen, Dongguan, iċ-Ċina || 27,1% || A729

Il-kumpaniji l-oħra kollha || 47,4% || A999

3.           Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fir-rigward tad-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2]               ĠU L 205, 27.7.2006, p. 1.

[3]               ĠU C 5, 8.1.2011, p. 11.

[4]               ĠU C 217, 23.7.2011, p. 35.