Proposta emendata għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq (imressqa skont l-Artikolu 293(2) TFUE) /* COM/2012/0420 final - 2011/0297 (COD) */
1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Fl-20 ta' Ottubru 2011,
il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni
privileġġata u manipulazzjoni tas-suq. Din il-proposta ġiet ippreżentata
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-20 ta’ Ottubru 2011.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu
fit-28 ta' Marzu 2012. Minn Marzu 2011, bdew jitwettqu
investigazzjonijiet fir-rigward ta' manipulazzjoni possibbli, minn għadd
ta' banek, tar-rati ta' referenza EURIBOR u LIBOR għas-self interbankarju.
Kien hemm suspett li l-banek kienu pprovdew stimi tar-rata ta' imgħax, li
biha kienu jaċċettaw offerti ta' finanzjament, li kienu differenti
mir-rata li kieku kienu jaċċettaw fil-prattika. B'riżultat ta'
dan, seta' ġie alterat l-livell tar-rati EURIBOR u LIBOR, li jintużaw
bħala referenza għat-teħid b'self u bħala referenza
għall-ipprezzar ta' diversi strumenti finanzjarji, bħal swaps tar-rata
tal-imgħax, u setgħet ġiet ippreġudikata l-integrità ta’
EURIBOR jew LIBOR. Barra minn hekk, l-istimi tal-banek kontributuri individwali
pprovdew informazzjoni qarrieqa lis-suq dwar il-kostijiet probabbli
tagħhom ta' finanzjament. Il-Kummissjoni vvalutat jekk il-manipulazzjoni
possibbli tal-parametri ta' referenza inklużi l-LIBOR u l-EURIBOR tkunx
koperta bil-proposta tagħha għal Regolament dwar l-abbuż minn
informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u l-proposta
relatata għal Direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għal
abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq,
adottati f'Ottubru 2011. Il-Parlament Ewropew wkoll enfasizza l-importanza ta'
din il-kwistjoni. Billi l-parametri ta' referenza bħalissa mhuma koperti
mill-ebda waħda mill-proposti, il-Kummissjoni kkonkludiet li
manipulazzjoni diretta ta' parametri ta' referenza mhija koperta mill-kamp ta'
applikazzjoni tal-ebda waħda mill-proposti. Filwaqt li jista' jkun diffiċli jew
impossibbli għal awtorità kompetenti biex turi li l-manipulazzjoni ta'
parametru ta' referenza kellha effett fuq il-prezz ta' strumenti finanzjarji
relatati, kwalunkwe manipulazzjoni effettiva jew tentattiv ta' manipulazzjoni
ta' parametri importanti jistgħu jkollhom impatt serju fuq il-fiduċja
fis-suq u jistgħu jirriżultaw f'telf sinifikanti għall-investituri
u distorsjonijiet tal-ekonomija reali, minħabba l-użu wiesa' ta'
indiċijiet ta' parametri ta' referenza bħala rata ta' referenza
pereżempju, għal swaps tar-rata tal-imgħax u ipoteki b'rati
varjabbli. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi ċċarat li
l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jimponu sanzjonijiet
amministrattivi fir-rigward tar-reat ta' manipulazzjoni tas-suq f’dawn
il-każijiet, mingħajr il-ħtieġa ta' ppruvar jew li juru
kwistjonijiet inċidentali bħall-effetti fuq il-prezzijiet. Huwa wkoll
essenzjali li jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex tkun evitata
tali manipulazzjoni u sabiex jippermettu u jiffaċilitaw il-ħidma
tal-awtoritajiet kompetenti fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet. Qafas legali
strett se jaġixxi bħala deterrent kredibbli għal dan it-tip ta'
mġiba, u b'hekk jiġu protetti l-investituri u titrawwem
mill-ġdid il-fiduċja fis-suq. Dawn il-passi regolatorji għandhom
jinkludu sanzjonijiet kriminali. Għalhekk, sabiex tkopri l-manipulazzjoni
tal-parametri ta' referenza u sabiex tiżgura li l-manipulazzjoni
intenzjonali tal-parametri ta' referenza titqies bħala reat kriminali,
il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-proposta tagħha għal
Direttiva. 2. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 2.1. Bażi legali Il-proposta emendata hija bbażata fuq
l-Artikolu 83(2) tat-TFUE u qed titressaq skont l-Artikolu 293(2)
tat-TFUE. 2.2. Sussidjarjetà u
proporzjonalità Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà
(l-Artikolu 5(3) tat-TFUE), għandha tittieħed azzjoni fuq livell
tal-Unjoni biss meta l-għanijiet previsti ma jistgħux jintlaħqu
b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk,
minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu
jinkisbu aħjar mill-Unjoni. Id-dimensjoni transfruntiera ta' bosta
parametri ta' referenza u l-entitajiet li jikkontribwixxu dejta lejn dawn
l-parametri ta' referenza, kif ukoll in-natura internazzjonali ta' bosta
strumenti finanzjarji li jistgħu jiġu affettwati minn kwalunkwe
manipulazzjoni ta’ parametri ta' referenza, ifisser li hemm riskju reali li
reazzjonijiet għal manipulazzjoni ta’ parametri ta' referenza fuq livell
nazzjonali jkunu jistgħu jiġu evitati jew isiru ineffettivi
f'każ ta' nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni. F’dan l-isfond,
l-azzjoni tal-UE tidher xierqa f’termini tal-prinċipju tas-sussidjaretà. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità
jesiġi li kwalunkwe intervent ikun immirat u ma jmurx lil hinn minn dak li
huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi. Dan il-prinċipju iggwida
l-abbozzar ta' din il-proposta. 2.3. Spjega dettaljata
tal-proposta It-tibdiliet għall-proposta għal
Direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn
informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq li huma
meħtieġa huma kif ġej: ·
Emenda għad-definizzjonijiet (l-Artikolu 2)
sabiex tiġi inkluża definizzjoni ta' parametri ta' referenza; ·
Emenda tar-reat ta’ manipulazzjoni tas-suq
(l-Artikolu 4) biex ikopri l-manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza
stess; ·
L-emenda tar-reat ta’ "Inċitament,
għajnuna u kompliċità, u tentattiv" (l-Artikolu 5) sabiex
jiġu inklużi dawn it-tipi ta' mġiba fir-rigward
tal-manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza. 3. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI Il-proposta emendata ma għandha l-ebda
implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva
dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni
privileġġata u manipulazzjoni tas-suq, COM(2011) 654 finali,
hija emendata kif ġej: 1. Fl-Artikolu 2, jiżdied
il-punt 3 li ġej: “3. “Parametru ta' referenza"
tfisser kwalunkwe indiċi kummerċjali jew ċifra ppubblikata
kkalkulata bl-applikazzjoni ta’ formula għall-valur ta’ assi jew prezz
sottostanti wieħed jew aktar, inklużi stimi tal-prezzijiet, tar-rati
tal-imgħax jew ta' valuri oħra, jew stħarriġ li b’referenza
għalihom jiġi determinat l-ammont li għandu jitħallas
taħt strument finanzjarju.” 2. Fl-Artikolu 4, jiżdied
il-punt (e) li ġej: “(e) it-trażmissjoni ta'
informazzjoni falza jew qarrieqa, il-forniment ta' inputs foloz jew qarrieqa,
jew kwalunkwe attività oħra ekwivalenti li intenzjonalment timmanipula
l-kalkolu ta' parametru ta' referenza.” 3. L-Artikolu 5(2) jinbidel
b’dan li ġej: “2. L-Istati Membri għandhom jieħdu
l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li t-tentattiv biex
jitwettaq xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 3(a) u fl-Artikolu 4(a),
(b) u (c) u (e) ikun punibbli bħala
reat kriminali." Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President