52012PC0407

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 /* COM/2012/0407 final - 2012/0199 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura nħolqu fl-1985 bħala inizjattiva intergovernattiva. Ġew trasformati uffiċjalment f’azzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-1999 sabiex l-inizjattiva ssir aktar effettiva. Ġew stabbiliti kriterji u proċeduri ta’ għażla ġodda, tfasslet lista kronoloġika tal-Istati Membri li turi l-ordni li fiha huma intitolati li jospitaw it-titolu, u nħoloq bord Ewropew ta’ esperti indipendenti biex jevalwa l-applikazzjonijiet (Id-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 li tistabbilixxi azzjoni tal-Komunità għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2005 sa 2019). Fl-2006 ġew imġedda r-regoli sabiex tiġi żviluppata aktar l-effikaċja tal-inizjattiva permezz tal-istimolu tal-kompetizzjoni bejn l-ibliet u t-trawwim tal-kwalità tal-offerti. Dawn ir-regoli ġodda introduċew ukoll diversi miżuri bħala għajnuna lill-ibliet fit-tħejjija tagħhom, inkluż proċess ta’ monitoraġġ (Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2007 sa 2019).

Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE se tintemm fl-2019. Il-kompetizzjoni għat-titolu bħalissa titnieda sitt snin bil-quddiem sabiex l-ibliet ikollhom żmien biżżejjed għall-preparazzjoni tagħhom qabel il-bidu tas-sena tat-titolu. Għalhekk, il-bażi legali l-ġdida għat-tkomplija tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għandha tiġi adottata fl-2013 sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel fl-2020.

2.           EVALWAZZJONIJIET, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U D-DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-proposta għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura wara l-2019 tissejjes fuq firxa wiesgħa ta’ kontributi.

Mill-2007 lil hawn, il-Kummissjoni tiżgura l-evalwazzjoni esterna u indipendenti ta’ kull Kapitali Ewropea tal-Kultura. S'issa ġew evalwati l-Kapitali tal-2007-2010 u nbdiet l-evalwazzjoni tal-2011. Qabel dan il-Kapitali Ewropej tal-Kultura 1995 - 2004 kienu ġew evalwati esternament f’rapport wieħed. Il-Kummissjoni kkummissjonat ukoll evalwazzjoni tal-proċeduri ta’ għażla u monitoraġġ introdotti bid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE.

Saret konsultazzjoni onlajn bejn is-27 ta’ Ottubru 2010 u t-12 ta’ Jannar 2011 u waslu 212-il tweġiba. Wara din il-konsultazzjoni onlajn kien hemm laqgħa pubblika li seħħet fi Brussell fit-2 ta’ Marzu 2011 u li għaliha attendew aktar minn 200 ruħ inkluża maġġoranza kbira ta’ rappreżentanti ta' awtoritajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet.

Saru wkoll kontributi importanti fir-rigward tal-ġejjieni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura permezz tar-rapport dwar l-inizjattiva proprja adottat mill-Kumitat tar-Reġjuni fi Frar 2012 u permezz tal-konferenza tal-25 anniversarju tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura organizzata fi Brussell f'Marzu 2010 u li ġabret flimkien aktar minn 50 belt kapitali tal-passat, tal-preżent u tal-ġejjieni jew bliet li tefgħu offerta u 500 parteċipant.

Huwa importanti li wieħed jinnota li fuq il-kwistjonijiet ewlenin kollha kien hemm konverġenza wiesgħa bejn l-evidenza u d-dejta miġbura permezz tal-evalwazzjonijiet fuq naħa waħda u l-fehmiet espressi matul il-proċess ta’ konsultazzjoni min-naħa l-oħra. Dan ippermetta lill-Kummissjoni tasal għal għadd ta’ tagħlimiet importanti għall-ġejjieni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura.

Hemm qbil kbir li l-Kapitali huma azzjoni li rnexxiet, kif ukoll appoġġ qawwi ħafna għall-kontinwazzjoni tagħhom wara l-2019. Jirriżulta ċar li saru waħda milll-aktar inizjattivi kulturali ta’ ambizzjoni fl-Ewropa, kemm fl-ambitu kif ukoll fl-iskala. Saru wkoll waħda mill-iktar inizjattivi segwiti u prestiġjużi tal-Unjoni u probabbilment waħda mill-aktar inizjattivi apprezzati miċ-ċittadini Ewropej.

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura jistgħu jġibu ħafna benefiċċji għall-ibliet meta jiġu ppjanati bir-reqqa. Jibqgħu l-ewwel u qabel kollox avveniment kulturali, iżda jistgħu wkoll ikollhom benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti, partikolarment meta l-avveniment ikun imnaqqax bħala parti minn strateġija ta’ żvilupp fit-tul xprunata mill-kultura fil-belt u fir-reġjun ta’ madwarha. Ta’ min jinnota wkoll li għalkemm belt waħda biss f’kull Stat Membru tista’ tospita l-avveniment fi kwalunkwe sena partikolari, il-kompetizzjoni għandha effett ta’ lieva importanti fuq l-iżvilupp ta' politiki u strateġiji ġodda jew aktar effettivi anke fl-ibliet li ma jirbħux it-titolu.

Madankollu, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma wkoll ta’ sfida kbira. L-organizzazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet kulturali għal sena sħiħa mhix xi ħaġa faċli u xi Kapitali kellhom suċċess aktar minn oħrajn fl-isfruttament tal-potenzjal tat-titolu. L-isfida ewlenija għall-ġejjieni għalhekk se tkun li jissuktaw l-isforzi fuq il-punti ta’ saħħa tal-iskema attwali, filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm għajnuna għal kull Kapitali biex tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tat-titolu u tottimizza l-benefiċċji soċjali, kulturali u ekonomiċi.

Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet u tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni identifikat ħames problemi ewlenin iffaċċjati mill-ibliet fil-preparazzjoni tagħhom għat-titolu:

· L-aktar diffikultà komuni s’issa kienet l-effett tal-politika nazzjonali u lokali fuq il-baġits, li jeħtieġ li jkunu stabbli kemm jista’ jkun bejn l-istadji tat-tfigħ tal-offerti u dawk finali, kif ukoll l-impatt tal-politika fuq aspetti oħrajn tal-organizzazzjoni tal-avveniment. L-appoġġ politiku huwa fundamentali billi l-biċċa l-kbira tal-fondi huma pubbliċi, u mingħajru belt ma jistax ikollha offerta kredibbli, iżda fl-istess ħin it-tim ta’ implimentazzjoni jeħtieġ ir-rispett tal-indipendenza artistika tiegħu biex titħares il-kredibilità tal-avveniment.

· L-evalwazzjonijiet ukoll urew fil-passat li fi wħud mill-Kapitali tal-imgħoddi, id-dimensjoni Ewropea ma kinitx mifhuma sewwa u setgħet kienet aktar prominenti.

· Diversi bliet naqsu milli jinkorporaw it-titolu fi strateġija fit-tul u minħabba f’hekk ma rnexxielhomx jiżguraw il-wirt tat-titolu fil-belt.

· Għad hemm nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ kejl stabbiliti mill-ibliet infushom u għalhekk ta’ dejta primarja dwar l-impatti tat-titolu. Dan jagħmel it-tqabbil bejn il-Kapitali diffiċli u jdgħajjef it-trasferiment tal-esperjenza.

· Fl-aħħar nett, ħafna mill-Istati Membri diġà ospitaw it-titolu f’diversi okkażjonijiet u xi wħud minnhom għandhom biss numru limitat ta’ kandidati realistiċi għal avveniment fuq skala kbira bħal dak tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura. L-organizzazzjoni tat-titolu jista’ jkollha effetti negattivi qawwija fuq belt li għandha kapaċitajiet limitati wisq u l-għażla ta’ Kapitali dgħajfa twassal għar-riskju li ssir ħsara għall-prestiġju u l-valur tal-marka tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tul iż-żmien.

Abbażi ta’ dan, ġew ittestjati tliet għażliet għall-ġejjieni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura wara l-2019:

· (1) it-tkomplija tal-azzjoni b’bażi legali identika għal dik tad-deċiżjoni preżenti li magħha jkollha mehmuża sempliċiment lista kronoloġika ġdida tal-Istati Membri;

· (2) it-tmiem tal-azzjoni;

· (3) it-tkomplija tal-azzjoni b’bażi legali ġdida li tindirizza l-problemi ffaċċjati li jeżistu bid-Deċiżjoni attwali. Għal din it-tielet għażla ġew ittestjati żewġ subgħażliet:

– (3a) tinthemeż lista kronoloġika ġdida tal-Istati Membri;

– (3b) jingħata t-titolu abbażi ta’ kompetizzjoni miftuħa.

Għal kull għażla ġew eżaminati l-impatti kulturali, ekonomiċi, soċjali u ambjentali varji. L-għażliet imbagħad ġew evalwati u klassifikati skont l-effikaċja tagħhom f’termini tal-ksib tal-għanijiet tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, l-effiċjenza tagħhom, l-ispejjeż u l-piż amministrattiv tagħhom, il-koerenza tagħhom mal-għanijiet politiċi usa’ tal-Unjoni u s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet tagħhom ma’ għanijiet oħra tal-Unjoni, u l-fattibilità tagħhom.

L-għażla bl-iktar evalwazzjoni ġenerali pożittiva hija l-għażla 3a, jiġifieri bażi legali ġdida b’lista kronoloġika tal-Istati Membri. Din l-għażla ġabet marka ogħla mill-għażliet l-oħra kollha u kienet klassifikata bħala l-għażla preferuta.

Ir-riżultati ewlenin tal-evalwazzjonijiet u tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll ir-raġunament li sar għat-tqabbil tal-għażliet jinsabu fil-qosor f’Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ din il-proposta.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma bbażati fuq l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-artikolu jagħti lill-UE l-mandat li “tikkontribwixxi biex il-kulturi tal-Istati Membri jiffjorixxu, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt twassal biex il-wirt kulturali komuni jinġieb ’il quddiem”. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll tinkoraġġixxi l-"kooperazzjoni bejn l-Istati Membri” fil-qasam tal-kultura u “jekk ikun meħtieġ, tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom”.

Skont l-artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bid-deċiżjoni l-ġdida d-deżinjazzjoni uffiċjali tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura li tifformalizza r-rakkomandazzjonijiet magħmula minn bord Ewropew ta’ esperti indipendenti għandha ssir mill-Kummissjoni.

Il-proposta hija f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-livell ewlieni tal-azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura jibqa’ fil-livell lokali u nazzjonali. Madankollu, l-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjoni pubblika wrew li l-Unjoni għandha rwol kruċjali x’taqdi fil-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u biex tiżgura l-applikazzjoni ta’ kriterji komuni, ċari u trasparenti, kif ukoll rigward il-proċeduri ta’ għażla u monitoraġġ għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura. L-Unjoni se tappoġġja wkoll il-preparazzjoni tal-ibliet magħżula permezz tar-rakkomandazzjonijiet tal-bord ta’ esperti Ewropej, l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-ibliet u kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma tal-Premju Melina Mercouri.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Kif kien diġà l-każ bid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE, il-proposta tal-Kummissjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

Il-perjodu kopert mill-proposta se jikkoinċidi ma’ diversi oqfsa finanzjarji multiannwali. Għall-qafas finanzjarju 2014-2020, l-aspetti finanzjarji fir-rigward tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, inkluż il-Premju Melina Mercouri, l-ispejjeż tal-bord ta’ esperti Ewropej, il-prominenza tal-azzjoni fil-livell Ewropew u r-riżorsi umani meħtieġa fi ħdan il-Kummissjoni biex tappoġġa l-azzjoni, se jiġu koperti fil-qafas Programm Kreattiv għall-Ewropa.

Għas-snin ta’ wara l-2020, l-aspetti legali u finanzjarji tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura se jkunu direttament marbuta mad-dispożizzjonijiet inklużi fl-oqfsa finanzjarji multiannwali tal-ġejjieni, u abbażi ta’ dan, għandhom ukoll jiġu trattati fil-qafas tal-programmi rispettivi ta’ appoġġ kulturali tal-Unjoni.

5.           SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI

Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet u tal-konsultazzjoni pubblika, il-proposta għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura wara l-2019 iżżomm il-karatteristiċi ewlenin u l-istruttura ġenerali tal-iskema attwali:

· It-titolu ser ikompli jingħata abbażi ta’ lista kronoloġika tal-Istati Membri. Din is-sistema rotatorja wriet li hija l-unika sistema li żgurat opportunità ugwali għal kull Stat Membru biex jospita t-titolu u bilanċ ġeografiku fil-lokazzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, u għalhekk l-opportunità għall-Unjoni li tenfasizza d-diversità tal-kulturi Ewropej u biex il-pubbliku madwar l-Ewropa jaqsam f’dan l-avveniment mill-qrib.

· It-titolu se jibqa’ jkun riżervat għall-ibliet. L-ibliet se jkomplu jkollhom il-possibilità li jinvolvu r-reġjun ta’ madwarhom sabiex jilħqu pubbliku usa’ u jamplifikaw l-impatti, iżda l-esperjenza tal-passat uriet li t-tmexxija ċara ta’ belt waħda hija l-muftieħ għas-suċċess.

· L-attribuzzjoni tat-titolu se tkompli tkun ibbażata fuq programm kulturali maħluq speċifikament għas-sena tat-titolu sabiex titrawwem dimensjoni Ewropea qawwija.

· Il-proċess ta’ għażla fuq żewġ stadji mwettaq minn bord Ewropew ta’ esperti indipendenti wera li huwa ġust u trasparenti u se jissokta. Dan ippermetta f’xi bliet partikolari li jitjiebu l-applikazzjonijiet tagħhom bejn il-fażi ta’ preselezzjoni u dik tal-għażla finali abbażi ta’ parir espert mill-bord.

· It-titolu se jkompli jingħata għal sena sħiħa biex jibqa’ distintiv u ambizzjuż.

Fl-istess ħin, qed jiġu proposti għadd ta’ titjibiet biex jiġu indirizzati l-problemi ffaċċjati bid-Deċiżjoni attwali u biex il-bliet kollha jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ it-titolu. Il-bidliet ewlenin introdotti bil-bażi legali l-ġdida huma dawn li ġejjin:

· Il-kriterji saru aktar espliċiti biex jagħtu aktar gwida lill-ibliet kandidati u li jistgħu jitkejlu aktar biex il-bord tal-esperti jsibu għajnuna fl-għażla u fil-monitoraġġ tal-ibliet. Ingħatat attenzjoni speċjali biex jiġi ottimizzat l-effett ta’ lieva potenzjali tal-inizjattiva fuq l-istimolu tal-istrateġiji ta’ żvilupp fit-tul ibbażati fuq il-kultura lokali, biex tiġi żgurata l-kapaċità tal-ibliet kandidati li jospitaw it-titolu, biex tingħata spinta lid-dimensjoni Ewropea u lill-viżibilità tal-programmi kulturali, biex tiġi żgurata kwalità għolja ta’ kontenut kulturali u artistiku, biex titrawwem parteċipazzjoni kbira tal-popolazzjonijiet lokali u biex kemm jista’ jkun tiġi żgurata l-istabbilità tal-baġits u l-indipendenza tat-timijiet artistiċi.

· Issaħħet il-kondizzjonalità tal-Premju Melina Mercouri. Barra minn hekk, il-Premju mhux se jibqa’ jitħallas tliet xhur qabel il-bidu tas-sena tat-titolu, iżda matul in-nofs tas-sena stess sabiex jiġi aċċertat li l-ibliet iżommu l-impenji tagħhom rigward, b’mod partikolari, il-finanzjament, il-programmazzjoni u l-viżibilità tal-Unjoni.

· Hu mistqarr espliċitament li l-bord Ewropew mhuwiex obbligat li jagħti rakkomandazzjoni pożittiva jekk l-ebda offerta ma tissodisfa l-kriterji.

· Il-miżuri anċillari li jappoġġjaw l-ibliet matul il-perjodu ta’ preparazzjoni wara r-rebħ tat-titolu ġew imsaħħa biex l-ibliet ikollhom aktar appoġġ u gwida. Ġiet introdotta laqgħa ta’ monitoraġġ addizzjonali, iż-żjarat tal-ibliet mill-membri tal-bord se jkunu aktar sistematiċi u se jissaħħaħ l-iskambju tal-esperjenza u l-aħjar prassi bejn il-Kapitali tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni kif ukoll tal-ibliet kandidati.

· Ġew introdotti obbligi ġodda ta’ evalwazzjoni għall-ibliet infushom sabiex ikun hemm viżjoni aktar komprensiva tal-impatti tat-titolu u biex tiġi pprovduta dejta komparabbli.

· Fl-aħħar nett, qed jiġi propost li tinfetaħ mill-ġdid l-azzjoni għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali wara l-2019, kif kien il-każ sal-2010. L-esperjenza ta’ Sibiu 2007 u Istanbul 2010 fost l-oħrajn uriet li dan jista' jkun ta’ benefiċċju kemm għal dawn il-pajjiżi kif ukoll għall-Unjoni.

2012/0199 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[1]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jimmira għal unjoni dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa u jagħti lill-Unjoni Ewropea l-kompitu, inter alia, li tikkontribwixxi għat-tisbiq tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tagħti prominenza lill-patrimonju kulturali komuni. F’dan ir-rigward, l-Unjoni, fejn meħtieġ, tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri biex itejbu l-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej.

(2)       Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qed tiġi globalizzata[2], approvata mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura[3] tistabbilixxi l-għanijiet għal attivitajiet futuri tal-Unjoni fil-qasam tal-kultura. Dawn l-attivitajiet għandhom jippromwovu d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali. Għandhom jippromwovu wkoll il-kultura bħala katalizzatur għall-kreattività fil-qafas tat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll element vitali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

(3)       Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 stabbilixxiet azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019[4].

(4)       L-evalwazzjonijiet tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ġejjieni tal-azzjoni wara l-2019 jiżvelaw li l-Kapitali progressivament saru waħda mill-inizjattivi kulturali l-aktar ambizzjużi fl-Ewropa kif ukoll waħda mill-aktar apprezzati miċ-ċittadini Ewropej.

(5)       Barra mill-għanijiet oriġinali tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura li kienu li tiġi enfasizzata r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u l-karatteristiċi li jaqsmu bejniethom u li jiġi promoss għarfien reċiproku akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej, l-ibliet bit-titolu progressivament żiedu dimensjoni ġdida wkoll billi użaw l-effett ta’ lieva tat-titolu biex jistimulaw l-iżvilupp aktar ġenerali tal-belt.

(6)       Dawn l-għanijiet huma għal kollox konformi mal-għanijiet tal-Programm Ewropa Kreattiva[5] li għandu l-għan li jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, bil-għan li jsostni tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(7)       L-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjoni pubblika wrew li l-Kapitali Ewropej tal-Kultura għandhom bosta benefiċċji potenzjali meta jiġu ppjanati bir-reqqa. Jibqgħu l-ewwel u qabel kollox inizjattiva kulturali, iżda jistgħu wkoll ikollhom benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti, b’mod partikolari meta jiġu inkorporati bħala parti minn strateġija ta’ żvilupp fit-tul xprunata mill-kultura fil-belt.

(8)       Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma wkoll ta’ sfida kbira. L-organizzazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet kulturali għal sena sħiħa mhix xi ħaġa faċli u xi Kapitali kellhom suċċess aktar minn oħrajn fl-isfruttament tal-potenzjal. Għalhekk, l-azzjoni għandha tissaħħaħ biex tgħin l-ibliet kollha jisfruttaw bis-sħiħ it-titolu.

(9)       It-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandu jkompli jibqa’ riservat għal bliet, iżda biex jilħaq pubbliku usa’ u jikbru l-impatti, dawn l-ibliet għandhom ukoll ikomplu jkollhom il-possibilità li jinvolvu r-reġjun ta’ madwarhom.

(10)     L-għoti tat-titolu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura għandu jibqa’ jkun ibbażat fuq programm kulturali maħluq speċifikament għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura u li għandu jkollu dimensjoni Ewropea qawwija ħafna, iżda dan il-programm irid ikun parti minn strateġija fit-tul.

(11)     Il-proċess ta’ għażla fuq żewġ stadji bbażat fuq lista kronoloġika tal-Istati Membri u mwettaq minn bord Ewropew ta' esperti indipendenti wera li huwa ġust u trasparenti. Dan ippermetta li l-ibliet itejbu l-applikazzjonijiet tagħhom bejn il-fażi ta’ qabel l-għażla u l-aħħar fażi tal-għażla abbażi ta’ parir espert mill-bord, u żgura tqassim ġust ta’ Kapitali madwar l-Istati Membri kollha.

(12)     Il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu aktar espliċiti biex jagħtu aktar gwida lill-ibliet kandidati u li jistgħu jitkejlu aktar biex il-bord tal-esperti jsibu għajnuna fl-għażla u fil-monitoraġġ tal-ibliet. Huma għandhom partikolarment isaħħu l-wirt tat-titolu billi jippremjaw l-ibliet li żviluppaw strateġija ta’ politika kulturali fit-tul.

(13)     Il-fażi ta’ preparazzjoni bejn in-nomina ta’ belt u s-sena tat-titolu hija ta’ importanza kruċjali għas-suċċess ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura. Hemm qbil ġenerali fost il-partijiet interessati li l-miżuri anċillari introdotti bid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE kienu utli ħafna għall-ibliet. Dawn il-miżuri għandhom jiġu żviluppati aktar b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat u żjarat ta’ monitoraġġ aktar frekwenti fl-ibliet mill-membri tal-bord, u permezz ta’ skambju ta' esperjenza aktar sod bejn il-Kapitali tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni, kif ukoll bejn l-ibliet kandidati.

(14)     Il-premju Melina Mercouri kiseb valur simboliku qawwi li jmur lil hinn ħafna mill-ammont tal-premju li jista’ jingħata mill-Kummissjoni. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-ibliet nominati jissodisfaw l-impenji tagħhom, il-kondizzjonijiet għall-ħlas tal-premju għandhom ikunu aktar stretti u espliċiti.

(15)     Huwa importanti li l-ibliet jagħmluha ċara fil-materjal kollu ta’ komunikazzjoni tagħhom li l-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma inizjattiva tal-Unjoni.

(16)     L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni tar-riżultati tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-imgħoddi ma jistgħux jipprovdu dejta primarja dwar l-impatt tat-titolu u huma bbażati fuq dejta miġbura fil-livell lokali. Għalhekk, l-ibliet infushom għandhom ikunu l-atturi ewlenin fil-proċess tal-evalwazzjoni u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kejl effettivi.

(17)     L-esperjenza ta’ Sibiu 2007 u Istanbul 2010, fost oħrajn, uriet li l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati tista’ tikkontribwixxi biex jinġibdu aktar lejn l-Unjoni billi jiġu enfasizzati l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej. Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura għandha għalhekk tkun miftuħa mill-ġdid għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali wara l-2019.

(18)     Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u, partikolarment, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħatra tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, is-setgħat implimentattivi għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni.

(19)     Id-Deċiżjoni 1622/2006/KE għandha titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni. Id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom madankollu jkomplu japplikaw għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura kollha sal-2019 li kienu diġà nominati jew huma fil-proċess li jiġu nominati.

(20)     Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa, b’mod partikolari, ta’ kriterji u proċeduri komuni, ċari u trasparenti għall-għażla u l-monitoraġġ tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, kif ukoll ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri, u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

Artikolu 2

Għanijiet

1.           L-għanijiet ġenerali tal-azzjoni għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)     li tiġi salvagwardata u promossa d-diversità tal-kulturi Ewropej u jiġu enfasizzati l-aspetti komuni li għandhom bejniethom;

(b)     li titrawwem il-kontribuzzjoni tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-ibliet.

2.           L-għanijiet speċifiċi tal-azzjoni għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)     li ttejjeb il-medda, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea tal-offerta kulturali fl-ibliet, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali;

(b)     li tkabbar l-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura;

(c)     li ssaħħaħ il-kapaċità tas-settur kulturali u l-konnettività tiegħu ma’ setturi oħra;

(d)     li ttejjeb il-profil internazzjonali tal-ibliet permezz tal-kultura.

Artikolu 3

Aċċess għall-azzjoni

1.           L-ibliet fl-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jinħatru bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għal sena, fl-ordni stabbilita fl-Anness.

Il-ħatra għandha tapplika għal massimu ta’ belt waħda f’kull wieħed mill-Istati Membri li jidhru fil-lista.

2.           Fejn pajjiż jissieħeb fl-Unjoni wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti, il-lista msemmija fl-anness għandha tiġi aġġornata skont dan. Għalhekk l-ibliet f’dan il-pajjiż għandhom ikunu intitolati li jinħatru bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura skont l-istess regoli u proċeduri bħall-Istati Membri l-oħra.

Madankollu, billi l-kompetizzjoni għat-titolu għandha tibda sitt snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu biex l-ibliet ikollhom żmien biżżejjed għall-preparazzjoni tagħhom wara l-ħatra tagħhom, il-lista ma għandhiex tiġi aġġornata fil-każ ta’ pajjiżi li jaderixxu mal-Unjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2026.

Fejn belt tal-pajjiżi aderenti tkun diġà nħatret bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura matul il-perjodu mill-2020 sal-2033 bir-regoli u l-proċeduri għall-pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali kif stabbilit fil-paragrafu 3, il-lista ma għandhiex tiġi aġġornata.

3.           L-ibliet f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali għandhom ukoll ikollhom il-possibbiltà li japplikaw għat-titolu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-qafas ta’ kompetizzjoni miftuħa organizzata kull tielet sena fl-istess żmien mal-kompetizzjonijiet fiż-żewġ Stati Membri, b’konformità mal-kalendarju fl-anness.

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ibliet f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali huma stabbiliti fl-Artikolu 10.

Artikolu 4

Applikazzjonijiet

1.           Il-kompetizzjoni għat-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandha tkun miftuħa biss għall-ibliet. L-ibliet kandidati jistgħu jinvolvu r-reġjuni fil-madwar tagħhom. Madankollu, l-applikazzjonijiet għandhom isiru taħt l-isem tal-belt ewlenija u, jekk tingħażel, it-titolu jingħata lil din il-belt.

2.           Għandha titħejja formola ta’ applikazzjoni komuni bbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 mill-Kummissjoni li għandha tintuża mill-kandidati kollha.

3.           Kull applikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq programm kulturali b’dimensjoni Ewropea qawwija. Dan il-programm għandu jkun ta’ sena u għandu jinħoloq b’mod speċifiku għat-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, skont il-kriterji fl-Artikolu 5. Irid madankollu jkun parti integrali minn strateġija fit-tul għall-iżvilupp kulturali fil-belt.

Artikolu 5

Kriterji

Il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet jinqasmu f’sitt kategoriji: "strateġija fit-tul", "kapaċità ta’ rendiment", "kontenut kulturali u artistiku", "dimensjoni Ewropea", "komunikazzjoni" u "ġestjoni":

1.           Għal dik li hija "strateġija fit-tul", il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu eżaminati:

(a)     l-istrateġija għall-iżvilupp kulturali tal-belt fis-seħħ fiż-żmien tal-applikazzjoni, inklużi l-pjanijiet għall-governanza kulturali, u s-sostenn ta’ attivitajiet kulturali lil hinn mis-sena tat-titolu;

(b)     il-pjanijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur kulturali;

(c)     il-pjanijiet għat-tisħiħ fit-tul tar-rabtiet bejn is-settur kulturali u s-setturi ekonomiċi u soċjali fil-belt;

(d)     l-effetti kulturali, soċjali u ekonomiċi fit-tul li huwa previst li t-titolu jkollu fuq il-belt;

(e)     il-pjanijiet għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tat-titolu fuq il-belt.

2.           Għal dik li hija "kapaċità ta’ rendiment", l-ibliet kandidati għandhom juru li:

(a)     l-applikazzjoni għandha l-appoġġ politiku mill-partiti kollha;

(b)     il-belt għandha jew ser ikollha l-infrastruttura vjabbli u xierqa biex tospita t-titolu.           

3.           Għal dak li huwa "kontenut kulturali u artistiku", il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu eżaminati:

(a)     viżjoni artistika ċara u koerenti għall-programm kulturali tas-sena;

(b)     l-involviment ta’ artisti u organizzazzjonijiet kulturali lokali fil-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-programm kulturali;

(c)     il-firxa u d-diversità tal-attivitajiet proposti u l-kwalità artistika ġenerali tagħhom;

(d)     il-kapaċità li tgħaqqad il-forom tal-arti tradizzjonali u l-wirt kulturali lokali ma’ espressjonijiet kulturali ġodda, innovattivi u sperimentali.

4.           Għal dik li hija "dimensjoni Ewropea", il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu eżaminati:

(a)     l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li jippromwovu d-diversità kulturali tal-Ewropa;

(b)     l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li jenfasizzaw l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej, il-patrimonju u l-istorja, kif ukoll l-integrazzjoni Ewropea;

(c)     l-ambitu u l-kwalità tal-attivitajiet li fihom huma rrappreżentati l-artisti Ewropej, il-kooperazzjoni mal-operaturi jew l-ibliet f'pajjiżi differenti, u s-sħubiji transnazzjonali;

(d)     l-istrateġija biex jinġibed l-interess ta’ pubbliku Ewropew wiesa’.

5.           Għal dik li hija "komunikazzjoni", il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu eżaminati:

(a)     l-involviment tal-popolazzjoni lokali u s-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura;

(b)     il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda u sostenibbli għal firxa wiesgħa ta’ ċittadini biex jattendu jew jipparteċipaw f'attivitajiet kulturali, partikolarment iż-żgħażagħ u l-emarġinati u l-iżvantaġġjati, inklużi l-minoranzi. Attenzjoni speċjali għandha tingħata wkoll, fejn ikun possibli, għall-aċċessibbiltà ta’ dawn l-attivitajiet għall-persuni b'diżabilità u għall-anzjani;

(c)     l-istrateġija ġenerali għall-iżvilupp tal-udjenza, u partikolarment il-ħolqa mal-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-iskejjel.

6.           Għal dik li hija "ġestjoni", il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu eżaminati:

(a)     il-fattibbiltà tal-baġit propost. Dan il-baġit għandu jkopri l-fażi tat-tħejjija, is-sena tat-titolu fiha nnifsha u dispożizzjonijiet għal attivitajiet ta’ segwitu;

(b)     l-istruttura tal-governanza prevista u l-entità ta’ rendiment għall-implimentazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura;

(c)     il-proċedura tal-ħatra tad-direttur artistiku u l-kamp ta’ azzjoni tiegħu;

(d)     l-istrateġija ta’ komunikazzjoni, li għandha tkun komprensiva u għandha tenfasizza li l-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma inizjattiva tal-Unjoni.

Artikolu 6

Bord Ewropew

1.           Bord Ewropew ta’ esperti indipendenti ("Bord Ewropew") għandu jiġi stabbilit biex iwettaq il-proċeduri tal-għażla u l-monitoraġġ.

2.           Il-bord Ewropew għandu jkun jikkonsisti minn 10 membri. Dawn għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni. Huma għandhom ikunu esperti indipendenti b’esperjenza u kompetenza sostanzjali fis-settur kulturali, fl-iżvilupp kulturali tal-ibliet jew fl-organizzazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huma għandhom ukoll ikunu kapaċi jiddedikaw numru xieraq ta’ ġranet tax-xogħol fis-sena lill-bord Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tagħżel minn qabel grupp ta’ membri tal-bord potenzjali wara l-organizzazzjoni ta’ sejħa ta’ turija ta’ interess. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni sussegwentement għandhom jagħżlu tliet esperti kull wieħed minn dan il-grupp u jaħtruhom skont il-proċeduri rispettivi tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jagħżel espert u jaħtru/jaħtarha skont il-proċeduri tiegħu.

Kull istituzzjoni u entità għandha tfittex li tiżgura li l-kompetenzi tal-esperti li hija taħtar ikunu kemm jista’ jkun komplementari, u li dawk l-esperti jintgħażlu minn medda adegwatament ibbilanċjata ġeografikament.

Il-bord Ewropew għandu jinnomina l-president tiegħu.

3.           Il-membri tal-bord Ewropew għandhom jinħatru għal perjodu ta’ tliet snin. Iżda, b'deroga rigward l-ewwel bord li jrid jiġi stabbilit bid-Deċiżjoni preżenti, il-Parlament Ewropew għandu jaħtar it-tliet esperti tiegħu għal tliet snin, il-Kunsill għal sena, il-Kummissjoni għal sentejn u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jaħtar l-espert tiegħu għal sena sabiex ikun hemm sostituzzjoni rateali tal-membri tal-bord u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ esperjenza u know-how bħala konsegwenza kieku l-membri kollha kellhom jinbidlu simultanjament.

4.           Il-membri tal-bord Ewropew għandhom jiddikjaraw kwalunkwe konflitt ta’ interess attwali jew potenzjali fir-rigward ta’ belt kandidata speċifika. F’każ ta' dikjarazzjoni bħal din minn membru, jew jekk jiġi żvelat tali kunflitt ta’ interess, dak il-membru ma għandux jipparteċipa fil-proċedura tal-għażla għall-Istat Membru konċernat jew, skont il-każ, fil-proċedura tal-għażla għal pajjiżi kandidati jew pajjiżi kandidati potenzjali. Il-membru kkonċernat ma għandux jinbidel għal din il-proċedura u l-għażla għandha ssir mill-bqija tal-membri tal-bord Ewropew.

5.           Ir-rapporti kollha tal-bord Ewropew għandhom isiru pubbliċi fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet fl-Istati Membri

1.           Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-ibliet tiegħu f’konformità mal-kalendarju fl-anness.

2.           L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sejħa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet sitt snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu.

Kull sejħa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, immirata lejn l-ibliet kandidati għat-titolu, għandha tuża l-formola ta’ applikazzjoni komuni msemmija fl-Artikolu 4(2).

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal kull sejħa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun skedata 10 xhur wara li tiġi pubblikata.

3.           L-applikazzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni mill-Istat Membru konċernat.

Artikolu 8

Preselezzjoni fl-Istati Membri

1.           Kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu jlaqqa’ l-bord Ewropew għal laqgħa ta’ qabel l-għażla mal-ibliet kandidati ħames snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu.

2.           Il-bord Ewropew għandu jevalwa l-applikazzjonijiet skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5. Huwa għandu jilħaq ftehim dwar lista mqassra ta’ bliet kandidati li għandhom ikomplu jiġu kunsidrati u joħroġ rapport dwar l-applikazzjonijiet tal-ibliet kandidati u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-ibliet kandidati tal-lista mqassra.

3.           Il-bord Ewropew għandu jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni. Kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu japprova formalment il-lista mqassra bbażata fuq ir-rapporti tal-bord.

Artikolu 9

Għażla fl-Istati Membri

1.           L-ibliet kandidati fil-lista mqassra għandhom ilestu l-applikazzjonijiet tagħhom skont il-kriterji u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-bord matul il-laqgħa ta’ qabel l-għażla u jibagħtuhom lill-Istati Membri konċernati, li għandhom imbagħad jgħadduhom lill-Kummissjoni.

2.           Kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu jlaqqa’ l-bord Ewropew għal laqgħa ta’ għażla finali mal-ibliet kandidati fil-lista mqassra disa’ xhur wara l-laqgħa ta’ preselezzjoni.

3.           Il-bord Ewropew għandu jevalwa l-applikazzjonijiet kompletati.

4.           Il-bord Ewropew għandu joħroġ rapport dwar l-applikazzjonijiet b'rakkomandazzjoni għan-nomina ta’ belt waħda fl-Istat Membru konċernat bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Madankollu, jekk ebda belt kandidata ma tissodisfa l-kriterji, il-bord Ewropew jista’ jirrakkomanda li dik is-sena ma jingħatax it-titolu.

Ir-rapport għandu jkollu wkoll rakkomandazzjonijiet lill-belt rakkommandata dwar il-progress li jrid isir sas-sena tat-titolu.

Ir-rapport għandu jitressaq lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni. Huwa għandu jiġi pubblikat fil-websajt tal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet dwar pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-ibliet fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

2.           Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet sitt snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu. Din is-sejħa għandha tkun miftuħa għall-ibliet fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali kollha, kemm-il darba dawn il-pajjiżi jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi tal-Unjoni sussegwenti ta’ appoġġ għall-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa.

Iżda, għal raġunijiet ta’ ekwità mal-ibliet fl-Istati Membri, kull belt għandha biss titħalla tieħu sehem f'kompetizzjoni waħda għall-ibliet fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali matul il-perjodu mill-2020 sal-2033, u ma għandux ikun possibbli li belt li ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni tieħu sehem f’kull kompetizzjoni sussegwenti fi Stat Membru ġdid skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) matul l-istess perjodu.

Barra minn hekk, ukoll għal raġunijiet ta’ ekwità mal-Istati Membri, kull pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali għandu jitħalla jospita t-titolu darba biss matul il-perjodu mill-2020 sal-2033. Għalhekk, l-ibliet minn pajjiżi li kienu diġà ngħataw it-titolu ma għandhomx jitħallew jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet sussegwenti matul dak l-istess perjodu.

3.           Il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 u l-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 għandhom japplikaw għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

4.           Il-preselezzjoni tal-ibliet għandha titwettaq mill-bord Ewropew ħames snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu, abbażi biss tal-formoli ta’ applikazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 4(2). Mhi se tiġi organizzata l-ebda laqgħa mal-ibliet kandidati.

Il-bord Ewropew għandu jevalwa l-applikazzjonijiet skont il-kriterji. Huwa għandu jilħaq ftehim dwar lista mqassra ta’ bliet kandidati li għandhom ikomplu jiġu kunsidrati u joħroġ rapport dwar l-applikazzjonijiet tal-ibliet kandidati u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-ibliet kandidati tal-lista mqassra. Dan ir-rapport għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni u ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

5.           L-ibliet kandidati fil-lista mqassra għandhom ilestu l-applikazzjonijiet tagħhom skont il-kriterji u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa matul il-preselezzjoni u jittrażmettuhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tlaqqa’ l-bord Ewropew għal laqgħa dwar l-għażla finali mal-ibliet fil-lista mqassra fi Brussell, disa' xhur wara l-preselezzjoni.

Il-bord Ewropew għandu jevalwa l-applikazzjonijiet kompletati.

Huwa għandu joħroġ rapport dwar l-applikazzjonijiet tal-ibliet kandidati fil-lista mqassra flimkien b’rakkomandazzjoni għan-nomina ta’ massimu ta’ belt waħda f’pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura. Madankollu, jekk ebda belt kandidata ma tissodisfa l-kriterji, il-bord Ewropew jista’ jirrakkomanda li dik is-sena ma jingħatax it-titolu.

Ir-rapport għandu jkollu wkoll rakkomandazzjonijiet lill-belt rakkommandata dwar il-progress u l-arranġamenti li jridu jsiru sas-sena tat-titolu.

Ir-rapport għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni u ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

Artikolu 11

Nomina

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti implimentattivi, tinnomina uffiċjalment il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, wara li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-bord Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-għażla tagħha.

Artikolu 12

Kooperazzjoni bejn l-ibliet nominati

1.           Wara n-nomina tagħhom, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-istess sena għandhom ifittxu li jiżviluppaw rabtiet bejn il-programmi kulturali tagħhom.

2.           Il-kooperazzjoni għandha tiġi evalwata fil-qafas tal-proċedura tal-monitoraġġ kif stabbilit fl-Artikolu 13.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.           Il-bord Ewropew għandu jissorvelja t-tħejjija tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u jipprovdi l-ibliet b’appoġġ u gwida minn meta jiġu nominati sal-bidu tas-sena tat-titolu.

2.           Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ il-bord Ewropew u l-ibliet ikkonċernati biex jattendu għal tliet laqgħat: l-ewwel laqgħa għandha sseħħ tliet snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu; it-tieni laqgħa għandha sseħħ tmintax-il xahar qabel il-bidu tas-sena tat-titolu u t-tielet laqgħa għandha sseħħ xahrejn qabel il-bidu tas-sena tat-titolu. L-Istat Membru jew il-pajjiż konċernat jista’ jinnomina osservatur għal dawn il-laqgħat.

L-ibliet għandhom joħorġu rapporti dwar il-progress lill-Kummissjoni sitt ġimgħat qabel kull waħda mil-laqgħat.

Matul il-laqgħat, il-bord Ewropew għandu jagħmel rendikont tal-preparazzjonijiet u jagħti parir bil-ħsieb li jgħin lill-ibliet jiżviluppaw programm ta’ kwalità għolja u strateġija effettiva. Il-bord għandu jagħti attenzjoni speċjali lir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport dwar l-għażla u fir-rapporti ta’ monitoraġġ preċedenti.

3.           Wara kull laqgħa, il-bord Ewropew għandu joħroġ rapport dwar l-istat tal-preparazzjonijiet u dwar kwalunkwe passi li għandhom jittieħdu.

Ir-rapporti ta’ monitoraġġ għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lill-ibliet u l-Istati Membri jew il-pajjiż ikkonċernat. Huma għandhom jiġu ppubblikati wkoll fil-websajt tal-Kummissjoni.

4.           Barra mil-laqgħat ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni tista’ torganizza żjarat għall-membri tal-bord Ewropew fl-ibliet innominati kull meta jkun meħtieġ.

Artikolu 14

Premju

1.           Il-perjodu kopert mid-Deċiżjoni attwali se jikkoinċidi ma’ diversi oqfsa finanzjarji multiannwali. Għal kull wieħed minn dawn l-oqfsa finanzjarji multiannwali, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibilità li tagħti premju fi flus b’unur Melina Mercouri lill-ibliet nominati. L-aspetti legali u finanzjarji ta’ dan il-Premju għandhom jiġu ttrattati fil-qafas tal-programmi rispettivi tal-Unjoni ta’ appoġġ għall-kultura.

2.           Jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Paragrafu 1 jiġu sodisfatti u jingħata l-premju Melina Mercouri lil belt nominata, il-Premju għandu jitħallas sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju tas-sena tat-titolu, kemm-il darba l-belt iżżomm mal-impenji li tkun għamlet fl-istadju tal-applikazzjoni u jkunu ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-bord Ewropew fir-rapporti tal-għażla u tal-monitoraġġ.

L-impenji magħmula fl-istadju tal-applikazzjoni għandhom jitqiesu miżmuma mill-belt nominata meta ma tkun saret l-ebda bidla sostanzjali lill-programm u l-istrateġija bejn l-istadju tal-applikazzjoni u s-sena tat-titolu, partikolarment:

(a)     il-baġit ikun baqa’ stabbli bejn in-nomina tal-belt u l-bidu tas-sena tat-titolu;

(b)     l-indipendenza tat-tim artistiku tkun ġiet rispettata;         

(c)     id-dimensjoni Ewropea tkun baqgħet qawwija biżżejjed fil-verżjoni finali tal-programm kulturali;

(d)     l-istrateġija ta’ komunikazzjoni u l-materjal ta’ komunikazzjoni użat mill-belt ikunu jirriflettu biċ-ċar li l-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma inizjattiva tal-Unjoni;

(e)     il-pjanijiet għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatti tat-titolu fuq il-belt ikunu fis-seħħ.

Artikolu 15

Arranġamenti prattiċi

Il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari:

(a)     tiżgura l-koerenza ġenerali tal-azzjoni;

(b)     tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-bord Ewropew;

(c)     fid-dawl tal-għanijiet u l-kriterji, tistabbilixxi linji gwida biex jassistu fl-għażla u l-proċeduri ta’ monitoraġġ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-bord Ewropew;

(d)     tipprovdi appoġġ lill-bord Ewropew;

(e)     tagħmel pubblika l-informazzjoni rilevanti kollha u tikkontribwixxi għall-viżibbiltà tal-azzjoni fil-livell Ewropew;

(f)      trawwem l-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prassi bejn il-Kapitali tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-ġejjieni, kif ukoll bejn l-ibliet kandidati.

Artikolu 16

Evalwazzjoni

1.           L-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ kull Kapitali Ewropea tal-Kultura għandha tkun taħt ir-responsabbiltà tal-belt ikkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida u indikaturi komuni għall-ibliet abbażi tal-għanijiet u tal-kriterji tal-azzjoni sabiex tiżgura approċċ koerenti fil-proċedura ta’ evalwazzjoni.

L-ibliet għandhom jibagħtu r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara s-sena tat-titolu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn ir-rapporti.

2.           Barra l-evalwazzjonijiet tal-ibliet, il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll evalwazzjoni esterna u indipendenti tar-riżultati tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura fuq bażi regolari. L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiffukaw fuq li jqiegħdu l-Kapitali kollha tal-passat f’kuntest Ewropew, b’mod li jistgħu jsiru paraguni u jittieħdu tagħlimiet għall-Kapitali tal-ġejjieni, kif ukoll għall-ibliet Ewropej kollha.

Dawn l-evalwazzjonijiet esterni u indipendenti għandhom ukoll jivvalutaw l-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura bħala entità sħiħa, inklużi l-effiċjenza tal-proċessi involuti fit-tmexxija tal-azzjoni, l-impatt tal-azzjoni u kif dan jista’ jittejjeb.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)     rapport interim ta’ evalwazzjoni tal-ewwel mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024;

(b)     it-tieni rapport interim ta’ evalwazzjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2029;

(c)     rapport ta' evalwazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2034.

Artikolu 17

Tħassir u dispożizzjonijiet tranżitorji

Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE hija b'dan imħassra. Hija għandha madankollu tkompli tapplika fil-każ ta’ bliet li ġew nominati jew huma fil-proċess li jiġu nominati bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2012 sal-2019.

Artikolu 18

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS

L-ordni għad-dritt tan-nomina ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura

2020 || Il-Kroazja[6] || L-Irlanda || Pajjiż kandidat jew potenzjalment kandidat

2021 || Ir-Rumanija || Il-Greċja || …[7]

2022 || Il-Litwanja || Il-Lussemburgu ||

2023 || L-Ungerija || Ir-Renju Unit || Pajjiż kandidat jew potenzjalment kandidat

2024 || L-Estonja || L-Awstrija ||

2025 || Is-Slovenja || Il-Ġermanja ||

2026 || Is-Slovakkja || Il-Finlandja || Pajjiż kandidat jew potenzjalment kandidat

2027 || Il-Latvja || Il-Portugall ||

2028 || Ir-Repubblika Ċeka || Franza ||

2029 || Il-Polonja || L-Isvezja || Pajjiż kandidat jew potenzjalment kandidat

2030 || Ċipru || Il-Belġju ||

2031 || Malta || Spanja ||

2032 || Il-Bulgarija || Id-Danimarka || Pajjiż kandidat jew potenzjalment kandidat

2033 || Il-Pajjiżi l-Baxxi || L-Italja ||

[1]               ĠU C, , p. .

[2]               COM (2007) 242 finali

[3]               ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

[4]               ĠU L 304, 3.11.2006, P. 1.

[5]               COM(2011) 785 finali

[6]               Suġġett għall-adeżjoni tagħha fl-2013.

[7]               It-tielet kolonna tal-lista msemmija fl-anness għandha tiġi aġġornata jekk xi pajjiżi ġodda jaderixxu mal-Unjoni wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. L-ordni tal-adeżjoni tagħhom għandha tkun rispettata. Għandu jiġi kkalkulat perjodu minimu ta’ sitt snin bejn id-data tal-adeżjoni u l-bidu tas-sena tat-titolu biex ikun hemm żmien biżżejjed għall-proċeduri ta’ għażla u monitoraġġ. In-numru massimu ta’ Kapitali Ewropej tal-Kultura f’sena minnhom ma għandux ikun aktar minn tlieta. Jekk żewġ pajjiżi jew aktar jaderixxu mal-Unjoni fl-istess data u jekk ma jistax jintlaħaq ftehim bejn il-pajjiżi kkonċernati dwar l-ordni tal-parteċipazzjoni, il-Kunsill għandu jorganizza tlugħ bix-xorti.