Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2012/2013 /* COM/2012/0402 final - 2012/0194 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-Regolamenti tal-Kunsill dwar
l-opportunitajiet tas-sajd adottati matul it-tieni nofs ta' kull sena ma
għadhomx jinkludu t-TAC għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay minħabba ċ-ċiklu
annwali differenti segwit mill-bijoloġija ta’ dan l-istokk u l-parir xjentifiku
dwaru. Jeħtieġ li tiġi stabbilita TAC għall-inċova kull sena, lejn Lulju. Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 716/2011, il-Kunsill stabbilixxa t-TAC għas-sajd li jisfrutta dan
l-istokk applikabbli mill-1 ta' Lulju 2011
sat-30 ta' Ġunju 2012. It-TAC u l-allokazzjoni tagħha
lill-Istati Membri kkonċernati issa jridu jiġu ffissati għat-12-il xahar
li jmiss. 2. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA B'kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Politika
Komuni tas-Sajd, stipulati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002
tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar
sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd,
l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku
disponibbli u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, filwaqt li
jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd. Il-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u
Ekonomika għas-Sajd (STECF) ta' Lulju 2012 għall-istokk tal-inċova
fil-Bajja ta' Biscay, huwa bbażat fuq l-istaġun tas-sajd li jibda
fl-1 ta' Lulju 2011 u jintemm
fit-30 ta' Ġunju 2012. Skont il-parir tal-STECF il-bijomassa
tal-istokk riproduttiv hija stmata għal madwar 68,180 tunnellata. Meta wieħed
jikkunsidra li l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2009
għal Regolament li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja
ta' Biscay u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk[1],
u b'kunsiderazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt li fuqha hija bbażata dik il-proposta,
li tipprovdi għall-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-impatt tad-deċiżjonijiet
dwar l-opportunitajiet tas-sajd għal dan l-istokk, huwa xieraq li tiġi
stipulata TAC għal dan l-istokk skont ir-regola tal-ħsad stipulata
fil-proposta. B'riżultat ta' dan, it-TAC għall-istaġun tas-sajd
mill-1 ta' Lulju 2012 sat-30 ta' Ġunju 2013
għandha tiġi stabbilita għal 20,700 tunnellata. Il-Kunsill huwa mitlub jadotta din il-proposta
malajr kemm jista' jkun sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jippjanaw
l-attivitajiet tagħhom għall-istaġun ġdid tas-sajd. 2012/0194 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-opportunitajiet
tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2012/2013 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Hija r-responsabbiltà
tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Qabdiet Totali Permessi (TACs) għal kull tip ta'
sajd jew grupp ta' sajd. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu fost
l-Istati Membri b’tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva
tal-attivitajiet tas-sajd f’kull Stat Membru għal kull stokk jew gruppi ta’
stokkijiet u billi jitqiesu adegwatament l-għanijiet tal-Politika Komuni
tas-Sajd stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002
tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar
sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[2]. (2) Għall-finijiet tal-ġestjoni
adegwata u ssimplifikata tal-istokk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dawk
it-TACs u kwoti għall-Istati Membri għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’
Biscay (is-Subżona VIII tal-ICES) għal staġun ta’ ġestjoni annwali li
jibda fl-1 ta’ Lulju u jintemm fit-30 ta’ Ġunju tas-sena
ta’ wara, minflok perjodu ta’ ġestjoni ta’ sena kalendarja. Is-sajd għandu,
madankollu jibqa’ suġġett għad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament (UE)
Nru 43/2012[3]
fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-kwoti. (3) It-TAC għall-inċova fil-Bajja
ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2012/2013 għandha tkun stabbilita abbażi
tal-parir xjentifiku disponibbli, u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u
soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd. (4) Sabiex tipprovdi għal pjan
multiannwali għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay li jkopri l-istaġun
tas-sajd u tistabbilixxi r-regola tal-kontroll tal-ħsad li tapplika biex jiġu
stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd, fid-29 ta’ Lulju 2009
il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi pjan
fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay u għas-sajd li jisfrutta
dak l-istokk. B’kunsiderazzjoni ta’ dik il-proposta u filwaqt li titqies dik
il-valutazzjoni tal-impatt li fuqha hija bbażata l-proposta għall-valutazzjoni
l-iktar riċenti tal-impatt tad-deċiżjonijiet fuq l-opportunitajiet tas-sajd
għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay, huwa xieraq li tiġi stabbilita
TAC għal dak l-istokk skont dan. Il-parir li nħareġ mill-Kumitat Xjentifiku,
Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f’Lulju 2012 ta stima ta’ madwar 68,180
tunnellata għall-bijomassa tal-istokk riproduttiv . B'riżultat ta' dan, it-TAC
għall-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2012 u jintemm
fit-30 ta' Ġunju 2013 għandha tiġi stabbilita għal 20,700 tunnellata. (5) Skont l-Artikolu 2
tar-Regolament (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li
jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena
tat-TAC u l-kwoti[4],
huwa meħtieġ li jiġi stabbilit sa fejn l-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay
huwa suġġett għall-miżuri stabbiliti f’dak ir-Regolament. (6) Minħabba l-bidu tal-istaġun
tas-sajd 2012/2013 u għall-finijiet tar-rappurtar annwali tal-qabdiet, dan
ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih u japplika
mill-1 ta’ Lulju 2012. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1
Opportunitajiet tas-sajd
għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay 1. Il-qabda totali permissibbli
(TAC) u l-allokazzjoni tagħha bejn l-Istati Membri għall-istaġun tas-sajd li
jibda fl-1 ta’ Lulju 2012 u jintemm
fit-30 ta’ Ġunju 2013 għall-istokk tal-inċova
fis-Subżona VIII tal-ICES kif iddefinit fir-Regolament (KE)
Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’
qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku[5], għandhom ikunu kif ġej
(f’tunnellati ta’ piż ta’ ħut ħaj): Speċi: || Inċova Engraulis encrasicolus || Żona tal-ICES: || Iż-żona VIII (ANE/08.) Spanja || 18 630 || || TAC analitika Franza || 2 070 || L-UE || 20 700 || || || TAC || 20 700 || 2. L-allokazzjoni
tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbilita fil-paragrafu 1 u l-użu tagħha
għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8, 10 u
13 tar-Regolament (UE) Nru 43/2012. 3. L-istokk imsemmi
fil-paragrafu 1 għandu jitqies bħala suġġett għal TAC analitika
għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Għandhom japplikaw
il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 ta’ dak
ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ
l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea. Għandu japplika
mill-1 ta’ Lulju 2012. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] COM(2009) 399 finali [2] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. [3] ĠU L 25, 27.1.2012, p. 1. [4] ĠU
L 115, 9.5.1996, p. 3. [5] ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70.