52012PC0394

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 510/2011 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda /* COM/2012/0394 final - 2012/0191 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Il-kuntest ġenerali

L-UE għandha l-għan iddikjarat li tillimita t-tibdil fil-klima globali għal żieda fit-temperatura ta' 2ºC 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Sabiex jinkiseb dan, l-emissjonijiet globali jridu jilħqu l-ogħla limitu sal-2020 u jitnaqqsu b'mill-inqas 50 % globalment sal-2050 meta mqabbel mal-1990. Il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid il-mira tal-UE ta’ tnaqqis ta' 80-95 % sal-2050 meta mqabbel mal-1990 fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp.

Politiki attwali jwasslu biss għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ("GHG") ta' madwar 40 % sal-2050. Il-"Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050"[1] tal-Kummissjoni jistabbilixxi kif tista' tintlaħaq il-mira għall-2050 li jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi bi 80% bl-aktar mod kosteffikaċi. Il-Pjan Direzzjonali juri li kull settur tal-ekonomija għandu jikkontribwixxi u, skont ix-xenarju, meta mqabbel mal-1990 l-emissjonijiet tat-trasport għandhom ikunu bejn +20 u -9 % sal-2030 u jonqsu b'54 % sa 67 % sal-2050[2].

Filwaqt li emissjonijiet minn setturi oħra qiegħdin ġeneralment jonqsu, it-trasport stradali huwa wieħed mill-ftit setturi fejn l-emissjonijiet żdiedu rapidament: bejn l-1990 u l-2008 l-emissjonijiet mit-trasport stradali żdiedu b 26 %. Fl-2008 madwar 70 % tal-emissjonijiet ta' CO2 tat-trasport ġie mit-trasport stradali[3]. Bħala riżultat, dan huwa t-tieni l-ikbar sors ta’ emissjonijiet ta' GHG fl-UE, u jikkontribwixxi madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali ta' CO2 tal-UE.

F'Marzu 2011 il-Kummissjoni adottat "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti". Dan jistabbilixxi strateġija għat-trasport f'qafas li jikseb tnaqqis ta’ 60% tal-emissjonijiet ta' GHG mit-trasport sal-2050.

· Ir-Regolament

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 jistabbilixxi qafas għat-tnaqqis ta' CO2 mill-flotta ta' vannijiet ġodda sal-2020. Ir-Regolament għandu operazzjoni f'żewġ fażijiet. Fl-ewwel perjodu sal-2017 ġew stabbiliti l-modalitajiet tal-konformità mal-miri. Għat-tieni perjodu sal-2020 il-mira ma tistax ssir effettiva mingħajr l-implimentazzjoni tal-modalitajiet meħtieġa, li għandhom jiġu determinati f'analiżi. Il-Kummissjoni hija mitluba tikkonferma li l-mira tal-vannijiet għall-2020 hija fattibbli. Din il-mira kienet stabbilita bil-proċess ta’ kodeċiżjoni u, apparti l-konferma tagħha, mhijiex ikkunsidrata mill-ġdid fl-analiżi.

Jekk ma jiġux determinati jew implimentati l-modalitajiet, dan ikollu effett detrimentali fuq il-manifatturi tal-vetturi u l-fornituri tal-partijiet li jesiġu ċertezza fir-rigward tat-teknoloġija u l-vetturi li jinħtieġu biex tintlaħaq il-mira.

Il-modalitajiet huma aspetti tal-implimentazzjoni li jħallu impatt fuq kif jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet. Il-modalitajiet ewlenin fir-Regolament attwali jinkludu l-kurva tal-valuri ta' limitu li hija ddefinita mill-parametru ta’ utilità u l-funzjoni li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn il-parametru ta’ utilità u l-emissjonijiet ta' CO2 (li tissettja l-forma u l-inklinazzjoni). Modalitajiet oħra jinkludu l-iskema tal-primjum għall-eċċess ta’ emissjonijiet, l-ekoinnovazzjonijiet, id-derogi, il-konsorzji, l-introduzzjoni gradwali tal-miri u l-għoti ta' super krediti għal perjodu ta' żmien limitat.

2.           Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u valutazzjonijiet tal-impatt

Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

· Kompetenza esterna

Studju estern[4] "Appoġġ għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) 510/2011 dwar l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief"[5] ipprovda l-analiżi ewlenija li ssejjes din il-proposta. Jinkludi evalwazzjoni tal-modalitajiet differenti u jivvaluta l-ispejjeż tagħhom. Il-mudell PRIMES-TREMOVE ntuża biex jiġu vvalutati l-impatti globali tal-mira għall-2020.

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kienu formalment ikkonsultati permezz ta’ kwestjonarju onlajn u permezz ta' laqgħa għall-partijiet interessati. Tqiesu l-kontributi mill-partijiet interessati fil-valutazzjoni tal-opzjonijiet differenti possibbli biex jiġu rregolati l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (light-duty vehicles - LDVs).

– Konsultazzjoni pubblika

Fil-ħarifa tal-2011 twettqet konsultazzjoni pubblika onlajn. Kumplessivament, it-tweġibiet jagħtu messaġġ li r-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet mil-LDVs hija importanti, għandha titwettaq skont miri fit-tul għall-GHG, tkun ibbażata fuq l-emissjonijiet medji ta' vetturi ġodda u tkun newtrali mil-lat tat-teknoloġija. Kien hemm diversi opinjonijiet differenti dwar jekk il-leġiżlazzjoni attwali hijiex qed taħdem sew. Ir-raġuni prinċipali tidher li hi li bosta jaħsbu li l-leġiżlazzjoni attwali mhijiex b'saħħitha biżżejjed. Hemm appoġġ qawwi biex jiġu stabbiliti l-miri għal wara l-2020, irrispettivament minn miżuri oħra li jistgħu jiġu implimentati. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika nġabru fil-qosor u ġew ippubblikati[6].

– Laqgħa tal-partijiet interessati

Fis-6 ta’ Diċembru 2011 saret laqgħa tal-partijiet interessati. Ġew ippreżentati l-konklużjonijiet preliminari tal-istudju u ġew ippubblikati l-preżentazzjonijiet mil-laqgħa flimkien ma' sommarju tad-diskussjoni[7]. Il-parteċipanti ma esprimewx xi nuqqas ta' qbil sostanzjali fir-rigward tal-analiżi ppreżentata; l-NGOs argumentaw li peress li l-ispejjeż huma inqas milli kien maħsub preċedentement, u l-emissjonijiet huma sostanzjalment aktar baxxi milli kien antiċipat, il-miri għandhom ikunu aktar stretti.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Tħejjiet valutazzjoni konġunta tal-impatt li tappoġġa l-proposta attwali u proposta ekwivalenti biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009. Ittieħed approċċ wiesa’ sabiex jiġu identifikati opzjonijiet ta' politika li jkopru kwistjonijiet li tqajmu fil-leġiżlazzjoni, dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni u dawk ivvalutati fl-istudji li janalizzaw l-approċċi possibbli sabiex titjieb l-effettività tal-leġiżlazzjoni. Ġew analizzati l-aspetti li ġejjin:

a) L-opzjoni li ma jsir xejn;

b) Konferma tal-fattibbiltà tal-mira għall-2020 għall-vannijiet;

c) Modalitajiet biex jintlaħqu l-miri għall-vannijiet;

d) Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv:

e) Adattament għaċ-ċiklu ġdid ta' testjar

f) Għamla u restrizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni għal wara l-2020.

Abbażi tal-analiżi tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta' modalitajiet differenti, il-valutazzjoni tal-impatt waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

· Il-mira għall-2020 ta' 147 g/km għall-vannijiet hija kkonfermata bħala fattibbli bi spiża aktar baxxa.

· Il-parametru ta' utilità għandu jkompli jkun il-massa; il-kurva tal-valuri ta' limitu għandha tkompli tkun lineari u l-inklinazzjoni tal-kurva għandha tkun issettjata fuq 100%.

· Primjum għall-Eċċess ta' Emissjonijiet għandu jinżamm għal EUR 95 għal kull g/km għal kull vettura.

· Il-proċedura ta' deroga għandha tiġi ssimplifikata bl-introduzzjoni ta' esklużjoni "de-minimis" għall-iżgħar manifatturi mill-obbligu li jkollhom il-mira għas-CO2. Minbarra dan, għandha tiġi permessa aktar flessibbiltà fir-rigward tad-data tal-għoti tad-derogi għal volumi żgħar.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-UE diġà aġixxiet f’dan il-qasam meta adottat ir-Regolament (UE) 510/2011 ibbażat fuq il-kapitolu dwar l-ambjent tat-Trattat. Is-suq uniku wkoll jipprovdi ġustifikazzjonijiet biex issir azzjoni fil-livell tal-UE minflok fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġu żgurati rekwiżiti komuni madwar l-UE u b'hekk jiġu minimizzati l-ispejjeż tal-manifatturi.

L-adozzjoni tal-proposta mhix se twassal għar-revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti.

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta tikkonferma l-fattibbiltà tal-mira medja ta’ 147 g CO2/km għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda li għandha tintlaħaq fl-2020. Tipproponi li tiddefinixxi l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira kif ġej:

– Il-parametru ta' utilità jkompli jkun il-massa tal-vettura fi stat ta' tħaddim.

– Il-kurva tal-valuri ta' limitu tibqa' lineari b’inklinazzjoni ta’ 100% meta mqabbla mal-bażi ta' referenza tal-flotta.

– Il-manifatturi responsabbli għal inqas minn 500 reġistrazzjoni ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda fis-sena huma esklużi mill-obbligu li jissodisfaw il-mira speċifika għall-emissjonijiet.

– Aktar flessibbiltà hija permessa fl-għażla taż-żmien tad-deċiżjonijiet għall-għoti ta' derogi għal volumi żgħar.

– Jinżammu l-ekoinnovazzjonijiet meta tiġi implimentata proċedura riveduta ta' testjar.

– Il-Primjum għall-Eċċess ta' Emissjonijiet jinżamm għal EUR 95 għal kull g/km għal kull vettura.

Hekk kif l-industrija tibbenefika minn indikazzjonijiet tas-sistema regolatorja li tkun tapplika wara l-2020, il-proposta tinkludi analiżi ulterjuri li għanda sseħħ sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma tesiġix riżorsi finanzjarji addizzjonali.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

· Analiżi/reviżjoni/klawżola sunset

Il-proposta tinkludi klawżola ta' analiżi.

· Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2012/0191 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 510/2011 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ([8])

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ([9]),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief[10] jitlob lill-Kummissjoni, soġġett għall-konferma tal-fattibbiltà tagħha, li tirrevedi l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira ta' 147g/km sal-2020, inklużi l-formoli fl-Anness I u d-derogi fl-Artikolu 11. Qed jintalab li l-proposta li temenda r-Regolament tkun kemm jista' jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni, soċjalment ġusta u sostenibbli.

(2)       Huwa xieraq li jiġi ċċarat li għall-fini tal-verifika tal-konformità mal-mira ta' 147gCO2/km, l-emissjonijiet ta' CO2 għandhom ikomplu jitkejlu skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi[11] u l-miżuri implimentattivi tiegħu u t-teknoloġiji innovattivi.

(3)       Skont l-analiżi teknika mwettqa għall-valutazzjoni tal-impatt, it-teknoloġiji biex tintlaħaq il-mira ta' 147 g CO2/km huma disponibbli u t-tnaqqis meħtieġ jista' jinkiseb bi spiża iżgħar milli kienet stmata fl-analiżi preċedenti mwettqa qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 510/2011. Minbarra dan, naqas ukoll id-distakk bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji attwali ta' CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda u l-mira. Għalhekk, il-fattibbiltà tal-mira ta' 147 g CO2/km li għandha tintlaħaq sal-2020 hija kkonfermata.

(4)       B’rikonoxximent tal-impatti sproporzjonati fuq l-iżgħar manifatturi li jirriżultaw minn konformità ma' miri speċifiċi għall-emissjonijiet iddefiniti abbażi tal-utilità tal-vettura, mill-piż amministrattiv kbir tal-proċedura tad-deroga u vantaġġ li huwa biss marġinali f’termini ta’ tnaqqis ta' CO2 mill-vetturi li jinbiegħu minn dawn il-manifatturi, il-produtturi responsabbli annwalment għal inqas minn 500 vettura kummerċjali ħafifa ġdida huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-mira speċifika għall-emissjonijiet u l-primjum għal eċċess ta' emissjonijiet

(5)       Il-proċedura biex tingħata deroga għall-manifatturi ta’ volumi żgħar għandha tkun issimplifikata biex titħalla aktar flessibbiltà f'termini tal-għażla ta' żmien tal-applikazzjoni għal deroga mill-manifatturi u d-deċiżjoni biex din tingħata mill-Kummissjoni.

(6)       Sabiex l-industrija tal-karozzi tkun tista' twettaq investimenti u innovazzjoni fit-tul ikun tajjeb li jiġu pprovduti indikazzjonijiet ta' kif dan ir-Regolament għandu jiġi emendat għall-perjodu ta' wara l-2020. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-rata meħtieġa ta’ tnaqqis skont il-miri tal-Unjoni fit-tul għall-klima u l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta' teknoloġija kosteffikaċi li tnaqqas is-CO2 għall-karozzi. Għalhekk ikun tajjeb li jiġu riveduti dawn l-aspetti, li l-Kummissjoni tagħmel rapport u, jekk xieraq, li jsiru proposti għall-miri ta' wara l-2020.

(7)       L-Artikolu 13(3) jesiġi li l-Kummissjoni tippubblika rapport dwar id-disponibbiltà ta' dejta dwar l-impronta u t-tagħbija utli u l-użu tagħhom bħala parametri ta' utilità fil-formoli fl-Anness I. Billi din id-dejta hija disponibbli u l-użu potenzjali tagħha ġie vvalutat fil-valutazzjoni tal-impatt, ġie konkluż li huwa aktar kosteffikaċi li tinżamm il-massa waqt l-istat ta' tħaddim bħala l-parametru ta' utilità għall-mira għall-2020 tal-vetturi kummerċjali ħfief.

(8)       Huwa xieraq li jinżamm l-approċċ fir-rigward tal-issettjar tal-mira bbażata fuq relazzjoni lineari bejn l-utilità tal-vettura kummerċjali ħafifa u l-mira tagħha għall-emissjonijiet ta' CO2 kif espress permezz tal-formoli fl-Anness I, billi dan jippermetti li tinżamm id-diversità tas-suq tal-vetturi kummerċjali ħfief u l-abbiltà tal-produtturi li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-konsumaturi, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni mhux ġustifikata fil-kompetizzjoni. Madankollu huwa xieraq li jiġi aġġornat dan l-approċċ biex tiġi riflessa l-aħħar dejta disponibbli dwar ir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

(9)       Il-Kummissjoni vvalutat id-disponibbiltà ta' dejta dwar l-impronta u l-użu tagħha bħala parametru ta’ utilità fil-formoli fl-Anness I. Din id-dejta hija disponibbli u l-użu potenzjali tagħha ġie vvalutat fil-valutazzjoni tal-impatt, abbażi ta' dik il-valutazzjoni ġie konkluż li l-parametru ta' utilità użat fil-formola għall-2020 għandu jkun il-massa.

(10)     Ir-Regolament jesiġi li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tirrevedi l-proċeduri ta' ttestjar biex tirrefletti b’mod adegwat ir-rendiment reali tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi. Din il-ħidma qed tipproċedi permezz tal-iżvilupp ta’ proċedura ta' test dinji għall-vetturi ħfief (World Light Duty Test) fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti iżda din għadha mhijiex kompluta. Fid-dawl ta' dan, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 jistabbilixxi limiti tal-emissjonijiet għall-2020 kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008. Meta jiġu emendati l-proċeduri ta' testjar, il-limiti stabbiliti fl-Anness I għandhom jiġu aġġustati biex jiżguraw restrizzjonijiet komparabbli għall-manifatturi u l-klassijiet tal-vetturi.

(11)     Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

‘2.      Mis-sena 2020, dan ir-Regolament jistabbilixxi mira ta’ 147 g CO2/km għall-emissjonijiet medji ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fl-Unjoni kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-miżuri implimentattivi tiegħu, u teknoloġiji innovattivi.

(2) Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

‘4.      L-Artikolu 4, l-Artikolu 8(4)(b) u (c), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1)(a) u (c) ma għandhomx japplikaw għal manifattur li jkun responsabbli, flimkien mal-impriżi kollha assoċjati tiegħu, għal inqas minn 500 vettura kummerċjali ħafifa ġdida rreġistrati fl-UE fis-sena kalendarja preċedenti.”

(3) Fl-Artikolu 11(3), titħassar l-aħħar sentenza.

(4) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“Sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miri speċifiċi għall-emissjonijiet, il-modalitajiet u aspetti oħra ta' dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi il-miri għall-emissjonijiet ta' CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda għall-perjodu ta' wara l-2020.”

(b) Il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

– jitħassar it-tieni subparagrafu:

– it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"Sabiex tiġi riflessa kwalunkwe bidla fil-proċedura regolatorja ta' testjar għall-kejl ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2, il-Kummissjoni għandha tadatta l-formoli stabbiliti fl-Anness I permezz ta' atti ddelegati skont l-Artikolu 15, u soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 filwaqt li jiġi żgurat li r-rekwiżiti għat-tnaqqis ta’ restrizzjoni komparabbli għall-manifatturi u vetturi ta' utilità differenti jkunu meħtieġa taħt il-proċeduri ta' testjar il-qodma u l-ġodda."

(5) Fil-punt 1 tal-Anness I, jiżdied il-punt (c) li ġej:

‘(c)    mill-2020:

Emissjonijiet speċifiċi indikattivi ta’ CO2 = 147 + a × (M – M0)

Fejn:

M = il-massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0 = il-valur adottat skont l-Artikolu 13(2)

a = 0,096."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM/2011/0112 finali

[2]               Esklużi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali

[3]               It-trasport tal-UE f'ċifri 2011, il-Kummissjoni Ewropea

[4]               Taħt il-kuntratt qafas ENV.C.3/FRA/2009/0043 dwar l-emissjonijiet tal-vetturi

[5]               http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/vans/studies_en.htm

[6]               http://ec.europa.eu/clima/consultations/0012/index_en.htm

[7]               http://ec.europa.eu/clima/events/0048/index_en.htm

[8]               ĠU C , , p. .

[9]               ĠU C , , p. .

[10]             ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

[11]             ĠU L 171, 29.6.2007, p.1.