Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri /* COM/2012/0393 final - 2012/0190 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST
TAL-PROPOSTA ·
Il-kuntest ġenerali L-UE għandha l-għan iddikjarat li
tillimita t-tibdil fil-klima globali għal żieda fit-temperatura ta'
2ºC 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Sabiex jinkiseb dan, l-emissjonijiet globali
jridu jilħqu l-ogħla limitu sal-2020 u jitnaqqsu b'mill-inqas
50 % globalment sal-2050 meta mqabbel mal-1990. Il-Kunsill Ewropew
ikkonferma mill-ġdid il-mira tal-UE ta’ tnaqqis ta' 80-95% sal-2050 meta
mqabbel mal-1990 fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ mill-pajjiżi
żviluppati bħala grupp. Politiki attwali jwasslu biss għal
tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ("GHG") ta' madwar
40 % sal-2050. Il-"Pjan direzzjonali għal ekonomija
kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050"[1] tal-Kummissjoni jistabbilixxi kif tista' tintlaħaq il-mira
għall-2050 li jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi bi 80% bl-aktar mod
kosteffikaċi. Il-Pjan Direzzjonali juri li kull settur tal-ekonomija
għandu jikkontribwixxi u, skont ix-xenarju, meta mqabbel mal-1990
l-emissjonijiet tat-trasport għandhom ikunu bejn +20 u -9 % sal-2030
u jonqsu b'54 % sa 67 % sal-2050[2]. Filwaqt li emissjonijiet minn setturi
oħra qiegħdin ġeneralment jonqsu, it-trasport stradali huwa
wieħed mill-ftit setturi fejn l-emissjonijiet żdiedu rapidament. Bejn
l-1990 u l-2008 l-emissjonijiet mit-trasport stradali żdiedu b 26 %.
Fl-2008 madwar 70 % tal-emissjonijiet ta' CO2 tat-trasport
ġie mit-trasport stradali[3]. Bħala riżultat, dan huwa t-tieni l-ikbar sors ta’
emissjonijiet ta' GHG fl-UE, u jikkontribwixxi madwar għoxrin fil-mija
tal-emissjonijiet totali ta' CO2 tal-UE. F'Marzu 2011 il-Kummissjoni adottat "Pjan
direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn
sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod
effiċjenti". Dan jistabbilixxi strateġija għat-trasport
f'qafas li jikseb tnaqqis ta’ 60% tal-emissjonijiet ta' GHG mit-trasport
sal-2050. ·
Ir-Regolament Ir-Regolament (UE) Nru 443/2009
jistabbilixxi qafas għat-tnaqqis ta' CO2 mill-flotta ta'
karozzi ġodda sal-2020. Ir-Regolament
għandu operazzjoni f'żewġ fażijiet.
Fl-ewwel perjodu sal-2015 ġew stabbiliti l-modalitajiet
tal-konformità mal-miri. Għat-tieni
perjodu sal-2020 il-mira ma tistax ssir effettiva mingħajr
l-implimentazzjoni tal-modalitajiet meħtieġa, li għandhom
jiġu determinati f'analiżi. Din
il-mira kienet stabbilita bil-proċess ta’ kodeċiżjoni u mhijiex
ikkunsidrata mill-ġdid fl-analiżi. Jekk ma jiġux determinati jew
implimentati l-modalitajiet, dan ikollu effett detrimentali fuq il-manifatturi
tal-vetturi u l-fornituri tal-partijiet li jesiġu ċertezza
fir-rigward tat-teknoloġija u l-vetturi li jinħtieġu biex
tintlaħaq il-mira. Il-modalitajiet huma aspetti
tal-implimentazzjoni li jħallu impatt fuq kif jinkisbu l-miri
tal-emissjonijiet. Il-modalitajiet ewlenin
fir-Regolament attwali jinkludu l-kurva tal-valuri ta' limitu li hija ddefinita
mill-parametru ta’ utilità u l-funzjoni li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn
il-parametru ta’ utilità u l-emissjonijiet ta' CO2 (li tissettja
l-forma u l-inklinazzjoni). Modalitajiet oħra
jinkludu l-iskema tal-primjum għall-eċċess ta’ emissjonijiet,
l-ekoinnovazzjonijiet, id-derogi, il-konsorzji, l-introduzzjoni gradwali
tal-miri u l-għoti ta' super krediti għal perjodu ta' żmien
limitat. 2. Konsultazzjonijiet
mal-partijiet interessati u valutazzjonijiet tal-impatt Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati 1.
Kompetenza esterna Studju estern: "Appoġġ
għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) 443/2009 dwar l-emissjonijiet ta'
CO2 mill-karozzi"[4] ipprovda
l-analiżi ewlenija li ssejjes din il-proposta.
Jinkludi evalwazzjoni tal-modalitajiet differenti u jivvaluta
l-ispejjeż tagħhom. Il-mudell
PRIMES-TREMOVE ntuża biex jiġu vvalutati l-impatti globali tal-mira
għall-2020. 2.
Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-partijiet interessati kienu formalment
ikkonsultati permezz ta’ kwestjonarju onlajn u permezz ta' laqgħa
għall-partijiet interessati. Tqiesu
l-kontributi mill-partijiet interessati fil-valutazzjoni tal-opzjonijiet
differenti possibbli biex jiġu rregolati l-emissjonijiet ta' CO2
mill-karozzi. –
Konsultazzjoni pubblika Fil-ħarifa tal-2011 twettqet
konsultazzjoni pubblika onlajn. Kumplessivament,
it-tweġibiet jagħtu messaġġ ġeneralment ċar li
r-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet mill-vetturi hija importanti,
għandha titwettaq skont miri fit-tul għall-GHG, tkun ibbażata
fuq l-emissjonijiet medji ta' vetturi ġodda u tkun newtrali mil-lat
tat-teknoloġija. Kien hemm diversi
opinjonijiet differenti dwar jekk il-leġiżlazzjoni attwali hijiex qed
taħdem sew. Ir-raġuni
prinċipali tidher li hi li bosta jaħsbu li l-leġiżlazzjoni
attwali mhijiex b'saħħitha biżżejjed. Hemm appoġġ qawwi biex jiġu
stabbiliti l-miri għal wara l-2020, irrispettivament minn miżuri
oħra li jistgħu jiġu implimentati. Ir-riżultati
tal-konsultazzjoni pubblika nġabru fil-qosor u ġew ippubblikati[5]. –
Laqgħa tal-partijiet interessati Fis-6 ta’ Diċembru 2011
saret laqgħa tal-partijiet interessati. Ġie
ppreżentat l-istudju kkompletat u ġew ippubblikati
l-preżentazzjonijiet mil-laqgħa flimkien ma' sommarju tad-diskussjoni[6]
. Il-parteċipanti ma esprimewx xi nuqqas
ta' qbil sostanzjali fir-rigward tal-analiżi ppreżentata; L-NGOs argumentaw li peress li l-ispejjeż huma
inqas milli kien maħsub preċedentement, il-miri għandhom ikunu
aktar stretti. Valutazzjoni tal-impatt Tħejjiet valutazzjoni konġunta
tal-impatt li tappoġġa l-proposta attwali u proposta ekwivalenti biex
jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 510/2011.
Ittieħed approċċ wiesa’ sabiex jiġu identifikati
opzjonijiet ta' politika li jkopru kwistjonijiet li tqajmu
fil-leġiżlazzjoni, dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni u
dawk ivvalutati fl-istudji li janalizzaw l-approċċi possibbli sabiex
titjieb l-effettività tal-leġiżlazzjoni. Ġew
analizzati l-aspetti li ġejjin: a) L-opzjoni li ma jsir xejn; b) Modalitajiet biex tintlaħaq il-mira
għall-karozzi; c) Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż
amministrattiv: d) Adattament għaċ-ċiklu
ġdid ta' testjar e) Għamla u restrizzjonijiet
tal-leġiżlazzjoni għal wara l-2020. Abbażi tal-analiżi tal-impatti
ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħhom, il-valutazzjoni
tal-impatt waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin: ·
Il-parametru ta' utilità għandu jkompli jkun
il-massa fil-każ tal-karozzi; il-kurva
tal-valuri ta' limitu għandha tkompli tkun lineari. ·
L-evidenza tindika li l-inklinazzjoni tal-kurva
għandha tkun issettjata fuq livell relattivament baxx sabiex jitnaqqsu
d-distorsjonijiet fis-suq. ·
Il-Primjum għall-Eċċess ta'
Emissjonijiet għandu jinżamm għal EUR 95 għal kull
g/km għal kull vettura. ·
Ir-Regolament għandu jiġi
aġġornat biex jiġi konformi mat-Trattat ta’ Lisbona. ·
Il-proċedura ta' deroga għandha tiġi
ssimplifikata bl-introduzzjoni ta' esklużjoni "de-minimis"
għall-iżgħar manifatturi mill-obbligu li jkollhom il-mira
għas-CO2. Minbarra dan,
għandha tiġi permessa aktar flessibbiltà fir-rigward tad-data
tal-għoti tad-derogi għal volumi żgħar. 3. ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA L-UE diġà aġixxiet f’dan il-qasam
meta adottat ir-Regolament (UE) 443/2009 ibbażat fuq il-kapitolu dwar
l-ambjent tat-Trattat. Is-suq uniku wkoll
jipprovdi ġustifikazzjonijiet biex issir azzjoni fil-livell tal-UE minflok
fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġu żgurati rekwiżiti
komuni madwar l-UE u b'hekk jiġu minimizzati l-ispejjeż
tal-manifatturi. L-adozzjoni tal-proposta mhix se twassal
għar-revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti. Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta temenda r-Regolament biex
jimplimenta l-modalitajiet għall-ilħuq tal-mira ta' 95 gCO2/km
għal karozzi ġodda tal-passiġġieri li għandha
tintlaħaq fl-2020. Il-modalitajiet ewlenin implimentati huma kif ġej: –
Il-parametru ta' utilità jkompli jkun il-massa
tal-vettura fi stat ta' tħaddim. –
Il-kurva tal-valuri ta' limitu tibqa' lineari
b’inklinazzjoni ta’ 60 % meta mqabbla mal-flotta ta' referenza li
tinżamm bħala l-flotta tal-2006 skont il-kurva tal-valuri ta' limitu tal-2015. –
Bejn l-2020 u l-2023 jiġu introdotti super
krediti għal karozzi li jemettu inqas minn 35 gCO2/km
b'multiplikatur ta' 1.3 u limitati għal ċifra kumulattiva ta'
20 000 vettura għal kull manifattur matul il-perjodu tal-iskema. –
Il-mira tad-deroga għal manifatturi speċjalizzati
hija aġġornata għall-2020. –
Il-manifatturi responsabbli għal inqas minn 500 reġistrazzjoni
ta’ vetturi kummerċjali ġodda fis-sena huma esklużi mill-obbligu
li jkollhom il-mira għas-CO2. –
Aktar flessibbiltà hija permessa
fl-għażla taż-żmien tad-deċiżjonijiet
għall-għoti ta' derogi għal volumi żgħar. –
Jinżammu l-ekoinnovazzjonijiet meta tiġi
implimentata proċedura riveduta ta' testjar. –
Il-Primjum għall-Eċċess ta'
Emissjonijiet jinżamm għal EUR 95 għal kull g/km għal
kull vettura. –
Id-dispożizzjonijiet tal-proċedura
tal-Kumitat huma aġġornati sabiex ikunu kompatibbli mat-Trattat ta’
Lisbona. Hekk kif l-industrija tibbenefika minn
indikazzjonijiet tas-sistema regolatorja li tkun tapplika wara l-2020,
il-proposta tinkludi analiżi ulterjuri li għanda sseħħ sa
mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014. 4. IMPLIKAZZJONI
BAĠITARJA Il-proposta ma tesiġix riżorsi
finanzjarji addizzjonali. 5. ELEMENTI
FAKULTATTIVI 3.
Analiżi/reviżjoni/klawżola sunset Il-proposta tinkludi klawżola ta'
analiżi. 4.
Iż-Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna kwistjoni
taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż
għaż-Żona Ekonomika Ewropea. 2012/0190 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE)
Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex
tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2
minn karozzi ġodda tal-passiġġieri IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew [7]
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[8],
Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) L-Artikolu 13(5)
tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment
għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri
bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu
l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief[9]
titlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-modalitajiet biex tintlaħaq
il-mira ta' 95g CO2/km sal-2020 b’mod kosteffikaċi,
partikolarment il-formola fl-Anness I u d-derogi fl-Artikolu 11. Qed jintalab li l-proposta li temenda r-Regolament
tkun kemm jista' jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni, soċjalment
ġusta u sostenibbli. (2) Huwa xieraq li jiġi
ċċarat li għall-fini tal-verifika tal-konformità mal-mira ta'
95gCO2/km, l-emissjonijiet ta' CO2 għandhom ikomplu
jitkejlu skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni
tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi
ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali
(Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni
dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi[10] u l-miżuri implimentattivi tiegħu u t-teknoloġiji
innovattivi. (3) B’rikonoxximent tal-ispejjeż
għoljin tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-produzzjoni ta' unitajiet
tal-ewwel ġenerazzjonijiet ta' vetturi b'livell baxx ħafna ta'
emissjonijiet tal-karbonju huwa xieraq li jitħaffef u jiġi
ffaċilitat, fuq bażi interim u f'livell limitat, il-proċess ta' introduzzjoni
tagħhom fis-suq tal-Unjoni fl-istadji inizjali tagħhom ta'
kummerċjalizzazzjoni. (4) B'rikonoxximent tal-impatti
sproporzjonati fuq l-iżgħar manifatturi li jirriżultaw minn
konformità ma' miri speċifiċi għall-emissjonijiet ddefiniti
abbażi tal-utilità tal-vettura, mill-piż amministrattiv kbir
tal-proċedura tad-deroga u vantaġġ li huwa biss marġinali
f’termini ta’ tnaqqis ta' CO2 mill-vetturi li jinbiegħu minn
dawn il-manifatturi, il-produtturi responsabbli annwalment għal inqas minn
500 karozza ġdida tal-passiġġieri huma esklużi
mill-kamp ta' applikazzjoni tal-mira speċifika għall-emissjonijiet u
l-primjum għal eċċess ta' emissjonijiet (5) Il-proċedura biex
tingħata deroga għall-manifatturi ta’ volumi żgħar
għandha tkun issimplifikata biex titħalla aktar flessibbiltà
f'termini tal-għażla ta' żmien tal-applikazzjoni għal
deroga mill-manifatturi u d-deċiżjoni biex din tingħata
mill-Kummissjoni. (6) Il-proċedura biex
jingħataw derogi lil manifatturi speċjalizzati għandha titkompla
għall-2020. Madankollu, sabiex jiġi
żgurat li l-isforz ta' tnaqqis meħtieġ minn manifatturi
speċjalizzati hija konsistenti ma’ dik ta’ manifatturi ta’ volum kbir,
mira ta' 45 % anqas mill-emissjonijiet medji speċifiċi ta’ manifatturi
speċjalizzati fl-2007 għandha għalhekk tapplika mill-2020. (7) Sabiex l-industrija
tal-karozzi tkun tista' twettaq investimenti u innovazzjoni fit-tul ikun tajjeb
li jiġu pprovduti indikazzjonijiet ta' kif dan ir-Regolament għandu
jiġi emendat għall-perjodu ta' wara l-2020. Dawn l-indikazzjonijiet
għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-rata meħtieġa
ta’ tnaqqis skont il-miri tal-Unjoni fit-tul għall-klima u
l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta' teknoloġija
kosteffikaċi li tnaqqas is-CO2 għall-karozzi.
Għalhekk ikun tajjeb li jiġu riveduti dawn l-aspetti, li
l-Kummissjoni tagħmel rapport u, jekk xieraq, li jsiru proposti
għall-miri ta' wara l-2020. (8) Ir-Regolament jesiġi li
l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tirrevedi l-proċeduri
ta' ttestjar biex tirrefletti b’mod adegwat ir-rendiment reali
tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi. Din
il-ħidma qed tipproċedi permezz tal-iżvilupp ta’ proċedura
ta' test dinji għall-vetturi ħfief (World Light Duty Test) fil-qafas
tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti iżda
din għadha mhijiex kompluta. Fid-dawl ta'
dan, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 jistabbilixxi limiti
tal-emissjonijiet għall-2020 kif imkejla skont ir-Regolament (KE)
Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008. Meta jiġu emendati l-proċeduri ta'
testjar, il-limiti stabbiliti fl-Anness I għandhom jiġu
aġġustati biex jiżguraw restrizzjonijiet komparabbli
għall-manifatturi u l-klassijiet tal-vetturi. (9) Huwa xieraq li jinbidel
it-test tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 sabiex
jiġi żgurat li l-kunċett ta' impriżi konnessi hija
f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta'
konċentrazzjonijiet[11] bejn l-impriżi kif
ukoll mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi
standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi
kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ
integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn
vetturi ħfief[12]. (10) Ir-Regolament (KE)
Nru 443/2009 jagħti s-setgħat lill-Kummissjoni li timplimenta
wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu skont il-proċeduri
stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE
tat-28 ta' Ġunju 1999[13]. Bħala
konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dawk
is-setgħat għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290
u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. (11) Sabiex ikunu żgurati
kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE)
Nru 443/2009, għandhom ikunu kkonferiti setgħat ta’
implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu
eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi
r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll
mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat
ta’ implimentazzjoni[14]. (12) Is-setgħa li jiġu
adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex
tissupplimenta r-regoli dwar derogi minn miri speċifiċi għall-emissjonijiet,
biex temenda r-rekwiżiti tad-dejta għall-fini ta'
monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 u biex
taġġusta l-formoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet
speċifiċi ta' CO2 fl-Anness I għal bidliet fil-valur
tal-massa tal-vettura u fil-proċedura regolatorja ta' testjar
għall-kejl tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2
msemmija fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Huwa importanti ħafna li
l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-fażi
tal-ħidma ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Meta
tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura
trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (13) Huwa xieraq li jinżamm
l-approċċ fir-rigward tal-issettjar tal-mira bbażata fuq
relazzjoni lineari bejn l-utilità tal-karozza u l-mira tagħha
għall-emissjonijiet ta' CO2 kif espress permezz tal-formoli
fl-Anness I, billi dan jippermetti li tinżamm id-diversità tas-suq
tal-karozzi u l-abbiltà tal-produtturi li jindirizzaw il-ħtiġijiet
differenti tal-konsumaturi, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni
mhux ġustifikata fis-suq. (14) Il-Kummissjoni vvalutat
id-disponibbiltà ta' dejta dwar l-impronta u l-użu tagħha bħala
parametru ta’ utilità fil-formoli fl-Anness I. Din id-dejta hija
disponibbli u l-użu potenzjali tagħha ġie vvalutat
fil-valutazzjoni tal-impatt, abbażi ta' dik il-valutazzjoni ġie
konkluż li l-parametru ta' utilità użat fil-formola għall-2020
għandu jkun il-massa. Madankollu, l-ispiża aktar baxxa u l-merti ta'
bidla lejn impronta bħala parametru ta' utilità għandhom jitqiesu
f'analiżi futura. (15) Għaldaqstant,
ir-Regolament (UE) Nru 443/2009 għandu jiġi emendat skont dan, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 443/2009 huwa
emendat kif ġej: (1)
Fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu jinbidel
b’dan li ġej: "Mill-2020 'il quddiem, dan ir-Regolament
jistabbilixxi mira ta' 95 g CO2/km bħala emissjonijiet medji
għall-flotta tal-karozzi ġodda kif imkejla skont ir-Regolament (KE)
Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008 u
l-miżuri implimentattivi tiegħu, u t-teknoloġiji
innovattivi." (2)
Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied
il-paragrafu 4 li ġej: ‘4. L-Artikolu 4,
l-Artikolu 8(4)(b) u (c), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1)(a) u
(c) ma għandhomx japplikaw għal manifattur li jkun responsabbli,
flimkien mal-impriżi konnessi kollha tiegħu, għal inqas minn 500
karozza ġdida tal-passiġġieri rreġistrati fl-UE fis-sena
kalendarja preċedenti.” (3)
L-ewwel inċiż fil-punt (a)
tal-Artikolu 3(2) għandu jinbidel b'dan li ġej: "- is-setgħa li jeżerċita
aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot; jew" (4)
Jiddaħħal l-artikolu li ġej wara
l-Artikolu 5: "Artikolu 5a Super krediti għall-mira ta' 95 g CO2/km 1. Fil-kalkolu tal-emissjonijiet
speċifiċi medji ta' CO2, kull karozza ġdida tal-passiġġieri b'emissjonijiet
speċifiċi ta' CO2 ta' inqas minn 35 g CO2/km għandha tiġi magħduda bħala 1.3 karozzi
tal-passiġġieri fil-perjodu bejn l-2020 u l-2023 u bħala karozza
waħda tal-passiġġieri mill-2024 'il quddiem. 2. L-għadd massimu ta' karozzi
ġodda tal-passiġġieri li għandu jitqies fl-applikazzjoni
tal-multiplikaturi stabbiliti fil-paragrafu 1 għall-perjodu bejn
l-2020 u l-2023 ma għandux jaqbeż l-20 000 reġistrazzjoni
ġdida tal-karozzi tal-passiġġieri għal kull
manifattur." (5)
Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 9 jinbidel
b’dan li ġej: "9. Il-Kummissjoni għandha tadotta
regoli dettaljati dwar il-proċeduri għall-monitoraġġ u
r-rappurtar ta’ dejta taħt dan l-Artikolu u dwar l-applikazzjoni
tal-Anness II permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni
għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami
msemmija fl-Artikolu 14(2). Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati skont
l-Artikolu 14a biex temenda l-Anness II fir-rigward
tar-rekwiżiti tad-dejta u l-parametri tad-dejta." (6)
Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 3 jinbidel
b’dan li ġej: "3. Il-Kummissjoni għandha tadotta
arranġamenti dettaljati għall-ġbir tal-primjums
għall-eċċess ta' emissjonijiet taħt il-paragrafu 1
permezz tal-atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom
jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija
fl-Artikolu 14(2)." (7)
L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej: (a) Fil-paragrafu 3, titħassar
l-aħħar sentenza. (b) Fit-tieni subparagrafu
tal-paragrafu 4, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej: "(b) jekk l-applikazzjoni hija
fir-rigward tal-punt (a) u (b) tal-Anness I, il-punt 1, mira li hija
tnaqqis ta' 25 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2
fl-2007 jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta' għadd ta’
impriżi konnessi, tnaqqis ta’ 25 % fuq il-medja tal-emissjonijiet
speċifiċi medji ta’ CO2 ta' dawk l-impriżi
fl-2007." (c) Fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4,
jiżdied il-punt (c) li ġej: "(c) jekk l-applikazzjoni hija
fir-rigward tal-punt (c) tal-Anness I, il-punt 1, mira li hija tnaqqis ta'
45 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 fl-2007
jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta' għadd ta’ impriżi
konnessi, tnaqqis ta’ 45 % fuq il-medja tal-emissjonijiet
speċifiċi medji ta’ CO2 ta' dawk l-impriżi
fl-2007." (8)
(b) Il-paragrafu 8 jinbidel b’dan li
ġej: "8. Il-Kummissjoni għandha tadotta
atti delegati skont l-Artikolu 14a li jistabbilixxu regoli li
jissupplimentaw il-paragrafi 1 sa 7 ta' dan l-Artikolu, fir-rigward
tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal derogi, tal-kontenut
tal-applikazzjonijiet, u tal-kontenut u l-valutazzjoni tal-programmi
għat-tnaqqis ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2."
(9)
Fl-Artikolu 12(2), l-ewwel sentenza tinbidel
b'dan li ġej: "Il-Kummissjoni għandha tadotta
dispożizzjonijiet dettaljati għal proċedura biex jiġu
approvati t-teknoloġiji innovattivi msemmija fil-paragrafu 1 permezz
tal-atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom
jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija
fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament." (10)
L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej: (a) Fil-paragrafu 2, it-tielet
subparagrafu jinbidel b’dan li ġej: "Dawk il-miżuri għandhom jiġu
adottati permezz ta' atti ddelegati skont l-Artikolu 14a." (b) Jitħassar it-tieni subparagrafu
tal-paragrafu 3 (c) Il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li
ġej: "5.
“Sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha
tirrevedi l-miri speċifiċi għall-emissjonijiet, il-modalitajiet
u aspetti oħra ta' dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi l-miri
għall-emissjonijiet ta' CO2 għal karozzi ġodda
tal-passiġġieri għall-perjodu ta' wara l-2020.” (d) Il-paragrafu 7 jinbidel b’dan li
ġej: "7. Il-Kummissjoni għandha
tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a
biex tadatta l-formoli fl-Anness I sabiex tkun riflessa kwalunkwe bidla
fil-proċedura tat-test regolatorju għall-kejl tal-emissjonijiet
speċifiċi tas-CO2 imsemmija fir-Regolament (KE)
Nru 715/2007 u r-Regolament (KE) Nru 692/2008 filwaqt li jiġi
żgurat li r-rekwiżiti għat-tnaqqis ta’ restrizzjoni komparabbli
għall-manifatturi u vetturi ta' utilità differenti jkunu meħtieġa
taħt il-proċeduri ta' testjar il-qodma u l-ġodda. " (11)
L-Artikolu 14 jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 14
Proċedura tal-Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi
assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 9
tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira
tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 2. Meta ssir referenza għal dan
il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE)
Nru 182/2011.” (12)
Għandu jiddaħħal l-Artikolu 14a
li ġej: "Artikolu 14a
Eżerċitar tad-delega 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti
delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta
għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa li jiġu adattati atti
delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9),
l-Artikolu 11(8), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u
l-Artikolu 13(7), għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni
għal perjodu indeterminat minn [id-data tad-dħul fis-seħħ
ta' dan ir-Regolament]. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tieni
subparagrafu tal-Artikolu 8(9), fl-Artikolu 11(8), fit-tielet
subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u fl-Artikolu 13(7) tista’ tiġi
revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa
speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol
fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni
f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard
speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att
iddelegat li jkun diġà fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att iddelegat,
il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew
u lill-Kunsill. 5. Att delegat adottat skont it-tieni
subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), it-tielet
subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13(7) għandu
jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni
mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta’ xahrejn ta’ notifika ta’
dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’
dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw
lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi
estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. (13)
Fil-punt 1 tal-Anness I, jiżdied
il-punt (c) li ġej: "(c) Mill-2020: Emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2
= 95 + a × (M – M0) Fejn: M = il-massa tal-vettura f’kilogrammi (kg) M0 = il-valur adottat skont
l-Artikolu 13(2) a = 0,0333." Artikolu 2
Dan ir-Regolament ghandu jidhol
fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tieghu f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament ghandu jorbot
fl-intier tieghu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] COM/2011/0112 finali [2] Esklużi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali [3] It-trasport tal-UE f'ċifri 2011,
il-Kummissjoni Ewropea [4] http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/docs/study_car_2011_en.pdf
[5] http://ec.europa.eu/clima/consultations/0012/index_en.htm
[6] http://ec.europa.eu/clima/events/0048/index_en.htm [7] ĠU C , , p. . [8] ĠU C , , p. . [9] ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1. [10] ĠU L 171, 29.6.2007, p.1. [11] ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1. [12] ĠU L 145,
31.5.2011, p. 1 [13] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. [14] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.