Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 44/2012 rigward il-limiti tal-qbid għall-capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja /* COM/2012/0383 final - 2012/0187 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-Regolament tal-Kunsill (UE)
Nru 44/2012[1]
jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet
tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE
għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet
tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet
internazzjonali. Normalment l-opportunitajiet tas-sajd jiġu emendati
diversi drabi waqt il-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Mhux applikabbli. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA L-emendi proposti għandhom l-għan li
jimmodifikaw ir-Regolament imsemmi hawn fuq, kif ġej: Capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 44/2012, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-kwota
tal-Unjoni għall-capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja taż-żoni
ICES V u XIV. Skont dan l-Artikolu, abbażi tal-allokazzjoni
stabbilita mill-Groenlandja, u skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd
(FPA) bejn il-Komunità Ewropea min-naħa waħda, u l-Gvern
tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja min-naħa l-oħra, u
l-Protokoll tiegħu, l-Unjoni għandha tirċievi 7.7 % tat-TAC
għall-capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja taż-żoni ICES V u
XIV. Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni mill-awtoritajiet
tal-Groenlandja li l-Groenlandja se talloka pm
tunnellati lill-Unjoni f’konformità mas-sehem iffissat skont il-Protokoll, li
għandu jiġi mistad sat-30 ta’ April 2013. Meta r-Regolament (UE) Nru 44/2012 kien
adottat fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għamlet
dikjarazzjoni dwar il-capelin maqbud fl-ilmijiet tal-Groenlandja
taż-żoni V u XIV fejn impenjat ruħha li tidħol
f'diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-possibbiltà li talloka bejniethom
l-opportunitajiet tas-sajd tal-capelin offruti mill-Groenlandja, fil-kuntest
tal-FPA bejn l-UE u l-Groenlandja u l-Protokoll imsemmi hawn fuq. Meta jitqies li ma kien hemm l-ebda sajd
immirat għall-capelin minn kwalunkwe bastiment tal-UE taħt il-Ftehim
ta’ Sħubija dwar is-Sajd mal-Groenlandja bejn l-2004 u l-2010, u li
fl-2011 kien hemm sajd mhux allokat mid-Danimarka waħidha, il-Kummissjoni
tipproponi li tuża s-snin 1998-2003 bħala l-perjodu ta' referenza
biex tistabbilixxi l-allokazzjoni bejn l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, wara kunsiderazzjoni
tal-konsultazzjonijiet annwali dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u
n-Norveġja għall-2012 u b’mod partikolari lejn l-impenn magħmul
mill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi lin-Norveġja bi kwantità addizzjonali
ta’ 20 000 tunnellata ta' capelin aktar mill-bilanċ normali malli
l-capelin isir disponibbli fl-ilmijiet tal-Groenlandja, huwa xieraq li
tipprovdi għal dan l-ammont mill-kwota tal-Unjoni ta’ pm tunnellati msemmija hawn fuq. 2012/0187 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 44/2012
rigward il-limiti tal-qbid għall-capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea[2], Billi: (1) Il-Ftehim ta’ Sħubija
dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea min-naħa waħda, u l-Gvern
tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja min-naħa l-oħra[3],
u l-Protokoll tiegħu[4], jipprovdi li l-Unjoni
għandha tirċievi 7,7 % tat-total tal-qabdiet disponibbli (TAC)
għall-capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja taż-żoni ICES V u
XIV. (2) Ir-Regolament tal-Kunsill
(UE) Nru 44/2012[5]
iffissa għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta' April 2012
kwota provviżorja tal-Unjoni għall-istokk tal-capelin f’dawk
l-ilmijiet tal-Groenlandja, mingħajr allokazzjonijiet speċifiċi
għall-Istati Membri. (3) Fil-… l-Unjoni rċeviet informazzjoni mill-awtoritajiet
tal-Groenlandja li t-TAC għall-capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja
fis-subżoni tal-ICES V u XIV ġew stabbiliti għal … tunnellata għall-perjodu
mill-1 ta’ Mejju 2012 sat-30 ta' April 2013.
Il-kwota rilevanti tal-Unjoni għal dak il-perjodu għandha
għalhekk tkun iffissata għal pm
tunnellati. (4) Fil-qafas
tal-konsultazzjonijiet annwali dwar is-sajd bejn l-Unjoni u n-Norveġja,
l-Unjoni ħadet l-impenn li tipprovdi lin-Norveġja bi kwantità
addizzjonali ta’ 20 000 tunnellata ta' capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja
taż-żoni ICES V u XIV għall-2012. Huwa xieraq li dak
l-ammont jiġi allokat mill-kwota disponibbli tal-Unjoni f’dawk l-ilmijiet.
(5) Barra minn hekk jixraq li
l-kwota tal-Unjoni tiġi allokata fost l-Istati Membri. B’konsiderazzjoni
tal-fatt li l-bastimenti tal-Unjoni ma wettqux attivitajiet tas-sajd immirati
lejn capelin taħt il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd mal-Groenlandja
bejn l-2004 u l-2010, u li fl-2011 Stat Membru wieħed biss għamel
użu mill-kwota mhux allokata tal-Unjoni, il-perjodu ta’ referenza
għall-allokazzjoni tal-kwota tal-Unjoni bejn l-Istati Membri għandu
jkun is-snin 1998-2003. (6) L-allokazzjoni tal-kwota
tal-Unjoni fost l-Istati Membri tmur lil hinn mis-setgħat ta’
implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 5(3)
tar-Regolament (UE) Nru 44/2012. Sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’
provvisti bejn l-atti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, dan ir-Regolament
għandu jistabbilixxi kemm il-kwota tal-Unjoni kif ukoll l-allokazzjoni
tagħha bejn l-Istati Membri. (7) Il-limiti tal-qbid
tal-capelin pprovduti permezz ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw
mill-1 ta’ Mejju 2012. Tali applikazzjoni retroattiva ma
tippreġudikax il-prinċipju taċ-ċertezza legali u
l-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi peress li l-opportunitajiet tas-sajd
ikkonċernati għadhom ma ġewx eżawriti. Billi l-limiti tal-qbid jinfluwenzaw l-attivitajiet
ekonomiċi u l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti
tal-Unjoni, dan ir-Reglament għandu jidħol fis-seħħ
immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. (8) Ir-Regolament (UE)
Nru 44/2012 għandu jiġi emendat kif meħtieġ, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 44/2012 L-Anness IB tar-Regolament (UE)
Nru 44/2012 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 2
Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu jibda japplika
mill-1 ta’ Mejju 2012. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier
tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Fl-Anness IB tar-Regolament (UE)
Nru 44/2012, l-entrata dwar il-capelin fl-ilmijiet tal-Groenlandja
taż-żoni V u XIV għandha tinbidel b’dan li ġej: "Speċi: || Capelin Mallotus villosus || Żona: || l-ilmijiet tal-Groenlandja taż-żoni V u XIV (CAP/514GRN) Id-Danimarka || pm || || Ir-Renju Unit || pm || L-Isvezja || pm || Il-Ġermanja || pm || L-Istati Membri kollha || pm || (1) (2) L-UE || pm || (3) (4) || TAC || Mhux rilevanti || || (1) Ħlief Stati Membri b’iktar minn 10 % tal-kwota tal-Unjoni (2) L-Istati Membri bi kwota assenjata jistgħu jaċċessaw il-kwota tal-"Istati Membri kollha" biss meta jkunu eżawrew il-kwota tagħhom stess. (3) Li minnhom 20 000 tunnellata huma allokati lin-Norveġja. (4) Għandhom jiġu mistada sat-30 ta’ April 2013, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-Regolament." [1] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012
tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012
l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u,
għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal
ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal
negozjati jew ftehimiet internazzjonali (ĠU L 25, 27.1.2012, p.
55-147). [2] [ĠU Ref] [3] ĠU L 172, 30.6.2007, p. 4. [4] ĠU L 172, 30.6.2007, p. 9. [5] ĠU L 25, 27.1.2012, p. 55.