Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi kundizzjonijiet għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 /* COM/2012/0371 final - 2012/0179 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Is-sajd fil-baħar fond fl-Atlantiku
tal-Grigal huwa ddominat parzjalment mill-flotot kostali tradizzjonali
(il-Portugall) u l-bastimenti tat-tkarkir nomadiċi kbar (Franza, Spanja).
Flimkien huma responsabbli għal madwar 1 % tal-ħatt l-art
mill-Atlantiku tal-Grigal għalkemm il-vijabbiltà ekonomika ta' għadd
ta' komunitajiet tas-sajd tiddependi sa ċertu punt fuq is-sajd
fil-baħar fond. Dan is-sajd isir fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet
internazzjonali regolati minn ftehimiet fi ħdan il-Kummissjoni tas-Sajd
tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC). L-istokkijiet
tal-baħar fond huma stokkijiet ta’ ħut li jinqabdu f’ilmijiet lil
hinn miż-żoni ewlenin tas-sajd ta’ blajjet kontinentali. Jinsabu
mqassmin fuq l-xaqlibiet kontinentali jew huma assoċjati ma’ muntanji
fil-baħar. Is-sajd fil-baħar fond ilu suġġett għal
ġestjoni dettaljata dwar l-opportuntajiet tas-sajd (qabda totali
permessibbli, sforz massimu tas-sajd) biss mill-2003. Qabel dan, is-sajd
żviluppa fil-biċċa l-kbira b’mod mhux regolat u b’mod parzjali
wera sintomi tipiċi tal-problema ta' “tellieqa għal min jistad
l-iktar”, u b’hekk kien hemm tnaqqis drastiku tal-istokkijiet. Mill-bidu tal-ġestjoni permezz
tal-opportunitajiet tas-sajd, ġew stabbiliti għadd ta’ miżuri
tekniċi li jillimitaw l-użu ta’ ċerti rkapti f’ilmijiet aktar
fondi jew li jipprojbixxu s-sajd f’ċerti żoni b’livell għoli ta'
bijodiversità f'qiegħ il-baħar. Dawn iż-żoni magħluqa
jirrappreżentaw il-ħidma ta' segwitu mill-Politika Komuni tas-Sajd
(PKS) għall-għażla ta' siti ta' NATURA 2000 mill-Istati
Membri skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats[1]
jew huma miżuri ġenerali ta' prekawzjoni. Il-miżuri
tan-NEAFC fil-qasam tas-sajd fil-baħar fond li ġew adottati u
ttrasposti fil-liġi tal-Unjoni jinkludu l-projbizzjoni ta'
għeżula, żoni magħluqa għall-protezzjoni
tal-ħabitats bentiċi li jirrappreżentaw sorsijiet ewlenin ta'
bijodiversità (ekosistemi vulnerabbli tal-baħar), limiti massimi
għall-isforz tas-sajd magħmul fis-sena u l-immappjar tal-attività
eżistenti tas-sajd bil-għan li s-sajd il-ġdid isir kundizzjonali
għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali li ssir qabel. Dawn
il-miżuri u miżuri tekniċi oħrajn irrakkomandati min-NEAFC
kienu jiġu implimentati minn Regolament tal-Kunsill annwali dwar
l-opportunitajiet tas-sajd qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat
ta' Lisbona; minn dakinhar ‘l hawn hemm fis-seħħ sistema
tranżizzjonali[2]
għall-Atlantiku tal-Grigal kollu, inklużi miżuri adottati
fin-NEAFC. Għall-ilmijiet
internazzjonali mhux regolati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali
tal-Ġestjoni tas-Sajd l-Unjoni adottat Regolament speċifiku li
jipprojbixxi l-użu ta' rkapti tal-qiegħ fl-Ibħra Internazzjonali
mingħajr ma qabel tkun saret valutazzjoni tal-impatt (ir-Regolament (KE)
Nru 734/2008), b'reazzjoni għar-riżoluzzjoni
tal-AĠNU 61/105[3]
dwar il-ġestjoni sostenibbli tas-sajd fil-baħar fond. Mill-2002 l-Unjoni għandha
fis-seħħ sistema speċifika ta’ aċċess (ir-Regolament
(KE) Nru 2347/2002) għall-bastimenti tas-sajd impenjati fis-sajd
fil-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal, magħmula minn erba’ elementi:
restrizzjoni tal-kapaċità, ġbir tad-dejta, monitoraġġ
tal-isforz, u l-kontroll. Il-miżuri li ttieħdu s’issa ma solvewx
b’mod effettiv il-problemi ewlenin tas-sajd, l-aktar: (1)
il-vulnerabbiltà għolja ta’ dawn l-istokkijiet
għas-sajd; ħafna minnhom jifilħu biss għal pressjoni baxxa
tas-sajd fuq perjodu itwal li mhuwiex vijabbli ekonomikament; (2)
is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ
jirrappreżenta l-ogħla riskju għall-qerda ta' ekosistemi
tal-baħar li mhumiex sostitwibbli u li huma vulnerabbli mill-irkaptu
tas-sajd. Mhux magħruf l-ammont ta’ qerda li diġà twettqet; (3)
is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir
għall-ispeċijiet tal-baħar fond jinvolvi livelli għoljin
ta' qabdiet mhux mixtieqa ta' speċijiet tal-baħar fond (bħala
medja minn 20 sa 40 % f'piż b’ċifri massimi individwali fuq
livelli ħafna iktar ogħla); (4)
huwa partikolarment diffiċli li jiġi
determinat il-livell sostenibbli tal-pressjoni tas-sajd permezz tal-parir
xjentifiku. Minħabba l-vulnerabbiltà għolja
tal-istokkijiet tal-baħar fond għas-sajd, it-tnaqqis drastiku
tal-istokk jista' jseħħ f'perjodu qasir ta' żmien, u l-irkupru
jista' jieħu fit-tul ħafna jew ma jseħħx. L-istat
bijoloġiku tal-istokkijiet fil-biċċa l-kbira mhuwiex
magħruf. Xi wħud huma kkunsidrati eżawriti filwaqt li
oħrajn bdew jistabbilizzaw f'livelli baxxi ta' esplojtazzjoni. B’mod
ġenerali s-sajd mhuwiex sostenibbli. L-opportunitajiet tas-sajd naqsu
b’mod konsistenti minn mindu bdiet ir-regolamentazzjoni tagħhom. Id-dejta
bijoloġika mill-istħarriġ xjentifiku probabbilment se tibqa' ma
tkunx biżżejjed sabiex isiru valutazzjonijiet analitiċi
sħaħ tal-istokkijiet fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni qed
tesplora modi kif ittejjeb is-sistema tal-istħarriġ xjentifiku u l-ġbir
tad-dejta fir-rigward tal-ispeċijiet tal-baħar fond
għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss. Għalissa, il-kunċett
ta’ ġestjoni mmirat lejn ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY) ma jistax
jiġi applikat għall-istokkijiet tal-baħar fond minħabba
nuqqas ta’ informazzjoni. Proġett xjentifiku importanti (“deepfishman”) se
jibqa’ għaddej sal-2012. Dan il-proġett jipprova jiżviluppa
regoli tal-ħsad abbażi ta’ indikaturi sekondarji, peress li
l-indikaturi primarji (il-mortalità mis-sajd u d-daqs tal-istokk) mhumiex
magħrufa (DEEPFISHMAN[4]
Ref 227390). L-obbligu
tal-Istati Membri skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija
Marittima li jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb
għall-ekosistemi tal-baħar sal-2020[5] irawwem
valutazzjoni kritika tal-kundizzjonijiet għat-twettiq tas-sajd
fil-baħar fond, inklużi aspetti ambjentali u ta' bijodiversità. L-objettiv ġenerali tal-proposta huwa li
tiżgura kemm jista’ jkun l-esplojtazzjoni sostenibbli tal-istokkijiet
tal-baħar fond filwaqt li tnaqqas l-impatt ambjentali ta’ dan is-sajd, u
li ttejjeb il-bażi tal-informazzjoni għall-valutazzjoni xjentifika.
Sakemm id-dejta u l-metodu ma jkunux kisbu l-livell meħtieġ li
jippermetti ġestjoni abbażi tal-MSY, is-sajd irid jiġi
mmaniġġjat skont l-approċċ prekawzjonali għall-ġestjoni
tas-sajd. Sabiex jitnaqqas
l-impatt distruttiv fuq l-ekosistema tal-baħar, l-użu ta’ xbieki
tat-tkarkir tal-qiegħ għandu jitneħħa gradwalment f’dan
is-sajd, peress li dawn huma l-aktar ta’ ħsara għall-ekosistemi
vulnerabbli tal-baħar u wrew livelli għoljin ta’ qabda mhux mixtieqa
tal-ispeċijiet tal-baħar fond. Ir-restrizzjonijiet
tranżizzjonali fuq l-għeżula tal-qiegħ f’sajd taħt
is-600 m fond u fil-medda ta’ fond bejn il-200 u s-600 m
għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq l-immirar ta' speċijiet
tal-baħar fond. Il-proposta tqis
ukoll l-opportunità biex tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ ġestjoni
għal dawn l-istokkijiet, li bħalissa huma suġġetti
għal strument doppju: il-limitazzjonijiet tal-qbid u l-limitazzjoni
tal-kapaċità/tal-isforz. Fejn din id-duplikazzjoni ma tkunx
meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, isiru
proposti biex jirregolaw is-sajd ikkonċernat bi strument ta’ ġestjoni
wieħed biss. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Wara l-Komunikazzjoni dwar l-analiżi
tas-sistema ta’ aċċess tal-2002 lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill[6], il-Kummissjoni wettqet
valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi ta’ politika futuri billi involviet
lill-Istati Membri u lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs).
Ikkonsultat ukoll lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd
(STECF) dwar ċerti aspetti tekniċi tal-ġestjoni tas-sajd
fil-baħar fond. Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni
wrew qbil wiesa’ dwar il-ħtieġa li titjieb is-sistema ta’
aċċess tal-2002. Madankollu, l-opinjonijiet tal-partijiet interessati
kienu diverġenti b’mod sinifikanti dwar il-miżuri li għandhom
jiġu implimentati. L-Istati Membri enfasizzaw il-valur limitat
tar-rappurtar tal-isforz, tal-ġestjoni tal-isforz u tal-ġestjoni
tal-kapaċità fis-sitwazzjoni ta' bħalissa, b'mod partikolari
minħabba l-fatt li l-kapaċità rreġistrata (abbażi
tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa) fir-realtà ma taqbilx daqshekk
mar-realtà tas-sajd. Jidher li hemm wisq bastimenti li għandhom awtorizzazzjoni
biex jistadu għall-ispeċijiet tal-baħar fond li jagħmlu
parti biss minn proporzjoni żgħira tal-qabdiet totali tagħhom.
Fir-realtà bastimenti bħal dawn ma jagħmlux parti mill-mestier
tas-sajd fil-baħar fond. L-Istati Membri kienu kritiċi wkoll dwar
il-ħut skartat, li huma ddikjaraw li huwa parzjalment dovut mir-regolament
dwar is-sajd. Enfasizzaw ukoll l-importanza li s-sistema ta’ aċċess
tiġi adattata għall-qafas ta’ kontroll il-ġdid. Kienu prudenti
fir-rigward tal-predefinizzjoni tal-approċċ ta’ ġestjoni,
tal-inqas qabel ma ġew stabbiliti l-konklużjonijiet tal-proġett
xjentifiku “DEEPFISHMAN” li jinsab għaddej bħalissa. Fir-rigward tal-lista tal-ispeċijiet
koperti, l-Istati Membri qablu mal-ħtieġa għal kriterji koerenti
iżda enfasizzaw li kull tibdil se jkollu konsegwenzi għax-xejriet u
l-ġestjoni tas-sajd. Barra minn hekk, enfasizzaw l-importanza li jiġu
rispettati drittijiet stabbiliti skont il-prinċipju tal-istabbiltà
relattiva. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligi speċjali dwar
il-ġbir tad-dejta, huma opponew kopertura ogħla xjentifika permezz
ta’ osservaturi abbord u appoġġaw l-integrazzjoni tal-ġbir
tad-dejta speċifikament għall-baħar fond f’qafas aktar wiesa’
ta’ ġbir tad-dejta, li skontu diġà qed isir il-kampjunar ta’ xi
mestieri li jiffukaw fuq l-ispeċijiet tal-baħar fond. Ġew
espressi xi dubji dwar jekk l-ispejjeż involuti sabiex isiru
valutazzjonijiet analitiċi tal-istokkijiet ikunux ġustifikati
fid-dawl tad-daqs żgħir tal-attività, u b'hekk dan iffavorixxa
approċċ ta' ġestjoni prekawzjonali abbażi tax-xejriet
tal-istokkijiet osservati. L-RACs tal-Majjistral u tal-Lbiċ
tal-Unjoni ġew ikkonsultati u enfasizzaw il-bżonn ta' definizzjoni
konsistenti tas-sajd fil-baħar fond u appoġġaw miżuri ta’
ġestjoni mmirati għal dawk il-bastimenti li huma speċjalizzati
fil-mestier. Madankollu, huma ssuġġerew li dawk il-bastimenti ma
jiġux ipprojbiti milli jirritornaw għall-attività tas-sajd
fil-baħar fond li kien hemm rekord preċedenti għaliha u li
mbagħad fi żminijiet aktar riċenti daru għal tipi oħra
ta' attivitajiet tas-sajd biex b'hekk jikkontribwixxu għall-irkupru
tal-istokk. Kienet proposta ġestjoni tas-sajd skont il-mestier, li tista’
tidher differenti għall-gruppi ta’ ftit bastimenti kbar b’iktar minn
mestier wieħed meta mqabbla ma’ gruppi ta’ ħafna bastimenti
żgħar. Huma talbu aktar azzjoni li timmira lejn il-protezzjoni ta'
ekosistemi vulnerabbli tal-baħar u lejn sistema ta' allokazzjoni,
tiġdid u rtirar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Alleanza bejn l-organizzazzjonijiet mhux
governattivi (il-Koalizzjoni għall-Konservazzjoni tal-Baħar Fond)
ressqet il-punt dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti
kundizzjonijiet għall-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ
simili għal dawk applikati fil-Baħar Internazzjonali u enfassizzat
il-problema mhux solvuta tal-qabda mhux mixtieqa ta' speċijiet
tal-baħar fond fis-sajd tat-tkarkir. Il-valutazzjoni tal-impatti li
jirriżultaw minn alternattivi ta’ politika differenti iffukat fuq
ħames alternattivi. Tlieta minnhom ma ġewx ikkunsidrati aktar peress
li tqiesu li ma jirrappreżentawx approċċi ta’ ġestjoni li
jagħmlu sens, bi żvantaġġi li huma bil-wisq akbar
mill-vantaġġi, l-aktar: (a) li titkompla s-sistema attwali u
tiġi emendata biss minn aġġornamenti meħtieġa; (b) li
jiġi pprojbit kompletament is-sajd għall-ispeċijiet
tal-baħar fond u (c) li s-sistema titmexxa għal livell aktar baxx
biex issir biss għodda għat-traspożizzjoni tal-miżuri
adottati fin-NEAFC u għall-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri
fl-ilmijiet tal-Unjoni wkoll. Iż-żewġ alternattivi li kellhom
vantaġġ relattiv kienu: (d) it-tneħħija gradwali tal-irkapti
tas-sajd li l-aktar jagħmlu ħsara u li għandhom fil-mira
l-ispeċijiet tal-baħar fond, jew (e) l-introduzzjoni ta' standards li
ġew żviluppati għas-sajd tal-qiegħ fil-Baħar
Internazzjonali għall-ġestjoni tal-ilmijiet tal-Unjoni.
L-alternattiva (d) inżammet bħala l-aktar strument effikaċi u
sempliċi, filwaqt li l-alternattiva (e) tirriżulta
fiż-żieda ta’ rekwiżiti regolatorji estensivi u
f'restrizzjonijiet inerenti għall-investiment f'sajd li diġà qabad
it-triq tan-niżla. Fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjonijiet tas-sajd
qed jitpoġġew fuq skala aktar baxxa minħabba miżuri
baġitarji ta’ awsterità, mhemmx garanzija biżżejjed ta’
implimentazzjoni fuq l-art ta’ miżuri addizzjonali u estensivi. Fir-rigward tas-simplifikazzjoni, is-sistema
attwali ta’ rappurtar dwar l-isforz tas-sajd relatat mal-ispeċijiet
għandha titwaqqaf. Il-monitoraġġ tal-isforz tas-sajd jista’
jiġi żgurat aħjar bħala eżerċizzju regolari
permezz ta’ talbiet annwali għad-dejta skont il-Qafas għall-Ġbir
tad-Dejta[7],
akkumpanjati minn rikjesti ta’ rappurtar amministrattiv ad hoc
mill-Kummissjoni b'dawn tal-aħħar jintużaw, pereżempju,
fejn ikun hemm dubji dwar il-konformità mal-limiti tal-isforz jew fejn
il-kwalità tad-dejta ma tkunx biżżejjed. Il-kamp ta' applikazzjoni
tar-Regolament ġie rfinat sabiex jiżgura li dan ir-Regolament
jikkonċerna b'mod sħiħ il-bastimenti li għandhom fil-mira
l-ispeċijiet tal-baħar fond, filwaqt li jiżgura li l-bastimenti
li jaqbdu dawn l-ispeċijiet bħala qabdiet inċidentali ma
jespandux dan is-sajd. Barra minn hekk, ir-regoli speċifiċi dwar
il-ġbir tad-dejta se jiġu allinjati mal-Qafas għall-Ġbir
tad-Dejta, biex jiżguraw li l-Istati Membri jużaw l-istess standards
statistiċi u jdaħħlu d-dejta miġbura f’sistema unika ta'
ħżin u pproċessar. In-nuqqas ta' konformità mal-istandards
xjentifiċi għall-ġbir tad-dejta jirriżulta fit-telf
sussegwenti ta' opportunitajiet tas-sajd bħala miżura prekawzjonarja
ta' ġestjoni. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Din il-proposta tistabbilixxi Regolament ta'
qafas għall-eżerċizzju tal-attività tas-sajd li għandha
fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal,
flimkien mal-ilmijiet tal-Unjoni inklużi r-reġjunijiet l-aktar
imbiegħda ta' Spanja u l-Portugall, u l-ilmijiet internazzjonali. L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea jservi bħala l-bażi legali. Din il-proposta taqa'
taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni kif imsemmi
fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar
il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond
il-Politika Komuni dwar is-Sajd jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-PKS.
Skont l-Artikolu 4 tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti
l-miżuri tal-Unjoni li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u
r-riżorsi u l-insegwiment sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd. Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’
proporzjonalità. L-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw miżuri
għall-flotot tagħhom stess li jwasslu għal ġestjoni aktar
sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar fond. Madankollu, ħafna
stokkijiet tal-baħar fond huma maqsuma bejn Stati Membri (f’ċerti
każijiet il-flotta ta’ Stat Membru wieħed tkun l-aktar preżenti
fl-ilmijiet ta’ Stat Membru ieħor). Dan iwassal sabiex l-Istati Membri
jsibuha bi tqila biex jissottomettu l-flotot tagħhom stess għal
miżuri restrittivi sakemm l-istess regoli jew regoli ekwivalenti ma
japplikawx għal flotot ġirien. L-istrument magħżul ta' azzjoni huwa
regolament fuq il-livell tal-Unjoni. L-awtoregolamentazzjoni mhux meqjusa
bħala alternattiva. Skont l-esperjenza tal-iżvilupp ta' sajd mhux
regolat fil-baħar fond, wieħed ma jistax jistenna fiż-żgur
li s-settur se jiżviluppa u jinforza l-kodiċi tal-kondotta tiegħu
stess biex jiżgura ħsad sostenibbli ta' dawn ir-riżorsi. 4. IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni
għall-baġit tal-Unjoni. 2012/0179 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jistabbilixxi kundizzjonijiet
għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u
dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku
tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea[8], Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv
intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar
il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont
il-Politika Komuni dwar is-Sajd[10]
jirrikjedi l-istabbiliment ta’ miżuri Komunitarji li jirregolaw
l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-insegwiment ta’
attivitajiet tas-sajd u li huma meħtieġa biex jiżguraw
l-isfruttar razzjonali u responsabbli tar-riżorsi fuq bażi
sostenibbli. L-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi l-applikazzjoni
ta’ approċċi tal-ekosistemi u prekawzjonali fit-teħid ta’
miżuri li jimminimizzaw l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq
l-ekosistemi tal-baħar. (2) L-Unjoni hija impenjata li
timplimenta r-Riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali
tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 61/105 u
64/72, li permezz tagħhom l-Istati u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali
tal-Ġestjoni tas-Sajd huma mitluba jiżguraw il-protezzjoni
tal-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond mill-impatt distruttiv
tal-irkapti tas-sajd tal-qiegħ, kif ukoll l-isfruttar sostenibbli
tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond. (3) Il-Kummissjoni evalwat
ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet
speċifiċi ta' aċċess u kundizzjonijiet relattivi
għas-sajd ta' ħażniet tal-baħar fond[11]. Il-Kummissjoni[12] sabet b’mod partikolari, li
l-kamp ta’ applikazzjoni tal-flotta kkonċernata kien wiesa’ wisq, li kien
hemm nuqqas ta’ gwida fuq il-kontroll f’portijiet magħżula u fuq
programmi ta’ kampjunar, u li l-kwalità tar-rappurtar tal-Istati Membri
tal-livelli tal-isforz kien varjabbli wisq. (4) Sabiex jinżamm
it-tnaqqis meħtieġ fil-kapaċità tas-sajd li nkiseb sa issa fis-sajd
fil-baħar fond, huwa xieraq li jkun hemm provvediment għall-fatt li
s-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond huwa suġġett
għal awtorizzazzjoni tas-sajd li tillimita l-kapaċità tal-bastimenti
eleġibbli li jħottu l-art speċijiet tal-baħar fond.
Bil-ħsieb li l-miżuri ta’ ġestjoni jkunu ffukati fuq il-parti
tal-flotta l-aktar rilevanti għas-sajd fil-baħar fond,
l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jinħarġu skont is-sajd
fil-mira jew is-sajd b’qabdiet inċidentali. (5) Detenturi ta' awtorizzazzjoni
tas-sajd li tippermetti l-qbid ta' speċijiet tal-baħar fond
għandhom jikkooperaw f'attivitajiet ta' riċerka xjentifika li jwasslu
għal titjib fil-valutazzjoni tal-istokkijiet tal-baħar fond u
tal-ekosistemi tal-baħar fond. (6) Is-sidien tal-bastimenti
għandu jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li tippermetti l-qabdiet
inċidentali ta’ speċijiet tal-baħar fond meta jkunu qed jistadu
għal speċijiet oħra f’żoni fuq ix-xaqliba kontinentali li
fiha jista’ jsir ukoll sajd fil-baħar fond. (7) Is-sajd fil-baħar fond
bi xbieki ta’ tkarkir tal-qiegħ fih l-ogħla riskju
għall-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fost l-irkapti differenti
użati u jirrapporta l-ogħla rati ta' qabdiet mhux mixtieqa ta'
speċijiet tal-baħar fond. Għalhekk, ix-xbieki tat-tkarkir
tal-qiegħ għandhom jiġu pprojbiti b'mod permanenti milli
jimmirraw għall-ispeċijiet tal-baħar fond. (8) L-għeżula
tal-qiegħ huma attwalment limitati fl-użu fis-sajd fil-baħar
fond mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi
miżuri tekniċi tranżitorji mill-1 ta’ Jannar 2010
sat-30 ta’ Ġunju 2011[13].
Fit-dawl tar-rati għolja ta’ qabdiet mhux mixtieqa fejn ġew
użati b’mod mhux sostenibbli f’ilmijiet fondi, u fid-dawl tal-impatt
ekoloġiku ta’ rkaptu mitluf jew abbandunat, dan l-irkaptu għandu
wkoll jiġi pprojbit b’mod permanenti milli jkollu fil-mira
l-ispeċijiet tal-baħar fond. (9) Madankollu, sabiex
is-sajjieda jingħatalhom biżżejjed żmien biex
jaġġustaw għar-rekwiżiti l-ġodda,
l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd attwali għal sajd bi xbieki tat-tkarkir
tal-qiegħ u b’għeżula tal-qiegħ għandhom ikomplu jkunu
validi għal perjodu speċifiku ta’ żmien. (10) Barra minn hekk, il-bastimenti
li jridu jbiddlu l-irkaptu sabiex ikunu jistgħu jibqgħu
jeżerċitaw dan is-sajd għandhom ikunu eliġibbli biex
jirċievu assistenza finanzjarja mill-Fond Ewropew għas-Sajd sakemm
l-irkaptu l-ġdid inaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ispeċijiet mhux
kummerċjali u wkoll sakemm il-programm nazzjonali operattiv jippermetti
l-kontribuzzjoni għal miżuri bħal dawn. (11) Il-bastimenti li għandhom
fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond b'irkaptu ieħor
tal-qiegħ ma għandhomx jestendu l-medda tal-operazzjoni tagħhom
skont l-awtorizzazzjoni tagħhom ġewwa l-ilmijiet tal-Unjoni, sakemm
l-espansjoni ma tiġix ivvalutata bħala li ma għandhiex riskju
sinifikanti ta’ impatt negattiv fuq l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar. (12) Il-parir xjentifiku dwar
ċerti stokkijiet tal-ħut li jinsabu fil-baħar fond jindika li
dawn l-istokkijiet huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttar, u li
s-sajd għal dawn l-istokkijiet għandu jkun limitat jew imnaqqas
bħala miżura prekawzjonali. L-opportunitajiet tas-sajd
għall-istokkijiet tal-baħar fond ma għandhomx imorru lil hinn
minn dawk il-livelli li jingħataw fil-parir xjentifiku bħala
prekawzjonali. Fil-każ li l-parir ma jingħatax minħabba nuqqas
ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar l-istokkjiet jew l-ispeċijiet, ma
għandhom jiġu allokati ebda opportunitajiet tas-sajd. (13) Il-parir xjentifku jindika
wkoll li l-limiti tal-isforz tas-sajd huma strument xieraq għall-iffissar
tal-opportunitajiet tas-sajd għas-sajd fil-baħar fond. Fid-dawl
tal-fatt li fis-sajd fil-baħar fond hemm preżenti varjetà kbira ta’
rkapti u xejriet tas-sajd, u minħabba l-bżonn li jiġu
żviluppati miżuri ta’ akkumpanjament biex jilqgħu
għall-punti dgħajfa f'termini ambjentali tas-sajd individwali,
il-limiti tal-isforz tas-sajd jissostwixxu l-limiti tal-qbid biss fejn jista'
jiġi żgurat li huma adattati għas-sajd speċifiku. (14) Sabiex tkun żgurata
ġestjoni adattata għas-sajd speċifiku, l-Istati Membri
kkonċernati għandu jingħataw is-setgħa li jieħdu
miżuri ta’ konservazzjoni ta’ akkumpanjament u li jivvalutaw fuq bażi
annwali l-konsistenza tal-livelli tal-isforz bil-parir xjentifiku dwar
l-isfruttar sostenibbli. Il-limiti tal-isforz adattati f’termini reġjonali
għandhom ukoll jissostwixxu l-limiti globali eżistenti fuq l-isforz
tas-sajd li kien hemm qbil dwarhom fil-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku
tal-Grigal (NEAFC). (15) Peress li l-informazzjoni
bijoloġika tista’ tiġi miġbura bl-aħjar mod permezz ta’
standards armonizzati għall-ġbir tad-dejta, huwa xieraq li
l-ġbir tad-dejta dwar mestieri tal-baħar fond jiġi integrat
fil-qafas ġenerali tal-ġbir tad-dejta xjentifika, filwaqt li
jiġi żgurat il-provvediment ta' informazzjoni addizzjonali
meħtieġa biex tinftiehem id-dinamika tas-sajd. Għal finijiet ta’
simplifikazzjoni, ir-rappurtar dwar l-isforz skont l-ispeċi ma
għandux jitkompla u għandu jiġi sostitwit mill-analiżi ta’
talbiet rikorrenti għal dejta xjentifika lill-Istati Membri li jkun fiha
kapitolu speċifiku dwar il-mestieri tal-baħar fond. (16) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi
sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità
mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[14]
jistipula r-rekwiżiti ta’ kontroll u infurzar fir-rigward tal-pjanijiet
multiannwali. L-ispeċijiet tal-baħar fond, li fin-natura tagħhom
huma vulnerabbli għas-sajd, għandhom jirċievu l-istess
attenzjoni f’termini ta’ kontroll bħall-ispeċijiet l-oħra ta’
konservazzjoni li għalihom kien hemm qbil għal pjan ta’ ġestjoni
multiannwali. (17) Detenturi ta' awtorizzazzjoni
tas-sajd li tippermetti l-qbid ta' speċijiet tal-baħar fond
għandhom jitilfu l-awtorizzazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda l-qbid
ta’ speċijiet tal-baħar fond jekk ma jikkonformawx mal-miżuri
ta' konservazzjoni rilevanti. (18) Il-Konvenzjoni dwar
il-kooperazzjoni multilaterali futura fis-sajd tal-Atlantiku tal-Grigal kienet
approvata permezz tad-Deċiżjoni 81/608/KEE u daħlet
fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982. Dik il-konvenzjoni
tipprovdi għal qafas xieraq għall-kooperazzjoni multilaterali dwar
il-konservazzjoni u l-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi tas-sajd
fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal. Il-miżuri ta’
ġestjoni adottati fin-NEAFC jinkludu miżuri tekniċi
għall-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ speċijiet regolati fi
ħdan in-NEAFC u għall-protezzjoni tal-ħabitats vulnerabbli
tal-baħar, inklużi miżuri prekawzjonali. (19) Il-Kummissjoni għandha
tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290
tat-TFUE biex tispeċifika miżuri li jakkumpanjaw il-limiti tal-isforz
annwali jekk l-Istati Membri jonqsu milli jeħduhom jew jekk il-miżuri
li ġew adottati minnhom ma jitqisux bħala kompatibbli mal-objettivi
ta' dan ir-Regolament jew jitqiesu mhux biżżejjed fir-rigward
tal-għanijiet indikati f'dan ir-Regolament. (20) Il-Kummissjoni għandha
tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290
tat-TFUE, li jistgħu jkunu meħtieġa biex jemendaw jew
jissupplimetaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament f’każijiet fejn
ma jkunx hemm miżuri ta' akkumpanjament jew fejn il-miżuri ta'
akkumpanjament adottati mill-Istati Membri ma jkunux biżżejjed u
b'rabta mal-limiti tal-isforz annwali, meta dawn jissostitwixxu l-limiti
tal-qbid. (21) Għalhekk, huwa
meħtieġ li jidħlu regoli ġodda li jirregolaw is-sajd
għall-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u li
jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002. (22) Il-Kummissjoni, meta
tipprepara u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura
trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 1
Objettivi L-objettivi ta’ dan ir-Regolament huma dawn li
ġejjin: (a)
li jiżgura l-isfruttar sostenibbli
tal-ispeċijiet tal-baħar fond filwaqt li jimminimizza l-impatt
tal-attivitajiet tas-sajd fil-baħar fond fuq l-ambjent tal-baħar; (b)
li jtejjeb l-għarfien xjentifiku dwar
l-ispeċijiet tal-baħar fond u l-ħabitats tagħhom
għall-finijiet imsemmija fil-punt (a); (c)
li jimplimenta miżuri tekniċi fuq
il-ġestjoni tas-sajd rakkomandati mill-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku
tal-Grigal (NEAFC). Artikolu 2
Kamp ta’ Applikazzjoni Dan ir-Regolament japplika
għall-attivitajiet tas-sajd jew għall-attivitajiet tas-sajd ippjanati
fl-ilmijiet li ġejjin: (a) l-ilmijiet tal-Unjoni tal-Kunsill
Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES),
is-subżoni II sa XI u tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku
Ċentrali tal-Lvant (CECAF), iż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2, (b) l-ilmijiet internazzjonali
taż-żoni tas-CECAF 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 u (c) iż-Żona Regolatorja
tan-NEAFC, Artikolu 3
Definizzjonijiet 1. Għall-finijiet ta’ dan
ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stipulati
fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikolu 2
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2008[15]. 2. Barra minn hekk, għandhom
japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) "żoni ICES" huma kif
definiti fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill[16]; (b) "żoni CECAF" huma kif
definiti fir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill[17];
(c) "żona Regolatorja
tan-NEAFC" tfisser l-ilmijiet suġġetti għall-Konvenzjoni
dwar kooperazzjoni multilaterali futura fis-sajd tal-Atlantiku tal-Grigal li
jinsabu lil hinn mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd
tal-partijiet kontraenti għal dik il-Konvenzjoni. (d) “speċijiet tal-baħar fond”
tfisser l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I; (e) “l-aktar speċijiet vulnerabbli”
tfisser l-ispeċijiet tal-baħar fond indikati fit-tielet kolonna
‘L-aktar vulnerabbli (x)’ tat-tabella fl-Anness I; (f) "mestier" tfisser attivitajiet
tas-sajd li għandhom fil-mira ċerti speċijiet minn ċertu
rkaptu f’ċertu żona; (g) "mestier tal-baħar fond"
tfisser mestier li għandu fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond
skont l-indikazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament; (h) "Ċentru ta’
Monitoraġġ tas-Sajd" tfisser ċentru operattiv stabbilit
minn Stat Membru tal-bandiera u mgħammar b’ħardwer u softwer
tal-kompjuter li jippermetti reċezzjoni awtomatika ta’ dejta,
ipproċessar u trażmissjoni elettronika ta’ dejta; (i) "korp konsultattiv xjentifiku"
tfisser bord xjentifiku dwar is-sajd internazzjonali li jissodisfa l-istandards
internazzjonali għall-parir xjentifiku bbażat fuq ir-riċerka; (j) “rendiment massimu sostenibbli” tfisser
il-qabda massima li tista’ tittieħed minn stokk tal-ħut b’mod
indefinit. KAPITOLU II
AWTORIZZAZJONIJIET TAS-SAJD Artikolu 4
Tipi ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd 1. L-attivitajiet tas-sajd li
għandhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond li jitwettqu minn
bastiment tas-sajd tal-Unjoni, għandhom ikunu suġġetti għal
awtorizzazzjoni tas-sajd, li għandha tindika l-ispeċi tal-baħar
fond bħala l-ispeċi fil-mira. 2. Għall-finijiet
tal-paragrafu 1, l-attivitajiet tas-sajd jitqiesu li għandhom
fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond, jekk: (a) l-ispeċijiet tal-baħar fond
huma mniżżla bħala fil-mira fil-kalendarju tas-sajd
tal-bastiment, jew (b) irkaptu li jintuża biss
għall-qbid tal-ispeċijiet tal-baħar fond jinġarr abbord
il-bastiment jew jintuża fiż-żona ta' operazzjoni, jew (c) il-kaptan tal-bastiment iniżżel
fil-ġurnal ta’ abbord persentaġġ ta’ speċijiet
tal-baħar fond ekwivalenti jew ogħla minn 10 % tal-piż
tal-qabda ġenerali fil-jum tas-sajd ikkonċernat. 3. L-attivitajiet tas-sajd li ma
għandhomx fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond, iżda li
jaqbdu dawn l-ispeċijiet bħala qabda inċidentali, imwettqa minn
bastiment tas-sajd tal-Unjoni, għandhom ikunu suġġetti għal
awtorizzazzjoni tas-sajd li għandha tindika l-ispeċijiet
tal-baħar fond bħala qabda inċidentali. 4. Iż-żewġ tipi
ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafi 1 u 3
rispettivament għandhom ikunu distinti b’mod ċar fil-bażi
tad-dejta ettronika msemmija fl-Artiklu 116 tar-Regolament (KE)
Nru 1224/2009. 5. Minkejja l-paragrafi 1 u
3, il-bastimenti tas-sajd jistgħu jaqbdu, iżommu abbord,
jittrażbordaw jew iħottu l-art kwalunkwe kwantità ta’ speċijiet
tal-baħar fond mingħajr awtorizzazzjoni tas-sajd, jekk dik il-kwantità
tkun taħt il-livell limitu ffissat għal 100 kg ta’ kwalunkwe
taħlita ta’ speċijiet tal-baħar fond għal kull
vjaġġ tas-sajd. Artikolu 5
Ġestjoni tal-kapaċità Il-kapaċità aggregata tas-sajd imkejla
f’tunnellaġġ gross u f’kilowatt tal-bastimenti tas-sajd kollha li
għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa minn Stat Membru, li
tippermetti l-qabda ta’ speċijiet tal-baħar fond, kemm bħala
l-ispeċi fil-mira kif ukoll bħala qabda inċidentali, fl-ebda
mument ma għandha taqbeż il-kapaċità aggregata tas-sajd
tal-bastimenti ta' dak l-Istat Membru li ħattew l-art 10 tunnellati
jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond matul waħda mis-sentejn
kalendarji li jiġu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan
ir-Regolament, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra. Artikolu 6
Rekwiżiti ġenerali għall-applikazzjonijiet għal
awtorizzazzjonijiet tas-sajd Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni
tas-sajd li tippermetti l-qabda ta’ speċijiet tal-baħar fond kemm
bħala l-ispeċi fil-mira kif ukoll bħala qabda inċidentali,
u għat-tiġdid tagħha, għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni
taż-żona fejn ikun maħsub li se jitwettqu l-attivitajiet
tas-sajd, it-tipi ta' rkapti, il-medda ta' fond li fiha se jitwettqu
l-attivitajiet u l-ispeċijiet individwali fil-mira. Artikolu 7
Rekwiżiti speċifiċi għall-applikazzjonijiet
għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-ħruġ tagħhom li
jippermettu l-użu ta’ rkapti tal-qiegħ f’attivitajiet tas-sajd li
għandhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond 1. Flimkien mar-rekwiżiti
stipulati fl-Artikolu 6, kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni
tas-sajd b'sajd tal-baħar fond fil-mira, kif imsemmi
fl-Artikolu 4(1), li tippermetti l-użu ta’ rkapti tal-qiegħ
fl-ilmijiet tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(a), għandha tkun
akkumpanjata minn pjan tas-sajd dettaljat li jispeċifika: (a) is-siti tal-attivitajiet maħsuba li
jimmiraw għall-ispeċijiet tal-baħar fond fil-mestier
tal-baħar fond. Is-sit(i) għandu/għandhom jiġi/jiġu
definit(i) minn koordinati skont is-Sistema Ġeodetika Dinjija tal-1984; (b) is-siti, jekk hemm, ta’ attivitajiet
fil-mestier tal-baħar fond matul l-aħħar tliet snin kalendarji
sħaħ. Dak/Dawk is-sit(i) għandu/għandhom
jiġi/jiġu definit(i) skont is-Sistema Geodetika Dinjija tal-1984 u
għandu/hom jiċċirkoskrivi/aw l-attivitajiet tas-sajd mill-iktar
qrib possibbli. 2. Kull awtorizzazzjoni tas-sajd
li tinħareġ abbażi ta’ applikazzjoni li ssir skont
il-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-irkaptu tal-qiegħ li
se jintuża u għandha tillimita l-attivitajiet tas-sajd awtorizzati
għaż-żona li fiha jikkoinċidu l-attività tas-sajd
intenzjonata, kif stipulata fil-paragrafu 1(a), u l-attività tas-sajd
eżistenti, kif stipulata fil-paragrafu 1(b). Madankollu,
iż-żona tal-attività tas-sajd maħsuba tista’ tiġi
estiża lil hinn miż-żona tas-sajd eżistenti jekk l-Istat
Membru jkun ivvaluta u ddokumenta, abbażi tal-parir xjentifiku, li
estensjoni bħal din ma tkunx se tħalli impatti avversi sinifikanti
fuq l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar. Artikolu 8
Parteċipazzjoni minn bastimenti f’attivitajiet ta’ ġbir tad-dejta
fis-sajd fil-baħar fond L-Istati Membri għandhom jinkludu l-kundizzjonijiet
meħtieġa fl-awtorizzazzjonijiet tas-sajd kollha skont
l-Artikolu 4 biex jiżguraw li l-bastiment ikkonċernat
jipparteċipa, f'kooperazzjoni mal-istitut xjentifiku rilevanti, fi
kwalunkwe skema ta' ġbir tad-dejta li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha
jkun jinkludi l-attivitajiet tas-sajd li għalihom qed jingħataw
l-awtorizzazzjonijiet. Artikolu 9
Skadenza tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd li għandhom fil-mira
l-ispeċijiet tal-baħar fond għal bastimenti li jużaw xbieki
tat-tkarkir tal-qiegħ jew għeżula tal-qiegħ L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija
fl-Artikolu 4(1) għal bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir
tal-qiegħ jew l-għeżula tal-qiegħ għandhom jiskadu
mhux aktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan
ir-Regolament. Wara dik id-data mhux se jinħarġu jew
jiġġeddu awtorizzazzjonijiet tas-sajd li għandhom fil-mira
l-ispeċijiet tal-baħar fond b’dawk l-irkapti. KAPITOLU III
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD U MIŻURI TA' AKKUMPANJAMENT Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 10
Prinċipji 1. L-opportunitajiet tas-sajd
għandhom jiġu ffissati f’rata ta’ sfruttar tal-ispeċijiet
tal-baħar fond ikkonċernati li tkun konsistenti mar-rendiment massimu
sostenibbli. 2. Fejn, abbażi tal-aqwa
parir xjentifiku disponibbli, mhuwiex possibbli li jiġu identifikati
r-rati ta’ sfruttar konsistenti mar-rendiment massimu sostenibbli,
l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati kif ġej: a) fejn l-aqwa informazzjoni xjentifika
disponibbli tidentifika rati ta’ sfruttar li jikkorrispondu
mal-approċċ prekawzjonali għall-ġestjoni tas-sajd,
l-opportunitajiet tas-sajd għall-perjodu ta’ ġestjoni tas-sajd
rilevanti ma jistgħux jiġu ffissati f'livell ogħla minn dawk
ir-rati. b) fejn l-aqwa informazzjoni xjentifika
disponibbli ma tidentifikax rati ta' sfruttar li jikkorrispondu
mal-approċċ prekawzjonali għall-ġestjoni tas-sajd
minħabba nuqqas ta' dejta biżżejjed dwar ċertu stokk jew
speċi, ma għandha tiġi allokata ebda opportunità tas-sajd
għas-sajd ikkonċernat. Taqsima 2
Ġestjoni permezz tal-limiti tal-isforz tas-sajd Artikolu 11
Opportunitajiet tas-sajd permezz tal-limiti tal-isforz tas-sajd biss 1. Il-Kunsill, filwaqt li
jaġixxi skont it-Trattat, jista’ jiddeċiedi li jaqleb mill-iffissar
tal-opportunitajiet tas-sajd annwali għall-ispeċijiet tal-baħar
fond f'termini kemm tal-limiti tal-isforzi tas-sajd u kemm tal-limiti tal-qbid
għall-iffissar tal-limiti tal-isforzi tas-sajd biss għal tipi
speċifiċi tas-sajd. 2. Għall-finijiet
tal-paragrafu 1, il-livelli tal-isforz tas-sajd għal kull mestier
tal-baħar fond li għandhom jintużaw bħala l-linja bażi
għal kwalunkwe aġġustament meħtieġ sabiex jiġu
segwiti l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 10 għandhom ikunu
l-livelli tal-isforz tas-sajd ivvalutati, abbażi tal-informazzjoni
xjentifika, bħala konsistenti mal-qabdiet magħmula mill-mestieri
matul is-sentejn kalendarji ta’ qabel. 3. Il-limiti tal-isforz tas-sajd
iffissati skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom jindikaw: (a) il-mestier speċifiku tal-baħar
fond li għalih japplika l-limitu tal-isforz tas-sajd permezz ta’ referenza
għall-irkaptu rregolat, l-ispeċi fil-mira u ż-żoni tal-ICES
jew iż-żoni tas-CECAF li fihom huwa permess li jitwettaq l-isforz;
kif ukoll (b) l-unità tal-isforz tas-sajd li
għandha tintuża għall-ġestjoni. Artikolu 12
Miżuri ta’ akkumpanjament 1. Fejn il-limiti tal-isforz
tas-sajd annwali ssostitwixxew il-limiti tal-qbid skont l-Artikolu 11(1),
l-Istati Membri għandhom iżommu jew idaħħlu
fis-seħħ il-miżuri ta’ akkumpanjament li ġejjin fir-rigward
tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom: (a) miżuri biex jevitaw żieda
tal-kapaċità tal-qbid ġenerali tal-bastimenti kkonċernati
mil-limiti tal-isforz; (b) miżuri li jevitaw żieda
fil-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli; kif ukoll (c) kundizzjonijiet għall-prevenzjoni
effettiva tal-iskartar tal-ħut. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom
l-għan li jħottu l-art il-ħut kollu li jittieħed abbord,
sakemm dan ma jkunx kontra r-regoli fis-seħħ skont il-Politika Komuni
tas-Sajd. 2. Il-miżuri għandhom
jibqgħu fis-seħħ sakemm jibqa’ jinħass il-bżonn
għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji identifikati
fil-paragrafi 1(a), (b) u (c). 3. Il-Kummissjoni għandha
tivvaluta l-effettività tal-miżuri ta' akkumpanjament adottati mill-Istati
Membri mal-adozzjoni tagħhom. Artikolu 13
Miżuri tal-Kummissjoni f’każ tal-assenza jew
tal-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ akkumpanjament adottati mill-Istati
Membri 1. Il-Kummissjoni għandha
tingħata s-setgħa biex tadotta atti ddelegati biex tispeċifika
miżuri ta’ akkumpanjament għal-limiti tal-isforz annwali kif imsemmi
fl-Artikolu 12(1)(a), (b) jew (c), u skont l-Artikolu 20: (a) jekk l-Istat Membru kkonċernat ma
jinnotifikax lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura adottata skont
l-Artikolu 12 fi żmien tliet xhur wara d-data tad-dħul
fis-seħħ tal-limiti tal-isforz tas-sajd. (b) jekk il-miżuri adottati skont
l-Artikolu 12 ma jibqgħux fis-seħħ għalkemm jibqa’
jinħass il-bżonn għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni
identifikati fl-Artikolu 12(1) (a), (b) u (c).] 2. Il-Kummissjoni għandha
tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 20
biex tispeċifika miżuri ta' akkumpanjament għal-limiti
tal-isforz annwali jekk, kif imsemmi fl-Artikolu 12(a), (b) jew (c), jekk,
abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 12(3), (a) il-miżuri tal-Istati Membri jitqiesu
bħala mhux kompatibbli mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament; jew (b) il-miżuri tal-Istati Membri jitqiesu
insuffiċjenti fir-rigward tal-għanijiet stipulati
fl-Artikolu 12 (1) (a), (b) jew (c). 3. Il-miżuri ta’
akkumpanjament adottati mill-Kummissjoni għandu jkollhom l-għan li
jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi u l-għanijiet stipulati f'dan
ir-Regolament. Hekk kif jiġi adottat l-att iddelegat mill-Kummissjoni,
kull miżura adottata tal-Istati Membri għandha tieqaf tapplika. KAPITOLU IV
KONTROLL Artikolu 14
Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kontroll għall-pjanijiet
multiannwali 1. Dan ir-Regolament għandu
jiġi interpretat bħala "pjan multiannwali"
għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. 2. L-ispeċijiet
tal-baħar fond għandhom jitqiesu bħala "speċijiet
suġġetti għal pjan multiannwali" u "stokkijiet
suġġetti għal pjan multiannwali" għall-finijiet
tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Artikolu 15
Portijiet magħżula Ebda kwantità ta' kwalunkwe taħlita ta'
speċijiet tal-baħar fond li taqbeż il-100 kg ma tista’
tinħatt l-art f’ebda post għajr il-portijiet li jkunu
ntgħażlu għall-ħatt l-art tal-ispeċijiet
tal-baħar fond. Artikolu 16
Notifika minn qabel B’deroga tal-Artikolu 17 tar-Regolament
(KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni
li għandhom il-ħsieb li jħottu l-art 100 kg jew aktar ta'
speċijiet tal-baħar fond, irrispettivament mit-tul tagħhom,
għandhom jinħtieġu jinnotifikaw dan il-ħsieb lill-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom. Artikolu 17
Annotazzjonijiet fil-ġurnal ta' abbord fl-ilmijiet fondi Mingħajr preġudizzju
għall-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009,
il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd li għandhom awtorizzazzjoni skont
l-Artikolu 4(1) jew (3), meta impenjati f’mestier tal-baħar fond jew
fi kwalunkwe avveniment meta jkunu qed jistadu taħt l-400 m,
għandhom: (a) jaqtgħu linja ġdida fil-karta
tal-ġurnal ta’ abbord wara kull refgħa; jew, (b) meta jkunu suġġetti
għas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u rappurtar,
jirreġistraw separatament wara kull refgħa. Artikolu 18
Irtirar ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd 1. Mingħajr
preġudizzju għall-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE)
Nru 1224/2009, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija
fl-Artikolu 4(1) u (3) ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu
rtirati għal tul ta' mill-inqas sena fil-każijiet li ġejjin: a) nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet
stipulati fl-awtorizzazzjoni tas-sajd fir-rigward tal-limiti dwar l-użu
tal-irkapti, żoni permessi ta' operazzjoni jew, fejn ikun xieraq, limiti
tal-qbid jew tal-isforz fuq l-ispeċijiet li huma permessi li jkunu
fil-mira; jew b) nuqqas li jittieħed abbord
osservatur xjentifiku jew li jitħalla li jsir il-kampjunar tal-qabdiet
għal finijiet xjentifiċi kif speċifikat fl-Artikolu 19 ta'
dan ir-Regolament. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux
japplika jekk in-nuqqasijiet imsemmija fih ikunu ġew ikkawżati minn force
majeure. KAPITOLU V
ĠBIR TAD-DEJTA Artikolu 19
Regoli dwar il-ġbir u r-rappurtar tad-dejta 1. L-Istati Membri għandhom
jiġbru dejta dwar kull mestier tal-baħar fond skont ir-regoli dwar
il-ġbir tad-dejta u l-livelli ta' preċiżjoni stipulati
fil-programm multiannwali tal-Komunità għall-ġbir, il-ġestjoni u
l-użu ta' dejta bijoloġika, teknika, ambjentali u soċjoekonomika
adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008[18] u miżuri oħra
adottati skont dak ir-Regolament. 2. Il-kaptan ta' bastiment, jew
kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-operazzjoni tal-bastiment,
għandu jkun meħtieġ li jieħu abbord l-osservatur xjentifiku
assenjat mill-Istat Membru għall-bastiment tiegħu, sakemm dan ma
jkunx possibbli għal raġunijiet ta’ sigurtà. Il-kaptan għandu
jiffaċilita t-twettiq tal-kompiti tal-osservatur xjentifiku. 3. L-osservaturi xjentifiċi
għandhom: (a) iwettqu l-kompiti rikorrenti
tal-ġbir tad-dejta tagħhom, kif stipulat fil-paragrafu 1; (b) jidentifikaw u jiddokumentaw il-piż
ta' kull qroll ġebli, qroll artab, sponoż jew kull organiżmu
ieħor li jappartjeni għall-istess ekosistema u li jittella' abbord
mill-irkaptu tal-bastiment. 4. Flimkien mal-obbligi msemmija
fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom ikunu suġġetti
għar-rekwiżiti speċifiċi ta' ġbir tad-dejta u
rappurtar stipulati fl-Anness II għall-mestier tal-baħar fond. 5. Id-dejta li tinġabar
b'relazzjoni mal-mestier tal-baħar fond, inkluża d-dejta kollha li
tinġabar skont l-Anness II, għandha tiġi ttrattata skont
il-proċess tal-ġestjoni tad-dejta kif stipulat fil-Kapitolu III
tar-Regolament (KE) Nru 199/2008. 6. Fuq talba tal-Kummissjoni,
l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti kull xahar dwar
l-isforz użat u/jew il-qabdiet imqassma skont il-mestier. KAPITOLU V
ATTI DDELEGATI Artikolu 20
Eżerċitar tas-setgħat iddelegati 1. Is-setgħa li tadotta
atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni taħt il-kundizzjonijiet
stabbiliti f'dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa biex ikunu adottati
l-atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 13 għandha tingħata
lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat. 3. Id-delega tas-setgħa
msemmija fl-Artikoli 13 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin
mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka
għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik
id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum
wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata
fih. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li
diġà jkun fis-seħħ. 4. Malli tadotta att iddelegat,
il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew
u lill-Kunsill. 5. Att iddelegat adottat skont
l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ebda
oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa la mill-Parlament Ewropew u
lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn (2) ta’ notifika ta' dak l-att
lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak
il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw
lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu
għandu jiġi estiż b'xahrejn (2) fuq inizjattiva tal-Parlament
Ewropew jew tal-Kunsill. KAPITOLU VI
EVALWAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI Artikolu 21
Evalwazzjoni 1. Fi żmien sitt snin
mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni
għandha, abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri u l-parir xjentifiku
li għandha titlob għal dan il-għan, tevalwa l-impatt
tal-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament u tiddetermina sa liema punt
inkisbu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 1(a) u (b). 2. L-evalwazzjoni għandha
tiffoka fuq xejriet fis-suġġetti li ġejjin: (a) il-bastimenti li biddlu u li qalbu
għal użu ta’ rkapti b’impatt imnaqqas fuq qiegħ il-baħar, u
l-iżvilupp tal-livelli tal-ħut skartat tagħhom; (b) il-medda ta’ operazzjoni ta’ bastimenti
impenjati f’kull mestier tal-baħar fond; (c) il-kompletezza u l-kredibbiltà tad-dejta
li l-Istati Membri jipprovdu lill-korpi xjentifiċi għall-fini
tal-valutazzjoni tal-istokk, jew lill-Kummissjoni fil-każ ta’ talbiet
speċifiċi għad-dejta; (d) l-istokkijiet tal-baħar fond li
għalihom tjieb il-parir xjentifiku; (e) it-tipi tas-sajd li huma
mmaniġġjati skont il-limiti tal-isforz tas-sajd biss, u l-effettività
tal-miżuri ta’ akkumpanjament fl-eliminazzjoni tal-ħut skartat u
fit-tnaqqis tal-qbid tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli. Artikolu 22
Miżuri tranżizzjonali Awtorizzazzjonijiet speċjali tas-sajd li
jinħarġu skont ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 għandhom
jibqgħu validi sakemm jiġu sostitwiti minn awtorizzazzjonijiet
tas-sajd li jippermettu l-qbid ta’ speċijiet tal-baħar fond li
jinħarġu skont dan ir-Regolament, iżda f’kull każ ma
għandhomx jibqgħu validi wara t-30 ta’ Settembru 2012. Artikolu 23
Revoka 1. Ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002
għandu jiġi rrevokat. 2. Ir-referenzi
għar-Regolament irrevokat għandhom jittieħdu bħala
referenzi għal dan ir-Regolament skont it-tabella ta’ korrelazzjoni
stipulata fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 24
Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu
f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President
[…] […] Anness I Taqsima 1: Speċijiet tal-baħar
fond Isem xjentifiku || Isem komuni || L-aktar vulnerabbli (x) Centrophorus granulosus Centrophorus squamosus Centroscyllium fabricii Centroscymnus coelolepis Centroscymnus crepidater Dalatias licha Etmopterus princeps Apristuris spp Chlamydoselachus anguineus Deania calcea Galeus melastomus Galeus murinus Hexanchus griseus Etmopterus spinax Oxynotus paradoxus Scymnodon ringens Somniosus microcephalus || Żagħrun Leafscale gulper shark Mazzola sewda Mazzola Portugiża Longnose velvet dogfish Murruna sewda Mazzola kbira tal-fanal Iceland catshark Frilled shark Mazzola (munqar l-għasfur) Gattarell ħalqu iswed Mouse catshark Murruna b’sitt garġi Mazzola tal-fanal Sailfin roughshark (Sharpback shark) Knifetooth dogfish Greenland shark || x x x x x x x x Alepocephalidae Alepocephalus Bairdii Alepocephalus rostratus || Smoothheads (Slickheads) Baird’s smoothhead Risso’s smoothhead || Aphanopus carbo || Ċinturin iswed || Argentina silus || Arġentina (silus) || Beryx spp. || Alfonsinos || Chaceon (Geryon) affinis || Granċ aħmar tal-fond || Chimaera monstrosa Hydrolagus mirabilis Rhinochimaera atlantica || Fenek tal-baħar Large-eyed rabbit fish (Ratfish) Straightnose rabbitfish || Coryphaenoides rupestris || Roundnose grenadier || Epigonus telescopus || Black cardinalfish || x Helicolenus dactilopterus || Ċippullazza tal-għajn || Hoplostethus atlanticus || Orange roughy || x Macrourus berglax || Roughhead grenadier (Rough rattail) || Molva dypterigia || Linarda || Mora moro Antimora rostrata || Marlozz tal-fond Antimora blu (Marlozz blu) || Pagellus bogaraveo || Bażuga kaħlija || Phycis blennoides || Lipp Abjad || Polyprion americanus || Ħanżir tal-fond || Reinhardtius hippoglossoides || Ħalibatt tal-Groenlandja || Cataetyx laticeps || || Hoplosthetus mediterraneus || Ġurdien tal-Warda || Macrouridae li mhumiex Coryphaenoides rupestris u Macrourus berglax || Grenadieri (rattails) li mhumiex ir-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier || Nesiarchus nasutus || Black gemfish || Notocanthus chemnitzii || Snubnosed spiny eel || Raja fyllae Raja hyperborea Raja nidarosiensus || Rebekkin tond Rebekkin tal-Artiku Rebekkin tan-Norveġja || Trachyscorpia cristulata || Spiny (deep-sea) scorpionfish || Taqsima 2: Speċijiet regolati
min-NEAFC flimkien ma’ ta’ hawn fuq Brosme brosme || Tusk || Conger conger || Gringu || Lepidopus caudatus || Xabla || Lycodes esmarkii || Greater Eelpout || Molva molva || Ling || Sebastes viviparus || Small redfish (Norway haddock) || Anness II
Rekwiżiti speċifiċi tal-ġbir u r-rappurtar tad-dejta
msemmija fl-Artikolu 18(4) 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li d-dejta li tinġabar għal żona li fiha kemm
ilmijiet tal-Unjoni kif ukoll ilmijiet internazzjonali għandha terġa’
tiġi diżaggregata sabiex ikun hemm referenza b’mod separat għall-ilmijiet
tal-Unjoni jew għall-ilmijiet internazzjonali. 2. Fejn l-attività tal-mestier
tal-baħar fond tikkoinċidi ma’ attività ta’ mestier ieħor
fl-istess żona, il-ġbir tad-dejta dwar il-mestier tal-baħar fond
għandu jitwettaq b’mod separat mill-ġbir tad-dejta dwar il-mestier
l-ieħor. 3. Għandu jkun hemm
il-kampjunar tal-ħut skartat fil-mestieri kollha tal-baħar fond.
L-istrateġija tal-kampjunar għall-ħatt l-art u l-ħut
skartat tkopri l-ispeċijiet kollha elenkati fl-Anness I kif ukoll
l-ispeċijiet li jagħmlu parti mill-ekosistema ta’ qiegħ
il-baħar bħall-qroll tal-baħar fond, l-isponoż jew
organiżmi oħrajn li jagħmlu parti mill-istess ekosistema. 4. Fejn il-pjan multiannwali
applikabbli ta’ ġbir tad-dejta jirrikjedi l-ġbir tad-dejta dwar
l-isforz tas-sajd f’termini ta' sigħat ta' sajd minn bastimenti
tat-tkarkir u ż-żmien ta' tixrib tal-irkaptu passiv, l-Istat Membru
għandu jiġbor u jkun lest li jippreżenta, flimkien mad-dejta
dwar l-isforz tas-sajd bħal din, id-dejta addizzjonali li ġejja: (a) is-sit ġeografiku tal-attivitajiet
tas-sajd fuq il-bażi ta' refgħa b'refgħa, mid-dejta tas-sistema
ta' monitoraġġ tal-bastiment trażmessa mill-bastiment
liċ-ċentru ta' monitoraġġ tas-sajd; (b) il-livelli ta’ fond tas-sajd li fihom
jintużaw l-irkapti fil-każ li l-bastiment huwa suġġett
għar-rappurtar permezz tal-ġurnal ta' abbord elettroniku. Il-kaptan
tal-bastiment għandu jinnotifika l-fond tas-sajd skont il-format
standardizzat tar-rappurtar. [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE
tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat
naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206,
22.7.1992, p. 7. [2] Ir-Regolament (KE) Nru 1288/2009, ĠU
L 347, 24.12.2009, p. 6 [3] A/RES/61/105 tat-8 ta’ Diċembru 2006
- Sajd sostenibbli, inkluż permezz tal-Ftehim tal-1995 dwar
l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet
Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar
tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u
l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’
Ħut li Jpassi Ħafna, u strumenti relatati. [4] http://cordis.europa.eu/fetch?CALLER=FP7_PROJ_ES&ACTION=D&DOC=19&CAT=PROJ&QUERY=01308a670983:f6dc:57618e7e&RCN=90982 [5] Ara d-Direttiva Kwadru tal-Istrateġija Marina [ta’
Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar], id-Direttiva 2008/56/KE,
ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19. [6] COM(2007) 30 finali [7] Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 199/2008. [8] , , p. . [9] , , p. . [10] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. [11] ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6. [12] COM(2007) 30 finali [13] ĠU L 347, 24.12.2009, p. 6. [14] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1. [15] ĠU L 201, 30.7.2008, p. 8. [16] ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70. [17] ĠU L 87, 31.3.2009, p. 1. [18] ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.