Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall /* COM/2012/0364 final - 2012/0176 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Fuq talba
tal-Portugall, fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill ta assistenza
finanzjarja lill-Portugall (Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni
tal-Kunsill 2011/344/UE) bħala appoġġ għal programm
ekonomiku u ta' riforma ambizzjuż li għandu l-għan li
jirrestawra l-kunfidenza, u b'hekk l-ekonomija terġa tibda tikber b'mod
sostenibbli filwaqt li titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall,
fiż-żona euro u fl-UE. F'konformità mal-Artikolu 3(9)
tad-Deċiżjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u
f'kooperazzjoni mal-BĊE, għamlet ir-raba' analiżi biex tivvaluta
l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll
l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Filwaqt li tikkunsidra l-iżviluppi
ekonomiċi, fiskali u finanzjarji riċenti u l-azzjonijiet ta'
politika, il-Kummissjoni tqis li tibdiliet limitati fil-kundizzjonijiet
tal-politika ekonomika, li fuqhom hija msejsa l-għajnuna, huma
meħtieġa sabiex jiżguraw l-għanijiet tal-programm, hekk kif
spjegat fil-premessi tal-emendi proposti għad-Deċiżjoni ta'
Implimentazzjoni tal-Kunsill. 2012/0176 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI
TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’
Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja
tal-Unjoni lill-Portugall IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi
mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja[1], u b’mod partikulari
l-Artikolu 3(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) F'konformità
mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill
Nru 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju
Internazzjonali (FMI) u f'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew
(BĊE), wettqet ir-raba' analiżi tal-progress tal-awtoritajiet
fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll tal-effettività u
l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma. (2) Permezz tal-analiżi
nstab li l-konformità mal-kundizzjonalità għall-ewwel kwart
tas-sena 2012 kienet sodisfaċenti. Fl-2011, id-defiċit
tal-amministrazzjoni pubblika kien 4.2 fil-mija tal-PDG. Il-mira fiskali ta’ 4½
fil-mija tal-PDG għal 2012 baqgħet vijabbli. L-ibbilanċjar
mill-ġdid tal-ekonomija kompliet b’pass mgħaġġel u
l-esportazzjonijiet qabżu l-aspettattivi u aktar milli paċew
id-domanda domestika aktar dgħajfa. Madankollu, ir-riskji għall-miri
fiskali relatati mal-perspettiva makroekonomika bdew jimmaterjalizzaw,
bil-kompożizzjoni tat-tkabbir ixxeqleb bil-qawwi lejn l-esportazzjonijiet
netti u 'l bogħod mid-domanda domestika u minħabba d-deterjorazzjoni
sostanzjali fis-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li
l-progress fir-riformi tas-suq tax-xogħol ikompli. Il-pagamenti
tat-terminazzjoni tal-impjieg se jiġu allinjati mal-medja tal-UE u se
jinħoloq fond biex jiffinanzja parti mill-pagamenti tat-terminazzjoni
tal-impjieg. Qed titħejja proposta biex jiġi rivedut
il-mekkaniżmu għall-estensjoni tal-ftehimiet kollettivi. Jissoktaw
l-isforzi tal-politika sabiex tkun appoġġjata l-istabbiltà
tas-sistema finanzjarja. Il-bejgħ tal-Banco Português de Negocios (BPN)
ġie konkluż u l-immaniġġjar tal-vetturi bi skop
speċjali se jiġi ottimizzat biex jiġi mmassimizzat l-irkupru
tal-assi ttrasferiti mill-BPN. Il-qafas tal-intervent bikri,
ir-riżoluzzjoni u l-assigurazzjoni tad-depożiti ġie
msaħħaħ u l-awtoritajiet huma mitluba jippreparaw l-miżuri
implimentattivi. Riformi fis-suq tal-prodotti, notevolment fis-servizzi protetti,
huma essenzjali biex tiġi rrestawrata l-kompetittività u promossi
t-tkabbir u l-impjiegi. Il-gvern qed jimplimenta strateġija biex
jirristruttura l-intrapriżi statali ħalli jnaqqas id-dejn
tagħhom u jiżgura kundizzjonijiet aħjar għal finanzjament
mis-suq. Studju biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u
l-benefiċċji tar-rinegozjar ta' kwalunkwe sħubija pubblika
privata (PPP) jew ta' kuntratt ta' konċessjoni biex jitnaqqsu l-obbligi
finanzjarji tal-gvern qed jitħejja minn kumpanija internazzjonali
tal-awditjar. Il-gvern huwa impenjat li jiżgura reġim effettiv ta'
infurzar ta' kompetizzjoni effettiva. Ir-regolamenti tas-suq tad-djar qed
jiġu modernizzati bil-ħsieb li tiġi promossa l-mobbiltà
ġeografika u r-riforma tas-sistema ġudizzjarja qed tagħmel
progress tajjeb. Il-programm ta’ privatizzazzjoni qed jiġi implimentat
skont il-liġi qafas il-ġdida. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta'
Implimentazzjoni 2011/344/UE huwa b'dan emendat kif ġej: (1) Il-Paragrafu 6 huwa emendat
kif ġej: (a) il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li
ġej: "(a) Id-defiċit tal-amministrazzjoni
pubblika ma għandux jaqbeż l-4.5 % tal-PDG fl-2012. Flimkien
mal-miżuri speċifikati fil-baġit tal-2012 u l-baġit
supplimentari approvat f'Marzu, speċjalment fuq in-naħa tal-infiq,
għandhom jittieħdu aktar miżuri sabiex jingħeleb kull
distakk possibbli fl-2012."; (b) il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li
ġej: '(d) Il-Portugall għandu jadotta miżuri
biex isaħħaħ l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi.
Huwa għandu jimplimenta l-miżuri previsti fil-Liġi Qafas
Baġitarja l-ġdida, inkluż l-istabbiliment ta’ qafas
baġitarju fuq terminu medju. L-oqfsa baġitarji lokali u
reġjonali għandhom jissaħħu b’mod konsiderevoli, b’mod
partikolari billi l-liġijiet finanzjarji rispettivi jiġu allinjati
mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu
jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u
jsaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri tal-eżekuzzjoni
baġitarja. Il-Gvern Portuġiż għandu jimplimenta
l-istrateġija għall-validazzjoni u s-saldu tal-arretrati.
L-istrateġija tistabbilixxi l-kriterji ta' prijoritizzazzjoni
għall-ħlas tal-kredituri, kif ukoll arranġamenti ta' governanza
sabiex ikun żgurat proċess ġust u trasparenti ta' saldu fl-oqsma
kollha. Il-Portugall għandu jimplimenta l-qafas legali u istituzzjonali
l-ġdid tas-sħubijiet pubbliċi privati (PPPs). Abbażi
tar-riżultati ta’ studju dwar ir-rinegozjar tal-PPPs, il-gvern għandu
jirrinegozja l-kuntratti rilevanti. Il-Portugall għandu jadotta liġi
li tirregola l-ħolqien u l-funzjonament tal-intrapriżi tal-Istat
(SOEs - state-owned enterprises) fil-livelli ċentrali, reġjonali u
lokali.'; (c) il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li
ġej: (e) Il-Portugall għandu jirriorganizza u
naqqas konsiderevolment l-għadd ta' entitajiet tal-gvern lokali. Dawn il-bidliet
se jsiru effettivi sal-bidu taċ-ċiklu tal-elezzjonijiet lokali li
jmiss.'; (d) il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li
ġej: "(f) il-Portugall għandu jimmodernizza
l-amministrazzjoni tad-dħul billi jikkompleta l-implimentazzjoni
tal-'Autoridade Tributária e Aduaneira', isaħħaħ ir-rabtiet
mal-unitajiet tal-ġbir tad-dħul tas-Sigurtà Soċjali, u jnaqqas
l-għadd ta' uffiċċji muniċipali u jindirizza l-ostakli li
jifdal fis-sistema tal-appell tat-taxxa."; (e) il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li
ġej: ''(h) Il-Portugall għandu jadotta miżuri
biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-istat
(SOEs) fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall
għandu jimplimenta strateġija biex jirristruttura l-SOEs, -
inkluża 'Parpública' - u biex jiżgura kundizzjonijiet aħjar
għall-finanzjament mis-suq. Il-Portugall għandu jimplimenta din
l-istrateġija sabiex jilħaq bilanċ operazzjonali fil-livell
settorjali sal-aħħar tal-2012.'; (f) il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li
ġej: '(i) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta
l-programm ta' privatizzazzjoni. Il-bejgħ dirett tal-fergħa
tal-assigurazzjoni ta' Caixa Geral de Depositos (Caixa Seguros) għandu
jseħħ fl-2012. Il-proċess ta’ privatizzazzjoni tat-trasportatur
bl-ajru nazzjonali (TAP), l-operatur tal-ajruport Aeroportos de Portugal (ANA),
is-sussidjarja tal-maniġġ tal-merkanzija ta’ CP (CP Carga) u ta'
Correios de Portugal (CTT) għandu jibda fl-2012 bil-ħsieb li jitlesta
fl-2013."; (g) il-punt (j) jitħassar; (h) il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li
ġej: "(k) Il-Portugall għandu
jippreżenta abbozz ta' leġiżlazzjoni lill-Parlament
Portugiż sabiex jallinja l-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg
mal-medja tal-UE ta' 8-12-il jum għal kull sena xogħol u joħloq
fond ta' kumpens għall-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg."; (i) il-punt (l) jitħassar; (j) il-punt (o) huwa sostitwit b’dan li
ġej: "(o) Il-Portugall għandu jimplimenta
l-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb
il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ."; (k) il-punt (p) huwa sostitwit b’dan li
ġej: "(p) Il-funzjonament tas-sistema
ġudizzjarja għandu jitjieb billi jiġu implimentati l-miżuri
proposti skont il-pjan direzzjonali tar-riforma ġudizzjarja u
bl-applikazzjoni ta' miżuri mmirati biex progressivament jiġi
eliminat ix-xogħol b'lura fil-qrati u biex jitrawmu soluzzjonijiet
alternattivi għat-tilwim."; (l) il-punt (r) huwa sostitwit b’dan li
ġej: '(r) Il-qafas regolatorju u kompetittiv
għandu jittejjeb. Il-Portugall għandu jsaħħaħ
l-indipendenza u r-riżorsi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali
prinċipali; jimplimenta l-liġi dwar il-kompetizzjoni bil-għan li
jtejjeb il-veloċità u l-effikaċja tal-infurzar tar-regoli
tal-kompetizzjoni; u jimmonitorja l-influss ta' każijiet ġodda u
jirapporta dwar il-funzjonament tal-qorti speċjalizzata
għall-Kompetizzjoni, ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni."; (m) il-punti (u) u (v) għandhom
jitħassru. (2) Il-paragrafu 8 huwa sostitwit
b’dan li ġej: '8. Bil-għan li tiġi restawrata
l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu
jirrikapitalizza b’mod adegwat is-settur bankarju tiegħu u jiżgura
proċess ta’ diżingranaġġ b’mod ordinat. F’dak ir-rigward,
il-Portugall għandu jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju
Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi
ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja. B'mod partikolari, il-Portugall
għandu: (a)
jagħti pariri lill-banek biex
jissaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli
u jimmonitorjaw il-ħruġ tal-bonds tal-bank garantiti mill-gvern, li
ġew awtorizzati sa EUR 35 biljun f’konformità mar-regoli
tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni; (b)
jiżgura li l-banek jilħqu l-mira
tal-programm ta' proporzjon Ewlieni tal-Grad 1 ta’ 10 % l-aktar tard
sal-aħħar tal-2012. Ir-rekwiżiti kapitali li jirriżultaw
mill-valwazzjoni tad-dejn sovran abbażi tal-prezzijiet tas-suq skont
l-eżerċizzju ta' rikapitalizzazzjoni madwar l-UE kollha kkoordinat
mill-Awtorità Bankarja Ewropea għandhom jintlaħqu
f’Ġunju 2012 flimkien mal-implikazzjonijiet kapitali li
jirriżultaw mill-programm speċjali ta’ spezzjonijiet fuq il-post u
t-trasferiment ta’ fondi tal-pensjonijiet tal-banek fis-sistema ta’ sigurtà
soċjali tal-Istat. Il-faċilità ta' appoġġ
għas-solvenza tal-banek li tammonta għal EUR 12 biljun,
stabbilita skont il-Programm għandha titqiegħed
għad-dispożizzjoni jekk il-banek ma jkunux jistgħu jilħqu
l-livelli limiti tal-kapital meħtieġ sal-iskadenzi stabbiliti; (c)
jiżgura diżingranaġġ
ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, xi ħaġa li tibqa’
kritika għall-eliminazzjoni ta’ żbilanċi fil-finanzjamenti fuq
bażi permanenti. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-banek għandhom
l-għan li jnaqqsu l-proporzjon tas-self mad-depożiti għal valur
indikattiv ta' madwar 120 % sal-aħħar tal-Programm u eventwalment
li jnaqqsu mid-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema sakemm idum
il-Programm. Dawn il-pjanijiet ta' finanzjament għandhom jiġu
riveduti kull tliet xhur; (d)
jiżgura s-simplifikazzjoni tal-Caixa Geral de
Depositos (CGD), li hija proprjetà tal-istat, sabiex tiżdied il-bażi
kapitali tal-fergħa ewlenija bankarja tagħha kif meħtieġ.
Il-bejgħ tal-fergħat tal-assigurazzjoni u s-saħħa
tagħha għandu jseħħ qabel tmiem l-2012, waqt li
l-bejgħ tal-istrumenti ta' ekwità mhux strateġiċi jinsab
għaddej. Sa fejn dawn il-ħtiġijiet ma jkunux jistgħu jiġu
ssodisfati minn sorsi interni tal-grupp sal-aħħar ta'
Ġunju 2012, is-CGD għandha tingħata appoġġ
kapitali mill-gvern minn bafers ta' flus li mhumiex parti mill-faċilità
ta’ appoġġ għas-solvenza tal-banek; (e)
jottimizza l-proċess għall-irkupru
tal-assi trasferiti mill-BPN għat-tliet vetturi bi skop speċjali
tal-Istat permezz tal-esternalizzazzjoni tal-immaniġġjar tal-assi lil
parti terza professjonali, b'mandat li gradwalment tirkupra l-assi
maż-żmien. Jagħżel il-parti li timmaniġġja l-assi
permezz ta’ proċess kompetittiv vinkolanti u jinkludi inċentivi
xierqa biex jottimizza l-irkupri f'dan il-mandat; (f)
ilesti proposta għall-inkoraġġiment
tad-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta' finanzjament għas-settur
korporattiv sa tmiem Lulju 2012; (g)
jimplimenta miżuri biex jikkonkludi
l-istabbiliment ta' Fond ta' Riżoluzzjoni bil-ħsieb li jiġi
żgurat li jkun kompletament operattiv sa Lulju 2012; li jadotta
l-avviżi superviżorji dwar il-pjanijiet ta' rkupru
sal-aħħar ta' Lulju 2012 u jadotta r-regolament dwar
il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni sa tmiem Ottubru 2012, jadotta r-regoli
applikabli għall-istabbiliment u l-operat ta' banek tranżitorji
f'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE sa tmiem Settembru 2012.
Se tingħata prijorità lir-reviżjoni tal-irkupru u l-pjanijiet sussegwenti
ta' riżoluzzjoni tal-banek li huma ta’ importanza sistemika; (h)
jistabbilixxi qafas għall-istituzzjonijiet
finanzjarji biex iwettqu ristrutturar tad-dejn straġudizzjarju
għall-unitajiet domestiċi u l-SMEs." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lill-Portugall. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha
tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.