52012PC0355

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta' materjal riproduttiv tal-foresta tal-kategorija "kwalifikati" fil-kamp tal-applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni u l-aġġornament tal-isem tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni /* COM/2012/0355 final - 2012/0172 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE dwar il-marketing ta’ materjali riproduttivi tal- foresti[1] tirregola l-kummerċjalizzazzjoni interna tal-materjal riproduttiv tal-ispeċi tal-pjanti elenkati minn dik id-Direttiva. Biex tiffaċilita l-kummerċ u twieġeb mal-ewwel għat-talba tal-kummerċjalizzazzjoni, dik id-Direttiva tipprevedi l-possibilità għall-Kunsill biex jistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-materjal riproduttiv minn pajjiżi terzi taħt sistema ta’ ekwivalenza.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-Istati Membri u l-partijiet interessati pproponew lill-Kummissjoni biex tippreżenta dan l-aġġornament biex tiffaċilita, b'mod partikolari l-importazzjoni ta' materjal riproduttiv tal-foresta u biex twieġeb mal-ewwel għat-talba ta' kummerċjalizzazzjoni b'mod partikolari għal pjantaġġuni tas-siġar li qed jiżdiedu ħafna, maħsuba għall-produzzjoni tal-enerġija/bijomassa.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE[2] ipprovdiet il-lista tal-pajjiżi li għandhom jiġu rikonoxxuti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ekwivalenza għall-importazzjoni u l-kundizzjonijiet determinati li taħthom għandu jiġi importat lejn l-Unjoni l-materjal riproduttiv tal-foresti tas-"sors identifikat" u l-kategoriji "magħżula" prodotti f'dawk il-pajjiżi. Abbażi ta' tagħrif ġdid riċevut mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) dwar l-adozzjoni ta' "Skema tal-OECD għaċ-ċertifikazzjoni ta' Materjal Riproduttiv għall-Foresti Użat fil-Kummerċ Internazzjonali" aġġornata, il-materjal iċċertifikat uffiċjalment taħt il-kategorija "kwalifikat" mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz elenkat minn dik id-Deċiżjoni għandu jiġi kkunsidrat ekwivalenti wkoll għall-ħażna taż-żerriegħa u tal-pjanti li jikkonformaw mad-Direttiva 1999/105/KE, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni huma sodisfatti. Għandu jkun xieraq li tiżdied il-kategorija "kwalifikat" għas-"sors identifikat" u "magħżula" għall-kategoriji.

Skont tagħrif provdut mill-Iskema OECD imsemmija hawn fuq (Anness – Lista tal-Awtoritajiet Nazzjonali Nominati fil-Pajjiżi membri tal-Iskema), l-ismijiet tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika (US), il-Kroazja (HR), in-Norveġja (NO), is-Serbja (RS) u t-Turkija (TR), kif elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE, inbidlu. Minħabba dan, l-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni għandu jiġi emendat skont dan.

Fl-Anness II għandha tiżdied kundizzjoni addizzjonali speċifika għall-kategorija "kwalifikati" biex tippermetti l-implementazzjoni armonizzata tad-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[3]. Dan ikun meħtieġ biex jassigura li, kif stipulat fl-Artikolu 3(2) ta' dik id-Deċiżjoni, il-ħażna taż-żerriegħa u tal-pjanti rispettivi uffiċjalment ċertifikati minn dawk l-awtoritajiet tkun meqjusa ekwivalenti għal ħażna ta' żerriegħa u pjanti li jikkonformaw mad-Direttiva 1999/105/KE.

2012/0172 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta' materjal riproduttiv tal-foresta tal-kategorija "kwalifikati" fil-kamp tal-applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni u l-aġġornament tal-isem tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ekwivalenza ta’ Materjal Riproduttiv tal-Foresti prodott f’pajjiżi terzi[4], tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom il-materjal riproduttiv tal-foresti tas-"sors identifikat" u l-kategoriji "magħżula" prodotti f’pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni, għandhom jiġu importati lejn l-Unjoni.

(2)       Ir-regoli nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresti fl-Istati Uniti tal-Amerika, l-Iżvizzera, il-Kanada, il-Kroazja, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija jipprevedu spezzjoni uffiċjali fuq il-post li għandha titwettaq matul il-ġbir u l-ipproċessar taż-żrieragħ u l-produzzjoni tan-nebbiet għat-tħawwil.

(3)       Skont dawk ir-regoli, is-sistemi għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ materjal bażiku u l-produzzjoni sussegwenti tal-materjal riproduttiv minn dan il-materjal bażiku għandhom isegwu l-Iskema tal-OECD għaċ-ċertifikazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresti użat fil-Kummerċ Internazzjonali (l-Iskema tal-OECD taż-żrieragħ u l-pjanti tal-foresti). Barra minn hekk, dawk ir-regoli jeħtieġu li ż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tas-“sors identifikat” u tal-kategoriji “magħżula” u tal-kategorija "kwalifikati" jkunu uffiċjalment iċċertifikati u l-pakketti taż-żrieragħ ikunu uffiċjalment magħluqa skont l-Iskema tal-OECD taż-żrieragħ u l-Pjanti tal-foresti.

(4)       Eżami ta' dawn ir-regoli fir-rigward tal-kategorija "kwalifikati" wera li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-materjal bażiku jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar il-marketing ta’ materjali riproduttivi tal-foresti[5]. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni għall-kondizzjonijiet rigward il-kwalità taż-żerriegħa, il-purità tal-ispeċi u l-kwalità tan-nebbiet għat-tħawwil, ir-regoli ta’ dawn il-pajjiżi terzi jeħtieġu l-istess assigurazzjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet applikabbli għaż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tal-kategorija l-ġdida "kwalifikati" bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 1999/105/KE. Jirriżulta għalhekk li r-regoli għaċ-ċertifikazzjoni ta' materjal tal-foresta tal-kategorija "kwalifikati" fl-Istati Uniti tal-Amerika, l-Iżvizzera, il-Kanada, il-Kroazja, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija għandha titqies bħala ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva 1999/105/KE, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2008/971/KE fir-rigward taż-żerriegħa u n-nebbiet għat-tħawwil, huma sodisfatti.

(5)       Fir-rigward materjal tal-kategorija "kwalifikati", dawk il-kundizzjonijiet għandhom jinkludu, id-dispożizzjoni ta' tagħrif dwar jekk il-prodotti ġewx ġenetikament modifikati jew le. Tali tagħrif għandu jiffaċilita l-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[6], jew fejn applikabbli, fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[7] u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE[8].

(6)       Barra minn hekk, l-ismijiet ta’ xi awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni, kif elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/971/KE nbidlu.

(7)       Id-Deċiżjoni 2008/971/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/971/KE hija emendata kif ġej:

(1)          Fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Din id-Deċiżjoni tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom il-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategoriji "sors identifikat", "magħżula" u "kwalifikati" prodotti f’pajjiż terz elenkati fl-Anness I għandhom jiġi importati lejn l-Unjoni."

(2)          Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"2.     Iż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tal-kategoriji "sors identifikat" u "magħżula" u "kwalifikati" tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 1999/105/KE, prodotti fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz elenkati f’dak l-Anness, għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għaż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil li jikkonformaw mad-Direttiva 1999/105/KE, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-AnnessII ta' din id-Deċiżjoni.

(3)          L-Annessi I u II huma emendati skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2013.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2008/971/KE huma emendati kif ġej:

(1)          L-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

"ANNESS I

Pajjiżi u awtoritajiet

Pajjiż (*) || L-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni

1 || 2

CA || National Forest Genetic Resources Centre/ Centre national des ressources génétiques forestières Natural Resources Canada/Ressources naturelles Canada Canadian Forest Service-Atlantic/Service canadien des forêts -Atlantique P.O. Box 4000, FREDERICTON, NB E3B 5P7

CH || Federal Office for the Environment (FOEN) Department of the Environment, Transport, Energy and Communications (DETEK) Forest Division Federal Plant Protection Service Zürcherstraße 111 CH-8903 BIRMENSDORF

HR || Croatian Forest Research Institute – CFI Division of Genetics, Forest Tree Breeding and Seed Science Cvetno naselje 41 10450 Jastrebarsko Ministry of Regional Development, Forestry and Water Management Department for Forest Protection and Forest Reproductive Material Trg kralja Petra Krešimira IV br. 1 10 000 Zagreb

NO || Norwegian Forest and Landscape Institute P.O. Box 115 N-1431 AAS Norwegian Forest Seed Center P.O. Box 118 N-2301 HAMAR

SR || Ministry of Agriculture, Forestry and Water Management Ministry of AFW - Directorate for Forest Omladinskih brigada 1 Novi Beograd

TR || Ministry of Forestry Forest Tree Seeds and Tree Breeding Research Directorate Orman Bak awligi Arastima Planlama ve Koord. Dai. Bsk. Orman Genel Müdürlügü, 2N° lu Bina TR-06560 GAZI- ANKARA

US || USA United States Department of Agriculture, Forest Service Cooperative Forestry National Seed Laboratory 5675 Riggins Mill Road Dry Branch, Georgia 31020 OFFICIAL STATE CERTIFICATION AUTHORITIES (Authorized to issue OECD certificates through cooperative agreement with USDA Forest Service) Washington State Crop Improvement Association, Inc. 1610 NE Eastgate Blvd, Suite 610 Pullman, Washington 99163

(*)          CA – Il-Kanada, CH – l-Isvizzera HR – il-Kroazja, NO – in-Norveġja, SR – is-Serbja, TR – It-Turkija, US – L-Istati Uniti tal-Amerika."

(2)          Fl-Anness II, tiżdied il-Parti li ġejja:

"C.    Kundizzjonijiet marbuta mal-kategorija "kwalifikati" taż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil prodotti fil-pajjiżi terzi

Fir-rigward taż-żrieragħ jew nebbiet għat-tħawwil tal-kategorija "kwalifikati", it-Tikketta tal-OECD u t-tikketta jew id-dokument tal-fornitur għandha tiddikjara jekk kienx hemm modifika ġenetika jew le fil-produzzjoni tal-materjal bażiku."

[1]               ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17

[2]               ĠU L 354, 23.12.2008, p. 83

[3]               ĠU L106, 17.4.2001, p. 1

[4]               ĠU L 345, 23.12.2008, p. 83.

[5]               ĠU L 11, 15.1.2000, p.17.

[6]               ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

[7]               ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

[8]               ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.