52012PC0350

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet /* COM/2012/0350 final - 2012/0168 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           Kuntest tal-proposta

1.1.        Ġenerali

Minn meta d-Direttiva tal-UCITS ġiet adottata fl-1985, ir-regoli marbuta mad-depożitarji fid-tad-Direttiva ma nbidlu qatt: dawn jikkonsistu f'għadd ta’ prinċipji ġeneriċi li jistabbilixxu d-doveri tad-depożitarji. Ir-regola prinċipali tal-UCITS hija li l-assi kollha ta’ fond UCITS għandhom jiġu fdati lil depożitarju. Dan id-depożitarju għandu, b’konformità mal-liġi nazzjonali, ikun responsabbli għal telf imġarrab bħala riżultat tan-nuqqas li jwettaq dmirijietu. Id-Direttiva tal-UCITS, apparti li ssegwi standard ibbażat fuq in-negliġenza, tagħmel referenza għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-forma preċiża ta’ dawn id-dmirijiet. Din ir-referenza tħalli lok konsiderevoli għal interpretazzjonijiet diverġenti rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dmirijiet ta’ depożitarju u r-responsabbiltà għat-twettiq tagħhom b’mod negliġenti. Bħala riżultat, fl-Unjoni Ewropea żviluppaw approċċi differenti, li wasslu biex l-investituri tal-UCITS jiffaċċjaw livelli inekwi ta’ protezzjoni f'ġurisdizzjonijiet differenti.

Il-konsegwenzi possibbli ta’ diverġenzi nazzjonali fl-istandard tar-responsabbiltà saru evidenti wara l-falliment ta’ Lehman[1] u l-frodi Madoff. B'mod partikolari, il-konsegwenzi tal-frodi Madoff kienu partikolarment gravi f'xi Stati Membri tal-UE. F'każ minnhom, fond partikolari li serva bħala fond ta’ alimentazzjoni għal Madoff tilef madwar EUR 1.4 biljun. L-iskala kbira tal-frodi Madoff baqgħet ma ġietx identifikata għal żmien twil minħabba li d-depożitarju kien iddelega l-kustodja tal-assi lil entità mmexxija minn Bernard Madoff, is-sensar Amerikan "Bernard Madoff Investment Securities". Fl-istess ħin, Bernard Madoff kien ukoll il-maniġer u s-sensar responsabbli għax-xiri ta’ strumenti finanzjarji f'isem il-fond. Il-każ Madoff qajjem diversi kwistjonijiet importanti fir-rigward tal-fondi UCITS. L-ewwel nett, iqajjem il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet preċiżi skont liema depożitarju li jaġixxi f'isem fond UCITS jista’ jiddelega s-salvagwardja ta' assi lil sottokustodju. Id-Direttiva tal-UCITS attwali ma ssemmi xejn dwar il-kundizzjonijiet preċiżi skont liema l-kustodja tista’ tiġi delegata.

Il-każ ta’ Madoff iqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ kunflitti ta’ interess. B'mod aktar partikolari, il-maniġer ta’ fond ta' investiment sa fejn għandu jitħalla jkun parti mill-istess grupp korporattiv li jinsab fih is-sottokustodju li lilu tkun ġiet iddelegata l-kustodja? Jista’ wieħed verament jistenna li maniġer ta’ fond jaġixxi dejjem b'mod li jwassal għall-protezzjoni tal-interessi tal-investituri tal-fond meta l-maniġer ikun ukoll is-sottokustodju tal-assi li huma jkunu qed jinvestu fihom? Fir-rigward ta’ kunflitti ta' interessi li jistgħu jinqalgħu rigward l-indipendenza tad-depożitarju, id-Direttiva tal-UCITS tasal biss biex tistipula l-prinċipju ġenerali li kumpanija ma tistax timmaniġġja fond UCITS u taġixxi wkoll bħala d-depożitarju tiegħu. Id-Direttiva dwar il-UCITS ma fiha l-ebda regola li tkopri l-kunflitti ta’ interess li jistgħu jinqalgħu f'każ li l-funzjoni tal-immaniġġjar u l-funzjonijiet depożitarji jiġu ddelegati lill-istess parti terza.

Fl-aħħar, il-każ Madoff żvela wkoll inċertezzi ġenerali fil-qafas tal-UCITS, speċjalment fir-rigward tar-responsabbiltà tal-kustodju prinċipali fil-każ ta’ delega ta’ kustodja lil sottokustodju. Il-kwistjoni tar-responsabbiltà fil-każ ta’ delega, fin-nuqqas ta' regoli tanġibbli u stretti fid-Direttiva rilevanti tal-UCITS, tiġi ttrattata b'modi differenti fi Stati Membri individwali.

Il-każ Madoff wassal għal żvilupp essenzjali fl-isfera tal-UCITS: filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-UCITS dwar id-depożitarji ma nbidlux, l-ambjent tal-investiment għall-UCITS evolva. L-UCITS issa jistgħu jinvestu f’firxa usa’ ta’ assi finanzjarji, li jistgħu jkunu aktar kumplessi u jistgħu wkoll jinħarġu u jinżammu f'kustodju barra mill-UE (pereżempju fi swieq emerġenti); il-portafolli tal-fondi huma dejjem aktar varjati u internazzjonali.

Bħala konsegwenza, iż-żamma ta’ assi permezz ta’ arranġamenti ta’ sottokustodja, sabiex jitwettqu l-istrateġiji ta’ investiment tal-fond, saret dejjem aktar komuni. Il-frodi Madoff uriet li r-riskji assoċjati mal-użu ta’ netwerks delegati ta’ sottokustodja mhumiex dejjem negliġibbli. L-assi jistgħu jintilfu fil-livell tas-sottokustodju, u dan jista’ jinkludi telf permezz ta’ frodi mwettqa mis-sottokustodju, negliġenza tas-sottokustodju jew falliment tas-sottokustodju. Skont il-qafas attwali tal-UCITS, mhuwiex ċar x’inhuma d-dmirijiet li għandu depożitarju fl-għażla u s-sorveljanza tas-sottokustodju. Bħala riżultat, teżisti inċertezza legali rigward sa liema punt depożitarju huwa responsabbli għal telf fil-livell tas-sottokustodju.

Għandu jiġi nnutat li fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni pproponiet l-estensjoni ta’ skemi ta’ kumpens għall-investituri sabiex jiġu koperti l-investituri fil-UCITS. L-emendi għad-Direttiva 97/9/KE kellhom l-għan li jkopru sitwazzjonijiet li fihom depożitarju huwa responsabbli għat-telf ta’ assi ta' UCITS, iżda mhuwiex kapaċi jkopri r-responsabbiltajiet tiegħu. Dan għandu jservi bħala metodu addizzjonali sabiex tiżdied il-protezzjoni għall-investituri fil-UCITS. Madankollu, f'dan l-istadju din il-proposta ma ġietx aċċettata mill-Kunsill, u hija soġġetta għal aktar negozjati.

Barra minn hekk, il-kriżi finanzjarja wriet ukoll li l-iskemi ta’ rimunerazzjoni u ta’ inċentiv li ta’ spiss jiġu applikati fl-istituzzjonijiet finanzjarji kienu qed jaggravaw l-impatt u l-iskala tal-kriżi. Il-politiki ta’ rimunerazzjoni kkontribwixxew għat-teħid ta’ deċiżjonijiet għal perjodu ta' żmien qasir u ħolqu inċentivi biex jittieħdu riskji eċċessivi.

Fl-aħħar nett, l-analiżi tar-reġimi nazzjonali ta’ sanzjonar mwettqa mill-Kummissjoni flimkien mal-Kumitati tas-Superviżuri (li issa saru l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej) wriet għadd ta’ diverġenzi u dgħufijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fuq l-effettività tas-superviżjoni finanzjarja u, finalment, fuq il-kompetizzjoni, l-istabbiltà u l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk, fil-Komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2010 "Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji[2]", il-Kummissjoni ssuġġeriet li tistabbilixxi standards minimi komuni rigward ċerti kwistjonijiet ewlenin, sabiex tippromwovi l-konverġenza u t-tisħiħ tar-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar. Il-Kummissjoni inkludiet regoli komuni bħal dawn, adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-setturi konċernati, fil-proposti riċenti kollha tagħha għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE konċernata (CRD IV, MiFID, id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq, id-Direttiva dwar it-Trasparenza). L-estensjoni ta’ dan ix-xogħol għall-qafas tal-UCITS huwa pass addizzjonali naturali f'dan il-proċess.

Din il-proposta tifforma parti minn pakkett leġiżlattiv usa' dedikati biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji. Il-pakkett għandu żewġ partijiet oħra. L-ewwel huwa tiġdid estenżiv tad-Direttiva tal-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni 2002/92/KE sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta' protezzjoni meta jixtru prodotti tal-assigurazzjoni. L-aħħar parti tal-pakkett timmira li ttejjeb it-trasparenza tas-suq tal-investiment għal investituri fil-livell ta' konsumatur (proposta għal Regolament dwar dokument bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta' investiment).

1.2.        Riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

1.2.1.     Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Fit-3 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar id-depożitarji tal-UCITS. Din ġiet segwita minn stqarrija ta’ rispons li nħarġet f'Novembru tal-istess sena[3]. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni, li huma ssupplimentati bl-input tekniku mill-AETS, huma riflessi fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt.

Fid-9 ta’ Diċembru 2010, is-servizzi tal-Kummissjoni nedew it-tieni konsultazzjoni pubblika dwar il-funzjoni tad-depożitarji tal-UCITS u dwar ir-rimunerazzjoni tal-maniġers, li għalqet fil-31 ta’ Jannar 2011. B'kollox waslu 58 kontribuzzjoni, u l-biċċa l-kbira minnhom urew appoġġ wiesa’ għall-inizjattiva ta’ reviżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kjarifika tal-funzjonijiet tad-depożitarji u s-semplifikazzjoni tax-xenarju regolatorju bħala riżultat tal-proposta għal allinjament mad-Direttiva tal-AIFM[4]. Madankollu, ir-rispondenti adottaw pożizzjoni aktar kritika rigward il-kwistjoni tar-responsabbiltà tad-depożitarji[5]. Id-dikjarazzjonijiet ta’ rispons għaż-żewġ konsultazzjonijiet jinsabu fl-Anness 2 ta’ dik il-valutazzjoni tal-impatt.

Rigward il-kwistjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi, dan ir-rapport jirrifletti r-risposti għal kwestjonarju ad hoc li ġie mħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni u li ntbagħat lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli (ESC), kif ukoll lill-AETS. Sommarju tat-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju huwa ppreżentat bħala l-Anness 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

1.2.2.     Valutazzjoni tal-Impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt iffukat fuq ħames kwistjonijiet: l-eliġibilità biex entità taġixxi bħala depożitarju, il-kriterji għad-delega tal-kustodja, ir-responsabbiltà għat-telf ta’ strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja, ir-rimunerazzjonijiet tal-maniġers tal-UCITS u s-sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli tal-UCITS.

Eliġibbiltà biex entità taġixxi bħala depożitarju

Il-qafas attwali tal-UCITS jipprovdi ftit ċarezza fuq l-istituzzjonijiet li huma eliġibbli biex jaġixxu bħala depożitarju għal fond UCITS. Skont l-Artikolu 23(3) tal-UCITS, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni sinifikanti rigward l-istituzzjonijiet li jqisu eliġibbli biex jaġixxu ta’ depożitarji tal-UCITS, bil-kundizzjoni li l-istituzzjonijiet ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2) (jiġifieri jkunu soġġetti għal regolamentazzjoni prudenzjali u għal superviżjoni kontinwa).

Dan wassal għal approċċi differenti fl-Istati Membri: mis-17-il Stat Membru li jeħtieġu li d-depożitarji jkunu istituzzjonijiet ta’ kreditu, 12 jimponu rekwiżiti kapitali speċifiċi unikament biex jitwettqu attivitajiet ta' kustodja jew funzjonijiet relatati oħra ta’ depożitarju tal-UCITS. Fl-Istati Membri li jippermettu li entitajiet oħra apparti l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jaġixxu bħala depożitarji tal-UCITS, 3 biss jeħtieġu li d-depożitarji jissodisfaw rekwiżiti addizzjonali li jirrigwardaw il-kapital.

Fl-oriġini ta’ inċertezza legali sinifikanti jista' jkun hemm diverġenzi nazzjonali dwar l-entitajiet li jistgħu jaġixxu bħala depożitarji ta’ fond UCITS, u dawn jistgħu jwasslu għal livelli differenzjali ta’ protezzjoni għall-investitur. Barra minn hekk, li jingħata permess li entitajiet li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment jaġixxu bħala depożitarji mingħajr ma jiġu applikati rekwiżiti minimi dwar il-kapital iġib miegħu riskju konsiderevoli fir-rigward tar-riżorsi disponibbli għal dawn l-entitajiet.

Ġew identifikati tliet alternattivi għall-armonizzazzjoni tal-ambitu tal-istituzzjonijiet li huma meqjusa bħala li jipprovdu garanziji suffiċjenti f'termini ta' regolamentazzjoni prudenzjali u ta’ rekwiżiti kapitali biex jissodisfaw il-kompitu ta’ depożitarju. Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li kemm l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll id-ditti tal-investiment regolati jipprovdu garanziji suffiċjenti f'termini ta’ regolamentazzjoni prudenzjali, rekwiżiti kapitali u superviżjoni effettiva biex jaġixxu bħala depożitarji tal-UCITS. Istituzzjonijiet oħra (bħal pereżempju uffiċċji legali, nutara) mhumiex meqjusa bħala li jipprovdu dawn il-garanziji u, jekk jixtiequ li jaġixxu bħala depożitarji tal-UCITS, iridu jittrasformaw ruħhom f’ditti tal-investiment regolati. Minħabba li l-biċċa l-kbira tad-depożitarji tal-UCITS diġà huma istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment regolati, l-impatt tal-alternattiva magħżula jikkonċerna biss minoranza żgħira ta’ fornituri ta’ servizzi mhux liċenzjati. Ovvjament, nutara u ditti legali jitħallew ikomplu joperaw fil-qasam tradizzjonali tagħhom bħala depożitarji għal fondi mhux UCITS, bħal pereżempju fondi ta’ kapital ta' riskju żgħar u fondi ta' ekwità privata li rarament jinvestu f'titoli elenkati.

Delega tal-kustodja

Bidliet fid-Direttiva tal-UCITS li daħlu fl-2001 estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-assi eliġibbli għall-UCITS għal klassijiet ġodda ta' assi[6]. Bħala riżultat, il-maniġers tal-UCITS issa qed jinvestu f’għadd ferm akbar ta’ pajjiżi u fi strumenti aktar kumplessi milli kienu jagħmlu fl-1985. Hekk kif jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ investiment f'ġurisdizzjonijiet differenti ta' pajjiżi terzi, il-ħtieġa li jinħatru sottokustodji f'dawn il-ġurisdizzjonijiet tiżdied.

Minkejja t-tkabbir tal-istrumenti ta' investiment eliġibbli, id-Direttiva tal-UCITS ma tiddefinixxix il-kundizzjonijiet applikabbli f’każ li depożitarju jiddelega l-kustodja lil sottokustodju. In-nuqqas ta’ ċarezza jaffettwa kemm il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ sseħħ delega (pereżempju raġuni oġġettiva għad-delega, il-livell tal-ħiliet fl-għażla tas-sottokustodju, l-intensità tal-monitoraġġ kontinwu tas-sottokustodju) kif ukoll għall-kondizzjonijiet li taħthom, b’mod eċċezzjonali, il-kustodja tista’ tiġi ddelegata lil kustodji f'pajjiżi terzi li ma jissodisfawx l-istandards tal-prudenza u s-superviżjoni.

Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li d-delega tal-kustodja għandha tkun irregolata minn regoli dwar id-diliġenza fl-għażla u l-ħatra ta’ sottokustodju, u l-monitoraġġ kontinwu tal-attivitajiet tas-sottokustodju. F’każijiet rari fejn l-istrateġija ta’ investiment tal-UCITS tkun tinvolvi li jsir investiment fi strumenti finanzjarji maħruġa f'pajjiżi li jeħtieġu kustodja lokali mandatorja u fejn ma jopera l-ebda kustodju li huma konformi mar-rekwiżiti u l-istandards prudenzjali tad-delega msemmija hawn fuq, id-delega għandha xorta waħda titħalla ssir bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati ċirkostanzi stretti.

Responsabbiltà

Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-UCITS, ir-responsabbiltà għal telf ta’ strument finanzjarju li jkun miżmum f'kustodja tinħoloq biss fil-każ ta' ‘nuqqas mhux ġustifikabbli li jitwettqu obbligi’, jew ‘twettiq mhux korrett’ ta’ dawn id-dmirijiet. Dawn it-termini legali taw lok għal interpretazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u, allura għal differenzi fil-protezzjoni tal-investituri. Uħud mill-Istati Membri japplikaw l'hekk imsejħa sistema ta’ responsabbiltà ‘stretta’, fejn id-depożitarju għandu obbligu immedjat li jrodd lura l-assi mitlufa lill-UCITS, filwaqt li oħrajn huma tal-fehma li t-telf ta’ assi mhux dejjem jimplika nuqqas mhux ġustifikabbli ta' twettiq ta' obbligi min-naħa tad-depożitarju li għandu jwassal għal responsabbiltà ta' dak id-depożitarju. B’hekk, l-istandard dwar ir-responsabbiltà mhuwiex l-istess fl-Istati Membri kollha.

Il-kwistjoni tar-responsabbiltà hija l-aktar rilevanti fejn il-kustodja hija delegata. Skont l-Artikolu 22(2), ir-responsabbiltà tad-depożitarju "m'għandhiex tiġi effetwata bil-fatt li tkun fdat lil parti terza l-assi kollha jew parti minnhom biex jinżammu fis-sigurtà". Id-Direttiva dwar il-UCITS ma fihiex dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw ir-responsabbiltà għat-telf ta’ strument finanzjarju fejn il-kustodja tkun ġiet iddelegata lil parti terza. Din il-kwistjoni titħalla f'idejn il-prinċipju ġenerali espress fl-Artikolu 22(2), li jagħti marġni wiesa’ ta’ interpretazzjoni lill-Istati Membri. Pereżempju, xi Stati Membri jimponu biss obbligu li s-sottokustodju jiġi mmonitorjat, li jfisser li d-depożitarju ma jinżammx responsabbli f'każ ta’ telf jekk dan juri li wettaq id-dmir tiegħu ta’ monitoraġġ b'mod korrett (standard ibbażat fuq in-negliġenza). B'mod kuntrarju, Stati Membri l-oħra jimponu obbligu li l-assi jintraddu lura irrispettivament minn jekk ikunx sar ksur tad-dmir tal-monitoraġġ. Il-każ Madoff wera d-differenza fundamentali bejn l-istandards tar-responsabbiltà stretta u tan-negliġenza.

Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li standard ta’ 'responsabbiltà stretta' li jobbliga lid-depożitarji jroddu lura strumenti li jkunu ntilfu waqt li kienu f’kustodja irrispettivament mit-tort jew min-negliġenza jwassal kemm biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-investitur kif ukoll għall-kisba ta’ standard uniformi fl-UE kollha. F'konformità mal-ħtiġijiet ta’ investituri fil-livell tal-konsumaturi, ir-responsabbiltà f'każ ta' telf ta’ strument miżmum f’kustodja għandha tkun ibbażata fuq standard uniformi tal-UE li jinvolvi 'responsabbiltà stretta' għar-radd lura ta’ strument mitlufa għas-spejjeż tal-kustodju prinċipali, mingħajr ma l-kustodju prinċipali jkollu l-għażla jeħles mir-responsabbiltà f'każ ta’ kustodja delegata.

Rimunerazzjoni

Minħabba li r-remunerazzjoni tal-maniġers tal-UCITS hija, għall-inqas b’mod parzjali, ibbażata fuq il-prestazzjoni tal-fond, hemm inċentiv biex il-livell tar-riskju fil-portafoll ta’ fond jiżdied sabiex jiżdied ir-redditu possibbli. Madankollu, il-livell ogħla ta’ riskju jesponi lill-investituri tal-fondi għal telf possibbli li huwa ogħla minn kemm wieħed jista’ jistenna fid-dawl tal-profil tar-riskju ddivulgat tal-fond. L-istrutturi ta’ rimunerazzjoni jistgħu jiġu distorti sabiex il-maniġers jipparteċipaw fir-redditu li jimmaterjalizza, iżda ma jipparteċipawx fit-telf li jimmaterjalizza, biex b’hekk jinħolqu aktar inċentivi għall-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ riskju ogħla. Barra minn hekk, huwa rari li strutturi ta’ rimunerazzjoni jiġu ddivulgati fid-dokumenti ta’ offerta tal-fond, u b’hekk il-maniġers ma jingħataw kważi l-ebda responsabbiltà lejn l-investituri f’dak li jirrigwarda l-fatturi determinanti tal-paga eżekuttiva skont il-prestazzjoni tal-fond.

Huwa previst li jiġi introdott rekwiżit għall-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-UCITS li jimplimentaw politika ta' rimunerazzjoni li hija konsistenti mal-immaniġġjar sod tar-riskji tal-fond tal-UCITS, u li jikkonformaw ma' prinċipji minimi tar-rimunerazzjoni. Il-kumpanija tal-immaniġġjar tal-UCITS tkun meħtieġa wkoll tiddivulga l-ammont ta' rimunerazzjoni għas-sena finanzjarja bid-dettalji xierqa fir-rapport annwali tal-fond tal-UCITS.

Sanzjonijiet

L-analiżi tar-regoli nazzjonali dwar is-sanzjonijiet għal ksur tal-obbligi tad-Direttiva tal-UCITS li wettqet il-Kummissjoni żvelat tliet karatteristiċi ewlenin: (i) differenzi fl-ammonti ta' sanzjonijiet pekunarji (jiġifieri multi) applikata għall-istess kategoriji ta' ksur; (ii) kriterji differenti kienu applikabbli biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ sanzjonijiet amministrattivi; u (iii) varjazzjonijiet fil-livell tal-użu tas-sanzjonijiet.

L-alternattiva politika hija li tinkiseb armonizzazzjoni minima tar-reġimi ta’ sanzjonar billi jiġi meħtieġ (i) katalogu minimu ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi (inkluż l-armonizzazzjoni tal-aktar limitu baxx tal-ammonti massimi tal-multi amministrattivi), (ii) lista minima ta’ kriterji għas-sanzjonijiet, u (iii) li awtoritajiet kompetenti u kumpaniji tal-immaniġġjar jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ whistle-blowing. Dan ir-reġim ta’ sanzjonar jiġi applikat għal katalogu ta’ ksur ta' salvagwardji ewlenin għall-protezzjoni tal-investituri fid-Direttiva tal-UCITS.

2.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

2.1.        Regoli dwar id-dmirijiet tad-depożitarji

Fir-rigward tad-dmirijiet ewlenin ta' salvagwardja u sorveljanza tad-depożitarju, l-abbozz jipproponi li l-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-UCITS jiġi emendat kif ġej:

L-Artikolu 22(1) jistipula li għandu jinħatar depożitarju wieħed għal kull fond tal-UCITS. Din ir-regola għandha l-għan li tiżgura li fond wieħed ma jkollux diversi depożitarji.

L-Artikolu 22(2) jipproponi li jiġi speċifikat li l-ħatra ta’ depożitarju tiġi evidenzjata permezz ta’ kuntratt bil-miktub.

L-Artikolu 22(3) irendi uniformi lista ta’ dmirijiet ta’ sorveljanza tad-depożitarji tal-UCITS stabbiliti f’forma kuntrattwali u tal-UCITS stabbiliti f'forma korporattiva. Dawn id-dmirijiet jinvolvu l-verifika tal-konformità mar-regoli applikabbli meta l-ishma tal-UCITS jinbiegħu, jinħarġu, jiġu riakkwistati, jiġu mifdija jew jiġu kkanċellati; il-verifika li kwalunkwe korrispettiv tintbagħatilha fil-limiti ta’ żmien tas-soltu; il-verifika li d-dħul tal-kumpanija ta’ investiment qed jiġi applikat skont il-liġi u l-istrumenti tagħha ta' inkorporazzjoni, biex jiġi żgurat li l-valur tal-unitajiet f’UCITS jiġi kkalkulat skont il-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond; u t-twettiq tal-istruzzjonijiet tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-investiment.

L-Artikolu 22(4) fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-monitoraġġ tal-flus. Dan il-paragrafu għandu l-għan li jagħti lid-depożitarju perspettiva fuq l-assi kollha tal-UCITS, inklużi l-flus. Dan il-paragrafu jiżgura wkoll li ma jinfetaħ l-ebda kont ta’ flus assoċjat mat-tranżazzjonijiet tal-fondi mingħajr ma jkun jaf id-depożitarju. L-għan huwa li tiġi evitata l-possibbiltà li jsiru trasferimenti dolużi ta’ flus. Dan il-paragrafu jintroduċi wkoll rekwiżit ta’ segregazzjoni, sabiex kwalunkwe strument finanzjarju fuq il-ktieb tad-depożitarju miżmum għal UCITS ikun jista’ jintgħaraf minn fost l-assi tad-depożitarju stess, u jkun dejjem jista' jiġi identifikat bħala li jappartjeni għal dik l-UCITS; dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni għall-investituri f'każ ta’ inadempjenza tad-depożitarju.

L-Artikolu 22(5) jintroduċi distinzjoni bejn (1) id-dmirijiet ta’ kustodja relatati ma' strumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f’kustodja mid-depożitarju u (2) dmirijiet ta' verifika tas-sjieda relatati mat-tipi ta' assi li jifdal. Referenza għall-kustodja ta’ assi fiżiċi, bħal beni immobbli jew komoditajiet, mhijiex meħtieġa minħabba li dawn l-assi attwalment mhumiex eliġibbli biex jinżammu f’portafoll tal-UCITS.

L-Artikolu 25(2) il-ġdid fih serje ta' dispożizzjonijiet konswetudnali dwar il-kondotta, l-evitar tal-konflitti ta’ interess u l-immaniġġjar tagħhom.

F'dan il-kuntest, l-Artikolu 26b jintroduċi miżuri ta' implimentazzjoni ġodda li jiddefinixxu fid-dettall il-kundizzjonijiet biex jitwettqu l-funzjonijiet tal-monitoraġġ u l-kustodja ta' depożitarju, fosthom (i) it-tip ta' strumenti finanzjarji li għandhom ikunu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja ta' depożitarju; (ii) il-kundizzjonijiet li taħthom id-depożitarju jista' jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta' kustodja fuq strumenti finanzjarji reġistrati ma' depożitarji tat-titoli ċentrali; u (iii) il-kundizzjonijiet li taħthom id-depożitarju jista' jimmonitorja strumenti finanzjarji maħruġa f'forma nominattiva u reġistrati ma' emittent jew reġistratur.

2.2.        Regoli dwar id-delega

L-Artikolu 22(7) jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom id-dmirijiet ta’ salvagwardja ta' depożitarju jistgħu jiġu delegati lil sottokustodju. Essenzjalment, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li fuqhom depożitarju tal-UCITS jista’ jagħti d-dmirijiet tiegħu ta’ salvagwardja lil parti terza huma allinjati ma' dawk applikabbli fid-Direttiva AIFM.

L-Artikolu 26b jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati li jiddefinixxu aktar id-dmirijiet ta’ diliġenza inizjali u kontinwi tad-depożitarju, inkluż dawk li japplikaw għall-għażla u l-ħatra ta’ sottokustodju.

2.3.        Regoli dwar l-eliġibilità biex entità taġixxi bħala kustodju ta’ UCITS

Fid-dawl tal-kriterji nazzjonali differenti dwar l-eliġibilità li japplikaw attwalment għall-attivitajiet tad-depożitarji, l-abbozz jipproponi li l-Artikolu 23(2) jiġi modifikat b’mod li jistabbilixxi lista eżawrjenti ta' entitajiet li huma eliġibbli biex jaġixxu bħala depożitarji. L-għażla tal-politika hija li istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment biss ikollhom permess jaġixxu bħala depożitorji tal-UCITS. L-Artikolu 23 fih dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-UCITS ħatru entitajiet li ma għadhomx f’pożizzjoni li jaġixxu bħala depożitarji.

2.4.        Regoli dwar ir-responsabbiltà

L-Artikolu 24(1) għandu l-għan li jiċċara r-responsabbiltà tad-depożitarju tal-UCITS f’każ ta’ telf ta’ strument finanzjarju miżmum f’kustodja. Skont dan il-paragrafu, f’każ li jintilef strument finanzjarju miżmum f’kustodja, id-depożitarju tal-UCITS għandu jkollu l-obbligu jrodd lura strument finanzjarju tal-istess tip jew tal-istess ammont lill-UCITS. Mhu previst l-ebda ħelsien ieħor mir-responsabbiltà f'każ ta' telf ta’ assi, ħlief fil-każ li d-depożitarju jkun jista' juri li t-telf seħħ minħabba 'avveniment estern li ma għandux kontroll raġonevoli fuqu'. Barra minn hekk, ġie speċifikat b’mod ċar li, f'każ ta’ assi li jkunu ntilfu, id-depożitarju tal-UCITS għandu l-obbligu ġenerali li jrodd lura l-istrumenti finanzjarji tal-istess tip jew tal-istess ammont lill-UCITS ‘mingħajr dewmien mhux dovut’.

L-Artikolu 26b jipprevedi miżuri ta’ implimentazzjoni korrispondenti biex jiċċara ċerti aspetti tekniċi, pereżempju biex jispeċifika ċirkostanzi li fihom strument miżmum f’kustodja jkun jista’ jitqies mitluf.

L-Artikolu 24(2) fih ir-regola li tistipula li r-responsabbiltà tad-depożitarju ma tiġix affettwata mill-fatt li dan ikun fada parti terza bil-kompiti kollha tiegħu ta’ kustodja jew xi wħud minnhom. Bħala riżultat, id-depożitarju huwa obbligat irodd lura l-istrumenti miżmuma f’kustodja li jkunu ntilfu, anki jekk it-telf ikun seħħ għand is-sottokustodju. Kif imsemmi hawn fuq, ma għandu jkun previst l-ebda ħelsien ieħor mir-responsabbiltà (kemm regolatorju kif ukoll kuntrattwali) f'każ ta' telf ta’ assi minn sottokustodju.

L-Artikolu 24(2), b'kuntrast mal-Artikolu 21(12) tal-AIFMD, għalhekk iżomm lid-depożitarju responsabbli għar-radd lura tal-istrument, anki f'każ ta' delega, mingħajr il-possibbiltà li jinħeles mir-responsabbiltà permezz ta’ kuntratt. Dan it-tisħiħ fir-responsabbiltà f’każ ta’ delega tal-kustodja jidher li huwa ġġustifikat fid-dawl tal-bażi kbira ħafna ta' investituri u tan-natura ta’ operat fil-livell tal-konsumatur tad-detenturi tal-UCITS. L-introduzzjoni ta' reġim bl-istess possibbiltà kuntrattwali biex id-depożitarju jinħeles mir-responsabbiltà tiegħu bħalma hu permess mid-Direttiva tal-AIFM mhix meqjusa xierqa għal kollox. Sa punt simili, lanqas mhu xieraq li jiġi previst li d-depożitarju jinħeles r-responsabbiltà meta l-assi jiġu ttrasferiti lil sottokustodju li mhuwiex konformi mal-kriterji tad-delega.

2.5.        Rimedju

L-Artikolu 24(5) jikkonċerna r-rimedju kontra d-depożitarju. Dan il-paragrafu jallinja d-drittijiet ta’ investituri kemm f’UCITS korporattivi kif ukoll f’UCITS kuntrattwali sabiex dawn ikunu jistgħu jinvokaw pretensjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet tad-depożitarji, kemm b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett (permezz tal-kumpanija tal-immaniġġjar), skont in-natura legali tar-relazzjoni bejn id-depożitarju, il-kumpanija tal-immaniġġjar u t-titolari ta’ unitajiet.

2.6.        Remunerazzjoni

L-Artikoli 14a u 14b li ġew proposti jirriflettu l-politika attwali dwar ir-rimunerazzjoni tal-maniġment superjuri, ta’ dawk li jieħdu r-riskji u ta’ dawk li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kontroll. Dawn il-prinċipji għandhom japplikaw ukoll għal dawk li jimmaniġġjaw fond UCITS, kemm jekk ikun immaniġġjat fil-forma ta' kumpanija ta' investiment jew ukoll jekk ikun immaniġġjat fil-forma ta' kumpanija tal-immaniġġjar.

2.7.      Aċċess għal rekords tat-telefown u tad-dejta

Rekords tat-traffiku tat-telefown u tad-dejta eżistenti jikkostitwixxu evidenza importanti biex jinkixef u jiġi ppruvat ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-UCITS. Għalhekk, l-Artikolu 98 hu mmodifikat sabiex jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitolbu r-rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni jew minn UCITS, kumpanija tal-immaniġġjar, kumpanija tal-investiment jew depożitarju, fejn jeżisti suspett raġonevoli li tali rekords relatati mas-suġġett ta' spezzjoni jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi pprovat ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-UCITS. Għandu wkoll ikun ċar li dawn ir-rekords madankollu ma għandhomx jikkonċernaw il-kontenut tal-komunikazzjoni li jirrelataw magħha.

2.8.        Sanzjonijiet u miżuri

L-Artikoli 99a sa 99e jirriflettu l-politiki orizzontali attwali fis-settur tas-servizzi finanzjarji fir-rigward ta' sanzjonijiet u miżuri. Huma jiddefinixxu approċċ komuni għall-ksur prinċipali tad-Direttiva tal-UCITS. L-Artikolu 99a jistabbilixxi lista ta’ ksur prinċipali. Jistabbilixxi wkoll lista ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa japplikaw meta jseħħ ksur prinċipali.

3.           Implikazzjoni baġitarja

Ma hemm l-ebda implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE peress li mhux ser ikun meħtieġ finanzjament u karigi addizzjonali biex jitwettqu dawn il-kompiti. Il-kompiti previsti għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltajiet attwali ta' din l-Awtorità, u għalhekk l-allokazzjoni ta’ riżorsi u ta’ persunal prevista fid-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Leġiżlattivi approvati għal din l-Awtorità se tkun biżżejjed biex it-twettiq ta' dawn il-kompiti jiġi ffaċilitat.

2012/0168 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[7],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[8],

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[9] għandha tiġi emendata sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-suq u l-esperjenzi tal-parteċipanti tas-suq u s-superviżuri sa issa, partikolarment biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward id-dmirijiet u r-responsabilità tad-depożitarji, il-politika tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet.

(2)       Sabiex jiġi indirizzat l-effett potenzjalment detrimentali ta’ strutturi ta' remunerazzjoni mfassla ħażin fuq l-immaniġġjar sod tar-riskji u l-kontroll tat-teħid ta' riskji minn individwi, għandu jkun hemm obbligu ċar fuq il-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS) li jistabbilixxu u jżommu, għal dawk il-kategoriji ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-UCITS li jimmaniġġjaw, politiki ta’ remunerazzjoni u prattiki li huma konsistenti ma’ mmaniġġjar sod u effettiv tar-riskju. Dawk il-kategoriji tal-persunal għandhom mill-inqas jinkludu lill-maniġment superjuri, lil dawn li jieħdu r-riskji, il-funzjonijiet ta’ kontroll u kwalukwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li tqiegħdu fl-istess segment ta' remunerazzjoni bħal tal-maniġment superjuri u dawn li jieħdu r-riskji. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji tal-investiment fl-UCITS li ma jaħtrux kumpanija tal-immaniġġjar.

(3)       Il-prinċipji li jirregolaw il-politiki ta’ remunerazzjoni għandhom jirrikonoxxu li l-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-UCITS ikunu jistgħu japplikaw dawk il-politiki b'modi differenti skont id-daqs tagħhom u skont id-daqs tal-UCITS li jimmaniġġjaw, l-organizzazzjoni interna u n-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom.

(4)       Il-prinċipji dwar politiki sodi ta’ remunerazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom ikunu konsistenti ma’ u kkumplimentati mill-prinċipji stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE tat-30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji[10].

(5)       Sabiex tiġi promossa l-konverġenza superviżorja fil-valutazzjoni tal-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11], għandha tiżgura l-eżistenza ta’ linji gwida dwar politiki ta' remunerazzjoni sodi fis-settur tal-immaniġġjar tal-assi. L-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[12] għandha tgħin lill-AETS fit-tħejjija ta’ dawn il-linji gwida.

(6)       Id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati, tal-prinċipji ġenerali tal-liġi u l-kuntratti tax-xogħol nazzjonali, il-leġiżlazzjoni applikabbli rigward tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment u r-responsabbiltajiet ġenerali tal-korpi amministrattivi u superviżorji tal-istituzzjoni konċernata, kif ukoll id-dritt, fejn applikabbli, tas-sħab soċjali li jikkonkludu u jinfurzaw il-ftehimiet kollettivi, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali u l-użanza.

(7)       Sabiex jiżguraw il-livell meħtieġ ta’ armonizzazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji rilevanti fl-Istati Membri differenti, għandhom jiġu adottati regoli addizzjonali li jiddefinixxu l-kompiti u d-dmirijiet tad-depożitarji, jidentifikaw l-entitajiet ġuridiċi li jistgħu jinħatru bħala depożitarji u jiċċaraw ir-responsabbiltà tad-depożitarji f'każijiet meta jintilfu assi UCITS fil-kustodja jew f'każ ta' twettiq ħażin tad-dmirijiet ta' sorveljanza mid-depożitarji. Twettiq ħażin bħal dan jista' jirriżulta fit-telf ta’ assi imma wkoll f'telf tal-valur tal-assi, jekk, pereżempju, depożitarju ttollera investimenti li ma kinux konformi mar-regoli tal-ond, filwaqt li jesponew lill-investitur għal riskji mhux mistennija jew antiċipati. Regoli addizzjonali għandhom ukoll jiċċaraw il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu ddelegati funzjonijiet ta' depożitarju.

(8)       Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li UCITS għandha taħtar depożitarju wieħed li jkollu sorveljanza ġenerali fuq l-assi tal-UCITS. Ir-rekwiżit li jkun hemm depożitarju wieħed biss għandu jiżgura li d-depożitarju jkollu perspettiva fuq l-assi kollha tal-UCITS u li kemm il-maniġers kif ukoll l-investituri tal-fond ikollhom punt wieħed biss ta’ referenza f'każ li jinqalgħu problemi fir-rigward tas-salvagwardja tal-assi jew tat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza. Is-salvagwardja tal-assi tinkludi li l-assi jinżammu f'kustodja jew, fejn l-assi jkun ta' natura tali li ma jistgħux jinżammu f'kustodja, il-verifika tas-sjieda ta’ dawk l-assi kif ukoll iż-żamma tar-rekords għal dawk l-assi.

(9)       Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, depożitarju għandu jaġixxi b’mod onest, ġust, professjonali, b'mod indipendenti u fl-interess tal-UCITS jew tal-investituri tal-UCITS.

(10)     Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għat-twettiq tad-dmirijiet tad-depożitarji fl-Istati Membri kollha irrispettivament mill-forma ġuridika li tieħu l-UCITS, hemm bżonn li tiġi introdotta lista uniformi tad-dmirijiet ta’ sorveljanza li jorbtu kemm UCITS f'forma korporattiva (kumpanija ta’ investiment) kif ukoll l-UCITS f'forma kuntrattwali.

(11)     Id-depożitarju għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ xieraq tal-flussi tal-flus tal-UCITS, u, b’mod partikolari, għall-iżgurar li l-flus tal-investituri u tal-flus li jappartjenu lill-UCITS jiġu rreġistrati korrettament fil-kontijiet miftuħa f'isem l-UCITS, jew f'isem il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS, jew f'isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-UCITS. Għalhekk għandhom jiġu adottati disposizzjonijiet dettaljati fuq il-monitoraġġ tal-flus sabiex jiġu żgurati livelli ta' protezzjoni tal-investitur effettivi u konsistenti. Meta d-depożitarju jiżgura li l-flus tal-investitur jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-flus, għandu jqis il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta' ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanijiet ta’ dik id-Direttiva[13].

(12)     Sabiex jiġi impediti trasferimenti dolużi ta' flus, għandu jkun meħtieġ li ma jinfetaħ l-ebda kont ta’ flus assoċjat mat-tranżazzjonijiet tal-fondi mingħajr l-għarfien tad-depożitarju.

(13)     Kwalunkwe strument finanzjarju miżmum f'kustodja għal UCITS għandu jkun distingwibbli mill-assi tad-depożitarju stess, u għandu jkun l-ħin kollha identifikat bħala li jappartjeni għal dik l-UCITS; dan ir-rekwiżit għandu jipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni għall-investituri f'każ ta’ inadempjenza tad-depożitarju.

(14)     Barra mid-dmir eżistenti li l-assi li jappartjenu lil UCITS jinżammu sikuri, l-assi għandhom jiġu differenzjati bejn dawk li jistgħu jinżammu f'kustodja u dawk li mhumiex, fejn minflok japplika rekwiżit ta' żamma ta' rekords u verifika tas-sjieda. Il-grupp ta' assi li jistgħu jiġu miżmuma f'kustodja għandhom jiġu differenzjati b'mod ċar, billi d-dmir li jintraddu lura assi mitlufa għandu japplikaw biss għal dik il-kategorija speċifika ta' assi finanzjarji.

(15)     Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet għad-delega tad-dmirijiet ta’ kustodja tad-depożitarju lil parti terza. Delega u sottodelega għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati u soġġetti għal rekwiżiti stretti fir-rigward tal-adegwatezza tal-parti terza fdata bil-funzjoni delegata, u fir-rigward tal-kapaċità, l-attenzjoni u d-diliġenza dovuti li d-depożitarju għandu juża meta jagħżel, jaħtar u janalizza dik il-parti terza. Għall-finijiet li jinkisbu kundizzjonijiet tas-suq uniformi u livell daqstant ieħor għoli ta' protezzjoni tal-investituri, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu allinjati ma' dawk applikabbli skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010[14]. Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet terzi jiddisponu mill-mezzi meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom u li jissegregaw l-assi tal-UCITS.

(16)     Meta tiġi fdata l-kustodja ta’ assi lill-operatur ta' sistema tas-saldu tat-titoli kif previst fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli[15] jew jiġi fdat il-forniment ta' servizzi simili lil sistemi ta’ saldu tat-titoli ta’ pajjiż terz, dan ma għandhomx jitqies bħala delega ta' funzjonijiet ta' kustodja.

(17)     Parti terza li għandha tiġi delegata s-salvagwardja ta' assi għandha tkun kapaċi żżomm kont omnibus, bħala kont komuni segregat għal UCITS multipli.

(18)     F’każijiet fejn il-kustodja tiġi ddelegata lil parti terza, ikun meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-parti terza tkun soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi dwar regolazzjoni u superviżjoni prudenzjali effettivi. Flimkien ma’ dan, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jkunu fil-pussess tal-parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata l-kustodja, għandhom jitwettqu awditi esterni perjodiċi.

(19)     Sabiex jiġu żgurati livelli għolja u konsistenti ta’ protezzjoni tal-investituri, għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-kondotta u dwar l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess u għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha, inkluż f'każijiet ta' delega ta’ dmirijiet ta’ kustodja. B'mod partikolari, dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni ċara tal-kompiti u l-funzjonijiet bejn id-depożitarju, l-UCITS u l-kumpanija tal-immaniġjar.

(20)     Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u biex jiġi ggarantit livell xieraq ta’ regolamentazzjoni prudenzjali u ta’ kontroll b’mod kontinwu, jeħtieġ li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta' entitajiet li huma eliġibbli biex jaġixxu bħala depożitarji, b'mod li istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment biss ikunu permessi jaġixxu bħala depożitarji tal-UCITS. Sabiex entitajiet oħra li qabel setgħu kienu eliġibbli biex jaġixxu bħala depożitarji għal fondi tal-UCITS ikunu jistgħu jibdlu lilhom infushom f’entitajiet eliġibbli, għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet tranżizzazzjonali għal dawk l-entitajiet.

(21)     Jeħtieġ tiġi speċifikata u ċċarata r-responsabbiltà tad-depożitarju tal-UCITS f’każ ta’ telf ta’ strument finanzjarju li jkun qed jinżamm f’kustodja. Id-depożitarju għandu jkun responsabbli, meta strument finanzjarju miżmum f’kustodja jintilef, li jrodd lura strument finanzjarju ta' tip identiku jew ta' ammont korrispondenti lill-UCITS. Ma għandu jkun previst l-ebda ħelsien ulterjuri mir-responsabbiltà f'każ ta' telf ta’ assi, ħlief meta d-depożitarju jkun jista' jipprova li t-telf seħħ minħabba 'avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra'. F'dan il-kuntest, depożitarju ma għandux ikun jista' jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà billi jserraħ fuq sitwazzjonijiet interni bħal aġir frawdolenti minn xi impjegat.

(22)     Meta d-depożitarju jiddelega kompiti ta' kustodja u l-istrumenti finanzjarji miżmuma fil-kustodja ta' parti terza jintilfu, id-depożitarju għandu jkun responsabbli. Għandu wkoll jiġi stabbilit illi fil-każ ta' telf ta' strument miżmum f'kustodja, depożitarju huwa marbut irodd lura strument finanzjarju ta' tip identiku jew l-ammont korrispondenti, anke jekk it-telf seħħ għand sottokustodju. Id-depożitarju għandu jinħeles biss minn dik ir-responsabbiltà meta jkun jistà jipprova li t-telf irriżulta minn avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu u b'konsegwenzi li kienu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra. F'dan il-kuntest, depożitarju ma għandux ikun jista' jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà billi jserraħ fuq sitwazzjonijiet interni bħal aġir frawdolenti minn xi impjegat. Ma għandu jkun possibbli l-ebda ħelsien mir-responsabbiltà, kemm regolatorju kemm kuntrattwali fil-każ ta' telf ta' assi minn depożitarju jew sottokustodju tiegħu.

(23)     Kull investitur f'fond UCITS għandu jkun jista' jinvoka pretensjonijiet relatati mar-responsabbiltà tad-depożitarju tiegħu, jew direttament jew indirettament, permezz tal-kumpanija tal-immaniġġjar. Ir-rimedju kontra d-depożitarju ma għandux jiddependi fuq il-forma legali li jkollu l-fond UCITS (korporattiva jew forma kuntrattwali) jew in-natura ġuridika tar-relazzjoni bejn id-depożitarju, il-kumpanija tal-immaniġġjar u t-titolari tal-unitajiet.

(24)     Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni pproponiet emendi għad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur[16]. Huwa essenzjali li l-proposta tat-12 ta' Lulju 2010 tiġi kkumplimentata billi jiġu ċċarati l-obbligi u l-ambitu tar-responsabbiltà tad-depożitarju u tas-sottokustodji tal-UCITS bl-għan li jiġi pprovdut livell għoli ta' protezzjoni lill-investituri tal-UCITS fejn depożitarju ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu stabbiliti f'din id-Direttiva.

(25)     Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-istess rekwiżiti japplikaw għad-depożitarji irrispettivament mill-forma ġuridika li jkollu l-UCITS. Konsistenza tar-rekwiżiti għandha ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika, iżżid il-protezzjoni tal-investitur u tikkontribwixxi biex joħolqu kundizzjonijiet tas-suq uniformi. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda notifika li d-deroga mill-obbligu ġenerali li l-assi jiġu fdati għand depożitarju intużat minn xi kumpanija tal-investiment. Għalhekk, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/65/KE li jirrigwardaw id-depożitarju ta' kumpanija ta' investiment għandhom jitqiesu superfluwi.

(26)     F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur finanzjarju[17], l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa jimponu sanzjonijiet pekunarji li jkunu għoljin biżżejjed biex ikunu dissważivi u proporzjonali, ħalli jpaċu l-benefiċċji mistennija minn imġiba li tikser ir-rekwiżiti.

(27)     Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha, meta jiddeterminaw it-tip ta' sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi u l-livell ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.

(28)     Sabiex jissaħħaħ l-effett dissważiv fuq il-pubbliku inġenerali, kif ukoll biex il-pubbliku jiġi informat dwar ksur ta’ regoli li jista’ jkun ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-investituri, is-sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati, ħlief f'ċerti ċirkostanzi definiti sew. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, f’każijiet fejn il-pubblikazzjoni toħloq ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti, is-sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonima.

(29)     Sabiex jidentifikaw ksur possibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat investigattivi meħtieġa, u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiġi mħeġġeġ ir-rappurtar ta’ ksur possibbli jew ta’ ksur reali.

(30)     Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni fil-liġijiet tal-Istati Membri li huma relatati ma’ reati kriminali u sanzjonijiet.

(31)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(32)     Sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet ta' din id-Direttiva jintlaħqu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Partikolarment, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati biex tispeċifika d-dettalji li jeħtieġ jiġu inklużi fil-ftehim standard bejn id-depożitarju u l-kumpanija tal-immaniġġjar jew il-kumpanija tal-investiment, il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-funzjonijiet depożitarji, inkluż it-tip ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju, il-kundizzjonijiet li skonthom depożitarju jista' jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ kustodja fuq l-istrumenti finanzjarji reġistrati ma’ depożitarju ċentrali u l-kundizzjonijiet li skonthom id-depożitarju għandu jissalvagwardja l-istrumenti finanzjarji maħruġa f'forma nominattiva u rreġistrati ma' emittent jew reġistratur, id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji, l-obbligu tas-segregazzjoni, il-kundizzjonijiet skont liema, u ċ-ċirkostanzi li fihom, strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja għandhom jiġu kkunsidrati mitlufa, dak li għandu jiġi mifhum b'avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u b’mod xieraq ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(33)     F’konformità mad-dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[18], l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tagħhom ta’ traspożizzjoni b’dokument jew dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trażmissjoni ta’ tali dokumenti bħala ġustifikata.

(34)     L-għanijiet tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex titjieb il-fiduċja tal-investituri f’UCITS, permezz tat-tisħiħ tar-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-depożitarji, il-politiki dwar ir-remunerazzjoni tal-kumpaniji tal-immaniġġjar u l-kumpaniji ta' investiment, u bl-introduzzjoni ta' standards komuni għas-sanzjonijiet li japplikaw għal ksur ewlnieni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri li jaġixxu indipendentement minn xulxin. Billi azzjoni fil-livell Ewropew biss tista’ tindirizza d-dgħufijiet identifikati, u għalhekk din l-azzjoni tista' tintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(35)     Għalhekk, id-Direttiva 2009/65/KE għandha tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1) Għandhom jiżdiedu l-Artikoli 14a u 14b li ġejjin :

"Artikolu 14a

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-kumpaniji tal-immaniġġjar jistabbilixxu u japplikaw politiki u prassi tar-remunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ u jippromwovu mmaniġġjar tajjeb u effikaċi tar-riskji u ma jinkoraġġixxux teħid ta' riskji inkonsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-UCITS li jimmaniġġjaw.

2. Il-politiki u l-prassi tar-rimunerazzjoni għandhom ikopru s-salarji u l-benefiċċji diskrezzjonali tal-pensjoni.

3. Il-politiki u l-prassi tar-rimunerazzjoni għandhom japplikaw għal dawk il-kategoriji tal-persunal, fosthom il-maniġment superjuri, dawk li jieħdu r-riskji, il-funzjonijiet tal-kontroll u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li taqa' fil-faxx ta' remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u dawk li jieħdu r-riskji u li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-kumpaniji tal-immaniġġjar jew tal-UCITS li jimmaniġġjaw.

4. F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), l-AETS għandha toħroġ linji gwida li jikkonformaw mal-Artikolu 14b u indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-linji gwida għandhom iqisu l-prinċipji dwar politiki sodi ta’ remunerazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE(**), id-daqs tal-kumpaniji tal-immaniġġjar u d-daqs tal-UCITS li jimmaniġġjaw, l-organizzazzjoni interna u n-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Fil-proċess tal-iżvilupp tal-gwidi linja tal-AETS għandha tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) sabiex tiżgura konsistenza mar-rekwiżiti żviluppati għal setturi oħrajn tas-servizzi finanzjarji, partikolarment l-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment.

Artikolu 14b

1. Meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki tar-remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a, il-kumpaniji tal-immaniġġjar għandhom jikkonformaw mal-prinċipji segwenti b’mod u sal-punt li jkun adattat għad-daqs tagħhom, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-amibtu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:

(a) il-politika ta’ remunerazzjoni tkun konsistenti ma’ u tippromwovi mmaniġġjar sod u effettiv tar-riskju u ma tinkoraġġixxix teħid ta' riskji li mhuwiex konsistenti mal-profili tar-riskju, mar-regoli jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-UCITS li jimmaniġġjaw;

(b) il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, mal-valuri u mal-interessi tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tal-UCITS li timmaniġġja jew tal-investituri ta' dawn l-UCITS, u tinkludi miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess;

(c) il-korp maniġerjali tal-kumpanija tal-immaniġġjar, fil-funzjoni superviżorja tiegħu għandu jadotta u perjodikament jirrevedi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ remunerazzjoni u għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha;

(d) l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tiġi, mill-inqas darba fis-sena, soġġetta għal reviżjoni interna ċentrali u indipendenti għall-konformità tagħha mal-politiki u l-proċeduri ta’ remunerazzjoni adottati mill-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu;

(e) persunal li huwa involut fil-funzjonijiet ta’ kontroll għandu jiġi kumpensat skont il-kisba tal-għanijiet relatati mal-funzjonijiet tiegħu, b’mod indipendenti mill-prestazzjoni tal-oqsma tan-negozju li jikkontrolla;

(f) ir-rimunerazzjoni tal-uffiċjali superjuri b’funzjonijiet ta’ mmaniġġjar u ta’ konformità tar-riskju tiġi ssorveljata b’mod dirett mill-kumitat tar-remunerazzjoni;

(g) fejn ir-remunerazzjoni tkun marbuta mal-prestazzjoni, l-ammont totali ta’ rimunerazzjoni għandu jkun ibbażat fuq taħlita tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità tan-negozju jew tal-UCITS ikkonċernata u tar-riżultati kumplessivi tal-kumpanija tal-immaniġġjar, u meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni individwali jitqiesu kemm kriterji finanzjarji kif ukoll kriterji mhux finanzjarji;

(h) il-valutazzjoni tal-prestazzjoni għandha tiġi stabbilita f'qafas multiannwali xieraq għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-UCITS immaniġġjat mill-kumpanija tal-immaniġġjar sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni ikun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas reali tal-komponenti tar-remunerazzjoni bbażati fuq il-prestazzjoni jkun mifrux fuq perjodu li jqis il-politika ta' tifdija tal-UCITS li timmaniġġja kif ukoll ir-riskji tal-investiment tagħhom;

(i) rimunerazzjoni varjabbli ggarantita għandha tkun eċċezzjonali, sseħħ biss fil-kuntest ta' reklutaġġ ta’ persunal ġdid u għandha tkun limitata għall-ewwel sena;

(j) il-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni totali għandhom ikunu bbilanċjati b'mod xieraq u l-komponent fiss għandu jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed mir-rimunerazzjoni totali sabiex jippermetti l-operat ta’ politika kompletament flessibbli għall-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni, inkluża l-possibbiltà li l-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni ma jitħallasx;

(k) ħlasijiet marbuta mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu l-prestazzjoni li tkun inkisbet tul iż-żmien, u huma mfassla b'tali mod li ma jippremjawx il-fallimenti;

(l) il-kejl tal-prestazzjoni użat biex jiġu kkalkulati l-komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jew puli ta’ komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jinkludi mekkaniżmu ta’ aġġustament komprensiv li jintegra t-tipi rilevanti kollha ta' riskji attwali u futuri;

(m) soġġett għall-istruttura ġuridika tal-UCITS u għar-regoli tal-fond jew għall-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha, porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 50% ta' kwalunkwe remunerazzjoni varjabbli, jikkonsisti f'unitajiet tal-UCITS ikkonċernata, jew f’interessi ta’ sjieda ekwivalenti, fi strumenti marbuta mal-ishma jew fi strumenti ekwivalenti mhux ta’ flus, sakemm l-immaniġġjar tal-UCITS ma tgħoddx għal inqas minn 50% tal-portafoll totali mmaniġġjat mill-kumpanija tal-immaniġġajr, f'liema każ il-livell minimu ta’ 50% ma japplikax.

L-istrumenti msemmija f'dan il-punt għandhom ikunu soġġetti għal politika ta’ żamma xierqa maħsuba biex l-inċentivi jiġu allinjati mal-interessi tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tal-UCITS li timmaniġġja, kif ukoll ma’ tal-investituri f'dawn l-UCITS. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jqiegħdu restrizzjonijiet fuq it-tipi u d-disinji ta’ dawk l-istrumenti, jew jipprojbixxu ċerti strumenti kif xieraq. Dan il-punt għandu jiġi applikat kemm għall-porzjon tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ġiet iddifferita skont il-punt (n) kif ukoll għall-parti tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni li ma ġietx iddifferita;

(n) porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 40%, tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni, tiġi ddifferita fuq perjodu li huwa xieraq fid-dawl taċ-ċiklu tal-ħajja u l-politika ta’ tifdija tal-UCITS ikkonċernata u tiġi allinjata b’mod korrett man-natura tar-riskji tal-UCITS inkwistjoni.

Il-perjodu msemmi f'dan il-punt għandu jkun ta’ mill-inqas tlieta sa ħames snin, sakemm iċ-ċiklu tal-ħajja tal-UCITS ikkonċernata ma jkunx iqsar; remunerazzjoni pagabbli taħt arranġamenti ta’ differiment ma għandhiex tvesti b’rata aktar mgħaġġla minn bażi prorata; fil-każ ta’ komponent varjabbli tar-remunerazzjoni ta’ ammont partikolarment għoli, għandu jiġi differit mill-inqas 60% tal-ammont;

(o) ir-rimunerazzjoni varjabbli, inkluża l-parti differita, għandha titħallas jew tvesti biss jekk tkun sostenibbli skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-immaniġġjar kollha, u ġġustifikata skont il-prestazzjoni tal-unità tan-negozju, l-UCITS u l-individwu kkonċernat.

Ir-rimunerazzjoni varjabbli totali ġeneralment għandha titnaqqas b’mod konsiderevoli meta jkun hemm prestazzjoni finanzjarja baxxa jew negattiva tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-UCITS ikkonċernata, filwaqt li għandhom jitqiesu kemm il-kumpens attwali kif ukoll it-tnaqqis fil-ħlasijiet ta' ammonti maqlugħa qabel, inkluż permezz ta’ arranġamenti malus jew arranġamenti ta’ restituzzjoni;

(p) il-politika tal-pensjonijiet għandha tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tal-UCITS li timmaniġġja.

Jekk l-impjegat jitlaq mill-kumpanija tal-immaniġġjar qabel l-irtirar, benefiċċji tal-pensjoni diskrezzjonarji għandhom jinżammu mill-kumpanija tal-immaniġġjar għal perjodu ta’ ħames snin fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m). Fil-każ ta’ impjegat li jasal għall-pensjoni, il-benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni għandhom jitħallsu lill-impjegat fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m), soġġetti għal perjodu ta’ żamma ta’ ħames snin;

(q) il-persunal huwa meħtieġa jimpennja ruħu ma jużax strateġiji personali ta’ ħeġġing jew assigurazzjoni relatata mar-remunerazzjoni u r-responsabbiltà sabiex inaqqas l-effetti tal-allinjament integrat tar-riskju fl-arranġamenti tar-rimunerazzjoni tiegħu;

(r) ir-rimunerazzjoni varjabbli ma għandhiex titħallas permezz ta’ vetturi jew metodi li jagħmluha faċli li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jiġu evitati.

2. Il-prinċipji stipulati fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal kull tip ta’ remunerazzjoni mħallsa mill-kumpaniji tal-immaniġġjar u għal kwalunkwe trasferiment ta' unitajiet jew ishma tal-UCITS, magħmula għall-benefiċċju ta’ dawk il-kategoriji ta' persunal, inkluż il-maniġment superjuri, dawk li jieħdu r-riskji, il-funzjonijiet ta’ kontroll u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li taqa' fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u ta’ dawk li jieħdu r-riskji u li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tagħhom jew tal-UCITS li jimmaniġġjaw.

3. Kumpaniji tal-immaniġġjar li huma sinifikanti f'termini tad-daqs tagħhom jew tad-daqs tal-UCITS li jimmaniġġjaw, tal-organizzazzjoni interna u tan-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom għandhom jistabbilixxu kumitat tar-remunerazzjoni. Il-kumitat ta’ remunerazzjoni għandu jiġi kkostitwit b'mod li jippermettilu jeżerċita ġudizzju kompetenti u indipendenti fir-rigward tal-politiki u l-prassi ta’ remunerazzjoni u ta’ inċentivi maħluqa għall-immaniġġjar tar-riskju.

Il-kumitat ta’ rimunerazzjoni għandu jkun responsabbli għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar ir-remunerazzjoni, inklużi dawk li għandhom implikazzjonijiet għar-riskju u l-immaniġġajr tar-riskju tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-UCITS ikkonċernata, u li għandhom jittieħdu mill-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu. Il-kumitat tar-remunerazzjoni għandu jkun ippresedut minn membru tal-korp maniġerjali li ma jwettaq ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-immaniġġjar konċernata. Il-membri tal-kumitat ta’ remunerazzjoni għandhom ikunu membri tal-korp maniġerjali li ma jwettqu ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-immaniġġjar konċernata.

_______

(*)     ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(**)   ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22.”

(2) Fl-Artikolu 20(1), il-punt (a) qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(a) il-kuntratt bil-miktub mad-depożitarju msemmi fl-Artikolu 22(2);" "

(3) L-Artikolu 22 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 22

1. Kumpanija tal-investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-immaniġġjar għandha tiżgura li jinħatar depożitarju wieħed skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2. Il-ħatra tad-depożitarju għandha tieħu l-forma ta’ kuntratt bil-miktub.

Dan il-kuntratt għandu jinkludi regoli li jistabbilixxu l-fluss ta’ informazzjoni li huwa meqjus meħtieġ biex id-depożitarju jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-UCITS li għaliha jkun ġie maħtur depożitarju, kif stipulat f'din id-Direttiva u f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi oħra li huma rilevanti għad-depożitarji fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS.

3. Id-depożitarju għandu:

(a) jiżgura li l-bejgħ, il-ħruġ, ir-riakkwist, it-tifdija u l-kanċellazzjoni ta’ unitajiet tal-UCITS jitwettqu skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(b) jiżgura li l-valur tal-unitajiet tal-UCITS jiġi kkalkulat skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(c) iwettaq l-istruzzjonijiet tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-kumpanija tal-investiment, sakemm dawn ma jkunux f'kunflitt mal-liġijiet nazzjonali applikabbli jew mar-regoli tal-fond jew mal-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(d) jiżgura li fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi tal-UCITS, kwalunkwe korrispettiv tintbagħat lill-UCITS fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

(e) jiżgura li l-introjtu tal-UCITS jiġi applikat skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni."

4. Id-depożitarju għandu jiżgura li l-flussi tal-flus tal-UCITS jiġu mmonitorjati sew, u għandhom b'mod partikolari jiżguraw li l-ħlasijiet kollha magħmula minn jew għan-nom tal-investituri mas-sottoskrizzjoni ta' unitajiet tal-UCITS ġew irċevuti, u li l-flus kollha tal-UCITS iddaħħlu f'kontijiet tal-flus li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) infetħu f’isem l-UCITS jew f'isem il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS, jew f'isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-UCITS;

(b) infetħu fi entità msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE (*) u

(c) jinżammu skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE.

Meta l-kontijiet tal-flus jinfetħu f’isem id-depożitarju li jaġixxi f'isem l-UCITS, l-ebda flus tal-entità msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u l-ebda parti mill-flus proprji tad-depożitarju ma għandhom jiddaħħlu f’dawn il-kontijiet.

5. L-assi tal-UCITS għandhom jiġu fdati għand id-depożitarju għas-salvagwardja kif ġej:

(a) għal strumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f'kustodja, id-depożitarju għandu:

(i) iżomm f’kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tad-depożitarju, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu mogħtija fiżikament lid-depożitarju;

(ii) jiżgura li dawk l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont ta’ strumenti finanzjarji li jkun infetaħ fil-kotba tad-depożitarju jiġu rreġistrati fil-kotba tad-depożitarju f’kontijiet segregati skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE, li jkunu nfetħu f'isem l-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li tkun qed taġixxi f'isem l-UCITS, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar u f'kull ħin bħala li jappartjenu lill-UCITS skont il-liġi applikabbli;

(b) għal assi oħra, id-depożitarju għandu:

(i) jivverifika s-sjieda tal-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS ta' dawn l-assi billi jivvaluta jekk l-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS jkollhiex is-sjieda abbażi tal-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti mill-UCITS jew mill-kumpanija tal-immaniġġjar u, fejn disponibbli, minn evidenza esterna;

(ii) iżomm rekord ta’ dawk l-assi li dwarhom ikun issodisfat li l-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS jkollha s-sjieda u jżomm ir-rekord aġġornat.

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' insolvenza tad-depożitarju, l-assi ta' UCITS miżmuma f’kustodja mid-depożitarju ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu realizzati għall-benefiċċju tal-kredituri tad-depożitarju.

7. Id-depożitarju ma għandux jiddelega l-funzjonijiet tiegħu kif imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 lil partijiet terzi.

Id-depożitarju jista’ jiddelega l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 lil partijiet terzi biss meta:

(a) il-kompiti ma jkunux ġew iddelegati bl-intenzjoni li jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ;

(b) id-depożitarju jista’ juri li hemm raġuni oġġettiva għad-delega;

(c) id-depożitarju jkun eżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fl-għażla u l-ħatra ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jrid jiddelega partijiet mill-kompiti tiegħu, u jkompli jeżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fir-reviżjoni perjodika u l-monitoraġġ kontinwu ta' kwalunkwe parti terza li lilha jkun iddelega partijiet tal-kompiti tiegħu u tal-arranġamenti tal-parti terza fir-rigward tal-kwistjonijiet iddelegati lilha;

Il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jistgħu jiġu ddelegati mid-depożitarju lil parti terza biss jekk f'kull ħin matul it-twettiq tal-kompiti ddelegati lilha:

(a) ikollha strutturi u kompetenza li huma adegwati u proporzjonati man-natura u l-kumplessità tal-assi tal-UCITS jew tal-kumpanija tal-immaniġġjar li tkun qed taġixxi f'isem l-UCITS li jkunu ġew fdati lilha;

(b) għal kompiti tal-kustodja msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5, tkun soġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali effettiva, inkluż rekwiżiti kapitali minimi, u superviżjoni fil-ġurisdizzjoni konċernata;

(c) għal kompiti tal-kustodja msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5, tkun soġġett għal awditu estern perjodiku biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jinsabu fil-pussess tagħha;

(d) tissegrega l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi tagħha stess u mill-assi tad-depożitarju b'tali mod li fi kwalunkwe ħin dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar bħala li jappartjenu lill-klijenti ta' depożitarju partikolari;

(e) f’każ ta' insolvenza ta' parti terza, l-assi ta' UCITS miżmuma f’kustodja mill-parti terza ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu rrealizzati għall-benefiċċju tal-kredituri tal-parti terza;

(f) tkun konformi mal-obbligi ġenerali u mal-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 u l-Artikolu 25.

Minkejja l-punt (b) tat-tielet subparagrafu fejn il-liġi ta’ pajjiż terz teħtieġ li ċerti strumenti finanzjarji jinżammu f'kustodja minn entità lokali u l-ebda entità lokali ma tissodisfa r-rekwiżiti tad-delega stabbiliti f'dak il-punt, id-depożitarju jista' jiddelega l-funzjonijiet tiegħu lil din l-entità lokali sal-punt meħtieġ mil-liġi tal-pajjiż terz biss u biss sakemm ma jkunx hemm entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-delega, u biss fejn:

(a) l-investituri tal-UCITS relevanti jiġu infurmati kif dovut li din id-delega hija meħtieġa minħabba l-irbit ġuridiku fil-liġi tal-pajjiż terz u ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw id-delega, qabel l-investiment tagħhom;

(b) l-UCITS, jew il-kumpanija tal-immaniġġjar f'isem l-UCITS, tkun tat struzzjonijiet lid-depożitarju biex jiddelega l-kustodja ta' tali strumenti finanzjarji lil tali entità lokali.

Wara, il-parti terza tista’ tissottodelega dawk il-funzjonijiet, soġġett għall-istess rekwiżiti. F'dan il-każ, l-Artikolu 24(2) għandu japplika mutatis mutandis għall-partijiet rilevanti.

Għall-finijiet tas-subparagrafi wieħed sa ħamsa, il-provvista ta’ servizzi kif speċifikat fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) minn sistemi tas-saldu tat-titoli kif stabbiliti għall-finijiet tad-Direttiva 98/26/KE jew il-provvista ta’ servizzi simili minn sistemi tas-saldu tat-titoli minn pajjiżi terzi ma għandhiex titqies bħala delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja tagħha.

_________

(*) ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26.

(**) ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.”

(4) L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Id-depożitarju għandu jkun:

(a) istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2006/48/KE;

(b) ditta tal-investiment, soġġetta għal rekwiżiti ta’ adegwatezza kapitali skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2006/49/KE inklużi rekwiżiti kapitali għal riskji operazzjonali u awtorizzata skont id-Direttiva 2004/39/KE u li tipprovdi wkoll servizz anċillari ta’ salvagwardja u amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji f'isem il-klijenti f'konformità mal-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE; fi kwalunkwe każ, ditti tal-investiment bħal dawn għandu jkollhom fondi proprji li ma jkunux inqas mill-ammont tal-kapital inizjali msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/49/KE;

Kumpaniji tal-investiment jew kumpaniji tal-immaniġġjar li jaġixxu f'isem l-UCITS li jimmaniġġjaw, li, qabel [data: l-iskadenza tat-traspożizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1) l-ewwel subparagrafu], maħtura bħala depożitarji, istituzzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu għandha taħtar depożitarju li jissodisfa dawk ir-rekwiżiti qabel [data: sena (1) wara skadenza stabbilita fl-Artikolu 2(1) l-ewwel subparagrafu"

(b) Il-paragrafi 3, 4, 5 u 6 ġew imħassra.

(5) L-Artikolu 24 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 24

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju għandu jkun responsabbli lejn l-UCITS u lejn id-detenturi tal-unitajiet tal-UCITS, għat-telf mid-depożitarju jew minn parti terza li lilhom tkun ġiet iddelegata l-kustodja ta’ strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5).

F'każ ta’ telf ta' strument finanzjarju waqt li dan kien f’kustodja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju għandu jrodd lura strument finanzjarju tal-istess tip jew tal-istess ammont lill-UCITS jew lill-kumpanija tal-immaniġġjar li tkun qed taġixxi f'isem l-UCITS mingħajr dewmien żejjed. Id-depożitarju ma għandux jinżamm responsabbli jekk ikun jista' jipprova li t-telf ikun seħħ bħala riżultat ta' avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju għandu jinżamm responsabbli wkoll lejn l-UCITS u l-investituri tal-UCITS għal kull telf ieħor ikkaġunat b'riżultat tan-nuqqas negliġenti jew intenzjonat tad-depożitarju li jissodisfa l-obbligi tiegħu b’mod xieraq skont din id-Direttiva.

2. Ir-responsabbiltà tad-depożitarju ma għandha tiġi affettwata minn ebda delega msemmija fl-Artikolu 22(7).

3. Ir-responsabbiltà tad-depożitarju msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi eskluż jew limitat permezz ta’ ftehim.

4. Kwalunkwe ftehim li jikser id-dispożizzjoni tal-paragrafu 3 għandu jkun null.

5. Id-detenturi ta’ unitajiet fl-UCITS jistgħu jinvokaw ir-responsabbiltà tad-depożitarju direttament jew indirettament permezz tal-kumpanija tal-immaniġġjar".

(6) L-Artikolu 25, il-paragrafu 2 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Fit-twettiq tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom, il-kumpanija tal-immaniġġjar u d-depożitarju għandhom jaġixxu b'mod onest, ġust u professjonali, u b’mod indipendenti u fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

Depożitarju ma għandux iwettaq attivitajiet fir-rigward tal-UCITS jew tal-kumpanija tal-immaniġġjar li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess bejn l-UCITS, l-investituri fl-UCITS, il-kumpanija tal-immaniġġjar u d-depożitarju stess, sakemm id-depożitarju ma jkunx issepara skont il-funzjoni u l-ġerarkija t-twettiq tal-kompiti depożitarji tiegħu mill-kompiti l-oħra tiegħu li potenzjalment jistgħu jkunu konfliġġenti, u sakemm il-kunflitti ta’ interess potenzjali ma jkunux identifikati, immaniġġjati, immonitorjati u ddivulgati lill-investituri tal-UCITS b’mod xieraq."

(7) L-Artikolu 26 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 26

1. Il-liġi jew ir-regoli tal-fond tal-fond komuni għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tad-depożitarju, kif ukoll regoli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-titolari tal-unitajiet f’każ li sseħħ sostituzzjoni bħal din.

2. Il-liġi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tad-depożitarju, kif ukoll regoli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-titolari tal-unitajiet f’każ li sseħħ sostituzzjoni bħal din.

(8) L-Artikoli 26a u 26b li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

"Artikolu 26a

Id-depożitarju għandu jagħmel disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija tal-immaniġġjar u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS, fuq talba, l-informazzjoni kollha li jkun akkwista waqt li jkun qed iwettaq dmirijietu, u li tista' tkun meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu d-dmirijiethom skont din id-Direttiva.

Artikolu 26b

1.           Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 112 u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 112a u 112b, miżuri li jispeċifikaw:

(a) id-dettalji li jeħtieġ jiġu inklużi fil-kuntratt bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 22(2);

(b) il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ depożitarju skont l-Artikoli 22(3), (4) u (5), inkluż:

(i) it-tip ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5);

(ii) il-kondizzjonijiet li jiddeterminaw jekk id-depożitarju jistax jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ kustodja fuq strumenti finanzjarji rreġistrati ma’ depożitarju ċentrali;

(iii) il-kondizzjonijiet li jiddeterminaw jekk id-depożitarju għandux iżomm f’salvagwardja l-istrumenti finanzjarji maħruġa f'forma nominattiva u li jkunu ġew irreġistrati ma' emittent jew reġistratur, skont il-punt (b) tal-Artikolu 22(5);

(c) id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji skont il-punt (c) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 22(7);

(d) l-obbligu ta’ segregazzjoni skont il-punt (d) tat-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 22(7);

(e) il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw meta strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja jistgħu jiġu kkunsidrati mitlufa, u ċ-ċirkostanzi li fihom dan jista’ jseħħ, għall-fini tal-Artikolu 24;

(f) dak li għandu jiġi mifhum minn avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra skont l-Artikolu 24(1)."

(9) L-Artikolu 30, l-ewwel paragrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikoli 13, 14, 14a u 14b għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kumpaniji tal-investiment li ma jkunux innominaw kumpanija tal-immaniġġjar awtorizzata skont din id-Direttiva."

(10) It-Taqsima 3 tal-Kapitolu V ġiet imħassra.

(11) Fl-Artikolu 69(3) qed jiġi miżjud it-tieni sottoparagrafu li ġej:

"Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll:

(a) l-ammont totali ta’ rimunerazzjoni għas-sena finanzjarja, maqsum f’rimunerazzjoni fissa u varjabbli mħallsa mill-kumpanija tal-immaniġġjar u mill-kumpanija ta’ investiment lill-persunal tagħha, u l-għadd ta' benefiċjarji, u fejn rilevanti, l-imgħax riportat imħallas mill-UCITS;

(b) l-ammont aggregat ta’ rimunerazzjoni maqsum skont il-maniġment superjuri u l-membri tal-persunal tal-kumpanija tal-immaniġġjar u, fejn rilevanti, tal-kumpanija tal-investiment li l-azzjonijiet tagħha jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-UCITS."

(12) L-Artikolu 98 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 punt (d) qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(d) jenħtieġu r-rekords u d-dejta tat-traffiku eżistenti tat-telefown, kif definit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), miżmuma mill-UCITS, il-kumpaniji tal-immaniġġjar, il-kumpaniji tal-investiment jew id-depożitarji fejn jeżisti suspett serju li dawn ir-rekords relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi ppruvat li l-UCITS, il-kumpaniji tal-immaniġġjar, il-kumpaniji tal-investiment jew id-depożitarji kisru l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva; madankollu dawn ir-rekords ma għandhomx jikkonċernaw il-kontenut tal-komunikazzjoni li jirrelataw magħhom.

_________

(*)        ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37."

(b) Il-paragrafu 3 li ġej qed jiġi miżjud:

"3. Jekk talba għal rekords u dejta tat-traffiku tat-telefown msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2, teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ukoll issir applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni."

(13) L-Artikolu 99 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 99

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet u jieħdu miżuri amministrattivi xierqa meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jkunux ġew osservati, u għandhom jiżguraw li dawk il-miżuri jiġu applikati. Is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-obbligi japplikaw għal UCITS, għal kumpaniji tal-immaniġġjar, għal kumpaniji tal-investiment jew għal depożitarji, f’każ ta’ ksur ikunu jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet jew miżuri għall-membri tal-korp maniġerjali, kif ukoll għal kwalunkwe individwu ieħor li skont il-liġi nazzjonali jkun responsabbli għall-ksur.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat investigattivi kollha li huma neċessarji biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Waqt li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri jiksbu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transfruntieri."

(14) L-Artikoli 99a, 99b, 99c, 99d u 99e li ġejjin qed jiġu miżjuda:

"Artikolu 99a

1. Dan l-Artikolu għandu japplika meta:

(a) jitwettqu attivitajiet ta’ UCITS mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 5;

(b) jitwettaq negozju ta’ kumpanija tal-immaniġġjar mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel, bi ksur tal-Artikolu 6;

(c) jitwettaq negozju ta’ kumpanija tal-investiment mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel, bi ksur tal-Artikolu 27;

(d) tinkiseb parteċipazzjoni kwalifikanti f’kumpanija tal-immaniġġjar, direttament jew indirettament, jew tali parteċipazzjoni kwalifikanti f’kumpanija tal-immaniġġjar tiżdied aktar sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew sabiex il-kumpanija tal-immaniġġjar issir sussidjarja tagħha (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-akkwist propost), mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati bil-miktub dwar il-kumpanija tal-immaniġġjar li fiha l-akkwirent ikun beħsiebu jakkwista jew iżid parteċipazzjoni kwalifikanti bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(e) parteċipazzjoni kwalifikanti f’kumpanija tal-immaniġġjar tiġi ttrasferita, direttament jew indirettament, jew titnaqqas sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmun jaqa' taħt l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew sabiex il-kumpanija tal-immaniġġjar ma tibqax sussidjarja, mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati bil-miktub, bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(f) kumpanija tal-immaniġġjar tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 7(5)(b);

(g) kumpanija tal-investiment tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 29(4)(b);

(h) kumpanija tal-immaniġġjar, malli ssir taf bi kwalunkwe akkwist jew trasferiment ta’ parteċipazzjonijiet fil-kapital tagħhom li jikkawżaw lill-parteċipazzjonijiet biex jaqbżu jew jaqgħu f’livell aktar baxx minn wieħed mil-limiti msemmija fl-Artikolu 11(10) tad-Direttiva 2004/39/KE, tonqos milli tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti dwar dawn l-akkwisti jew it-trasferimenti bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(i) kumpanija tal-immaniġġjar tonqos milli tgħarraf, għall-inqas darba fis-sena, lill-awtorità kompetenti rigward l-ismijiet tal-azzjonisti u tal-membri li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti u rigward id-daqsijiet ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(j) kumpanija tal-immaniġġjar tonqos milli tosserva l-proċeduri u l-arranġamenti imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 12(1)(a);

(k) kumpanija maniġerjali tonqos milli tosserva r-rekwiżiti strutturali u organizzazzjonali imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 12(1)(b);

(l) kumpanija tal-investiment tonqos milli tosserva l-proċeduri u l-arranġamenti imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 31;

(m) kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment ma tikkonformax mar-rekwiżiti relatati mad-delega tal-funzjonijiet tagħha lil partijiet terzi imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 13 u 30;

(n) kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment ma tikkonformax mar-regoli dwar il-kondotta imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 14 u 30;

(o) depożitarju jonqos milli jwettaq il-kompiti tiegħu skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-paragrafi (3) sa (7) tal-Artikolu 22;

(p) kumpanija tal-investiment u, għal kull tal-fond komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-immaniġġjar tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw il-politiki dwar l-investiment ta' UCITS stabbiliti minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-Kapitolu VII;

(q) kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment tonqos milli tadotta proċess tal-immaniġġjar tar-riskju u proċess għal valutazzjoni preċiża u indipendenti tal-valur ta' derivattivi OTC kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 51(1);

(r) kumpanija tal-investiment u, għal kull fond komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-immaniġġjar tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 68 sa 82;

(s) kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment li tkun qed tikkumerċjalizza unitajiet ta’ UCITS li timmaniġġja fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS tonqos milli tosserva r-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 93(1).

2.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, sanzjonijiet u miżuri amministrattivi li jistgħu jiġu applikati jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a) dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

(b) il-ħruġ ta’ ordni li teħtieġ li l-persuna fiżika jew ġuridika twaqqaf il-kondotta u ma terġax tirrepeti dik il-kondotta;

(c) f'każ ta’ kumpanija tal-immaniġġjar jew UCITS, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-UCITS;

(d) tiġi imposta projbizzjoni temporanja kontra kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew il-kumpanija tal-investiment jew kontra kwalunkwe persuna fiżika oħra, li tinżamm responsabbli, milli teżerċita funzjonijiet f’dawk il-kumpaniji;

(e) fil-każ ta’ persuna ġuridika, li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi pekunarji ta’ sa 10 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika fis-sena kummerċjali ta’ qabel; fejn il-persuna ġuridika tkun sussidjarja ta’ impriża prinċipali, il-fatturat rilevanti totali annwali għandu jkun il-fatturat totali annwali li jirriżulta mill-kont konsolidat tal-impriża prinċipali aħħarija għas-sena kummerċjali ta’ qabel;

(f) fil-każ ta’ persuna fiżika, li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi pekunarji ta’ sa EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, ta’ valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva;

(g) li jiġu imposti sanzjonijiet pekunarji amministrattivi ta’ sa darbtejn l-ammont tal-profitti miksuba jew tat-telf li jkun ġie evitat minħabba l-ksur fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati.

Artikolu 99b

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe sanzjoni jew miżura imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mingħajr dewmien żejjed, inkluż informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għaliha, sakemm il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma tqegħidx l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji f’periklu serju. F’każijiet fejn il-pubblikazzjoni tkun se toħloq ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw is-sanzjoni jew il-miżura imposta fuq bażi anonima.

Artikolu 99c

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġi determinat it-tip ta’ sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi u l-livell tas-sanzjonijiet pekunarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż:

(a) il-garvità tal-ksur u kemm dam għaddej;

(b) il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(c) is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, skont kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew mid-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(d) l-importanza tal-profitti miksuba jew tat-telf li jkun ġie evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu detetminati;

(e) il-livell ta’ kooperazzjoni li l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli turi mal-awtorità kompetenti;

(f) ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

2. L-AETS għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar tipi ta’ miżuri u sanzjonijiet amministrattivi u l-livell ta' sanzjonijiet pekunarji amministrattivi.

Artikolu 99d

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jinkoraġġixxu r-rappurtar ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva lill-awtoritajiet kompetenti.

2. Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a) proċeduri speċifiċi għar-riċevuta ta’ rapporti dwar ksur u għas-segwitu tagħhom;

(b) protezzjoni xierqa għall-impjegati ta’ kumpaniji tal-investiment u kumpaniji tal-immaniġġjar li jirrapurtaw ksur li jseħħ fil-kumpanija;

(c) protezzjoni tad-dejta personali li tirrigwarda kemm il-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll il-persuna fiżika li allegatament hija responsabbli għal ksur, b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*).

3. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ proċeduri xierqa biex l-impjegati tagħhom ikunu jistgħu jirrappurtaw ksur internament permezz ta’ mezz speċifiku.

Artikolu 99e

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu kull sena lill-AETS b'informazzjoni aggregata dwar il-miżuri jew is-sanzjonijiet amministrattivi kollha imposti skont l-Artikolu 99. L-AETS għandha tippubblika din l-informazzjoni f'rapport annwali.

2. Meta l-awtorità kompetenti tkun ippubblikat miżura jew sanzjoni, għandha wkoll tirrapporta l-miżuri jew is-sanzjonijiet lill-AETS. Fejn miżura jew sanzjoni ppubblikata tkun relatata ma’ kumpanija tal-immaniġġjar, l-AETS għandha żżid referenza għall-miżura jew is-sanzjoni ppubblikata fil-lista tal-kumpaniji tal-immaniġġjar ippubblikata skont l-Artikolu 6(1).

3. L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw il-proċeduri u l-formoli għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni kif imsemmi f'dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-[daħħal data]."

________

(*)     ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31."

(15) L-Artikolu 104a li ġej qed jiġi miżjud:

"Artikolu 104a

1. L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-dejta personali li jitwettaq fl-Istat Membru skont din id-Direttiva.

2. Ir-Regolament KE Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*) għandu japplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS skont din id-Direttiva."

________

(*)     ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1."

(16) L-Artikolu 112, il-paragrafu 2 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 12, 14, 43, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 għal perjodu ta’ erba' snin mill-4 ta’ Jannar 2011. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 50a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba' snin mill-21 ta’ Lulju 2011. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 26b għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba' snin minn [...]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar is-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba' snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod awtomatiku għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahomx skont l-Artikolu 112a."

(17) Fl-Artikolu 112a, il-paragrafu 1 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 12, 14, 26b, 43, 50a, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill."

(18) L-Anness I qed jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva

Artikolu 2

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-[...], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 mill-[...].

Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn referenza simili meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-mod kif għandha ssir din ir-referenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS

Fl-Anness I, il-punt 2 tal-Iskeda A qed jiġi mibdul b'dan li ġej;

"2. Informazzjoni dwar id-depożitarju:

2.1. L-identità tad-depożitarju tal-UCITS u deskrizzjoni tad-dmirijiet tiegħu;

2.2. Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe funzjoni ta’ salvagwardja delegata mid-depożitarju, l-identifikazzjoni tal-delegat u kwalunkwe kunflitt ta' interess li jista’ jinħoloq minn din id-delega"

[1]               Waħda mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja kienet il-falliment ta’ Lehman Brothers International Europe, l-entità tar-Renju Unit ta’ Lehman li falliet fl-2008. Din l-entità kienet fdata bħala sottokustodju b'assi ta' xi skemi ta' investiment kollettiv, (għalkemm fondi mhux UCITS, il- mudell regolatorju huwa simili għal dak tal-UCITS f'termini ta' regoli tad-depożitarji).

[2]               COM(2010)716 finali.

[3]               Disponibbli fuq:   http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/ucits/feedback_statement_en.pdf

[4]               Kategoriji ta’ dawk li rrispondew: entitajiet korporattivi u l-assoċjazzjonijiet industrijali tagħhom (46), awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri (11), u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi (1).

[5]               Żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi jinsabu disponibbli rispettivament fuq:  http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/ucits/consultation_paper_en.pdf u      http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2010/ucits/consultation_paper_en.pdf

[6]               Inkluż strumenti tas-suq tal-flus, fondi bbażati fuq l-indiċijiet inkluż fondi nnegożjati fil-borża (ETFs), fond ta' fondi, derivattivi (opzjonijiet, swaps, futuri/forwards) jew derivattivi oħra barra l-Borża. Jekk jogħġbok ara d-Direttiva 2007/16/KE, disponibbli fuq:                http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2007:079:0011:0019:EN:PDF

[7]               ĠU C,,p.

[8]               ĠU C,,p.

[9]               ĠU L 302,17.11.2009, p.32.

[10]             ĠU L 120,15.5.2009,p.22.

[11]             ĠU L 331,15.12.2010,p.84.

[12]             ĠU L 331,15.12.2010,p.12.

[13]             ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26.

[14]             ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

[15]             ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

[16]             ĠU L 84, 26.03.1997,p.22

[17]             COM(2010)716 finali.

[18]             ĠU C 369,17.12.2011, p. 14.