Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd /* COM/2012/0277 final - 2012/0143 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA L-Artikolu 17(2), l-ewwel subparagrafu,
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u
l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar
is-Sajd[1]
jistipula deroga għaż-żona ta’ 12-il mil nawtiku ta' Stati
Membri (ilmijiet territorjali) mir-regola tal-aċċess ugwali
ġenerali għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għall-ilmijiet u
r-riżorsi tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 17(1) ta' dak
ir-Regolament, li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirrestrinġu
l-aċċess għal ċerti bastimenti f’dik iż-żona.
Ir-restrizzjonijiet tal-aċċess imqiegħda mill-Istati Membri fuq
il-bażi ta’ dik id-deroga naqqsu l-pressjoni tas-sajd fl-aktar żoni
bijoloġikament sensittivi u kkontribwixxew għalll-istabbiltà
ekonomika għal attivitajiet kostali, fuq skala żgħira. Id-deroga hija fis-seħħ
mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Il-kontinwazzjoni tar-reġim ta’ aċċess ta’ 12-il mil nawtiku
hija prevista fl-Artikolu 6(2) tal-proposta għal Regolament ġdid
għall-Politika Komuni tas-Sajd[2].
Fil-każ li r-riforma tal-PKS ma tkunx konkluża sa tmiem l-2012, huwa
neċessarju li tiġi estiża l-validità tar-reġim ta’
aċċess ta' 12-il mil nawtiku b’limitu taż-żmien
sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, biex ikun żgurat
li l-attivitajiet tas-sajd jistgħu jkomplu mingħajr interruzzjoni
mill-1 ta' Jannar 2013. Skont l-Artikolu 17(2), it-tieni
subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-Kummissjoni
ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar
l-arranġamenti rigward l-aċċess għar-riżorsi
fiż-żoni ta’ 12-il mil nawtiku ta' Stati Membri[3]. Huwa nnotat fir-rapport li
r-reġim ta’ aċċess huwa stabbli ħafna u kompla jopera b’mod
sodisfaċenti mill-2002 ’il hawn. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Il-proposta tikkonċerna l-estensjoni
limitata fiż-żmien tal-validità ta’ reġim ta’ aċċess
eżistenti, stabbilit attwalment fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE)
Nru 2371/2002. L-estensjoni tar-reġim ta’ aċċess,
sal-31 ta' Diċembru 2022, hija inkluża
fl-Artikolu 6(2) tal-proposta għal Regolament ġdid dwar
il-Politika Komuni tas-Sajd, li kienet koperta minn Valutazzjoni tal-Impatt
[SEC (2011)891]. Għalhekk ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni ma’ partijiet
interessati jew għal valutazzjoni tal-impatt ġdida. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA · Sommarju tal-azzjoni proposta L-għan prinċipali hu li jiġi
evitat il-waqfien tar-reġim ta’ aċċess speċifiku stabbilit
fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, fil-każ li
sal-31 ta' Diċembru 2012 il-proposta għal Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd tkun
għadha ma ġietx adottata u daħlet fis-seħħ. · Bażi legali L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. · Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva
tal-Unjoni Ewropea. · Prinċipju tal-proporzjonalità Peress li din il-proposta tinkludi estensjoni
limitata fiż-żmien tal-validità ta’ miżura li diġà
teżisti fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, ma jirriżulta l-ebda
tħassib dwar il-prinċipju tal-proporzjonalità. · Għażla tal-istrument L-istrument propost: Regolament tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill. Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba
r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa
addizzjonali għall-Unjoni. 2012/0143 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002
dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd
skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta li saret
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv
intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],
Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Bastimenti tas-sajd
tal-Unjoni għandhom aċċess ugwali għall-ilmijiet u
r-riżorsi tal-Unjoni soġġett għar-regoli tal-Politika
Komuni tas-Sajd. (2) Ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar
il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont
il-Politika Komuni dwar is-Sajd[5]
jistipula deroga mir-regola tal-aċċess ugwali, billi jawtorizza
lill-Istati Membri biex jirrestrinġu is-sajd għal ċerti
bastimenti tas-sajd f'ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji bażi
tagħhom. (3) Fit-13 ta’ Lulju 2011
il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,
skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, dwar
l-arranġamenti li jikkonċernaw l-aċċess
għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ 12-il mil nawtiku[6], li kkonkluda li r-reġim
ta’aċċess huwa stabbli ħafna u kompla jopera b’mod
sodisfaċenti mill-2002 ’il hawn. (4) Ir-regoli eżistenti li
jirrestrinġu l-aċċess għar-riżorsi fi ħdan dik
iż-żona kienu ta’ benefiċċju għall-konservazzjoni
billi rrestrinġew l-isforz tas-sajd fl-aktar parti sensittiva tal-ilmijiet
tal-Unjoni. Dawk ir-regoli ppreservaw ukoll l-attivitajiet tradizzjonali
tas-sajd li huma importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku
ta' ċerti komunitajiet kostali. (5) Id-deroga daħlet
fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 u tiskadi
fil-31 ta’ Diċembru 2012. Il-validità tagħha
għandha tiġi estiża sakemm issir l-adozzjoni tar-Regolament
il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni
tas-Sajd[7].
(6) Għaldaqstant,
ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandu jiġi emendat skont dan. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE)
Nru 2371/2002, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b'dan li
ġej: "2.
Fl-ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji bażi taħt
is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, l-Istati Membri
għandhom ikunu awtorizzati mill-1 ta’ Jannar 2013
sal-31 ta’ Diċembru 2014 li jirrestrinġu s-sajd
għal bastimenti tas-sajd li tradizzjonalment jistadu f'dawk l-ilmijiet
minn portijiet fuq il-kosta kontigwa, bla ħsara
għall-arranġamenti għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru
l-bandiera ta' Stati Membri oħra skont relazzjonijiet eżistenti
tal-viċinat bejn l-Istati Membri u l-arranġamenti li jinsabu
fl-Anness I, li jistabbilixxu għal kull Stat Membru ż-żoni
ġeografiċi fi ħdan il-faxex kostali ta' Stati Membri oħra
fejn isiru attivitajiet tas-sajd u l-ispeċijiet ikkonċernati. Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara
l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea. Dan ir-Regolament
għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2013. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 358, 31.12.2002,
p. 59. [2] COM(2011)425 [3] COM (2011)418. [4] ĠU C […], […], p. […]. [5] ĠU L 358, 31.12.2002,
p. 59. [6] COM (2011)418. [7] COM (2011)425.