52012PC0273

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tabroga d-Deċiżjoni 2010/422/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Bulgarija /* COM/2012/0273 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tabroga d-Deċiżjoni 2010/422/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Bulgarija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/422/KE tat-13 ta' Lulju 2010[1], li ssegwi proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, kien ġie deċiż li fil-Bulgarija kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit pubbliku laħaq it-3,9 % tal-PDG fl-2009, li kien ogħla mit-3% tal-Valur ta' Referenza tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 14,8 % tal-PDG, li huwa ferm taħt is-60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat[2].

(2)       Fit-13 ta' Lulju 2010, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lill-Bulgarija bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv[3] tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2011. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)       Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ [defiċit] eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar l-iżbilanċi u d-dejn tal-gvern tagħhom u dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea[4].

(4)       Meta jikkunsidraw jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi abrogata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit mhux se jaqbeż il-limitu ta' 3 % tal-PDG sat-tul taż-żmien previst[5].

(5)       Fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifka mill-Bulgarija qabel l-1 ta’ April 2012 u fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

– Il-miri baġitarji b’mod konsistenti qabżu l-miri fil-perjodu wara s-sena tad-defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ġie mnaqqas għal 3,1 % tal-PDG fl-2010 u reġa naqas għal 2,1% tal-PDG fl-2011, meta imqabbel mal-miri stabbiliti inizjalment ta’ 3,8% u 2,5% rispettivament. Il-korrezzjoni tad-defiċit seħħet l-aktar bis-saħħa ta’ kontroll strett tat-tkabbir fl-infiq, inkluż permezz tal-iffriżar tal-pagi u tal-pensjonijiet tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika, fejn il-proporzjon tan-nefqa mal-PDG waqa’ b’5.5 punti perċentwali bejn l-2009 u l-2011. Il-programm ta’ konverġenza 2012 jipprevedi li d-defiċit ikompli jonqos għal 1,6% tal-PDG fl-2012 u għal 1,3% tal-PDG fl-2013. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jitjieb għal 1,9% tal-PDG fl-2012 u għal 1,7% tal-PDG fl-2013, bis-saħħa tat-tkomplija tal-iffriżar tal-pagi fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll ta’ titjib ċikliku fid-dħul.

– It-tbassir tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedu bilanċ aġġustat ċiklikament wara tnaqqis tal-miżuri ta’ darba biss u temporanji, ta’ 0,7 % fl-2012 u ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2013, skont il-preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Sadanittant, fl-2012 u fl-2013, ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika wara tnaqqis tal-miżuri diskrezzjonali ta' dħul hija mbassra li tibqa’ taħt il-valur referenzjarju tar-rata tat-tkabbir potenzjali tal-PDG fuq terminu ta’ żmien medju, kif speċifikat fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika.

– It-tbassir tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedu li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika jiżdied moderatament minn 16,3 % tal-PDG fl-2011 għal 18,5 % tal-PDG fl-2013. Dan it-tbassir tad-dejn ma jinkludix il-ħruġ possibbli ta’ dejn estern fl-2012 biex jiffinanzja minn qabel il-ħlas lura ta’ bonds iddenominati bl-euro ta’ madwar 2 % tal-PDG f'Jannar 2013. Bl-istess mod, l-aħħar programm ta' konverġenza jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn għandu jiżdied għal 18,4 % sal-2013.

(6)       F’konformità mal-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ [defiċit] eċċessiv għandha tkun abrogata meta d-defiċit eċċessiv tal-Istat Membru konċernat, fil-fehma tal-Kunsill ġie kkorreġut.

(7)       Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Bulgarija ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/422/KE għalhekk għandha tiġi abrogata.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Bulgarija ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/422/UE hija b’dan abrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 199, 31.7.2010, p. 26.

[2]               Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 sussegwentament ġew riveduti u attwalment qiegħdin 4,3 % tal-PDG u 14,6 % tal-PDG rispettivament.

[3]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

[4]               ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

[5]               Skont il-“Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and Guidelines on the format and content of Stability and Convergence Programmes”, kif miftiehma mill-Kunsill fl-24 ta' Jannar 2012. Ara:              http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf