52012PC0237

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna l-miżuri kompensatorji dwar l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene (PET) li joriġina mill-Indja /* COM/2012/0237 final - 2012/0121 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           Il-kuntest tal-proposta

· Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tat-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku") fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja.

· Il-kuntest ġenerali

Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta' investigazzjoni li saret b'konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku.

· Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Hemm fis-seħħ miżuri definittivi li ġew imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1645/2005 tas-6 ta’ Ottubru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2603/2000 li jimponi taxxa kompensatorja definittiva fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja.

· Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.           Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati milquta mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

· Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

· Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament bażiku ma fihx dispożizzjonijiet għal valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu vvalutati.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Fit-2 ta' April 2011 il-Kummissjoni fetħet reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene (PET) li joriġina inter alia mill-Indja.

Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Kunsill hija bbażata fuq is-sejbiet tal-investigazzjoni mwettqa li hija limitata għall-ambitu ta' eżami tas-sussidju u sa fejn għandu x’jaqsam l-applikant.

L-investigazzjoni sabet li l-livell ta' sussidju kien inqas minn tal-aħħar investigazzjoni, iżda li ċ-ċirkostanzi mibdula li qed iwasslu għal livell imnaqqas tal-marġni tas-sussidju mhumiex ta' natura dejjiema.

Għalhekk huwa propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament ta' temma li għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2012.

· Bażi ġuridika

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea.

· Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

· Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħallix lok għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, jitnaqqas kemm jista' jkun u jkun proporzjonat mal-għan tal-proposta, mhix applikabbli.

· L-għażla tal-istrumenti

L-istrument propost: regolament.

Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma fiha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2012/0121 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna l-miżuri kompensatorji dwar l-importazzjonijiet ta' ċertu tereftalat tal-poljetilene (PET) li joriġina mill-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea[1] (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.           PROĊEDURA

1.1.        L-investigazzjoni preċedenti u l-miżuri kumpensatorji eżistenti

(1)       Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2603/2000[2], il-Kunsill impona dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tereftalat tal-poljetilene (PET) li joriġina, inter alia, fl-Indja (“l-investigazzjoni antisussidju oriġinali”). Is-sejbiet u l-konklużjonijiet definittivi ta' reviżjoni aċċelerata skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1645/2005[3]. Wara reviżjoni ta’ skadenza u permezz tar-Regolament (KE) Nru 193/2007[4], il-Kunsill impona dazju kumpensatorju definittiv għal perjodu ieħor ta’ ħames snin. Il-miżuri kumpensatorji ġew emendati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1286/2008[5] wara reviżjoni interim parzjali ("l-aħħar investigazzjoni tar-reviżjoni"). Il-miżuri kumpensatorji jikkonsistu f’dazju speċifiku. Ir-rata tad-dazju tvarja bejn EUR 0 u EUR 106,5 kull tunnellata għall-produtturi Indjani msemmija individwalment b’rata residwa ta’ dazju ta’ EUR 69,4 kull tunnellata, imposta fuq importazzjonijiet tal-produtturi l-oħrajn kollha.

(2)       Wara li tbiddel isem kumpanija waħda Indjana, South Asian Petrochem Ltd, permezz tal-Avviż (KE) Nru 2010/C 335/07[6], il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sejbiet kontra s-sussidji fir-rigward tas-South Asian Petrochem Ltd għandhom japplikaw għad-Dhunseri Petrochem & Tea Limited.

1.2.        Miżuri antidumping eżistenti

(3)       Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2604/2000[7], il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ PET li joriġina, inter alia, mill-Indja ("l-investigazzjoni antidumping oriġinali"). Reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) ("ir-reviżjoni ġdida dwar l-esportaturi") tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009[8] ("ir-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping") li tikkonċerna s-South Asian Petrochem Ltd twettqet sussegwentament u s-sejbiet u l-konklużjonijiet definittivi tagħha huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1646/2005[9]. Wara reviżjoni ta’ skadenza u permezz tar-Regolament (KE) Nru 192/2007[10],il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv għal perjodu ieħor ta’ ħames snin. Il-miżuri antidumping ġew emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1286/2008 wara reviżjoni parzjali interim ("l-aħħar reviżjoni ta' investigazzjoni dwar l-antidumping"). Il-miżuri ġew stabbiliti fil-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara u kienu jikkonsistu f’dazji antidumping speċifiċi. Ir-rata tad-dazju tvarja bejn EUR 87,5 u EUR 200,9 kull tunnellata għall-produtturi Indjani msemmija individwalment b’rata residwa ta’ dazju ta’ EUR 153,6 kull tunnellata imposta fuq l-importazzjonijiet mill-produtturi l-oħrajn kollha (“il-miżuri antidumping attwali”).

(4)       Wara li nbidel isem kumpanija waħda Indjana, is-South Asian Petrochem Ltd, permezz tal-Avviż (KE) Nru 2010/C 335/06[11], il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sejbiet kontra s-sussidji fir-rigward tas-South Asian Petrochem Ltd għandhom japplikaw għad-Dhunseri Petrochem & Tea Limited.

(5)       Permezz tad-Deċiżjoni 2005/697/KE[12], il-Kummissjoni aċċettat l-impenn offrut mis-South Asian Petrochem Ltd li tiffissa prezz minimu tal-importazzjoni ("PMI") (“l-impenn”). Wara li nbidel l-isem, il-Kummissjoni kkonkludiet permezz tal-Avviż (KE) Nru 2010/C335/05 li l-impenn offrut mis-South Asian Petrochem Ltd għandu japplika għad-Dhunseri Petrochem & Tea Limited.

1.3.        Il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali

(6)       Saret talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku minn Dhunseri Petrochem & Tea Limited, produttur esportatur Indjan tal-PET (“l-applikant”). It-talba kienet limitata għall-ambitu tas-sussidju u limitata għall-applikant. L-applikant talab ukoll fl-istess waqt ir-reviżjoni tal-miżuri antidumping attwali. Id-dazji antidumping u kumpensatorji residwi huma applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti magħmula mill-applikant u l-bejgħ tal-applikant lill-Unjoni huwa kopert mill-impenn.

(7)       L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-issoktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali ma kienx aktar meħtieġ biex jitpatta s-sussidju kumpensabbli. B’mod partikolari, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li l-ammont tas-sussidju tiegħu naqas sew taħt ir-rata ta’ dazju li bħalissa hija applikabbli għalih. Dan it-tnaqqis fil-livell ta’ sussidju ġenerali huwa prinċipalment minħabba t-tmiem tal-istatus tiegħu ta' Unità Orjentata lejn l-Esportazzjoni ("UOE"). L-iskema UOE, li d-daqs tagħha kien ta’ 13,5% kienet tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tas-sussidji ta' 13,9% stabbiliti waqt ir-reviżjoni aċċellerata.

(8)       Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv u ddeterminat li t-talba kien fiha biżżejjed evidenza prima facie, fit-2 ta' April 2011 il-Kummissjoni ћabbret il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku permezz ta' notifika ta' bidu ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[13]. Ir-reviżjoni kienet limitata għall-ambitu tal-eżami tas-sussidju fir-rigward tal-applikant.

1.4.        Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni

(9)       Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-pajjiż li jesporta u lill-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fin-notifika ta’ bidu.

(10)     Parti interessata waħda talbet seduta ta' smigħ u din it-talba ntlaqgħet.

(11)     Sabiex tikseb it-tagħrif li qieset meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u lill-gvern tal-Indja ("GTI") u rċeviet tweġibiet fi żmien l-iskadenza stipulata għal dan l-għan.

(12)     Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset li kien meħtieġ għad-determinazzjoni tas-sussidju. Il-Kummissjoni għamlet żjarat ta’ verifika fil-post lill-applikant f’Kolkota, l-Indja, u żjarat ta’ verifika fil-post lill-GTI fi New Delhi (Direttorat Ġenerali tal-Kummerċ Barrani u l-Ministeru tal-Kummerċ) u f’Kolkota (Id-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Industrija, il-Gvern tal-Bengal tal-Punent).

1.5.        Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni

(13)     L-investigazzjoni tas-sussidju kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2010 sal-31 ta' Marzu 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”).

1.6.        Investigazzjoni antidumping parallela

(14)     Fit-2 ta' April 2011[14], il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali tad-dazji attwali ta’ antidumping limitata għall-ambitu tal-eżami tad-dumping fir-rigward tal-istess applikant, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping, .

(15)     Fl-investigazzjoni antidumping parallela nstab li ċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping inbidlu b'mod sinifikanti u dejjiemi, għalhekk il-miżuri antidumping attwali applikabbli għall-applikant inbidlu.

2.           IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.        Il-prodott ikkonċernat

(16)     Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa l-PET li għandu viskożità ta’ 78 ml/g jew aktar, skont l-Istandard ISO 1628-5, ikklassifikat attwalment taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina fl-Indja (“il-prodott ikkonċernat”).

2.2.        Il-prodott simili

(17)     L-investigazzjoni svelat illi f'termini ta' karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u użi, il-prodott ikkonċernat magħmul fl-Indja u mibjugħ lill-Unjoni huwa identiku għall-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq domestiku fl-Indja. Gћalhekk, ġie konkluż li skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku l-prodotti mibjugħa fis-suq domestiku u fis-suq tal-esportazzjoni, huma prodotti simili.

3.           IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

3.1.        Is-sussidju

(18)     Abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-GTI u l-applikant u t-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, ġew investigati l-iskemi li ġejjin li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji:

Skemi nazzjonali:

(a)     L-Iskema tal-Passbook li Jagħti Jedd għad-Dazju ("DEPBS");

(b)     Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni ('UOE') / Żoni ta’ Proċessar tal-Esportazzjoni ('EPZ') / Żoni Ekonomiċi Speċjali ('SEZ');

(c)     L-Iskema ta' Promozzjoni tal-Esportazzjoni ta' Beni Kapitali ("EPCGS");

(d)     Skema ta' Fokus fuq is-Suq ("FMS")

(e)     L-Iskema ta' Kreditu għall-Esportazzjoni ("ECS");

(f)      Skema ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul ("ITES").

Skemi reġjonali:

(g)     L-Iskema ta' Inċentiva tal-Bengal tal-Punent.

(19)     L-iskemi minn (a) sa (d) speċifikati aktar ’il fuq huma bbażati fuq l-Att tal-1992 dwar il-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolamentazzjoni) (Nru 22 tal-1992) li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 1992 (“l-Att dwar il-Kummerċ Barrani”). L-Att dwar il-Kummerċ Barrani jawtorizza lill-GTI biex joħroġ in-notifiki dwar il-politika ta’ esportazzjoni u importazzjoni. Dawn huma mogħtija fil-qosor fid-dokumenti tal-Politika tal-Kummerċ Barrani ("PKB"), li jinħarġu mill-Ministeru tal-Kummerċ kull ħames snin u li jiġu aġġornati regolarment. Żewġ dokumenti tal-PKB huma relevanti għall-PIR ta' dan il-każ, jiġifieri, l-FTP 04-09 u l-FTP 09-14. Dan tal-aħħar daħal fis-seħħ f’Awwissu 2009. Barra minn hekk, il-GTI stabbilixxa wkoll il-proċeduri li jirregolaw l-FTP 04-09 u l-FTP 09-14 fil-“Manwal tal-Proċeduri, Volum I" ("HOP I 04-09" u "HOP I 09-14" rispettivament). Il-Manwal tal-Proċeduri wkoll jiġi aġġornat fuq bażi regolari.

(20)     L-Iskema (e) hija bbażata fuq it-taqsimiet 21 u 35A tal-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Banek tal-1949, li jippermetti lill-Bank ta’ Riżerva tal-Indja (“RBI”) biex jidderiġi l-banek kummerċjali fil-qasam tal-krediti għall-esportazzjoni.

(21)     L-iskema (f) hija bbażata fuq l-Att tal-1961 dwar it-Taxxa tad-Dħul, li huwa emendat bl-Att annwali dwar il-Finanzi.

(22)     L-iskema (g) hija amministrata mill-Gvern tal-Bengal tal-Punent u hija stabbilita fin-notifika Nru 580-CI/H tat-22 ta' Ġunju 1999 (WBIS 1999) tad-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Gvern tal-Bengal tal-Punent, li hija sostitwita bin-notifika Nru 134-CI/O/Incentive/17/03/I tal-24 ta' Marzu 2004 (WBIS 2004).

3.2.        L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolament tad-Dazji (“DEPBS”)

(a)     Bażi Legali

(23)     Id-deskrizzjoni dettaljata tad-DEBPS tinsab fil-paragrafi 4.3 tal-politika-FTP 04-09 u l-politika-FTP 09-14 kif ukoll fil-Kapitolu 4 tal-HOP I 04-09 u tal-HOP I 09-14.

(b)     L-eliġibbiltà

(24)     Kull manifattur esportatur jew negozjant esportatur huwa eliġibbli għal din l-iskema.

(c)     L-implimentazzjoni prattika tad-DEPBS

(25)     Esportatur eliġibbli jista’ japplika għall-krediti tad-DEPBS li jiġu kkalkulati bħala perċentwali tal-valur ta’ prodotti esportati f'din l-iskema. Dawn ir-rati DEPBS ġew stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani għal biċċa l-kbira tal-prodotti, inkluż il-prodott ikkonċernat. Huma jiġu ddeterminati mingħajr ma jitqies jekk id-dazji tal-importazzjoni jkunux tħallsu jew le. Ir-rata tad-DEPB għall-prodott ikkonċernat waqt il-PIR tal-investigazzjoni attwali kienet ta' 8% tal-valur FOB, suġġett għal limitu massimu tal-valur ta' INR 58/kg. B'riżultat ta' dan, il-benefiċċju massimu huwa ta' INR 4,64/kg.

(26)     Sabiex tkun eliġibbli għall-benefiċċji taħt din l-iskema, kumpanija trid tesporta. Fil-mument tat-tranżazzjoni tal-esportazzjoni għandha ssir dikjarazzjoni mill-esportatur lill-awtoritajiet fl-Indja li tindika li l-esportazzjoni qed issir skont id-DEPBS. Sabiex il-merkanzija tkun esportata, l-awtoritajiet doganali Indjani joħorġu polza tal-esportazzjoni waqt il-proċedura li matulha l-merkanzija tintbagħat. Dan id-dokument juri, inter alia, l-ammont ta’ kreditu tad-DEPBS li għandu jingħata għal dik it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni. F’dak il-mument, l-esportatur ikun jaf il-benefiċċji li għandu jirċievi. Ladarba l-awtoritajiet tad-dwana joħorġu l-polza tal-esportazzjoni, il-GTI ma jkollu l-ebda diskrezzjoni fuq l-għoti ta’ kreditu tad-DEPBS. Ir-rata tad-DEPBS rilevanti għall-kalkolu tal-benefiċċju hija dik applikata fiż-żmien meta tkun saret id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. Għalhekk, emenda retroattiva għal-livell tal-benefiċċju, mhijiex possibbli.

(27)     Instab li skont l-istandards Indjani tal-kontabilità, il-krediti tad-DEPBS jistgħu jitniżżlu fuq il-bażi tad-dovuti bħala dħul fil-kontijiet tal-kummerċ, malli jiġi sodisfatt l-obbligu tal-esportazzjoni. Dawn il-krediti jistgħu jintużaw biex jitħallsu d-dazji doganali fuq importazzjonijiet sussegwenti ta’ kwalunkwe prodotti li jistgħu jiġu importati mingħajr restrizzjonijiet, ħlief beni kapitali. Il-prodotti importati b'dawn il-krediti jistgħu jinbiegħu fis-suq domestiku (suġġetti għal taxxa tal-bejgħ) jew jiġu użati mod ieħor. Il-krediti tad-DEPBS huma trasferibbli liberament u huma validi għal perjodu ta’ 24 xahar mid-data tal-ħruġ.

(28)     L-applikazzjonijiet għall-krediti tad-DEPBS jiddaħħlu elettronikament u jistgħu jkopru ammont illimitat ta' tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni. Ma japplikawx skadenzi stretti għal krediti tad-DEPBS, de facto. Is-sistema elettronika użata għall-ġestjoni tad-DEPBS ma teskludix awtomatikament it-transazzjonijiet tal-esportazzjoni li jaqbżu l-iskadenza għas-sottomissjoni msemmija fil-paragrafu 4.47 tal-HOP I 04-09 u l-HOP I 09-14. Barra minn hekk, kif stipulat b’mod ċar fil-paragrafu 9.3 tal-HOP I 04-09 u u l-HOP 09-14, l-applikazzjonijiet li jaslu wara d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni dejjem jistgħu jiġu kkunsidrati soġġett għall-impożizzjoni ta’ penali minuri (jiġifieri 10% tal-intitolament).

(29)     Instab li l-applikant uża din l-iskema matul il-PIR.

(d)     Il-konklużjonijiet dwar id-DEPBS

(30)     Id-DEPBS jipprovdi s-sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Kreditu tad-DEPBS huwa kontribuzzjoni finanzjarja mill-GTI, peress li l-kreditu eventwalment jintuża biex ipatti għad-dazji ta’ importazzjoni, b’hekk inaqqas id-dħul tal-GI mid-dazji li kieku jkunu dovuti. Barra minn hekk, il-kreditu tad-DEPBS jagħti benefiċċju lill-esportatur, minħabba li jtejjeb il-likwidità tiegħu.

(31)     Barra dan, id-DEPBS huwa subordinat fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk huwa meqjus bħala speċifiku u kumpensabbli skont il-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament bażiku.

(32)     Din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema ta’ rtirar tad-dazju permissibbli jew sistema ta’ rtirar ta’ sostituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku kif iddikjarat mill-applikant. Hija mhix konformi mar-regoli stretti stipulati fl-Anness I punt (i), fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-irtirar tad-dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għas sistemi ta' sostituzzjoni ta' rtirar tad-dazju) tar-Regolament bażiku. L-esportatur ma għandu ebda obbligu li jikkonsma l-prodotti importati bla dazju fil-proċess tal-produzzjoni u l-ammont tal-kreditu mhuwiex ikkalkulat b’konnessjoni mal-inputs li effettivament intużaw. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda sistema jew proċedura fis-seħħ li tikkonferma liema inputs jiġu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk sarx ħlas żejjed ta' dazji tal-importazzjoni fit-tifsira tal-punt (i) tal-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, esportatur huwa eliġibbli għall-benefiċċji DEPBS irrispettivament minn jekk jimportax xi inputs jew le. Sabiex jinkiseb il-benefiċċju, huwa biżżejjed li esportatur sempliċiment jesporta l-prodotti mingħajr ma juri li kien importat xi materjal input. Għalhekk, anki l-esportaturi li jakkwistaw l-inputs tagħhom kollha lokalment u ma jimportaw ebda prodotti li jistgħu jiġu użati bħala inputs, jibqgħu intitolati għall-benefiċċji mid-DEPBS.

(e)     L-abolizzjoni tal-iskema DEPB

(33)     Permezz tal-Avviż Pubbliku Nru 54 (RE-2010) /2009-2014 tas-17 ta' Ġunju 2011, l-iskema DEPB ġiet estiża għall-aħħar darba għal tliet xhur sat-30 ta' Settembru 2011. Billi ma ġiet ippubblikata ebda estenzjoni wara dan, l-iskema DEPB effettivament ġiet irtirata mit-30 ta' Settembru 2011 'il quddiem. B'konsegwenza ta' dan, din l-iskema ma tagħti l-ebda benefiċċji lill-applikant wara t-30 ta' Settembru 2011. Għaldaqstant irid jiġi vverifikat jekk, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, iridux jiġu imposti l-miżuri fuq din-l-iskema.

(34)     F'dan ir-rigward, kien stabbilit li l-applikant irċieva benefiċċji simili skont l-iskema parallela ta' rifużjoni tad-dazju. Ir-rata tar-rifużjoni tad-dazju għall-PET kienet ta' 5,5% tal-valur FOB, soġġett għall-ammont massimu ta' INR 5,50/kg. Iżda billi l-iskema ta' rifużjoni tad-dazji ma ntużatx waqt il-PIR, mhuwiex possibbli li jiġi kkalkulat l-ammont tas-sussidju għal din l-iskema.

(35)     L-applikant asserixxa li l-iskema ta' Rifużjoni ta' Dazji tikkonforma mal-"linji gwida dwar il-konsum tal-inputs fil-proċess tal-produzzjoni" fl-Anness II tar-Regolament bażiku, b'mod speċifiku fil-paragrafu I ta' dan l-Anness. Iżda ġie stabbilit li, bħal fl-iskema DEPB, ir-rata tar-refużjoni tad-dazju tiġi ddeterminata mingħajr ma jitqies jekk ikunux tħallsu d-dazji tal-importazzjoni.

(f)      Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(36)     Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli kien ikkalkulat f’termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevitur, li jinstab li jeżisti waqt il-PIR. F’dan ir-rigward, tqies li l-benefiċċju huwa konferit lir-riċevitur fil-mument meta tranżazzjoni ta’ esportazzjoni ssir skont din l-iskema. F’dan il-mument, il-GTI huwa obbligat li jċedi d-dazji doganali, u dan jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku.

(37)     Fid-dawl ta’ dan, jitqies li jkun xieraq li jiġi vvalutat il-benefiċċju skont id-DEPBS bħala s-somma tal-krediti ggwadanjati fuq it-tranżazzjonijiet kollha ta’ esportazzjoni li saru skont din l-iskema matul l-PIR.

(38)     Meta saru talbiet ġustifikati, id-drittijiet li neċessarjament riedu jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu mill-krediti hekk stabbiliti biex jinkisbu l-ammonti tas-sussidju bħala n-numeratur, skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku.

(39)     Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku dawn l-ammonti ta’ sussidju ġew allokati fuq il-fatturat kollu tal-esportazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(40)     Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-rata tas-sussidju stabbilita fir-rigward ta' din l-iskema għall-applikant matul il-PIR tammonta għal 6,7%.

3.3.        Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni ('UOE')/Żoni ta’ Proċessar tal-Esportazzjoni ('EPZ')/Żoni Ekonomiċi Speċjali ('SEZ')

(41)     Waqt l-investigazzjoni nstab li l-applikant ma kiseb ebda benefiċċju skont l-UOE/EPZ/SEZ matul il-PIR. Għalhekk ma kienx meħtieġ li dawn l-iskemi jiġu analizzati f’din l-investigazzjoni.

3.4.        Skema ta' Promozzjoni tal-Esportazzjoni tal-Beni Kapitali (“EPCGS”)

(a)     Bażi ġuridika

(42)     Id-deskrizzjoni dettaljata tal-EPCGS tinsab fil-Kapitolu 5 tal-FTP 04-09 u tal-FTP 09-14 kif ukoll fil-Kapitolu 5 tal-HOP I 04-09 u tal-HOP I 09-14.

(b)     L-eliġibbiltà

(43)     L-esportaturi manifatturi, l-esportaturi negozjanti “marbuta ma’ ” manifatturi ta’ appoġġ u fornituri tas-servizzi huma eliġibbli għal din l-iskema.

(c)     L-implimentazzjoni prattika

(44)     Skont il-kondizzjoni ta’ obbligu ta’ esportazzjoni, kumpanija hija awtorizzata li timporta beni kapitali (beni kapitali ġodda u dawk użati sa massimu ta’ 10 snin) b’rata mnaqqsa ta’ dazju doganali. Għal dan l-għan, il-GTI joħroġ liċenzja EPCGS fuq applikazzjoni u pagament ta’ ħlas. L-iskema tistipula rata ta' dazju tal-importazzjoni mnaqqsa ta’ 5% applikabbli għall-beni kapitali kollha importati skont l-iskema. Sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu tal-esportazzjoni, il-beni kapitali importati jridu jintużaw biex jipproduċu ċertu ammont ta’ prodotti għall-esportazzjoni matul ċertu perjodu. Skont il-FTP 09-14, il-beni kapitali jistgħu jiġu importati b’rata ta' dazju ta’ 0% skont l-EPCGS iżda f’każ bħal dan il-perjodu taż-żmien għas-sodisfazzjon tal-obbligu ta’ esportazzjoni huwa iqsar.

(45)     Id-detentur tal-liċenzja EPCGS jista' wkoll iġib il-beni kapitali minn sors indiġenu. F'dan il-każ, il-manifattur indiġenu ta’ beni kapitali jista' japprofitta mill-benefiċċju ta’ importazzjoni ħielsa mid-dazju ta’ komponenti meħtieġa għall-manifattura ta’ dawn il-beni kapitali. Alternattivament, il-manifattur indiġenu jista' jitlob il-benefiċċju ta’ esportazzjoni li jqis li jkun wettaq fir-rigward tal-provvista ta’ beni kapitali lid-detentur ta’ liċenzja EPCGS.

(46)     Instab li l-applikant uża din l-iskema matul il-PIR.

(d)     Konklużjoni dwar l-EPCGS

(47)     L-EPCGS jipprovdi s-sussidji fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. It-tnaqqis fid-dazju jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja mill-GTI, billi din il-konċessjoni tnaqqas id-dħul mid-dazju li kieku kien ikun dovut lilu. Barra minn hekk, it-tnaqqis tad-dazju jagħti benefiċċju lill-esportatur, billi d-dazji ffrankati mill-importazzjoni jtejbu l-likwidità tal-kumpanija.

(48)     Barra minn hekk, l-EPCGS hija subordinata fil-liġi għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni, billi dawn il-liċenzji ma jistgħux jinkisbu mingħajr impenn ta’ esportazzjoni. Għalhekk, hija meqjusa bħala speċifika u kumpensabbli skont l-ewwel sottoparagrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 4(4), tar-Regolament bażiku. Ġie ddikjarat mill-applikant li s-sussidji tal-EPCGS fir-rigward tax-xiri tal-beni kapitali fejn l-obbligu ta’ esportazzjoni kien diġà sodisfatt qabel il-PIR, ma għandhomx jibqgħu jiġu ttrattati bħala subordinati għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni. Għalhekk dawn ma għandhomx jiġu ttrattati bħala sussidji speċifiċi u ma għandhomx jiġu kkompensati. Madankollu, din id-dikjarazzjoni għandha tinċaħad. Għandu jiġi enfasizzat li s-sussidju fih innifsu huwa subordinat għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni, jiġifieri ma kienx jingħata kieku l-kumpanija ma aċċettatx ċertu obbligu ta’ esportazzjoni.

(49)     L-EPCGS ma tistax titqies bħala sistema ta’ rtirar ta’ dazju jew sistema ta’ rtirar sostituttiva fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Il-beni kapitali mhumiex koperti mill-ambitu ta’ dawn is-sistemi permissibbli, kif stabbilit fl-Anness I, partita (i), tar-Regolament bażiku, għaliex mhumiex ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(e)     Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(50)     L-ammont tas-sussidju ġie kkalkulat, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, abbażi tad-dazju doganali mhux imħallas fuq beni kapitali importati mifruxa fuq perjodu li jirrifletti l-perjodu ta' deprezzament normali ta' dawn il-beni kapitali fl-industrija kkonċernata, jiġifieri 18,93 snin. L-imgħaxijiet għandhom jiġu miżjuda ma’ dan l-ammont sabiex jirriflettu l-valur sħiħ tal-benefiċċju maż-żmien. Ir-rata ta’ imgħaxijiet kummerċjali għas-self fil-munita lokali matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni fl-Indja kienet meqjusa li hi xierqa għal dan l-iskop.

(51)     Skont l-Artikoli 7(2) u 7(3) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju ġie allokat fuq il-fatturat ta’ esportazzjoni matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju jiddependi mill-mod kif tkun marret l-esportazzjoni.

(52)     Ir-rata ta' sussidju stabbilita fir-rigward ta' din l-iskema għall-applikant matul il-PIR tammonta għal 0,6%.

3.5.        Skema ta' Fokus fuq is-Suq ("FMS")

(a)     Bażi ġuridika

(53)     Id-deskrizzjoni dettaljata tal-FMS tinsab fil-paragrafi 3.9.1 sa 3.9.2.2 tal-FTP 04-09 u l-paragrafi 3.14.1 sa 3.14.3 tal-FTP 09-14 u fil-paragrafi 3.20 sa 3.20.3 tal-HOP I 04-09 u l-paragrafi 3.8 sa 3.8.2 tal-HOP I 09-14.

(b)     L-eliġibbiltà

(54)     Kull manifattur esportatur jew negozjant esportatur huwa eliġibbli għal din l-iskema.

(c)     L-implimentazzjoni prattika

(55)     Skont din l-iskema l-esportazzjonijiet tal-prodotti kollha lejn il-pajjiżi notifikati skont l-Appendiċi 37(C) tal-HOP I 04-09 u l-HOP I 09-14 huma intitolati għal kreditu ta’ dazji ekwivalwenti għal 2,5% tal-valur FOB tal-prodotti esportati skont din l-iskema. Ċertu tip ta' attivitajiet ta' esportazzjoni huma esklużi mill-iskema, eż. esportazzjonijiet ta' prodotti importati jew prodotti ttrasbordati, prodotti meqjusa għall-esportazzjoni, esportazzjonijiet ta' servizzi u l-qligħ tal-esportazzjoni ta' unitajiet li joperaw skont żoni ekonomiċi speċjali/unitajiet li joperaw fl-esportazzjoni. Ċerti tipi ta' prodotti huma wkoll esklużi mill-iskema, eż. djamanti, metalli prezzjużi, minerali, ċereali, zokkor u prodotti taż-żejt.

(56)     Il-krediti tad-dazju skont l-FMS huma trasferibbli liberament u validi għal perjodu ta’ 24 xahar mid-data ta’ ħruġ taċ-ċertifikat ta’ intitolament tal-kreditu rilevanti. Dawn jistgħu jintużaw biex jitħallsu d-dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet sussegwenti ta’ kwalunkwe inputs jew prodotti, inklużi prodotti kapitali.

(57)     Iċ-ċertifikat ta' intitolament ta' kreditu jinħareġ mill-port minn fejn saru l-esportazzjonijiet u wara r-realizzazzjoni tal-esportazzjonijiet jew wara li jintbagħtu l-prodotti. Sakemm l-applikant jipprovdi l-kopji tad-dokumentazzjoni tal-esportazzjoni rilevanti kollha (pereżempju, ordni ta’ esportazzjoni, fatturi, poloz tat-tagħbija, ċertifikati ta’ realizzazzjoni mill-bank), lill-awtoritajiet, il-GTI ma għandu l-ebda diskrezzjoni fuq l-għoti tal-krediti tad-dazju.

(58)     Instab li l-applikant uża din l-iskema matul il-PIR.

(d)     Il-konklużjoni dwar l-FMS

(59)     L-FMS jipprovdi s-sussidji fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Kreditu ta’ dazju tal-FMS huwa kontribuzzjoni finanzjarja mill-GTI, billi l-kreditu eventwalment jintuża biex ibaxxi d-dazji ta’ importazzjoni, b’hekk jitnaqqas id-dħul mid-dazju tal-GTI li kieku kien ikun dovut. Barra minn hekk, il-kreditu tad-dazju tal-FMS jagħti benefiċċju lill-esportatur, għaliex itejjeb il-likwidità tiegħu.

(60)     Iktar minn hekk, l-FMS huwa subordinat fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk huwa meqjus bħala speċifiku u jista’ jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 4(4), il-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu, tar-Regolament bażiku.

(61)     Din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema ta’ rifużjoni ta’ dazju jew sistema li tissostitwixxi r-rifużjoni ta’ dazju permissibbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Hija mhix konformi mar-regoli stretti stipulati fil-punt (i) tal-Anness I fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-irtirar tad-dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għal sistemi ta' sostituzzjoni tal-irtirar tad-dazju) tar-Regolament bażiku. L-esportatur ma għandu ebda obbligu li effettivament jikkonsma l-prodotti importati bla dazju fil-proċess tal-produzzjoni u l-ammont tal-kreditu mhuwiex ikkalkulat b’konnessjoni mal-inputs li effettivament intużaw. Mhemm l-ebda sistema jew proċedura fis-seħħ li tikkonferma liema inputs jiġu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk sarx ħlas żejjed ta’ dazji ta’ importazzjoni fit-tifsira tal-punt (i) tal-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Esportatur ikun eliġibbli għall-benefiċċji tal-FMS mingħajr ma jingħata każ jekk jimportax oġġetti biex jidħlu fil-prodott jew le. Sabiex jinkiseb il-benefiċċju, huwa biżżejjed li esportatur sempliċiment jesporta l-prodotti mingħajr ma juri li kien importat xi materjal tal-input. B’hekk, anke esportaturi li jakkwistaw l-inputs tagħhom lokalment u ma jimportaw l-ebda prodotti li jistgħu jintużaw bħala input jibqgħu intitolati għall-benefiċċji mill-FMS. Barra minn hekk, esportatur jista' juża l-krediti tad-dazju FMS biex jimporta beni kapitali għalkemm il-beni kapitali mhumiex koperti fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dawn is-sistemi permissibbli tal-irtirar tad-dazju, kif stipulat fil-punt (i) tal-Anness I tar-Regolament bażiku, għaliex ma jiġux ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(e)     Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(62)     L-ammont ta’ sussidji li jistgħu jiġu kkumpensati ġie kkalkulat abbażi tal-benefiċċju li jinstab li jeżisti matul il-PIR li jingħata lir-riċevitur, kif prenotat mill-produttur esportatur li kkoopera b'sistema ta' akkumulazzjoni bħala dħul fl-istadju ta’ transazzjoni tal-esportazzjoni. Skont l-Artikoli 7(2) u 7(3) tar-Regolament bażiku dan l-ammont ta’ sussidju (nominatur) kien allokat fuq il-fatturat ta’ esportazzjoni matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa subordinat mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet immanifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(63)     Ir-rata ta' sussidju stabbilita fir-rigward ta' din l-iskema għall-applikant matul il-PIR tammonta għal inqas minn 0,1%.

3.6.        L-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni ('ECS')

(64)     Ġie stabbilit li l-applikant irċieva l-benefiċċju ta' rati ta' interessi preferenzjali għall-finanzjament tal-esportazzjonijiet tiegħu waqt il-PIR sat-30 ta' Ġunju 2011. Il-bażi legali għal din ir-rata ta' interessi preferenzjali hija stabbilita fil-Master Circular on Rupee/Foreign Currency Export Credit & Customer Services to Exporters DBOD No DIR.(Exp). BC 07/04.02.02/2009-10 tal-Bank ta’ Riżerva tal-Indja (RBI), li hija indirizzata lill-banek kummerċjali kollha fl-Indja.

(65)     Fl-1 ta' Lulju 2011, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ECS (Skema ta' Kreditu ta' Esportazzjoni) ġew riveduti mill-Master Circular on Rupee / Foreign Currency Export Credit & Customer Services to Exporters DBOD No.DIR. (Exp).BC.04/04.02.002/2011-12. Il-kundizzjonijiet riveduti ma taw ebda benefiċċju lill-applikant. Għalhekk, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, din l-iskema mhijiex se tkun ikkumpensata.

3.7.        L-Iskema ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul ("ITES")

(66)     Matul l-investigazzjoni nstab li l-applikant ma kiseb l-ebda benefiċċju mill-ITES waqt il-PIR. Għalhekk, ma kienx meħtieġ li din l-iskema tiġi analizzata aktar f’din l-investigazzjoni.

3.8.        L-Iskema ta' Inċentivi tak-Bengal tal-Punent 1999 ('WBIS 1999')

(67)     L-Istat tal-Bengal tal-Punent jagħti l-inċentivi lill-impriżi industrijali eliġibbli fis-sura ta' għadd ta' benefiċċji li jinkludu eżenzjoni tat-taxxa fuq il-bejgħ u tat-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali fuq il-bejgħ ta' oġġetti kompluti, biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp industrijali ta' żoni li huma inqas żviluppati ekonomikament f'dan l-Istat.

(a)     Bażi ġuridika

(68)     Id-deskrizzjoni ddettaljata ta' din l-iskema kif applikata mill-Gvern tal-Bengal tal-Punent hija stabbilita f'din in-Notifika Nru 580-CI/H tat-22 ta' Ġunju 1999 tad-Dipartiment tal-Kumnmerċ u l-Industrija tal-Gvern tal-Bengal tal-Punent.

(b)     L-eliġibbiltà

(69)     Il-kumpaniji li qed iwaqqfu stabbilimenti industrijali ġodda jew qed ikabbru fuq skala kbira, stabbilimenti industrijali eżistenti f'żoni li għadhom mhux żviluppati, huma eliġibbli li jgawdu mill-benefiċċji ta' din l-iskema. Madankollu, teżisti lista eżawrjenti ta' industriji li mhumiex eliġibbli (lista negattiva tal-industriji) li qed iżżomm il-kumpaniji f'ċerti oqsma ta’ operazzjonijiet milli jgawdu mill-inċentivi.

(c)     L-implimentazzjoni prattika

(70)     F'din l-iskema, il-kumpaniji jridu jinvestu f'żoni li għadhom mhux żviluppati. Dawn iż-żoni, li jirrappreżentaw ċerti unitajiet territorjali fil-Bengal tal-Punent huma klassifikati f'kategoriji differenti skont l-iżvilupp ekonomiku tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin hemm żoni żviluppati esklużi mill-applikazzjoni tal-iskemi ta' inċentiva. Il-kriterju ewlieni biex jiġi stabbilit l-ammont ta’ inċentivi huwa d-daqs tal-investiment u ż-żona fejn tinsab l-intrapriża jew se tkun tinsab.

(d)     Konklużjoni

(71)     Din l-iskema tipprovdi s-sussidji fit-tifsira tal-Artikoli 3(1)(a)(ii) u 3(2) tar-Regolament bażiku. Hija tikkostitwixxi kontribut finanzjarju mill-Gvern tal-Bengal tal-Punent, peress li l-inċentivi mogħtija, fil-każ attwali eżenzjonijiet tat-taxxa fuq il-bejgħ u tat-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali, inaqqsu d-dħul mit-taxxa li kienet tkun dovuta Barra dan, dawn l-inċentivi jagħtu benefiċċju lill-kumpaniji, għaliex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom peress li ma jitħallsux taxxi li kienu jkunu dovuti.

(72)     Barra minn hekk, l-iskema hija speċifika għar-reġjun fit-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(3) tar-Regolament bażiku billi hija disponibbli biss għal ċerti kumpaniji li nvestew f'ċerti żoni geografiċi nominati fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-Istat ikkonċernat. Mhijiex disponibbli għal kumpaniji li mhumiex f’dawn iż-żoni u, apparti hekk, il-livell tal-benefiċċju huwa differenzjat skont iż-żona kkonċernata.

(73)     Għalhekk id-WBIS 1999 hija kumpensabbli.

(e)     Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(74)     L-ammont ta’ sussidju ġie ikkalkulat fuq il-bażi tal-ammont ta’ taxxa fuq il-bejgħ u t-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali normalment dovut matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni imma li b'din l-iskema baqa' ma tħallasx. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju (numeratur) imbagħad ġie allokat fuq il-bejgħ kollu matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni bħala denominatur xieraq, għaliex is-sussidju mhuwiex subordinat għall-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati. Ir-rata ta’ sussidju miksub kien jammonta għal 1,4%.

3.9.        L-ammont ta’ sussidji kumpensabbli

(75)     L-ammont ta’ sussidji kumpensabbli ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espress ad valorem, għall-applikant huwa ta’ 8,7%. Dawn l-ammonti ta’ sussidjar jaqbżu l-limitu de minimis imsemmi skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(76)     Il-livelli tas-sussidjar għall-applikant stabbiliti fil-proċedura attwali jidhru hawn taħt:

SKEMI || DEPBS || EPCGS || FMS || WBIS || Total

Dhunseri Tea & Petrochem || 6,7% || 0,6% || < 0,1% || 1,4% || 8,7%

(77)     Għalhekk huwa meqjus li, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, is-sussidju baqa' għaddej matul il-PIR.

3.10.      In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula fir-rigward tas-sussidju

(78)     Skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li jitqies li ċ-ċirkustanzi mibdula huma ta’ natura dejjiema.

(79)     Ġie stabbilit li, matul il-PIR, l-applikant kompla jibbenefika mill-għoti ta’ sussidji kumpensabbli mill-GTI. Barra minn hekk, ir-rata tas-sussidju li nstabet matul din ir-reviżjoni hija inqas minn dik stabbilita matul l-aħħar investigazzjoni ta’ reviżjoni. Ġie stabbilit ukoll li l-bidliet li qal li saru l-applikant fil-premessa (7) kienu tabilħaqq saru fir-realtà. Fil-fatt, l-applikant ma baqax jibbenefika mill-iskema UOE matul il-PIR, kif inhu indikat fil-premessa (41) ta' hawn fuq.

(80)     Iżda ġie stabbilit ukoll li l-iżjed skema importanti użata mill-applikant matul il-PIR (jiġifieri d-DEBPS ma baqgħetx tintuża fit-30 ta' Settembru 2011, u bħalissa qed tintuża skema oħra mill-applikant (jiġifieri rtirar tad-dazju) li ma ntużatx waqt il-PIR. Għalhekk jidher ċar li s-sitwazzjoni li kienet teżisti waqt il-PIR mhijiex ta' natura dejjiema, billi din diġà nbidlet b'mod sinifikanti minn dak iż-żmien 'l hawn.

(81)     Għalhekk ġie konkluż li l-investigazzjoni ta' reviżjoni interim parzjali għandha tintemm mingħajr ma jinbidlu l-miżuri kompensatorji li hemm fis-seħħ. L-applikant kif ukoll il-partijiet ikkonċernati l-oħra ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi propost l-għeluq tal-investigazzjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta' tereftalat tal-poljetilene li attwalment huma kklassifikati bil-kodiċi NM 3907 60 20, u li joriġinaw, inter alia, mill-Indja, hija b'dan mitmuma mingħajr emendi għall-miżuri fis-seħħ.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

[2]               ĠU L 301, 30.11.2000, p. 1.

[3]               ĠU L 266, 11.10.2005, p. 1.

[4]               ĠU L 59, 27.2.2007, p. 34.

[5]               ĠU L 340, 19.12.2008, p. 1.

[6]               ĠU C 335, 11.12.2010, p. 7.

[7]               ĠU L 301, 30.11.2000, p. 21.

[8]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[9]               ĠU L 266, 11.10.2005, p. 10.

[10]             ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1.

[11]             ĠU C 335, 11.12.2010, p. 6.

[12]             ĠU L 266, 11.10.2005, p. 62.

[13]             ĠU C 102, 2.4.2011, p. 15.

[14]             ĠU C 102, 2.4.2011, p.18.